22011A0225(03)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

Official Journal L 052 , 25/02/2011 P. 047 - 065


Ftehim

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

IL-PARTIJIET KONTRAENTI L-GĦOLJIN,

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa "l-Unjoni",

u

L-ĠEORĠJA,

DETERMINATI li jsaħħu l-koperazzjoni tagħhom sabiex jikkumbattu l-immigrazzjoni illegali b’mod iktar effettiv;

JIXTIEQU li jistabbilixxu, permezz ta’ dan il-Ftehim u fuq bażi ta’ reċiproċità, proċeduri rapidi u effettivi għall-identifikazzjoni u r-ritorn sikur u ordinat ta’ persuni li ma jissodisfawx, jew li ma għadhomx jissodisfaw, il-kundizzjonijiet ta’ dħul, preżenza jew residenza fit-territorji tal-Ġeorġja jew wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u biex jiffaċilitaw it-tranżitu ta’ dawn il-persuni bi spirtu ta’ koperazzjoni;

JENFASIZZAW li dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr ħsara għad-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-Unjoni, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja li jirriżultaw mil-liġi internazzjonali u, b’mod partikolari, mill-Konvenzjoni Ewropea tal- 4 ta’ Novembru 1950 għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fundamentali u l-Konvenzjoni tat- 28 ta’ Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati kif emendata mill-Protokoll tal- 31 ta’ Jannar 1967;

B’kont meħud li f’konformità mal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda mhix ser tieħu sehem f’dan il-Ftehim sakemm ma tinnotifikax ix-xewqa tagħha għal dan l-għan f’konformità ma’ dak il-Protokoll;

JIKKUNSIDRAW li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, li jaqa’ taħt l-ambitu tat-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka, skont il-Protokoll fuq il-pożizzjoni tad-Danimarka Anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a) "Partijiet Kontraenti" għandha tfisser il-Ġeorġja u l-Unjoni;

(b) "Persuna b’nazzjonalità tal-Ġeorġja" għandha tfisser kwalunkwe persuna li jkollha n-nazzjonalità tar-Repubblika tal-Ġeorġja;

(c) "Persuna b’nazzjonalità ta’ Stat Membru" għandha tfisser kull persuna li għandha n-nazzjonalità, kif definita għall-għanijiet tal-Unjoni, ta’ Stat Membru;

(d) "Stat Membru" għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea marbut b’dan il-Ftehim;

(e) "Persuna b"nazzjonalità ta’ pajjiż terz’ għandha tfisser kwalunkwe persuna li għandha nazzjonalità li mhux tal-Ġeorġja jew ta’ wieħed mill-Istati Membri;

(f) "Persuna mingħajr stat" għandha tfisser kwalunkwe persuna li ma għandha nazzjonalità tal-ebda stat;

(g) "Permess ta’ residenza" għandha tfisser permess uffiċjali ta’ kwalunkwe tip maħruġ mill-Ġeorġja jew minn wieħed mill-Istati Membri li jintitola lill-persuna li toqgħod fit-territorju tagħha jew tiegħu. Dan ma jinkludix permessi temporanji biex il-persuna tibqa’ fit-territorju tal-istati msemmija in konnessjoni mal-ipproċessar ta’ applikazzjoni ta’ ażil jew applikazzjoni għall-permess ta’ residenza;

(h) "Viża" għandha tfisser awtorizzazzjoni maħruġa jew deċiżjoni meħuda mill-Ġeorġja jew minn wieħed mill-Istati Membri li hija meħtieġa għad-dħul, jew għat-tranżitu, fit-territorju tagħha/tiegħu. Dan ma għandux jinkludi l-kategorija speċifika tal-viżi ta’ tranżitu fl-ajruport;

(i) "Pajjiż li jagħmel it-talba" għandha tfisser l-Istat (il-Ġeorġja jew wieħed mill-Istati Membri) li ssottometta applikazzjoni għar-riammissjoni skont l-Artikolu 7 jew applikazzjoni ta’ tranżitu skont l-Artikolu 14 ta’ dan il-Ftehim;

(j) "L-Istat Mitlub" għandha tfisser l-Istat (il-Ġeorġja jew wieħed mill-Istati Membri) indirizzat b’talba għar-riammissjoni skont l-Artikolu 7 jew talba għal tranżitu skont l-Artikolu 14 ta’ dan il-Ftehim;

(k) "L-Awtorità Kompetenti" għandha tfisser kull awtorità nazzjonali tal-Ġeorġja jew ta’ wieħed mill-Istati Membri li għandha l-inkarigu li timplimenta dan il-Ftehim skont l-Artikolu 19(1)(a) tiegħu;

(l) "Tranżitu" għandha tfisser il-passaġġ ta’ persuna b’nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mit-territorju tal-Istat Mitlub meta jkun qed jivvjaġġa mill-Istat li jagħmel it-Talba għall-pajjiż tad-destinazzjoni;

(m) "Reġjun mal-fruntiera" għandha tfisser żona li testendi sa 5 kilometri mit-territorji ta’ portijiet marittimi inkluż żoni doganali u ajruporti internazzjonali tal-Istati Membri u tal-Ġeorġja.

TAQSIMA I

OBBLIGAZZJONIJIET TA’ RIAMMISSJONI MILL-ĠEORĠJA

Artikolu 2

Riammissjoni ta’ persuni ta’ nazzjonalità proprja

1. Il-Ġeorġja għandha tirriammetti, wara applikazzjoni minn Stat Membru u mingħajr formalitajiet ulterjuri minbarra dawk provduti f’dan l-Ftehim, kull persuna li ma tissodisfax jew ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet fis-seħħ tad-dħul, preżenza jew residenza fit-territorju tal-Istat Membru li jagħmel it-Talba sakemm huwa stabbilit jew jista’ jiġi preżunt b’mod validu fuq bażi ta’ provi prima facie li jkunu ġew provduti, li għandha n-nazzjonalità tal-Ġeorġja.

2. Il-Ġeorġja għandha wkoll tirriammetti:

(a) ulied minorenni mhux miżżewġa tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, irrispettivament mill-post tat-twelid jew tan-nazzjonalità tagħhom, kemm-il darba ma għandhomx dritt indipendenti ta’ residenza fl-Istat Membru li jkun għamel it-Talba jew għandhom permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor, u

(b) konjuġi tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, li għandhom nazzjonalità oħra, kemm-il darba għandhom id-dritt li jidħlu u joqogħdu jew li jirċievu d-dritt li jidħlu u joqgħodu fit-territorju tal-Ġeorġja, kemm-il darba ma għandhomx dritt indipendenti ta’ residenza fl-Istat Membru li jkun għamel it-Talba jew għandhom permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor.

3. Il-Ġeorġja għandha tirriammetti wkoll persuni li jkunu ġew imċaħħda, jew li jkunu tilfu d-dritt jew irrinunzjaw għan-nazzjonalità tal-Ġeorġja sa minn meta daħlu fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm dawn il-persuni ma jkunux ġew tal-inqas imwiegħda n-naturalizzazzjoni minn dak l-Istat Membru.

4. Wara li l-Ġeorġja tkun tat tweġiba pożittiva għall-applikazzjoni ta’ riammissjoni, il-missjoni diplomatika kompetenti jew l-uffiċċju konsulari tal-Ġeorġja għandhom, irrispettivament mir-rieda tal-persuna li tkun riammessa, immedjatament u fi żmien tlett ijiem lavorattivi, joħorġu d-dokument tal-ivvjaġġar meħtieġ għar-ritorn tal-persuna li għandha tiġi riammessa, b’validità ta’ 90 ġurnata. Jekk fi żmien tlett ijiem lavorattivi l-Ġeorġja ma tkunx ħarġet id-dokument tal-ivvjaġġar, hija titqies li tkun aċċettat l-użu tad-dokument tal-ivvjaġġar standard tal-UE għall-iskopijiet ta’ tkeċċija [1].

5. Jekk, għal xi raġunijiet ta’ dritt jew ta’ fatt, il-persuna kkonċernata ma tistax tiġi trasferita fi żmien il-perjodu ta’ validità tad-dokument tal-ivvjaġġar inizjalment maħruġ, il-missjoni diplomatika kompetenti jew l-uffiċċju konsulari tal-Ġeorġja għandhom, fi żmien tlett ijiem lavorattivi, jestendi il-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar jew, fejn meħtieġ, joħorġu dokument tal-ivvjaġġar ġdid bl-istess tul ta’ żmien bħala perjodu ta’ validità. Jekk il-Ġeorġja, fi żmien tlett ijiem lavorattivi, ma tkunx ħarġet id-dokument tal-ivvjaġġar ġdid jew estendiet il-validità tiegħu, hija titqies li tkun aċċettat l-użu tad-dokument tal-ivvjaġġar standard tal-UE għall-iskopijiet ta’ tkeċċija [2].

Artikolu 3

Riammissjoni ta’ persuni ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz u persuni mingħajr stat

1. Il-Ġeorġja għandha tirriammetti, wara applikazzjoni minn Stat Membru u mingħajr ebda formalitajiet oħra ħlief dawk provduti f’dan il-Ftehim, il-persuni kollha ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuni mingħajr stat li ma jissodisfawx, jew ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dħul, il-preżenza jew ir-residenza fit-territorju tal-Istat Membru li jagħmel it-Talba kemm-il darba huwa stabbilit jew jista’ jiġi preżunt b’mod validu fuq bażi ta’ provi prima facie li jkunu ġew provduti, li dawn il-persuni:

(a) ikollhom, fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riammissjoni, viża valida jew permess tar-residenza maħruġa mill-Ġeorġja; jew

(b) daħlu illegalment u direttament fit-territorju ta’ Stat Membru wara li jkunu qagħdu fit-territorju tal-Ġeorġja jew għaddew minnu.

2. L-obbligazzjoni tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 ma għandiex tapplika jekk:

(a) il-persuna ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat kienet biss fi tranżitu bl-ajru mill-ajruport internazzjonali tal-Ġeorġja; jew

(b) l-Istat Membru li jagħmel it-Talba jkun ħareġ lill-persuni b’nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew lill-persuna mingħajr stat viża jew permess ta’ residenza qabel jew wara d-dħul fit-territorju tiegħu sakemm:

(i) dik il-persuna ma jkollhiex viża jew permess ta’ residenza, maħruġa mill-Ġeorġja, b’perjodu itwal ta’ validità;

(ii) il-viża jew il-permess ta’ residenza maħruġ mill-Istat Membru li jagħmel it-talba ma jkunux inkisbu bl-użu ta’ dokumenti foloz jew falsifikati, jew permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz, jew

(iii) dik il-persuna tonqos milli tosserva xi kundizzjoni annessa mal-viża.

(c) l-Istat Mitlub ikun keċċa lill-persuna ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat lejn l-Istat ta’ Oriġini tagħha jew lejn Stat terz.

3. Wara li l-Ġeorġja tkun tat risposta pożittiva għall-applikazzjoni għar-riammissjoni, hija għandha immedjatament u mhux iktar tard minn tlett ijiem lavorattivi tipprovdi lill-persuna li r-riammissjoni tagħha ġiet aċċettata dokument għall-ivvjaġġar għal skopijiet ta’ tkeċċija. Jekk il-Ġeorġja, fi żmien tlett ijiem lavorattivi, ma tkunx ħarġet id-dokument tal-ivvjaġġar, hija għandha titqies li tkun aċċettat l-użu tad-dokument standard tal-ivvjaġġar tal-UE għall-iskopijiet ta’ tkeċċija.

TAQSIMA II

OBBLIGAZZJONIJIET TA’ RIAMMISSJONI TAL-UNJONI

Artikolu 4

Riammissjoni ta’ persuni ta’ nazzjonalità proprja

1. Stat Membru għandu jirriammetti, wara applikazzjoni mill-Ġeorġja u mingħajr formalitajiet ulterjuri ħlief dawk provduti f’dan l-Ftehim, kull persuna li ma tissodisfax jew ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet fis-seħħ tad-dħul, preżenza jew residenza fit-territorju tal-Ġeorġja sakemm ikun pruvat jew jista’ jiġi preżunt b’mod validu fuq bażi ta’ provi prima facie li jkunu ġew provduti, li għandha n-nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru.

2. Stat Membru għandu wkoll jirriammetti:

(a) ulied minorenni mhux miżżewġa tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, irrispettivament mill-post tat-twelid jew ta’ nazzjonalità tagħhom, kemm-il darba ma għandhomx dritt indipendenti ta’ residenza fil-Ġeorġja; u

(b) konjuġi, li għandhom nazzjonalità oħra, tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, kemm-il darba għandhom id-dritt li jidħlu u joqogħdu jew li jirċievu d-dritt li jidħlu u joqgħodu fit-territorju tal-Istat Membru Mitlub, kemm-il darba ma għandhomx dritt indipendenti ta’ residenza fil-Ġeorġja.

3. Stat Membru għandu jilqa’ mill-ġdid ukoll persuni li jkunu ġew imċaħħda, jew li jkunu rrinunzjaw għan-nazzjonalità ta’ Stat Membru sa minn meta jkunu daħlu fit-territorju tal-Ġeorġja, sakemm dawn il-persuni ma jkunux ġew tal-inqas imwiegħda n-naturalizzazzjoni mill-Ġeorġja.

4. Wara li l-Istat Membru Mitlub ikun ta tweġiba pożittiva għall-aplikazzjoni ta’ riammissjoni, il-missjoni diplomatika kompetenti jew l-uffiċċju konsulari ta’ dak l-Istat Membru għandhom, irrispettivament mir-rieda tal-persuna li tkun riammessa, immedjatament u fi żmien tlett ijiem lavorattivi, joħorġu d-dokument tal-ivvjaġġar meħtieġ għar-ritorn tal-persuna li għandha tiġi riammessa, b’validità ta’ 90 ġurnata. Jekk fi żmien tlett ijiem lavorattivi l-Istat Membru Mitlub ma jkunx ħareġ id-dokument tal-ivvjaġġar, huwa jitqies li jkun aċċetta l-użu tad-dokument tal-ivvjaġġar standard tal-Ġeorġja għall-iskopijiet ta’ tkeċċija.

5. Jekk, għal xi raġunijiet ta’ dritt jew ta’ fatt, il-persuna kkonċernata ma tistax tiġi trasferita fi żmien il-perjodu ta’ validità tad-dokument tal-ivvjaġġar inizjalment maħruġ, il-Missjoni Diplomatika kompetenti jew l-Uffiċċju Konsulari tal-Istat Membru Mitlub għandha/għandu, fi żmien tlett ijiem lavorattivi, jestendi il-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar jew, fejn meħtieġ, joħroġ dokument tal-ivvjaġġar ġdid bl-istess tul ta’ żmien bħala perjodu ta’ validità. Jekk fi żmien tlett ijiem lavorattivi l-Istat Membru Mitlub ma jkunx ħareġ id-dokument tal-ivvjaġġar ġdid jew estenda l-validità tiegħu, huwa jitqies li jkun aċċetta l-użu tad-dokument tal-ivvjaġġar standard tal-Ġeorġja għall-iskopijiet ta’ tkeċċija.

Artikolu 5

Riammissjoni ta’ persuni ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz u persuni mingħajr stat

1. Stat Membru għandu jirriammetti, wara applikazzjoni mill-Ġeorġja u mingħajr formalitajiet ulterjuri minbarra dawk provduti f’dan l-Ftehim, il-persuni kollha ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuni mingħajr stat li ma jissodisfawx, jew ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dħul, il-preżenza jew ir-residenza fit-territorju tal-Ġeorġja kemm-il darba huwa stabbilit jew jista’ jiġi preżunt b’mod validu fuq bażi ta’ provi prima facie li jkunu ġew provduti, li dawn il-persuni:

(a) ikollhom, fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-riammissjoni, viża valida jew permess tar-residenza maħruġa mill-Istat Membru Mitlub; jew

(b) ikunu daħlu illegalment u direttament fit-territorju tal-Ġeorġja wara li jkunu waqfu fit-territorju tal-Istat Membru Mitlub jew għaddew minnu.

2. L-obbligazzjoni tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 ma għandiex tapplika jekk:

(a) il-persuna b’nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat kien biss fi tranżitu bl-ajru minn ajruport internazzjonali tal-Istat Membru mitlub; jew

(b) il-Ġeorġja ħarġet viża jew permess ta’ residenza lill-persuna ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat qabel jew wara d-dħul fit-territorju tagħha, sakemm:

(i) dik il-persuna ma għandhiex fil-pussess tagħha viża jew permess ta’ residenza, maħruġa mill-Istat Membru Mitlub, li għandha perjodu itwal ta’ validità;

(ii) il-viża jew il-permess ta’ residenza maħruġa mill-Ġeorġja ma jkunux inkisbu bl-użu ta’ dokumenti foloz jew falsifikati, jew permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz, jew

(iii) dik il-persuna tonqos milli tosserva xi kundizzjoni annessa mal-viża.

(c) l-Istat Membru Mitlub ikun keċċa l-persuna ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat lejn l-Istat ta’ Oriġini tagħha jew lejn Stat Terz.

3. L-obbligu tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 huwa għall-Istat Membru li ħareġ viża jew permess ta’ residenza. Jekk żewġ Stati Membri jew aktar ikunu ħarġu viża jew permess ta’ residenza, l-obbligu tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 jaqa’ fuq l-Istat Membru li ħareġ id-dokument b’perjodu ta’ validità itwal jew, jekk wieħed jew bosta jkunu diġà skadew, id-dokument li għadu validu. Jekk id-dokumenti kollha jkunu diġà skadew, l-obbligu tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 ikun fuq l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument bl-iżjed data ta’ iskadenza riċenti. Jekk ma jistgħux jiġu ppreżentati dawk id-dokumenti, l-obbligu tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 jaqa’ fuq l-Istat Membru tal-aħħar ħruġ.

4. Wara li l-Istat Membru Mitlub jagħti risposta pożittiva għall-applikazzjoni għar-riammissjoni, huwa għandu immedjatament u mhux iktar tard minn tlett ijiem lavorattivi, jipprovdi lill-persuna li r-riammissjoni tagħha ġiet aċċettata dokument għall-ivvjaġġar għall-iskopijiet ta’ tkeċċija. Jekk fi żmien tlett ijiem lavorattivi l-Istat Membru ma jkunx ħareġ id-dokument tal-ivvjaġġar ġdid, huwa jitqies li jkun aċċetta l-użu tad-dokument standard tal-ivvjaġġar tal-Ġeorġja għall-iskopijiet ta’ tkeċċija.

TAQSIMA III

PROĊEDURA TA’ RIAMMISSJONI

Artikolu 6

Prinċipji

1. Soġġett għall-paragrafu 2, kwalunkwe trasferiment ta’ persuna li għandha tkun riammessa fuq il-bażi ta’ wieħed mill-obbligi li jinsabu fl-Artikoli 2 sa 5 għandha teħtieġ is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għar-riammissjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Mitlub.

2. Jek il-persuna li għandha tkun riammessa jkollha dokument għall-ivvjaġġar validu jew karta tal-identità, it-trasferment ta’ tali persuna jista’ jsir mingħajr ma l-Istat li jagħmel it-Talba jkollu jissottometti applikazzjoni għar-riammissjoni jew komunikazzjoni bil-miktub, kif imsemmi fl-Artikolu 11(1), lill-awtorità kompetenti tal-Istat Mitlub.

3. Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, jekk persuna tinstab fir-reġjun tal-fruntiera (inklużi ajruporti) tal-Istat li jagħmel it-Talba wara li tkun qasmet illegalment il-fruntiera direttament mit-territorju tal-Istat Mitlub, l-Istat li jagħmel it-Talba jista’ jissottometti talba għar-riammissjoni fi żmien jumejn minn meta tinstab dik il-persuna (proċedura aċċellerata).

Artikolu 7

Applikazzjoni għar-riammissjoni

1. Sa fejn hu possibbli, kull applikazzjoni għar-riammissjoni għandu jkun fiha din l-informazzjoni li ġejja:

(a) id-dettalji tal-persuna li għandha tiġi riammessa (pereżempju l-ismijiet, il-kunjomijiet, id-data tat-twelid u – fejn possibbli – il-post tat-twelid, u l-aħħar post ta’ residenza mogħtija) u, fejn applikabbli, id-dettalji tat-tfal minuri mhux miżżewġa u/jew tal-konjugi;

(b) fil-każ ta’ persuni ta’ nazzjonalità proprja, indikazzjoni tal-mezzi li bihom prova jew evidenza prima facie tan-nazzjonalità ser tiġi ipprovduta;

(c) fil-każ ta’ persuna b’nazzjonalità ta’ pajjiż terz u ta’ persuni migħajr stat, indikazzjoni tal-mezzi li bihom l-provi jew l-evidenza prima facie tal-kundizzjonijiet għar-riammissjoni ta’ persuni ta’ nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat u d-dħul u r-residenza illegali ser tiġi pprovduta;

(d) ritratt tal-persuna li għandha tkun riammessa;

(e) marki tas-swaba.

2. Sa fejn hu possibbli, l-applikazzjoni għar-riammissjoni għandu jkollha wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a) dikjarazzjoni li tindika li l-persuna li għandha tkun trasferita jista’ jkollha bżonn għajnuna jew kura, sakemm il-persuna kkonċernata tkun tat il-kunsens espliċitu tagħha għal din l-istqarrija;

(b) kull miżura oħra ta’ protezzjoni jew sigurtà, jew informazzjoni dwar is-saħħa tal-persuna, li tista’ tkun meħtieġa fil-każ individwali ta’ trasferiment.

3. Formola komuni li għandha tintuża fl-applikazzjonijiet ta’ riammissjoni hija mehmuża bħala l-Anness 5 ta’ dan il-Ftehim.

4. Aplikazzjoni għar-riammissjoni tista’ tkun sottomessa bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni, mhux esklużi mezzi elettroniċi.

Artikolu 8

Mezzi ta’ evidenza dwar in-nazzjonalità

1. Il-prova dwar in-nazzjonalità skont l-Artikolu 2 (1) u l-Artikolu 4 (1) tista’ b’mod partikolari tiġi pprovduta b’mod partikolari permezz tad-dokumenti elenkati fl-Anness 1 ta’ dan il-Ftehim, inkluż dokumenti li l-validità tagħhom tkun skadiet b’massimu ta’ 6 xhur. Jekk tali dokumenti jkunu ppreżentati, l-Istati Membri u l-Ġeorġja għandhom jirrikonoxxu b’mod reċiproku n-nazzjonalità mingħajr ħtieġa ta’ investigazzjoni ulterjuri. Il-prova ta’ nazzjonalità ma tistax tiġi pprovduta permezz ta’ dokumenti foloz.

2. Prova prima facie tan-nazzjonalità skont l-Arikolu 2(1) u l-Artikolu 4(1) tista’ ssir b’mod partikolari permezz tad-dokumenti elenkati fl-Anness 2 ta’ dan il-Ftehim, anke jekk il-perjodu ta’ validità tagħhom ikun skada. Jekk tali dokumenti jkunu ppreżentati, l-Istati Membri u l-Ġeorġja għandhom iqisu li n-nazzjonalità ġiet stabbilita, kemm-il darba ma jkunux jistgħu jippruvaw mod ieħor. Prova prima facie tan-nazzjonalità ma tistax issir permezz ta’ dokumenti foloz.

3. Jekk l-ebda wieħed mid-dokumenti elenkati fl-Annessi 1 jew 2 ma jkun jista’ jiġi ppreżentat, jew jekk ikunu insuffiċjenti, ir-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari kompetenti tal-Istat Mitlub għandhom, fuq talba mill-Istat li jagħmel it-talba li hu inkluż fl-applikazzjoni għar-riammissjoni, jagħmlu l-arranġamenti biex jintervistaw lill-persuna li ser tkun riammessa mingħajr dewmien żejjed, u mhux aktar tard minn erbagħt ijiem lavorattivi mid-data li fiha tkun irċevuta l-applikazzjoni għar-riammissjoni, sabiex tiġi stabbilita n-nazzjonalità tagħha. Il-proċedura għal dawn l-intervisti tista’ tkun stabbilita fil-Protokolli ta’ implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 19 ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 9

Mezzi ta’ provi dwar persuni b’nazzjonalità ta’ pajjiż terz u persuni mingħajr stat

1. Il-prova dwar il-kundizzjonijiet ta’ riammissjoni ta’ persuni ta’ nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat skont l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(1) għandha tingħata b’mod partikolari permezz tal-evidenza elenkata fl-Anness 3 ta’ dan il-Ftehim; ma tistax tiġi pprovduta permezz ta’ dokumenti foloz. Kull prova bħal din għandha tkun rikonoxxuta b’mod reċiproku mill-Istati Membri u mill-Ġeorġja mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar verifika.

2. Il-prova prima facie dwar il-kundizzjonijiet ta’ riammissjoni ta’ persuni ta’ nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat skont l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(1) għandha tingħata b’mod partikolari permezz tal-evidenza elenkata fl-Anness 4 ta’ dan il-Ftehim; ma tistax tiġi pprovduta permezz ta’ dokumenti foloz. Fejn hija ppreżentata din l-evidenza prima facie, l-Istati Membri u l-Ġeorġja għandhom iqisu li l-kundizzjonijiet ġew stabbiliti, kemm-il darba ma jkunux jistgħu jipprovaw mod ieħor.

3. L-illegalità tad-dħul, il-preżenza jew ir-residenza għandha tkun stabbilita permezz ta’ dokumenti tal-vjaġġ tal-persuna kkonċernata li fihom hija nieqsal-viża neċessarja jew l-permess ta’ residenza għat-territorju tal-Istat li jagħmel it-talba. Dikjarazzjoni mill-Istat li jagħmel it-Talba li l-persuna kkonċernata nstabet mingħajr id-dokumenti tal-ivvjaġġar, il-viża jew il-permess ta’ residenza meħtieġa għandha wkoll tkun ta’ prova prima facie tad-dħul, il-preżenza jew ir-residenza illegali.

Artikolu 10

Limiti ta’ żmien

1. L-applikazzjoni għar-riammissjoni għandha tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti tal-Istat Mitlub fi żmien massimu ta’ sitt xhur minn meta l-awtorità kompetenti tal-Istat li jagħmel it-Talba ssir taf li persuna ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat ma tissodisfax, jew ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, il-preżenza jew ir-residenza. Fejn hemm ostakoli legali jew fattwali għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni fil-ħin, il-limitu ta’ żmien għandu, fuq talba tal-Istat li jagħmel it-talba, jiġi estiż iżda biss sakemm jieqfu jeżistu l-ostakoli.

2. Għandha tingħata tweġiba bil-miktub għall-applikazzjoni għar-riammissjoni

(a) fi żmien jumejn lavorattivi jekk l-applikazzjoni tkun saret taħt il-proċedura aċċellerata (l-Artikolu 6(3)); jew

(b) fi żmien 12-il jum kalendarju fil-każijiet l-oħrajn kollha.

Dan il-limitu taż-żmien jibda jgħodd mid-data tal-irċevuta tat-talba għar-riammissjoni. Jekk ma jkunx hemm tweġiba f’dan it-terminu ta’ żmien, it-trasferiment jitqies li jkun ġie miftiehem.

3. Ir-raġunijiet għal rifjut ta’ talba għar-riammissjoni għandhom jingħataw bil-miktub.

4. Wara li jkun ingħata l-qbil jew, fejn xieraq, wara li jiskadi t-terminu stabbilit fil-paragrafu 2, il-persuna kkonċernata għanda tiġi ttrasferita fi żmien tliet xhur. Fuq talba tal-Istat li jagħmel it-talba, dan it-terminu jista’ jiġi estiż biż-żmien li hemm bżonn biex jiġu indirizzati l-ostakoli legali jew prattiċi.

Artikolu 11

Modalitajiet tat-trasferiment u mezzi ta’ trasport

1. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 6(2), qabel ma jirritornaw persuna, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li jagħmel it-Talba għandhom javżaw lill-awtoritajiet tal-Istat Mitlub tal-inqas tlett ijiem lavorattivi minn qabel dwar id-data ta’ trasferiment, il-punt ta’ dħul, skorti possibbli u informazzjoni oħra relevanti għat-trasferiment.

2. It-trasportazzjoni tista’ jsir bl-ajru jew bl-art. Ir-ritorn bl-ajru ma għandux ikun limitat għall-użu tat-trasportaturi bl-ajru nazzjonali tal-Ġerorġja jew l-Istati Membri u jista’ jsir bl-użu ta’ titjiriet skedati jew, fil-każ ta’ persuna li għandha n-nazzjonalità tal-Istat Mitlub, b’titjiriet mikrija. Fil-każ ta’ ritorn bl-iskorta, dawn l-iskorti ma għandhomx ikunu limitati għal persuni awtorizzati tal-Istat li jagħmel it-talba, sakemm ikunu persuni awtorizzati mill-Ġeorġja jew minn kwalunkwe Stat Membru.

Artikolu 12

Riammissjoni bi żball

L-Istat li jagħmel it-Talba għandu jieħu lura kwalunkwe persuna riammessa mill-Istat Mitlub jekk jiġi stabbilit fi żmien sitt xhur, u fil-każ ta’ persuni ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuni mingħajr stat fi żmien12-il xahar, wara t-trasferiment tal-persuna kkonċernata, li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ dan il-Ftehim ma humiex sodisfatti.

F’dawn il-każijiet id-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ dan il-Ftehim għandhom jgħoddu mutatis mutandis u għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-identità u n-nazzjonalità attwali tal-persuna li ser tittieħed lura.

TAQSIMA IV

OPERAZZJONIJIET TA’ TRANŻITU

Artikolu 13

Prinċipji

1. L-Istati Membri u l-Ġeorġja għandhom jillimitaw it-tranżitu ta’ persuni ta’ nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat għall-każijiet fejn dawn il-persuni ma jistgħux jintbagħtu lura direttament lejn l-Istat ta’ destinazzjoni.

2. Il-Ġeorġja għandha tippermetti t-tranżitu ta’ persuni ta’ nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat jekk Stat Membru jitlob dan, u Stat Membru għandu jippermetti t-tranżitu ta’ persuni ta’ nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat jekk il-Ġeorġja titlob dan, jekk ikunu assigurati l-vjaġġ lejn id-destinazzjoni li jgħaddi minn Stati ta’ tranżitu oħrajn possibbli u r-riammissjoni mill-Istat ta’ destinazzjoni.

3. It-tranżitu jista’ jiġi rifjutat mill-Ġeorġja jew minn Stat Membru:

(a) jekk il-persuna ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat hija f’riskju li tkun soġġetta għat-tortura jew trattament jew kastig inuman jew degradanti jew il-piena tal-mewt jew persekuzzjoni minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija f’xi grupp soċjali partikolari jew konvinzjoni politika tagħha fl-Istat ta’ destinazzjoni jew Stat ieħor ta’ tranżitu;

(b) jekk il-persuna ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat ikunu soġġetti għal sanzjonijiet kriminali fl-Istat Mitlub jew f’xi Stat ieħor ta’ tranżitu; jew

(c) minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika, sigurtà domestika, ordni pubblika jew interessi oħra nazzjonali tal-Istat Mitlub.

4. Il-Ġeorġja jew Stat Membru tista’ tirrevoka kull awtorizzazzjoni maħruġa jekk iċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 3 jirriżultaw, jew jiġu fid-deher aktar tard li jkunu ta’ xkiel fl-operazzjoni ta’ tranżitu, jew jekk l-ivvjaġġar minn Stati ta’ tranżitu li jista’ jkun hemm jew ir-riammissjoni mill-Istat ta’ destinazzjoni ma jkunx/tkunx aktar assigurat/a. F’dan il-każ, l-Istat li jagħmel it-talba għandu jieħu lura lill-persuna li għandha in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, kif meħtieġ u mingħajr dewmien.

Artikolu 14

Proċedura ta’ tranżitu

1. Applikazzjoni għall-operazzjonijiet ta’ tranżitu għandha tkun sottomessa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Mitlub bil-miktub u għandu jkollha l-informazzjoni li ġejja:

(a) it-tip ta’ tranżitu (bl-ajru jew l-art), Stati oħra possibbli ta’ tranżitu u d-destinazzjoni finali ppjanata;

(b) id-dettalji tal-persuna kkonċernata (pereżempju l-isem, il-kunjom, kunjom xbubitha, l-ismijiet l-oħra użati/li bihom kienet magħrufa jew psewdonimi, id-data tat-twelid is-sess u – fejn possibbli – il-post tat-twelid, in-nazzjonalità, il-lingwa, it-tip u n-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar);

(c) fejn hu maħsub li ser ikun il-punt tad-dħul, il-ħin tat-trasferiment u l-użu possibbli tal-iskorti;

(d) dikjarazzjoni li fil-fehma tal-Istat li jagħmel it-Talba, il-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 13(2) huma sodisfatti, u li ebda raġuni għal ċaħda skont l-Artikolu 13(3) ma hi magħrufa.

Formola komuni li għandha tintuża fl-applikazzjonijiet ta’ tranżitu hija mehmuża mal-Anness 6 ta’ dan il-Ftehim.

2. Fi żmien ħamest ijiem tal-kalendarju l-Istat Mitlub għandu jinforma bil-miktub lill-Istat li jagħmel it-talba dwar l-ilqugħ, jikkonferma l-punt tad-dħul u l-ħin ippjanat tal-ilqugħ, jew jinfurmah dwar ir-rifjut tal-ilqugħ u r-raġunijiet għal dan ir-rifjut.

3. Jekk l-operazzjoni ta’ tranżitu ssir bl-ajru, il-persuna li tkun ser tkun riammessa u l-iskorti possibbli jkunu eżentati milli jkollhom viża ta’ tranżitu tal-ajruport.

4. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Mitlub għandhom, wara konsultazzjonijiet reċiproċi, jgħinu fl-operazzjonijiet ta’ tranżitu, b’mod partikolari permezz ta’ sorveljanza tal-persuni kkonċernati u l-għoti ta’ amenitajiet xierqa għal dak l-iskop.

5. It-tranżitu tal-persuni għandu jsir fi żmien 30 ġurnata mill-irċevuta tal-kunsens dwar it-talba.

TAQSIMA V

SPEJJEŻ

Artikolu 15

L-ispejjeż tat-trasport u tat-tranżitu

Bla ħsara għad-dritt tal-awtoritajiet kompetenti li jiġbru lura l-ispejjeż marbuta mar-riammissjoni mingħand il-persuna li ser tiddaħħal lura jew partijiet terzi, l-ispejjeż kollha tat-trasport marbuta mar-riammissjoni u t-tranżitu sal-fruntiera tal-Istat tad-destinazzjoni finali, għandhom jitħallsu mill-Istat li jagħmel it-Talba.

TAQSIMA VI

KLAWSOLA TAL-PROTEZZJONI TAD-DATA U TAN-NUQQAS TA’ EFFETT

Artikolu 16

Protezzjoni tad-Data

Il-komunikazzjoni ta’ data personali għandha sseħħ biss jekk komunikazzjoni bħal din hija meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Ġeorġja jew Stat Membru skont il-każ. L-ipproċessar u t-trattament ta’ data personali f’każ partikolari għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet domestiċi tal-Ġeorġja u, fejn il-kontrollur ikun awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, għad-dispożizzjonijet tad-Direttiva 95/46/KE u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru adottata skont dik id-Direttiva. Addizzjonalment japplikaw ukoll il-prinċipji li ġejjin:

(a) id-data personali għandha tiġi proċessata b’mod ġust u legali;

(b) id-data personali għandha tinġabar għall-iskop speċifikat, espliċitu u leġittimu tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u ma tiġix ipproċessata aktar mill-awtorità li tikkomunikaha jew mill-awtorità li tirċeviha b’mod mhux kompatibbli ma’ dan l-iskop;

(c) id-data personali għandha tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva b’relazzjoni mal-għan li għalih tinġabar u/jew tkun ipproċessata aktar; b’mod partikolari, id-data personali kkomunikata tista’ tkun biss dwar dan li ġej:

(i) id-dettalji tal-persuna li ser tiġi ttrasferita (eż. ismijiet, kunjomijiet, xi ismijiet preċedenti, l-ismijiet l-oħra użati/li bihom kienet magħrufa jew psewdonimi, is-sess, l-istat ċivili, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità kurrenti u preċedenti),

(ii) il-passaport, il-karta tal-identità jew il-liċenzja tas-sewqan (in-numru, il-perjodu ta’ validità, id-data tal-ħruġ, l-awtorità tal-ħruġ, il-post tal-ħruġ),

(iii) il-postijiet ta’ waqfien temporanju u itinerarji,

(iv) informazzjoni oħra meħtieġa biex tiġi identifikata l-persuna li tkun ser tiġi trasferita jew biex jiġu eżaminati r-rekwiżiti għar-riammissjoni skont dan il-Ftehim;

(d) id-data personali għandha tkun eżatta u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata;

(e) id-data personali għandha tinżamm b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-soġġetti tad-dejta għal mhux iktar mill-perjodu neċessarju għall-iskop li għalih inġabret id-data jew li kompliet tiġi proċessata;

(f) kemm l-awtorità li tikkomunika d-data personali kif ukoll l-awtorità li tirċeviha għandhom jieħdu kull pass raġonevoli biex jiżguraw kif xieraq ir-retifika, it-tħassir jew l-imblukkar tad-data personali fejn l-ipproċessar tagħha ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari għaliex dik id-data mhix adegwata, rilevanti, preċiża jew għaliex hija eċċessiva fir-rigward tal-iskop tal-ipproċessar. Dan jinkludi n-notifika ta’ kwalunkwe retifika, tħassir jew imblukkar għall-Parti l-oħra;

(g) fuq talba, l-awtorità li tirċievi għandha tinforma lill-awtorità komunikanti dwar l-użu tad-data komunikata u r-riżultati miksuba minn dan;

(h) id-data personali tista’ tkun komunikata biss lill-awtoritajiet kompetenti. Komunikazzjoni ulterjuri lil entitajiet oħrajn teħtieġ kunsens minn qabel tal-awtorità kompetenti komunikanti;

(i) l-awtorità kompetenti komunikanti u l-awtorità kompetenti li tirċieviha huma obbligati li jirreġistraw bil-miktub il-komunikazzjoni u l-wasla tad-data personali.

Artikolu 17

Klawsola ta’ nuqqas ta’ effett

1. Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr ħsara għad-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-Unjoni, l-Istati Membri u l-Ġeorġja li jirriżultaw mil-Liġi Internazzjonali u, b’mod partikolari:

(a) mill-Konvenzjoni tat- 28 ta’ Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati kif emendata bil-Protokoll tal- 31 ta’ Jannar 1967 dwar l-Istat tar-Refuġjati,

(b) mill-konvenzjonijiet internazzjonali li jiddeterminaw l-Istat responsabbli li jeżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil li jkunu ġew sottomessi,

(c) mill-Konvenzjoni Ewropea tal- 4 ta’ Novembru 1950 dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Protokolli tagħha,

(d) mill-Konvenzjoni tal- 10 ta’ Diċembru 1984 kontra t-Tortura u t-Trattament jew Kastig ieħor Kiefer, Inuman jew Degradanti,

(e) mill-konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-estradizzjoni u t-tranżitu,

(f) mill-konvenzjonijiet u ftheimiet internazzjonali multilaterali li fihom ir-regoli dwar ir-riammissjoni ta’ persuni ta’ nazzjonalità barranija, bħall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali tas- 7 ta’ Diċembru 1944.

2. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jrażżan ir-ritorn ta’ persuna taħt arranġamenti oħrajn formali jew informali.

TAQSIMA VII

IMPLIMENTAZZJONI U APPLIKAZZJONI

Artikolu 18

Kumitat konġunt għar-riammissjoni

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu għajnuna reċiproka fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Għal dan il-għan, huma għandhom jaħtru Kumitat Konġunt għar-Riammissjoni (minn issa ‘l quddiem indikat bħala "l-Kumitat") li ser ikollu, b’mod partikolari, il-kompiti li ġejjin:

(a) li jissorvelja l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

(b) li jiddeċiedi dwar l-arranġamenti neċessarji għall-applikazzjoni b’mod uniformi ta’ dan il-Ftehim;

(c) li jkollu skambju regolari ta’ informazzjoni dwar il-Protokolli ta’ implimentazzjoni mfassla mill-Istati Membri individwali u mill-Ġeorġja skont l-Artikolu 19 ta’ dan il-Ftehim;

(d) li jagħmel rakkomandazzjonijiet għal emendi għal dan il-Ftehim u l-annessi tiegħu.

2. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat għandhom jorbtu lill-Partijiet Kontraenti.

3. Il-kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u l-Ġeorġja.

4. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ meta meħtieġ fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti.

5. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 19

Protokolli ta’ Implimentazzjoni

1. Fuq talba ta’ Stat Membru jew tal-Ġeorġja, il-Ġeorġja u Stat Membru għandhom iħejju Protokoll ta’ implimentazzjoni li għandu, inter alia, ikopri r-regoli dwar:

(a) il-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti, il-punti fejn tinqasam il-fruntiera u l-iskambju ta’ punti ta’ kuntatt;

(b) il-kundizzjonijiet ta’ ritorni skortati, inkluż it-tranżitu ta’ persuni ta’ nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat li jkollhom skorta magħhom;

(c) mezzi u dokumenti minbarra dawk elenkati fl-Annessi 1 sa 4 ta’ dan il-Ftehim;

(d) il-modalitajiet għar-riammissjoni bi proċedura aċċelerata; u

(e) il-proċedura għall-intervisti.

2. Il-Protokolli ta’ Implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jidħlu fis-seħħ biss wara li jiġi notifikat il-Kumitat għar-riammissjoni imsemmi fl-Artikolu 18.

3. Il-Ġeorġja taqbel li kwalunkwe dispożizzjoni ta’ Protokoll ta’ implimentazzjoni magħmul ma’ Stat Membru partikolari għandha tiġi applikata wkoll fir-relazzjonijiet tagħha ma’ kwalunkwe Stat Membru ieħor fuq talba minn dan tal-aħħar.

Artikolu 20

Relazzjoni ma’ arranġamenti bilaterali dwar ir-riammissjoni jew arranġamenti tal-Istati Membri

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom ikollhom preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kull ftehim jew arranġament bilaterali dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni li jkun ġie jew jista’ jiġi konkluż, skont l-Artikolu 19, bejn Stati Membri individwali u l-Ġeorġja, u dan safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar ikunu inkompatibbli ma’ dawk ta’ dan il-Ftehim.

TAQSIMA VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Applikazzjoni territorjali

1. Soġġett għall-paragrafu 2, dan il-ftehim għandu japplika fit-territorju li fih huma applikabbli t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għat-territorju tal-Ġeorġja.

2. Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tal-Irlanda unikament fuq notifika mill-Unjoni Ewropea lill-Ġeorġja għal dak l-għan. Dan il-Ftehim m’għandux japplika għat-territorju tar-Renju tad-Danimarka.

Artikolu 22

Emendi għall-Ftehim

Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat u supplimentat bil-kunsens reċiproku tal-Partijiet Kontraenti. L-emendi u ż-żidiet għandhom jiġu abbozzati fil-forma ta’ protokolli separati, li għandhom jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim, u jidħlu fis-seħħ skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 23 ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ, kemm idum u terminazzjoni

1. Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom.

2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data ta’ meta l-aħħar Parti Kontraenti tkunu nnotifikat lill-oħra li l-proċeduri msemmija fl-ewwel paragrafu jkunu ġew konklużi.

3. Dan il-Ftehim għandu japplika għall-Irlanda fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tan-notifika msemmija fl-Artikolu 21(2).

4. Dan il-Ftehim huwa konkluż għal żmien illimitat.

5. Kull Parti Kontraenti tista’ tiddenunzja dan il-Ftehim billi tinnotifika lill-Parti Kontraenti l-oħra b’mod uffiċjali. Dan il-Ftehim ma għandux jibqa’ japplika sitt xhur wara d-data ta’ tali notifika.

Artikolu 24

Annessi

L-Annessi 1 sa 6 għandhom jifformaw parti integrali ta’ dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, fit- 22 ta’ Novembru 2010 b’duplikat bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan, l-Ungeriżu u l-Ġeorġjan, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l’Union européenne

Per l’Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

За Грузия

Por Georgia

Za Gruzii

For Georgien

Für Georgien

Gruusia nimel

Για τη Γεωργία

For Georgia

Pour la Géorgie

Per la Georgia

Gruzijas vārdā –

Gruzijos vardu

Grúzia részéről

Għall-Georġja

Voor Georgië

W imieniu Gruzji

Pela Geórgia

Pentru Georgia

Za Gruzínsko

Za Gruzijo

Georgian puolesta

För Georgien

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

[1] Skont il-formola stabbilita fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-UE tat- 30 ta’ Novembru 1994.

[2] Ibid.

--------------------------------------------------

ANNESS 1

LISTA KOMUNI TA’ DOKUMENTI LI L-PREŻENTAZZJONI TAGĦHOM TITQIES PROVA TA’ ĊITTADINANZA

(ARTIKOLI 2 (1), 4 (1) u 8 (1))

- passaporti ta’ kull tip (passaporti nazzjonali, passaporti diplomatiċi, passaporti tas-servizz, passaporti kollettivi u passaporti surrogati inklużi l-passaporti tat-tfal),

- karti tal-identità (inklużi dawk temporanji u dawk provviżorji),

- ċertifikati taċ-ċittadinanza u dokumenti oħrajn uffiċjali li jsemmu jew li jindikaw iċ-ċittadinanza b’mod ċar.

--------------------------------------------------

ANNESS 2

LISTA KOMUNI TA’ DOKUMENTI LI L-PREŻENTAZZJONI TAGĦHOM TITQIES PROVA PRIMA FACIE TA’ NAZZJONALITÀ

(ARTIKOLI 2 (1), 4 (1) U 8 (2))

Fejn l-Istat Mitlub huwa xi wieħed mill-Istati Membri jew il-Ġeorġja:

- Dokumenti elenkati fl-Anness 1 li l-validità tagħhom tkun skadiet b’iktar minn 6 xhur,

- fotokopji ta’ kwalunkwe dokument imniżżel fl-Anness 1 għal dan il-Ftehim,

- liċenzji tas-sewqan jew fotokopji tagħhom,

- ċertifikati tat-twelid jew fotokopji tagħhom,

- karti tal-identità tal-kumpanniji jew fotokopji tagħhom,

- dikjarazzjonijiet ta’ xhieda,

- prospetti magħmula mill-persuna kkonċernata u l-lingwa mitkellma minnu jew minnha, anke permezz ta’ riżultat ta’ test uffiċjali,

- kwalunkwe dokument ieħor li jista’ jgħin biex tiġi stabbilita n-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata,

- kotba tas-servizzi u karti tal-identità militari,

- kotba tar-reġistrazzjoni tal-baħħara u karti tas-servizz ta’ kaptani,

- laisser-passer maħruġ mill-Istat Mitlub.

Fejn l-Istat Mitlub huwa l-Ġeorġja:

- il-konferma tal-identità b’riżultat ta’ tfittxija magħmula fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża [1],

- fil-każ ta’ Stati Membri li ma jużawx is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, identifikazzjoni pożittiva stabbilita mir-rekords ta’ dawk l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni għall-viża

[1] Regolament (KE) Nru. 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal soġġorn qasir (regolament VIS), ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60;

--------------------------------------------------

ANNESS 3

LISTA KOMUNI TA’ DOKUMENTI LI JITQIESU PROVA TAL-KUNDIZZJONIJIET GĦAR-RIAMMISSJONI TA’ PERSUNI TA’ NAZZJONALITÀ TA’ PAJJIŻ TERZ JEW PERSUNI MINGĦAJR STAT

(ARTIKOLI 3 (1), 5 (1) U 9 (1))

- viża jew permess ta’ residenza maħruġ mill-Istat Mitlub,

- timbri tad-dħul/tluq jew endorsjar simili fid-dokument tal-ivvjaġġar tal-persuna kkonċernata jew evidenza oħra tad-dħul/ħruġ (eż. dik fotografika).

--------------------------------------------------

ANNESS 4

LISTA KOMUNI TA’ DOKUMENTI LI JITQIESU PROVA PRIMA FACIE TAL-KUNDIZZJONIJIET GĦAR-RIAMMISSJONI TA’ PERSUNI TA’ NAZZJONALITÀ TA’ PAJJIŻI TERZI JEW PERSUNI MINGĦAJR STAT

(ARTIKOLI 3 (1), 5 (1) U 9 (2))

- deskrizzjoni maħruġa mill-awtoritajiet relevanti tal-Istat li jagħmel it-talba, tal-post u ċ-ċirkostanzi li l-persuna kkonċernata tkun ġiet interċettata fihom wara li tkun daħlet fit-territorju ta’ dak l-Istat;

- informazzjoni dwar l-identità u/jew żjara ta’ persuna li tkun ġiet provduta minn organizzazzjoni Internazzjonali (eż. UNHCR);

- rapporti/konferma ta’ informazzjoni minn membri tal-familja, sħab fil-vjaġġ, eċċ.;

- dikjarazzjoni tal-persuna kkonċernata.

- informazzjoni li turi li l-persuna kkonċernata użat is-servizzi ta’ messaġġier jew aġenzija tal-ivvjaġġar;

- dikjarazzjonijiet uffiċjali magħmula, partikolarment, mill-impjegati tal-awtorità tal-fruntieri u xhieda oħrajn li jistgħu jixhdu li l-persuna kkonċernata qasmet il-fruntiera;

- dikjarazzjoni uffiċjali tal-persuna kkonċernata fi proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi;

- dokumenti bl-isem, ċertifikati u kontijiet ta’ kwalunkwe tip (pereżempju kontijiet tal-lukandi, karti tal-appuntament għat-tobba/dentisti, karti ta’ dħul għal istituzzjonijiet pubbliċi/privati, ftehimiet tal-kiri tal-karozzi, irċevuti tal-karti tal-kreditu, eċċ.) li juru b’mod ċar li l-persuna kkonċernata qagħdet fit-territorju tal-Istat Mitlub,

- biljetti bl-isem u/jew listi tal-passiġġiera ta’ passaġġi bl-ajru, bil-ferrovija, bil-kowċ jew bil-baħar li juru l-preżenza u l-itinerarju tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Istat Mitlub.

--------------------------------------------------

ANNESS 5

(It-titolu tal-awtorità li tagħmel it-talba)

(Post u data)

Referenza:…

Lil:…

(It-titolu tal-awtorità mitluba)

PROĊEDURA AĊĊELERATA (Artikolu 6(3))

TALBA GĦAL INTERVISTA (Artikolu 8(3))

+++++ TIFF +++++

APPLIKAZZJONI GĦAR-RIAMMISSJONI

skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim tat-22 ta’ Novembru 2010 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar r-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

A. DETTALJI PERSONALI

1. Isem sħiħ (agħmel linja taħt il-kunjom):

2. Kunjom ta’ xebba:

3. Data u post tat-twelid:

Ritratt

4. Sess u deskrizzjoni fiżika (tul, kulur tal-għajnejn, marki distintivi eċċ.):

5. Magħruf/a wkoll bħala (ismijiet preċedenti, ismijiet oħra użati/li magħruf/a bihom jew psewdonimi):

6. Nazzjonalità u lingwa:

7. Stat ċivili: Miżżewweġ/Miżżewġa/ ġuvni/xebba iddivorzjat/a armel/armla

Jekk miżżewweġ/miżżewġa: isem il-konjuġi …

Ismijiet u etajiet tat-tfal (jekk hemm) …

8. L-aħħar indirizz fl-Istat li jagħmel it-talba:

B. DETTALJI PERSONALI TAL-KONJUĠI (JEKK APPLIKABBLI)

1. Isem sħiħ (agħmel linja taħt il-kunjom): …

2. Kunjom ta’ xebba: …

3. Data u post tat-twelid: …

4. Sess u deskrizzjoni fiżika (tul, kulur tal-għajnejn, marki distintivi eċċ.): …

5. Magħruf/a wkoll bħala (ismijiet preċedenti, ismijiet oħra użati/li magħruf/a bihom jew psewdonimi): …

6. Nazzjonalità u lingwa: …

C. DETTALJI PERSONALI TAL-ULIED (JEKK APPLIKABBLI)

1. Isem sħiħ (agħmel linja taħt il-kunjom): …

2. Data u post tat-twelid: …

3. Sess u deskrizzjoni fiżika (tul, kulur tal-għajnejn, marki distintivi eċċ.): …

4. Nazzjonalità u lingwa: …

+++++ TIFF +++++

D. ĊIRKOSTANZI SPEĊJALI DWAR IT-TRASFERIMENT

1. Stat ta’ saħħa (eż. referenza possibbli għall-kura medika; isem Latin ta’ mard li jittieħed):

2. Indikazzjoni ta’ persuna partikolarment perikoluża (eż. suspettata b’offiża gravi; imġiba aggressiva):

E. MEZZI TA’ PROVI MEHMUŻA

1. …

(Nru tal-Passaport)

(data u post tal-ħruġ)

(awtorità li ħarġitu)

(data tal-iskadenza)

2. …

(Nru. tal-Karta tal-Identità)

(data u post tal-ħruġ)

(awtorità li ħarġitu)

(data tal-iskadenza)

3. …

(Nru tal-liċenzja tas-sewqan)

(data u post tal-ħruġ)

(awtorità li ħarġitu)

(data tal-iskadenza)

4. …

(Nru.ta’ dokument ieħor uffiċjali)

(data u post tal-ħruġ)

(awtorità li ħarġitu)

(data tal-iskadenza)

F. OSSERVAZZJONIJIET

(Firma) (siġill/timbru)

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS 6

(It-titolu tal-awtorità li tagħmel it-talba)

(Post u data)

Referenzi: …

Lil: …

(It-titolu tal-awtorità mitluba)

+++++ TIFF +++++

APPLIKAZZJONI TA’ TRANŻITU skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim tat-22 ta’ Novembru 2010 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar r-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

A. DETTALJI PERSONALI

1. Isem sħiħ (agħmel linja taħt il-kunjom):

2. Kunjom ta’ xebba:

3. Data u post tat-twelid:

Ritratt

4. Sess u deskrizzjoni fiżika (tul, kulur tal-għajnejn, marki distintivi eċċ.):

5. Magħruf/a wkoll bħala (ismijiet preċedenti, ismijiet oħra użati/li magħruf/a bihom jew psewdonimi):

6. Nazzjonalità u lingwa:

7. Tip u numru tad-dokument tal-ivvjaġġar:

B. OPERAZZJONI TA’ TRANŻITU

1. Tip ta’ tranżitu

bl-ajru bl-art

2. Stat tad-destinazzjoni finali

3. Stati oħrajn fejn possibbilment hemm tranżitu

4. Post tal-qsim tal-fruntieri propost, data, ħin tat-trasferiment u skorti possibbli

5. Ammissjoni garantita fi kwalunkwe Stat ieħor ta’ tranżitu u fl-Istat tad-destinazzjoni finali (L-Artikolu 13 il-paragrafu 2)

iva le

6. Għarfien ta’ kwalunkwe raġuni biex ikun rifjutat it-tranżitu (l-Artikolu 13 il-paragrafu 3)

iva le

C. OSSERVAZZJONIJIET

(Firma) (siġill/timbru)

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLI 3(1) U 5(1)

Il-Partijiet jaqblu li persuna tkun "dieħla direttament" mit-territorju tal-Ġeorġja skont it-tifsira ta' dawn id-dispożizzjonijiet jekk tali persuna waslet fit-territorju ta' Stat Membru mingħajr ma daħlet f’pajjiż terz waqt li tkun ġejja, jew, fejn l-Istat Mitlub ikun wieħed mill-Istati Membri, waslet fit-territorju tal-Ġeorġja, mingħajr ma daħlet f’pajjiż terz waqt li tkun ġejja. Waqfiet ta' tranżitu bl-ajru ma jitqisux bħala dħul.

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA D-DANIMARKA

Il-Partijiet Kontraenti jinnutaw li dan il-Ftehim ma jgħoddx għat-territorju tar-Renju tad-Danimarka u lanqas għall-persuni ta’ nazzjonalità tar-Renju tad-Danimarka. F’tali ċirkostanzi huwa xieraq li l-Ġeorġja u d-Danimarka jikkonkludu ftehim ta’ riammissjoni fuq l-istess termini ta’ dan il-Ftehim.

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA L-IŻLANDA U N-NORVEĠJA

Il-Partijiet Kontraenti jinnutaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja u l-Islanda, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehim tat- 18 ta’ Mejju 1999 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen. F’tali ċirkostanzi hu xieraq li l-Ġeorġja tikkonkludi l-ftehim dwar ir-riammissjoni mal-Iżlanda u n-Norveġja fuq l-istess termini ta’ dan il-Ftehim.

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ISVIZZERA

Il-Partijiet Kontraenti jieħdu nota tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera, partikolarment bis-saħħa tal-Ftehim dwar l-assoċjazzjoni tal-Isvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li daħal fis-seħħ fl- 1 ta’ Marzu 2008. F’tali ċirkostanzi hu xieraq li l-Ġeorġja tikkonkludi ftehim dwar ir-riammissjoni mal-Isvizzera fuq l-istess termini ta’ dan il-Ftehim.

--------------------------------------------------