22011A0514(04)

Protokoll dwar il-kooperazzjoni kulturali

Official Journal L 127 , 14/05/2011 P. 1418 - 1426


Protokoll

dwar il-kooperazzjoni kulturali

Il-Partijiet,

Wara li rratifikaw il-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali adottata f’Pariġi fl- 20 ta’ Ottubru 2005 (il-"Konvenzjoni tal-Unesco"), li daħlet fis-seħħ fit- 18 ta’ Marzu 2007, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 15.10.3 (Dħul fis-Seħħ), bl-intenzjoni li jimplimentaw effettivament il-Konvenzjoni tal-Unesco u jikkooperaw fil-qafas tal-implimentazzjoni tagħha, filwaqt li jibnu fuq il-prinċipji tal-Konvenzjoni u jiżviluppaw azzjonijiet skont id-dispożizzjonijiet tagħha;

Billi jagħrfu l-importanza tal-industriji kulturali u n-natura kumplessa tal-oġġetti u s-servizzi kulturali bħala attivitajiet ta’ valur kulturali, ekonomiku u soċjali;

Billi jagħrfu li l-proċess appoġġjat minn dan il-Ftehim jagħmel parti minn strateġija globali mmirata lejn il-promozzjoni tat-tkabbir ekwu u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ekonomika, kummerċjali u kulturali bejn il-Partijiet;

Billi jiftakru li l-għanijiet ta’ dan il-Protokoll huma kkumplimentati u appoġġjati minn strumenti eżistenti u futuri ta’ politika amministrati f’oqfsa oħra, bil-ħsieb li:

(a) isaħħu l-kapaċitajiet u l-indipendenza tal-industriji kulturali tal-Partijiet;

(b) jippromwovu l-kontenut kulturali lokali/reġjonali;

(c) jagħrfu, iħarsu u jippromwovu d-diversità kulturali bħala kundizzjoni għal djalogu bejn il-kulturi li jirnexxi; u

(d) jagħrfu, iħarsu u jippromwovu l-wirt kulturali, kif ukoll jippromwovu l-għarfien tiegħu mill-popolazzjonijiet lokali u jagħrfu s-siwi tiegħu bħala mezz għall-espressjoni tal-identitajiet kulturali;

Billi jenfasizzaw l-importanza tal-iffaċilitar tal-kooperazzjoni kulturali bejn il-Partijiet, u għal dak il-għan iqisu, fuq bażi ta’ każ b’każ, inter alia, il-livell ta’ żvilupp tal-industriji kulturali tagħhom, il-livell u l-iżbilanċi strutturali tal-iskambji kulturali u l-eżistenza ta’ skemi għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali lokali/reġjonali,

jaqblu kif ġej:

Artikolu 1

Ambitu, Għanijiet u Definizzjonijiet

1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan il-Ftehim, dan il-Protokoll jistabbilixxi l-qafas li fi ħdanu l-Partijiet għandhom jikkooperaw għall-iffaċilitar ta’ skambji li jirrigwardaw attivitajiet, oġġetti u servizzi kulturali, inkluż inter alia, fis-settur awdjoviżiv.

2. L-esklużjoni tas-servizzi awdjoviżivi mill-ambitu tal-Kapitolu Sebgħa (Kummerċ fis-Servizzi, l-Istabbiliment u l-Kummerċ Elettroniku) hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi derivati minn dan il-Protokoll. Għal kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Partijiet għandhom jirrikorru għall-proċeduri pprovduti taħt l-Artikoli 3 u 3bis.

3. Filwaqt li jippreżervaw u jiżviluppaw aktar il-kapaċità tagħhom li jelaboraw u jimplimentaw il-linji politiċi kulturali tagħhom, bil-ħsieb li jipproteġu u jippromwovu d-diversità kulturali, il-Partijiet għandhom jikkollaboraw bl-iskop li jtejbu l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-iskambji tagħhom ta’ attivitajiet, oġġetti u servizzi kulturali u jirrimedjaw l-iżbilanċi strutturali u x-xejriet irregolari li jistgħu jeżistu fl-iskambji.

4. Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll:

diversità kulturali, kontenut kulturali, espressjonijiet kulturali, attivitajiet, prodotti u servizzi kulturali, u industriji kulturali għandhom l-istess tifsira kif definita u użata fil-Konvenzjoni tal-Unesco; u

artisti u professjonisti u prattikanti kulturali oħra tfisser persuni fiżiċi li jwettqu attivitajiet kulturali, jipproduċu prodotti kulturali jew jipparteċipaw fil-forniment dirett ta’ servizzi kulturali.

TAQSIMA A

DISPOŻIZZJONIJIET ORIZZONTALI

Artikolu 2

Skambji kulturali u djalogu

1. Il-Partijiet għandhom ifittxu li jrawmu l-kapaċitajiet tagħhom sabiex jiddeterminaw u jiżviluppaw il-politiki kulturali tagħhom, jiżviluppaw l-industriji kulturali tagħhom u jsaħħu l-opportunitajiet ta’ skambju għall-oġġetti u s-servizzi kulturali tal-Partijiet, fosthom permezz tad-dritt li jibbenefikaw minn skemi għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali lokali/reġjonali.

2. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex irawmu l-iżvilupp ta’ fehim komuni u skambju msaħħaħ ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet kulturali u awdjoviżivi permezz ta’ djalogu, kif ukoll dwar prattiċi tajba fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Dan id-djalogu għandu jseħħ fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali kif ukoll ġewwa fora oħra relevanti kif u meta jkun xieraq.

Artikolu 3

Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali

1. Mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jiġi applikat dan il-Protokoll, għandu jiġi stabbilit Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali. Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għandu jinkludi uffiċjali anzjani mill-amministrazzjoni ta’ kull Parti li jkollhom għarfien espert u esperjenza fi kwistjonijiet u prattiċi kulturali.

2. Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għandu jiltaqa’ fi żmien l-ewwel sena wara li jiġi applikat dan il-Protokoll, u suċċessivament skont il-ħtieġa u tal-anqas darba fis-sena, biex jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

3. B’deroga mid-dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-Kapitolu Ħmistax (Dispożizzjonijiet Istituzzjonali, Ġenerali u Finali), il-Kumitat għall-Kummerċ ma għandu jkollu l-ebda ġuriżdizzjoni fuq dan il-Protokoll u l-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għandu jwettaq il-funzjonijiet kollha tal-Kumitat għall-Kummerċ fir-rigward ta’ dan il-Protokoll, fejn tali funzjonijiet ikunu relevanti għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

4. Kull Parti għandha taħtar uffiċċju fi ħdan l-amministrazzjoni tagħha li għandu jservi bħala Punt ta’ Kuntatt Domestiku mal-Parti l-oħra għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

5. Kull Parti għandha tistabbilixxi Grupp(i) Konsultattiv(i) Domestiku/Domestiċi dwar il-kooperazzjoni kulturali, magħmula minn rappreżentanti kulturali u awdjoviżivi attivi fl-oqsma koperti minn dan il-Protokoll, li għandhom jiġu kkonsultati dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

6. Parti tista’ titlob konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali rigward kwalunkwe kwistjoni ta’ interess reċiproku li tinqala’ taħt dan il-Protokoll. Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għandu suċċessivament jiltaqa’ malajr u jagħmel kull sforz sabiex jasal għal soluzzjoni tal-kwistjoni li tissodisfa liż-żewġ naħat. Biex jagħmel dan, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali jista’ jitlob il-parir tal-Grupp(i) Konsultattiv(i) Domestiku/Domestiċi ta’ xi waħda mill-Partijiet jew tat-tnejn u kull Parti tista’ titlob il-parir tal-Grupp(i) Konsultattiv(i) Domestiku/Domestiċi.

Artikolu 3bis:

Soluzzjoni tat-Tilwim

Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor, u fil-każ biss li l-kwistjoni msemmija fl-Artikolu 3.6 ta’ dan il-Protokoll ma tkunx ġiet indirizzata b’mod sodisfaċenti permezz tal-proċess ta’ konsultazzjoni stipulat fih, il-Kapitolu Erbatax (Soluzzjoni tat-Tilwim) għandu japplika għal dan il-Protokoll suġġett għall-modifiki li ġejjin:

(a) Kull referenza fil-Kapitolu Erbatax (Soluzzjoni tat-Tilwim) għall-Kumitat għall-Kummerċ għandha tinftiehem li tirreferi għall-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali;

(b) Għall-finijiet tal-Artikolu 14.5 (Stabbiliment tal-Bord tal-Arbitraġġ), il-Partijiet għandhom ifittxu li jaqblu fuq arbitri li jkollhom l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa dwar il-materji ta’ dan il-Protokoll. Jekk il-Partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu fuq il-kompożizzjoni tal-bord tal-arbitraġġ, l-għażla bix-xorti, kif stipulat fl-Artikolu 14.5.3, għandha ssir mil-lista stabbilita skont is-subparagrafu (c) u mhux mil-lista stabbilita skont l-Artikolu 14.18 (Lista tal-Arbitri);

(c) Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għandu, mingħajr dewmien wara l-istabbiliment tiegħu, jistabbilixxi lista ta’ 15-il individwu li jkunu lesti u kapaċi jservu bħala arbitri. Kull Parti għandha tipproponi ħames individwi sabiex iservu bħala arbitri. Il-Partijiet għandhom jagħżlu wkoll ħames individwi li ma jkunux ċittadini ta’ xi Parti u li għandhom iservu bħala president tal-bord tal-arbitraġġ. Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għandu jassigura li l-lista tinżamm dejjem f’dan il-livell. L-arbitri għandhom ikollhom għarfien u esperjenza dwar is-suġġett ta’ dan il-Protokoll. Fil-qadi ta’ dmirijiethom bħala arbitri, huma għandhom ikunu indipendenti, iservu fil-kapaċità individwali tagħhom u ma jieħdu struzzjonijiet mingħand l-ebda organizzazzjoni jew gvern dwar kwistjonijiet relatati mat-tilwima, u għandhom jikkonformaw mal-Anness 14-C (Kodiċi ta’ Mġiba għall-Membri tal-Bordijiet tal-Arbitraġġ u l-Medjaturi);

(d) Fl-għażla tal-obbligi li għandhom jiġu sospiżi skont l-Artikolu 14.11.2 (Rimedji Temporanji f’każ ta’ Nuqqas ta’ konformità) f’tilwima li tinqala’ taħt dan il-Protokoll, il-Parti li tilmenta tista’ tissospendi biss obbligi li joħorġu minn dan il-Protokoll; u

(e) Minkejja l-Artikolu 14.11.2, fl-għażla tal-obbligi li għandhom jiġu sospiżi f’tilwimiet differenti minn dawk li jinqalgħu taħt dan il-Protokoll, il-Parti li tilmenta ma tistax tissospendi obbligi li joħorġu minn dan il-Protokoll.

Artikolu 4

Artisti u Professjonisti u Prattikanti Kulturali Oħra

1. Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex jiffaċilitaw, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom, id-dħul u l-waqfa temporanja fit-territorju tagħhom ta’ artisti u ta’ professjonisti u prattikanti kulturali oħra mill-Parti l-oħra, li ma jistgħux igawdu mill-impenji meħuda fuq il-bażi tal-Kapitolu Sebgħa (Kummerċ fis-Servizzi, l-Istabbiliment u l-Kummerċ Elettroniku) u li jkunu jew:

(a) artisti, atturi, persuni tekniċi u professjonisti u prattikanti kulturali oħra mill-Parti l-oħra involuti fil-ġbid ta’ films ċinematografiċi jew ta’ programmi televiżivi; jew

(b) artisti u professjonisti u prattikanti kulturali oħra bħalma huma artisti u għalliema viżwali, tal-plastika u performattivi, kompożituri, awturi, fornituri ta’ servizzi ta’ divertiment u professjonisti u prattikanti simili oħra mill-Parti l-oħra involuti f’attivitajiet kulturali bħalma huma, pereżempju, ir-reġistrazzjoni ta’ mużika jew li jikkontribwixxu sehem attiv f’avvenimenti kulturali bħal fieri u festivals letterarji, fost attivitajiet oħra,

bil-kundizzjoni li ma jkunux involuti fil-bejgħ tas-servizzi tagħhom lill-pubbliku ġenerali jew fil-forniment tas-servizzi tagħhom huma stess, ma jirċievu f’isimhom l-ebda remunerazzjoni minn sors li jinsab fi ħdan il-Parti fejn ikunu qegħdin joqogħdu b’mod temporanju, u ma jkunux involuti fil-forniment ta’ servizz fil-qafas ta’ kuntratt konkluż bejn persuna legali li ma jkollha l-ebda preżenza kummerċjali fil-Parti fejn l-artist jew il-professjonist jew il-prattikant kulturali jkun qed joqgħod temporanjament u konsumatur f’dik il-Parti.

2. Id-dħul, u s-soġġorn temporanju fit-territorji tal-Partijiet skont il-paragrafu 1, meta permessi, għandhom ikunu għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 12-il xahar.

3. Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex jiffaċilitaw, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom, it-taħriġ ta’, u l-kuntatti miżjuda bejn artisti u professjonisti u prattikanti kulturali oħra bħal:

(a) produtturi teatrali, gruppi ta’ kantanti, membri ta’ baned u ta’ orkestri;

(b) awturi, kompożituri, skulturi, artisti tal-ispettaklu u artisti individwali oħra;

(c) artisti u professjonisti u prattikanti kulturali oħra li jipparteċipaw fil-forniment dirett ta’ ċirklu, park tad-divertiment u servizzi simili ta’ attrazzjoni; u

(d) artisti u professjonisti u prattikanti kulturali oħra li jipparteċipaw fil-forniment diret ta’ servizzi ta’ żfin ballroom jew tad-diskoteki u għalliema taż-żfin.

TAQSIMA B

DISPOŻIZZJONIJIET SETTORJALI

SUBTAQSIMA A

Dispożizzjonijiet relatati ma’ xogħlijiet awdjoviżivi

Artikolu 5

Produzzjonijiet Awdjoviżivi Konġunti

1. Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll, produzzjoni konġunta tfisser xogħol awdjoviżiv magħmul minn produtturi kemm tal-Korea kif ukoll tal-Parti tal-UE li dawk il-produtturi jkunu investew fih skont it-termini ta’ dan il-Protokoll [1].

2. Il-Partijiet għandhom iħeġġu n-negozjar ta’ ftehimiet ġodda u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet eżistenti dwar produzzjonijiet konġunti bejn Stat Membru wieħed jew diversi tal-Unjoni Ewropea u l-Korea. Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Korea jistgħu jagħtu benefiċċji finanzjarji lil xogħlijiet awdjoviżivi prodotti b’mod konġunt kif definit fi ftehimiet bilaterali relevanti eżistenti jew futuri jew produzzjonijiet konġunti li għalihom wieħed jew diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Korea jkunu partijiet.

3. Il-Partijiet, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom, għandhom jiffaċilitaw il-produzzjonijiet konġunti bejn produtturi mill-Parti tal-UE u l-Korea, fosthom permezz tad-dritt li l-produzzjonijiet konġunti jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi għall-promozzjoni ta’ kontenut kulturali lokali/reġjonali.

4. Xogħlijiet awdjoviżivi bi produzzjoni konġunta għandhom igawdu mill-iskema tal-Parti tal-UE għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali lokali/reġjonali msemmi fil-paragrafu 3 fil-forma ta’ kwalifika bħala xogħlijiet Ewropej skont l-Artikolu 1(n)(i) tad-Direttiva 89/552/KEE kif emendata permezz tad-Direttiva 2007/65/KE, jew permezz tal-emendi suċċessivi tagħha għall-iskopijiet tar-rekwiżiti għall-promozzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi kif previsti mill-Artikoli 4.1 u 3i.1 tad-Direttiva 89/552/KEE kif emendata permezz tad-Direttiva 2007/65/KE, jew permezz tal-emendi suċċessivi tagħha. [2]

5. Ix-xogħlijiet awdjoviżivi bi produzzjoni konġunta għandhom igawdu mill-iskemi Koreani għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali lokali/reġjonali msemmi fil-paragrafu 3 fil-forma ta’ kwalifika bħala xogħlijiet Koreani għall-finijiet tal-Artikolu 40 tal-Att dwar il-Promozzjoni tal-Films u Prodotti tal-Vidjo (Att Nru. 9676, Mejju 21, 2009), jew l-emendi suċċessivi tiegħu u tal-Artikolu 71 tal-Att dwar ix-Xandir (Att Nru. 9280, Diċ. 31, 2008), jew l-emendi suċċessivi tiegħu u l-Avviż dwar il-Proporzjon tal-Ipprogrammar (Avviż Nru. 2008-135, Diċ. 31, 2008 tal-Kummissjoni Koreana dwar il-Komunikazzjonijiet), jew l-emendi suċċessivi tiegħu.. [3]

6. Id-dritt li l-produzzjonijiet konġunti jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali lokali/reġjonali msemmi fil-paragrafi 4 u 5 għandu jingħata bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) Ix-xogħlijiet awdjoviżivi prodotti b’mod konġunt jitwettqu bejn impriżi li jkunu proprjetà jew li jibqgħu proprjetà, kemm jekk direttament kif ukoll jekk permezz ta’ parteċipazzjoni maġġoritarja, ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew tal-Korea rispettivament u/jew ta’ ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ ċittadini tal-Korea rispettivament;

(b) Id-direttur(i) jew l-amministratur(i) rappreżentattiv(i) tal-impriżi li jipproduċu b’mod konġunt ikollu/ikollhom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-Korea rispettivament u jkun(u) jistgħu juru d-domiċilju tagħhom hemm;

(c) Il-parteċipazzjoni ta’ produtturi minn żewġ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea għandha tkun meħtieġa għal kull xogħol awdjoviżiv bi produzzjoni konġunta, ħlief ix-xogħlijiet ta’ animazzjoni. Fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ animazzjoni se tkun meħtieġa l-parteċipazzjoni ta’ produtturi minn tliet Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. Il-proporzjon tal-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ produttur jew produtturi ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea m’għandhiex tkun inqas minn 10 fil-mija;

(d) Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji minimi rispettivi għal xogħol awdjoviżiv bi produzzjoni konġunta ħlief ix-xogħlijiet ta’ animazzjoni, tal-produtturi tal-Parti tal-UE (meħuda flimkien) ma jistgħux ikunu inqas minn 30 fil-mija tal-prezz totali tal-produzzjoni tax-xogħol awdjoviżiv. Fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ animazzjoni, din il-kontribuzzjoni ma tistax tkun inqas minn 35 fil-mija tal-prezz totali tal-produzzjoni;

(e) Il-kontribuzzjoni tal-produtturi ta’ kull Parti (meħudin flimkien) tinkludi parteċipazzjoni teknika u artistika effettiva u huwa assigurat bilanċ bejn il-kontribuzzjonijiet taż-żewġ Partijiet. B’mod partikolari, f’xogħlijiet awdjoviżivi bi produzzjoni konġunta ħlief ix-xogħlijiet ta’ animazzjoni, il-kontribuzzjoni teknika u artistika tal-produtturi ta’ kull Parti (meħudin flimkien) m’għandhomx ivarjaw b’aktar minn 20 punt perċentwali meta mqabbel mal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom u fl-ebda każ ma jistgħu jirrappreżentaw iżjed minn 70 fil-mija tal-kontribuzzjoni globali. Fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ animazzjoni, il-kontribuzzjoni teknika u artistika tal-produtturi ta’ kull Parti (meħudin flimkien) m’għandhiex tvarja b’iżjed minn 10 punti perċentwali meta mqabbla mal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom u fl-ebda każ ma tista’ tirrappreżenta aktar minn 65 fil-mija tal-kontribuzzjoni globali;

(f) Il-parteċipazzjoni ta’ produtturi minn pajjiżi terzi li jkunu rratifikaw il-Konvenzjoni tal-Unesco f’xogħol awdjoviżiv prodott b’mod konġunt hija aċċettata sa massimu ta’ 20 fil-mija, fejn possibbli, tal-ispejjeż totali tal-produzzjoni u/jew il-kontribuzzjoni teknika u artistika għax-xogħol awdjoviżiv.

7. Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li d-dritt għall-produzzjonijiet konġunti li jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi tagħhom għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali lokali/reġjonali msemmi fil-paragrafi 4 u 5 jassigura benefiċċji reċiproċi, u li l-produzzjonijiet konġunti li jissodisfaw il-kriterji tal-paragrafu 6 jingħataw l-istatus ta’ xogħlijiet Ewropej/Koreani msemmija fil-paragrafi 4 u 5 rispettivament mingħajr l-ebda kundizzjoni addizzjonali ma’ dawk tal-paragrafu 6.

8. (a) Id-dritt għall-produzzjonijiet konġunti li jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali lokali/reġjonali msemmi fil-paragrafi 4 u 5 huwa stabbilit għal perjodu ta’ tliet snin wara l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Fuq parir mill-Gruppi Konsultattivi Domestiċi, sitt xhur qabel l-iskadenza, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għandu jikkoordina sabiex jevalwa r-riżultati tal-implimentazzjoni tad-dritt f’termini tat-tkabbir tad-diversità kulturali u l-kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku fuq xogħlijiet bi produzzjoni konġunta.

(b) Id-dritt għandu jiġġedded għal perjodu ta’ tliet snin u wara jiġġedded awtomatikament għal perjodi oħra suċċessivi tal-istess tul, sakemm Parti ma ttemmx id-dritt billi tagħti avviż bil-miktub mill-anqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali jew ta’ kwalunkwe perjodu suċċessiv. Sitt xhur qabel l-iskadenza ta’ kull perjodu mġedded, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għandu jwettaq evalwazzjoni fuq termini simili kif deskritt fis-subparagrafu (a).

(c) Sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, it-tmiem ta’ tali dritt m’għandux jimpedixxi lill-produzzjoni konġunti milli jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali lokali/reġjonali msemmi fil-paragrafi 4 u 5 bil-kundizzjonijiet tal-paragrafu 6, jekk id-data tal-ewwel xandira jew projezzjoni ta’ dawn il-produzzjonijiet konġunti fit-territorji rispettivi tkun qabel l-iskadenza ta’ kwalunkwe perjodu relevanti.

9. Matul il-perjodu tad-dritt li l-produzzjonijiet konġunti jibbenefikaw mill-iskemi għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali lokali/reġjonali msemmi fil-paragrafi 4 u 5, il-Partijiet, b’mod partikolari permezz tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-paragrafu 6 u jirrappurtaw kwalunkwe problemi li tista’ tinqala’ f’dan ir-rigward lill-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali. Fuq talba ta’ xi Parti, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali jista’ jeżamina d-dritt ta’ produzzjonijiet konġunti li jibbenefikaw mill-iskemi għall-promozzjoni tal-kontenut lokali/reġjonali msemmi fil-paragrafi 4 u 5 u/jew il-kriterji msemmija fil-paragrafu 6.

10. B’avviż bil-quddiem ta’ xahrejn, Parti tista’ tissospendi d-dritt ta’ benefiċċju mill-iskema(i) tagħha għall-promozzjoni tal-kontenut kulturali lokali/reġjonali msemmi fil-paragrafi 4 jew 5, jekk id-drittijiet riżervati għal xogħlijiet bi produzzjoni konġunta skont dawn il-paragrafi jiġu affettwati ħażin b’riżultat tal-modifika tal-Parti l-oħra fil-leġiżlazzjoni relevanti msemmija f’dawn il-paragrafi. Qabel ma tipproċedi għal tali sospensjoni, il-Parti li tinnotifika għandha tiddiskuti u teżamina mal-Parti l-oħra fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali n-natura u l-impatt tal-bidliet leġiżlattivi.

Artikolu 6

Kooperazzjoni Awdjoviżiva Oħra

1. Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex jippromwovu x-xogħlijiet awdjoviżivi tal-Parti l-oħra permezz tal-organizzazzjoni ta’ festivals, seminars u inizjattivi simili.

2. Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw, minbarra d-djalogu msemmi fl-Artikolu 2.2 ta’ dan il-Protokoll, il-kooperazzjoni fil-qasam tax-xandir bil-għan li jippromwovu skambju kulturali permezz ta’ attivitajiet bħal:

(a) promozzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u opinjonijiet dwar il-politika tax-xandir u qafas regolatorju bejn l-awtoritajiet kompetenti;

(b) inkoraġġiment tal-kooperazzjoni u skambju bejn l-industriji tax-xandir;

(c) inkoraġġiment tal-iskambju ta’ xogħlijiet awdjoviżivi; u

(d) inkoraġġiment ta’ żjarat u parteċipazzjoni f’avvenimenti internazzjonali tax-xandir li jsiru fit-territorju tal-Parti l-oħra.

3. Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex jiffaċilitaw l-użu ta’ standards internazzjonali u reġjonali sabiex jassiguraw l-kompatibilità u l-interoperabilità tat-teknoloġiji awdjoviżivi, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-iskambji kulturali. Huma għandhom jikkooperaw lejn dan il-għan.

4. Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex jiffaċilitaw il-kiri u l-kiri fit-tul tal-materjal u t-tagħmir tekniku, bħalma huwa t-tagħmir tar-radju u t-televiżjoni, l-istrumenti mużikali u t-tagħmir għar-reġistrazzjoni fl-istudjos, li jkunu meħtieġa sabiex jinħolqu u jiġu rreġistrati xogħlijiet awdjoviżivi.

5. Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex jiffaċilitaw id-diġitalizzazzjoni tal-arkivji awdjoviżivi.

Artikolu 7

Importazzjoni Temporanja ta’ Materjal u Tagħmir għall-Iskop li Jinġibdu Xogħlijiet Awdjoviżivi

1. Kull Parti għandha tħeġġeġ kif jixraq il-promozzjoni tat-territorju tagħha bħala lokalità għall-iskop ta’ ġbid ta’ films ċinematografiċi u programmi televiżivi.

2. Minkejja d-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ fi prodotti f’dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom, iqisu u jippermettu l-importazzjoni temporanja tal-materjal u t-tagħmir tekniku meħtieġ sabiex jitwettaq il-ġbid ta’ films ċinematografiċi u programmi televiżivi minn professjonisti u prattikanti kulturali mit-territorju ta’ Parti fit-territorju tal-Parti l-oħra.

SUBTAQSIMA B

Promozzjoni ta’ setturi kulturali li mhumiex l-awdjoviżiv

Artikolu 8

Arti Performattivi

1. Il-Partijiet, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom, għandhom jiffaċilitaw permezz ta’ programmi xierqa, kuntatti akbar bejn dawk li jipprattikaw l-arti performattivi f’oqsma bħalma huma skambji u taħriġ professjonali, inkluż, inter alia, il-parteċipazzjoni fi provi, l-iżvilupp ta’ netwerks u l-promozzjoni tan-netwerking.

2. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu produzzjonijiet konġunti fl-oqsma tal-arti performattivi bejn produtturi ta’ Stat Membri wieħed jew diversi tal-Unjoni Ewropea u l-Korea.

3. Il-Partijiet għandhom iħeġġu l-iżvilupp ta’ standards internazzjonali tat-teknoloġija teatrali u l-użu ta’ sinjali tal-palk teatrali, fosthom permezz ta’ korpi xierqa tal-istandardizzazzjoni. Huma għandhom jiffaċilitaw il-kooperazzjoni lejn dan il-għan.

Artikolu 9

Pubblikazzjonijiet

Il-Partijiet, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom, għandhom jiffaċilitaw l-iskambju u t-tixrid ta’ pubblikazzjonijiet tal-Parti l-oħra permezz ta’ programmi xierqa f’oqsma bħalma huma:

(a) l-organizzazzjoni ta’ fieri, seminars, avvenimenti letterarji u avvenimenti oħra simili relatati mal-pubblikazzjonijiet, fosthom strutturi mobbli għall-qari pubbliku;

(b) l-iffaċilitar tal-kopubblikazzjonijiet u t-traduzzjonijiet; u

(c) l-iffaċilitar ta’ skambji u taħriġ professjonali għal-librara, il-kittieba, it-tradutturi, il-bejjiegħa tal-kotba u l-pubblikaturi.

Artikolu 10

Protezzjoni ta’ Siti ta’ Wirt Kulturali u ta’ Monumenti Storiċi

Il-Partijiet, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom u mingħajr preġudizzju għar-riżervi inklużi fl-impenji tagħhom fid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan il-Ftehim, għandhom jinkoraġġixxu, fil-qafas ta’ programmi xierqa, l-iskambji ta’ għarfien espert u l-aħjar prattiċi fir-rigward tal-protezzjoni tas-siti ta’ wirt kulturali u l-monumenti storiċi billi jikkunsidraw il-missjoni tal-Unesco dwar il-wirt dinji, fosthom billi jiffaċilitaw l-iskambju ta’ esperti, kollaborazzjoni fuq taħriġ professjonali, għarfien tal-pubbliku lokali u għoti ta’ pariri dwar il-ħarsien tal-monumenti storiċi u l-ispazji protetti u dwar il-leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri relatati mal-wirt, b’mod partikolari l-integrazzjoni tiegħu fil-ħajja lokali.

[1] Fil-każ tal-Korea, hemm proċedura ta’ għarfien għal produzzjonijiet konġunti, immexxija mill-Kummissjoni Koreana tal-Komunikazzjonijiet għall-programmi tax-xandir, u l-Kunsill Korean tal-Films. Din il-proċedura ta’ għarfien hija limitata għal kontroll tekniku mmirat sabiex jassigura li l-produzzjoni konġunta tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 6. Jingħata għarfien lil kwalunkwe produzzjoni konġunta li tissodisfa dawn il-kriterji.

[2] L-emendi fil-leġiżlazzjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-paragrafu 10.

[3] Ibidem.

--------------------------------------------------

FEHIM DWAR IL-FORNIMENT TRANSKONFINALI TA’ SERVIZZI TAL-ASSIGURAZZJONI KIF KOMMESS FIL-LISTI TA’ IMPENJI FL-ANNESS 7-A (LISTA TA’ IMPENJI)

Fir-rigward tal-forniment transkonfinali ta’ servizzi tal-assigurazzjoni kif kommess fil-listi ta’ impenji fl-Anness 7-A (Listi ta’ Impenji), jiġifieri l-assigurazzjoni ta’ riskji relatati ma’:

(a) traffiku marittimu u avjazzjoni kummerċjali, tlugħ fl-ispazju u trasport ta’ merkanzija (inklużi s-satelliti), b’livell ta’ assigurazzjoni li jkopri kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin jew kollha kemm huma: il-merkanzija trasportata, il-vettura użata għat-trasport tal-merkanzija u kwalunkwe responsabbiltà li tinqala’: u

(b) merkanzija fi tranżitu internazzjonali,

il-Partijiet jikkonfermaw li fejn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jkun jeħtieġ li tali forniment isir minn fornituri stabbiliti fil-Unjoni Ewropea, fornitur ta’ servizzi finanzjarji Korean jista’ jipprovdi tali servizzi permezz tal-istabbiliment tiegħu lil kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkun stabbilit fl-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea fejn jiġi pprovdut is-servizz. Għal aktar kjarifika, forniment bħal dan jinkludi l-produzzjoni, id-distribuzzjoni, it-tqegħid fis-suq, il-bejgħ u l-konsenja tas-servizzi finanzjarji.

Għandhom jissoktaw il-konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u dawk l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jżommu tali rekwiżit ta’ stabbiliment fl-Unjoni Ewropea sabiex jittieħdu aktar passi għall-iffaċilitar tal-forniment ta’ dawn is-servizzi fit-territorji tagħhom. Il-Parti tal-UE tilqa’ l-proposta tal-Korea sabiex isiru konsultazzjonijiet fil-ġejjieni bil-għan li jintlaħaq ftehim dwarhom.

Dan il-Fehim għandu jikkostitwixxi parti integrali minn dan il-Ftehim.

--------------------------------------------------

FEHIM DWAR IL-PJAN TAR-RIFORMA POSTALI KOREANA [1]

Matul in-negozjati ta’ dan il-Ftehim, id-delegazzjoni tal-Korea spjegat lid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea l-ħsieb tal-gvern Korean dwar il-pjan tar-riforma postali tagħha.

F’dan il-kuntest, il-Korea ġibdet l-attenzjoni tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-aspetti li ġejin tal-pjan tar-riforma postali tagħha:

Il-Korea beħsiebha tespandi gradwalment l-eċċezzjonijiet għall-monopolju tal-Awtorità Postali Koreana sabiex iżżid il-firxa tas-servizzi ta’ konsenja privati li jkunu permessi. Dan se jsir permezz ta’ emendi fl-Att dwar is-Servizz Postali, il-liġijiet relatati, jew ir-regolamenti sussidjarji tagħhom.

(a) Wara li jiġu approvati dawn l-emendi, l-ambitu tal-posta tal-ittri tal-Awtorità Postali Koreana se jkun iżjed ċar permezz tad-definizzjoni mill-ġdid tal-kunċett tagħha, u l-eċċezzjonijiet għall-monopolju tal-posta tal-ittri se jkunu estiżi fuq il-bażi ta’ standards oġġettivi bħalma huma l-piż, il-prezz jew kombinazzjoni tagħhom.

(b) Fl-istabbiliment tan-natura u l-firxa ta’ dawn l-emendi, il-Korea għandha tikkunsidra diversi fatturi, fosthom il-kundizzjonijiet tas-suq domestiku, l-esperjenza ta’ pajjiżi oħra bil-liberalizzazzjoni tal-posta, u l-ħtieġa li jkun assigurat servizz universali. Il-Korea beħsiebha timplimenta dawn l-emendi fit-tliet snin li ġejjin mid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim.

Fl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji riformati, il-Korea għandha tipprovdi opportunitajiet mhux diskriminatorji lill-fornituri kollha ta’ servizzi postali u tas-servizzi ta’ konsenja mgħaġġla fil-Korea.

Il-Korea għandha temenda wkoll l-Artikolu 3 tad-Digriet ta’ Infurzar tal-Att dwar is-Servizzi Postali, u b’hekk tespandi l-eċċezzjonijiet għall-monopolju tal-Awtorità Postali Koreana sabiex jinkludu s-servizzi ta’ konsenja malajr ta’ dokumenti internazzjonali sad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Għal ċertezza akbar, is-servizzi ta’ kunsinna mgħaġġla internazzjonali u domestika tad-dokumenti kollha mhumiex soġġetti għall-monopolji tas-servizzi postali fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

[1] Dan il-Fehim mhuwiex vinkolanti u mhuwiex suġġett għall-Kapitolu Erbatax (Soluzzjoni tat-Tilwim).

--------------------------------------------------

FEHIM FIR-RIGWARD TA’ IMPENJI SPEĊIFIĊI DWAR IS-SERVIZZI TAT-TELEKOMUNIKAZZJONI

Il-fehim segwenti milħuq bejn id-delegazzjonijiet tal-Korea u l-Unjoni Ewropea matul in-negozjati rigward impenji speċifiċi dwar is-servizzi tat-telekomunikazzjoni f’dan il-Ftehim:

Jekk xi Parti tibbaża l-għoti ta’ liċenzja għall-forniment ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni pubblika lil persuna tal-Parti li persuna tal-Parti l-oħra jkollha interess azzjonarju fiha, fuq sejba li l-forniment ta’ dawk is-servizzi jkun se jaqdi l-interess pubbliku, il-Parti għandha tassigura li hija: (i) tibbaża kwalunkwe sejba bħal din u l-proċedura sabiex issir tali sejba fuq kriterji oġġettivi u trasparenti; (ii) tuża suppożizzjoni favur sejba li l-għoti ta’ liċenzja lil persuna tal-parti li fiha persuna tal-Parti l-oħra jkollha interess azzjonarju jkun ser jaqdi l-interess pubbliku; u (iii) tiżviluppa kwalunkwe proċedura bħal din b’mod konsistenti mal-Artikolu 7.22 (Trasparenza u Informazzjoni Kunfidenzjali), l-Artikolu 7.23 (Regolazzjoni Domestika) u l-Artikolu 7.36 (Soluzzjoni tat-Tilwim dwar it-Telekomunikazzjoni).

Dan il-Fehim għandu jikkostitwixxi parti integrali minn dan il-Ftehim.

--------------------------------------------------

FEHIM DWAR IR-REGOLAMENTI RELATATI MAT-TQASSIM F’ŻONI, L-IPPJANAR URBAN U L-PROTEZZJONI TAL-AMBJENT

Matul in-negozjati dwar il-Kapitolu Sebgħa (Kummerċ fis-Servizzi, l-Istabbiliment u l-Kummerċ Elettroniku) ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet iddiskutew regolamenti relatati mat-tqassim f’żoni, l-ippjanar urban u l-protezzjoni tal-ambjent li huma applikabbli fil-Korea u fl-Unjoni Ewropea fiż-żmien tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim.

Il-Partijiet jikkondividu l-fehim li, sakemm ir-regolamenti, inklużi r-regolamenti relatati mat-tqassim f’żoni, l-ippjanar urban u l-protezzjoni tal-ambjent, jikkostitwixxu miżuri mhux diskriminatorji u mhux kwantitattivi li jaffettwaw l-istabbiliment, huma mhumiex suġġetti għal skedar.

Fuq il-bażi tal-fehim komuni ta’ hawn fuq, il-Partijiet jikkonfermaw li l-miżuri speċifiċi miżmuma mill-Korea fl-Atti li ġejjin mhumiex suġġetti għal skedar:

- Att dwar l-Ippjanar tal-Aġġustament mill-Ġdid taż-Żona Metropolitana ta’ Seoul

- Att dwar l-Iżvilupp ta’ Clusters Industrijali u l-Istabbiliment ta’ Fabbriki

- Att Speċjali dwar it-Titjib tal-Ambjent tal-Arja fiż-Żona Metropolitana ta’ Seoul

Il-Partijiet jikkonfermaw id-dritt tagħhom li jintroduċu regolamenti ġodda relatati mat-tqassim f’żoni, l-ippjanar urban u l-protezzjoni tal-ambjent.

Dan il-Fehim għandu jikkostitwixxi parti integrali minn dan il-Ftehim.

--------------------------------------------------