4.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/13


FTEHIM MONETARJU

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat tal-Belt tal-Vatikan

2010/C 28/05

L-UNJONI EWROPEA, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Italja

u

L-ISTAT TAL-BELT TAL-VATIKAN, irrapreżentat mis-Santa Sede fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-Trattat Lateran,

Billi:

(1)

Fl-1 ta’ Jannar 1999, l-euro ħa post il-munita ta’ kull Stat Membru li pparteċipa fit-tielet stadju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u fost dawn, l-Italja, b’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998.

(2)

Qabel il-ħolqien tal-euro, l-Italja u l-Istat Belt tal-Vatikan kienu marbuta flimkien permezz ta’ ftehimiet bilaterali dwar kwistjonijiet monetarji, u b’mod partikolari l-Convenzione monetaria tra la Repubblica Italiana e lo Stato della Città del Vaticano, li ġiet konkluża fit-3 ta’ Diċembru 1991.

(3)

Id-Dikjarazzjoni Nru 6 annessa mal-Att Finali tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tgħid li l-Komunità għandha tiffaċilita l-innegozjar mill-ġdid tal-arranġamenti eżistenti mal-Istat tal-Belt tal-Vatikan skont kif jista’ jkun meħtieġ b’konsegwenza tal-introduzzjoni tal-munita unika.

(4)

Il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mir-Repubblika tal-Italja b’assoċjazzjoni mal-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew, fid-29 ta’ Diċembru 2000 ikkonkludiet Ftehim Monetarju mal-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

(5)

Skont dan il-Ftehim Monetarju, l-Istat tal-Belt tal-Vatikan juża l-euro bħala l-munita uffiċjali tiegħu u jagħti status ta’ valuta legali lill-karti u l-muniti tal-euro. Għandu jiżgura li r-regoli tal-UE dwar il-karti u l-muniti tad-denominazzjoni tal-euro – inklużi dawk marbutin mal-ħarsien tiegħu kontra l-iffalsifikar – ikunu applikabbli fit-territorju tiegħu.

(6)

Dan il-ftehim ma jimponi ebda obbligu fuq il-BĊE u fuq il-Banek Ċentrali nazzjonali li jinkludu l-istrumenti finanzjarji tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan fil-lista(i) tat-titoli li huma eliġibbli għall-operazzjonijiet ta’ politika monetarja tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali.

(7)

Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan, tar-Repubblika tal-Italja, tal-Kummissjoni u tal-BĊE għandu jkun imwaqqaf biex jistudja l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim; biex jiddeċiedi dwar il-limitu tal-ħruġ tal-muniti; biex jistudja jekk huwiex biżżejjed il-proporzjon minimu ta’ muniti li jkunu se jinħarġu b’valur nominali; u biex jivvaluta l-miżuri li ttieħdu mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan biex jimplimenta l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

(8)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tkun il-korp ġudizzjarju inkarigat mis-soluzzjoni tat-tilwim li jista’ jinqala’ mill-applikazzjoni tal-Ftehim,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Istat tal-Belt tal-Vatikan għandu jkun intitolat li juża l-euro bħala munita uffiċjali tiegħu b’konformità mar-Regolamenti (KE) Nru 1103/97 u (KE) Nru 974/98. L-Istat tal-Belt tal-Vatikan għandu jagħti status ta’ valuta legali lill-karti u l-muniti tal-euro.

Artikolu 2

L-Istat tal-Belt tal-Vatikan ma għandux joħroġ xi karti, muniti jew sostituti tal-flus ta’ ebda tip sakemm il-kundizzjonijiet għal dan il-ħruġ ma jkunux miftehma mal-Unjoni Ewropea. Il-kundizzjonijiet biex jinħarġu l-muniti tal-euro mill-1 ta’ Jannar 2010 qegħdin stipulati fl-Artikoli li ġejjin.

Artikolu 3

1.   Il-limitu annwali (f’terminu ta’ valur) għall-ħruġ tal-muniti tal-euro mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan għandu jiġi kkalkulat mill-Kumitat Konġunt imwaqqaf mill-ftehim preżenti bħala t-total ta’:

parti fissa, li l-ammont ta’ bidu tagħha fl-2010 huwa ffissat għal EUR 2 300 000. Il-Kumitat Konġunt jista’ jirrevedi l-parti fissa kull sena bil-għan li jqis kemm l-inflazzjoni – abbażi l-inflazzjoni HICP tal-Italja fis-sena n-1 - u l-evoluzzjonijiet sinifikanti possibbli li jaffettwaw is-suq tal-kollezzjonisti tal-muniti tal-euro,

parti varjabbli, li tikkorrispondi għall-ħruġ medju per capita ta’ muniti tar-Repubblika tal-Italja fis-sena n-1 immultiplikat bin-numru ta’ abitanti tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

2.   L-Istat tal-Belt tal-Vatikan jista’ wkoll joħroġ munita speċjali kommemorattiva u/jew muniti għall-kollezzjonisti fis-snin li fihom is-Santa Sede tkun vojta. Fil-każ li din il-ħarġa speċjali ttella’ l-ħruġ ġenerali ‘l fuq mil-limitu stipulat fil-paragrafu 1, il-valur ta’ din il-ħarġa jiġi meqjus għall-użu tal-parti li jkun fadal mil-limitu tas-sena ta’ qabel u/jew ikun imnaqqas mil-limitu tas-sena li tkun ġejja.

Artikolu 4

1.   Il-muniti tal-euro maħruġin mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan għandhom ikunu identiċi għal dawk maħruġin mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li adottaw l-euro fejn jikkonċerna l-valur nominali, l-istatus ta’ valuta legali, il-karatteristiċi tekniċi, u artistiċi tal-wiċċ komuni u l-karatteristiċi artistiċi komuni tal-wiċċ nazzjonali.

2.   L-Istat tal-Belt tal-Vatikan għandu jikkomunika minn qabel l-abbozzi tal-uċuħ nazzjonali tal-muniti euro tiegħu lill-Kummissjoni, li trid tivverifika l-konformità tagħhom mar-regoli tal-UE.

Artikolu 5

1.   Il-muniti tal-euro maħruġin mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan għandhom jiġu stampati mill-Istituto Poligrafico e Zecca dello Stato tar-Repubblika tal-Italja.

2.   B’deroga għall-paragrafu 1, l-Istat tal-Belt tal-Vatikan jista jqabbad Zekka tal-UE biex tistampa l-muniti tal-euro flok dik imsemmija fil-paragrafu 1, bi qbil mal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 6

1.   B’konformità mal-Artikolu 128(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-volum tal-muniti tal-euro maħruġin mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan għandu jiżdied mal-volum tal-muniti maħruġin mill-Italja għall-għan tal-approvazzjoni tal-volum totali tal-ħruġ ta’ dak l-Istat Membru mill-BĊE.

2.   L-Istat tal-Belt tal-Vatikan għandu javża lir-Repubblika tal-Italja, mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru ta’ kull sena, dwar il-volum u l-valur nominali tal-muniti tal-euro li jkun biħsiebu joħroġ fis-sena li tkun ġejja. Għandu javża wkoll lill-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ maħsubin għal dawn il-muniti.

3.   L-Istat tal-Belt tal-Vatikan għandu jikkomunika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għas-sena 2010 mal-firma ta’ dan il-Ftehim.

4.   Bla ħsara għall-ħruġ ta’ muniti għall-kollezzjonisti, l-Istat tal-Belt tal-Vatikan għandu joħroġ fiċ-ċirkolazzjoni b’valur nominali mill-inqas 51 % tal-muniti tal-euro maħruġin kull sena. Il-Kumitat Konġunt kull ħames snin għandu jeżamina jekk huwiex xieraq il-proporzjon minimu ta’ muniti li għandhom jiġu introdotti b’valur nominali u jista’ jiddeċiedi li jżidu.

Artikolu 7

1.   L-Istat tal-Belt tal-Vatikan jista’ joħroġ il-muniti tal-euro għall-kollezzjonisti. Dawn għandhom ikunu inklużi mal-limitu annwali msemmi fl-Artikolu 3. Il-ħruġ ta’ muniti tal-euro għall-kollezzjonisti mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan għandu jsir skont il-linji gwida tal-UE stipulati għall-muniti tal-euro għall-kollezzjonisti, li, inter alia, jeħtieġu l-adozzjoni ta’ karatteristiċi tekniċi u artistiċi u denominazzjonijiet li juru d-differenza bejn il-muniti tal-euro maħruġin għall-kollezzjoni u l-muniti tal-euro li huma maħsubin għaċ-ċirkolazzjoni.

2.   Muniti għall-kollezzjonisti maħruġin mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan mhumiex se jkunu ta’ valuta legali fl-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

1.   L-Istat tal-Belt tal-Vatikan għandu jidħol risponsabbli li jadotta l-miżuri kollha xierqa, permezz ta’ traspożizzjonijiet diretti jew azzjonijiet possibbilment ekwivalenti, bil-għan li jimplimenta l-atti u r-regoli ġuridiċi tal-UE elenkati fl-Anness ma’ dan il-Ftehim, fl-oqsma ta’:

(a)

il-karti u l-muniti tal-euro;

(b)

il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, il-prevenzjoni tal-frodi u tal-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament kemm ta’ flus kontanti kif ukoll mezzi oħra, ta’ medalji u towkins u rekwiżiti tar-rapportaġġ tal-istatistika.

Jekk u meta jinħalaq settur bankarju fl-Istat tal-Belt tal-Vatikan, il-lista tal-atti u r-regoli ġudizzjarji fl-Anness għandhom ikunu estiżi bil-għan li jinkludu l-liġi bankarja u finanzjarja tal-UE u l-atti u r-regoli ġudizzjarji rilevanti tal-BĊE, b’mod partikolari dwar ir-rekwiżiti tar-rapportaġġ tal-istatistika.

2.   L-atti u r-regoli ġudizzjarji msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu implimentati mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan b’konformità mal-limiti taż-żmien speċifikati fl-Anness.

3.   L-Anness għandu jiġi emendat kull sena mill-Kummissjoni bil-għan li jitqiesu dejjem l-atti u r-regoli ġudizzjarji ġodda rilevanti tal-UE, kif ukoll l-emendi għal dawk li diġà jeżistu. Wara li jsir dan, il-Kumitat Konġunt għandu jiddeċiedi limiti ta’ żmien xierqa u raġonevoli għall-implimentazzjoni mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan tal-atti u r-regoli ġudizzjarji ġodda miżjudin mal-Anness.

4.   L-Anness aġġornat għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

L-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istat tal-Belt tal-Vatikan jistgħu jkollhom aċċess għas-sistemi ta’ sald u ħlas interbankarji u tat-titoli fiż-żona tal-euro skont termini u kundizzjonijiet xierqa deċiżi mill-Bank tal-Italja, bi qbil mal-BĊE.

Artikolu 10

1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tkun il-ġuriżdizzjoni esklużiva li jkollha l-kompetenza li tiddeċiedi kull tilwima dewwiema bejn il-partijiet li tista’ tinqala’ mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u li ma tkunx setgħet tiġi solvuta fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

2.   Jekk l-Unjoni Ewropea (li tkun qed taġixxi fuq rakkomandazzjoni tad-delegazzjoni tal-UE fil-Kumitat Konġunt) jew l-Istat tal-Belt tal-Vatikan jikkunsidra li l-Parti l-oħra ma tkunx issodisfat xi obbligu skont dan il-Ftehim, din tista’ tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Is-sentenza tal-Qorti għandha torbot lill-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mas-sentenza f’perjodu ta’ żmien li għandu jiġi deċiż mill-Qorti fis-sentenza tagħha.

3.   Fil-każ li l-Unjoni Ewropea jew l-Istat tal-Belt tal-Vatikan jonqos milli jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mas-sentenza tul il-perjodu, il-Parti l-oħra tista’ ttemm minnufih il-Ftehim.

Artikolu 11

1.   Għandu jiġi stabbilit Kumitat Konġunt. Dan għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan u tal-Unjoni Ewropea. Id-delegazzjoni tal-UE għandha tkun magħmula minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u tar-Repubblika tal-Italja flimkien mar-rappreżentanti tal-BĊE. Id-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tagħha permezz ta’ kunsens.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena. Il-Presidenza għandha tgħaddi minn sena għall-oħra bejn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea għal rappreżentant tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan u viċeversa. Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod unanimu.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jaqsam l-opinjonijiet u l-informazzjoni u jieħu d-deċiżjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 3, 6 u 8. Għandu jistudja l-miżuri meħudin mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan u jagħmel ħiltu biex isolvi kull tilwim potenzjali li jista’ jinqala’ minħabba l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

4.   L-Unjoni Ewropea se tkun l-ewwel li tippresjedi fuq il-Kumitat Konġunt mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, kif stipulat fl-Artikolu 13.

Artikolu 12

Mingħar ħsara għall-Artikolu 10.3, kull Parti tista’ ttemm dan il-Ftehim b’avviż ta’ sena minn qabel.

Artikolu 13

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 14

Il-Ftehim Monetarju tad-29 ta’ Diċembru 2000 għandu jiġi rrevokat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Referenzi għall-Ftehim tad-29 ta’ Diċembru 2000 għandhom jiġu mifhuma li jirreferu għall-Ftehim preżenti.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2009.

għall-Unjoni Ewropea

Joaquín ALMUNIA

Membru tal-Kummissjoni Ewropea

Għall-Istat tal-Belt tal-Vatikan u, f’ismu, għas-Santa Sede

L-Eċċellenza tiegħu l-Arċisqof André DUPUY

Nunzju Appostoliku għall Unjoni Ewropea


ANNESS

DISPOŻIZZJONIJIET LEGALI LI GĦANDHOM JIĠU IMPLIMENTATI

LIMITU TA’ ŻMIEN GĦALL-IMPLEMENTAZZJONI

Il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus

Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu, ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

Emendata bi:

Direttiva 2008/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li temenda d-Direttiva 2005/60/KE dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni kkonferiti lill-Kummissjoni, ĠU L 76, 19.3.2008, p. 46.

Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE tal-1 ta’ Awwissu 2006 li tistabbilixxi miżuri implimentattivi għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ persuni esposti politikament u l-kriterji tekniċi għal proċeduri ssimplifikati tad-diliġenza dovuta mal-klijent u għal eżenzjoni għal raġunijiet ta’ attività finanzjarja mwettqa fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna, ĠU L 214, 4.8.2006, p. 29.

Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi, ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1.

Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità, ĠU L 309, 25.11.2005, p. 9.

Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tas-26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità, ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1.

31.12.2010

Il-prevenzjoni tal-frodi u tal-falsifikazzjoni tal-flus

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabbilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-Euro, ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6.

Emendat bi:

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni kontra l-iffalsifikar tal-Euro ĠU L 17, 22.1.2009, p. 1.

31.12.2010

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2182/2004 tas-6 ta’ Diċembru 2004 dwar midalji u tokens simili għall-muniti tal-Euro, ĠU L 373, 21.12.2004, p. 1.

Emendat bi:

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 46/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2182/2004 dwar midalji u tokens simili għall-muniti tal-euro, ĠU L 17, 22.1.2009, p. 5.

31.12.2010

Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta’ pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar in konnessjoni mad-dħul tal-Euro, ĠU L 140, 14.6.2000, p. 1.

Emendata bi:

Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/888/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2001 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/JHA dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta’ pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar in konnessjoni mad-dħul tal-Euro, ĠU L 329, 14.12.2001, p. 3.

31.12.2010

Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/C 149/02 tad-29 ta’ April 1999 li jestendi l-mandat tal-Europol biex jittratta l-iffalsifikar tal-flus u metodi ta’ pagament, ĠU C 149, 28.5.1999, p. 16.

31.12.2010

Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE tas-17 ta’ Diċembru 2001 li tistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-Euro kontra l-iffalsifikar (il-programm Pericles), ĠU L 339, 21.12.2001, p. 50.

Emendata bi:

Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/75/KE tat-30 ta’ Jannar 2006 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-protezzjoni tal-Euro kontra l-falsifikazzjoni (il-programm Pericles), ĠU L 36, 8.2.2006, p. 40.

Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/849/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-protezzjoni tal-Euro kontra l-falsifikazzjoni (il-programm Pericles), ĠU L 330, 28.11.2006, p. 28.

Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/888/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2001 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru 2000/383/JHA dwar il-protezzjoni li qed tikber minn penali krimini u sanzjonijiet oħra kontra l-falsifikazzjoni dwar l-introduzzjoni tal-Euro, ĠU L 329, 14.12.2001, p. 3.

Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/887/ĠAI tas-6 ta’ Diċembru 2001 dwar il-protezzjoni tal-Euro kontra l-iffalsifikar, ĠU L 329, 14.12.2001, p. 1.

31.12.2010

Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/413/ĠAI tat-28 ta’ Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas bi flus mhux kontanti, ĠU L 149, 2.6.2001, p. 1.

31.12.2010

Regoli dwar il-karti u l-muniti tal-Euro;

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-Euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, ĠU L 139, 11.5.1998, p. 6.

Emendat:

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/1999 tat-22 ta’ Frar 1999, ĠU L 52, 27.2.1999, p. 2.

31.12.2010

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 1999 dwar is-sistema għall-immaniġġjar tal-kwalità għall-muniti tal-Euro

31.12.2010

Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 1998 u tal-5 ta’ Novembru 2002 dwar il-muniti għall-kollezzjonisti

31.12.2010

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/23/KE tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-Euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52

31.12.2010

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2001/C 318/03 tat-22 ta’ Ottubru 2001 dwar il-protezzjoni tad-dritt tal-awtur tad-disinn tal-wiċċ komuni tal-muniti tal-Euro (COM(2001) 600 finali) ĠU C 318, 13.11.2001, p. 3.

31.12.2010

Linja gwida tal-BĊE BĊE/2003/5 tal-20 ta’ Marzu 2003 dwar l-infurzar ta’ miżuri kontra r-riproduzzjoni tal-karti tal-flus Euro irregolari u dwar il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus Euro, ĠU L 78, 25.3.2003, p. 20.

31.12.2010

Deċiżjoni tal-BĊE BĊE/2003/4 tal-20 ta’ Marzu 2003 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus Euro, ĠU L 78, 25.3.2003, p. 16.

31.12.2010