22.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/47


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 92/2009

tat-3 ta' Lulju 2009

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”, u b'mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ġie emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 131/2007 tat-28 ta' Settembru 2007 (1).

(2)

Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim tiġi estiża biex tinkludi d-Deċiżjoni Nru 1098/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) (2).

(3)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim għandu għalhekk jiġi emendat sabiex din l-estensjoni ta' kooperazzjoni tkun tista' sseħħ mill-1 ta' Jannar 2009,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Artikolu 5 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Il-paragrafu 5 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-Istati tal-EFTA għandhom jieħdu sehem fil-programmi u azzjonijiet tal-Komunità msemmijin fl-ewwel żewġ inċiżi tal-paragrafu 8 mill-1 ta' Jannar 1996, fil-programm imsemmi fit-tielet inċiż mill-1 ta' Jannar tas-sena 2000, fil-programm imsemmi fir-raba' inċiż mill-1 ta' Jannar tal-2001, fil-programmi msemmijin fil-ħames u s-sitt inċiżi mill-1 ta' Jannar tal-2002 u fil-programmi msemmijin fis-seba' u t-tmien inċiżi mill-1 ta' Jannar tal-2004, fil-programmi msemmijin fid-disa', l-għaxar u l-ħdax-il inċiżi mill-1 ta' Jannar tal-2007 u fil-programm imsemmi fit-tnax-il inċiż mill-1 ta' Jannar tal-2009.”

(2)

L-inċiż li ġej għandu jiġi miżjud fil-paragrafu 8:

“—

32008 D 1098: Id-Deċiżjoni Nru 1098/2008/EC tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru tal-2008 dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) (ĠU L 298, 7.11.2008, p. 20).”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim (*).

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2009.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fis-Sezzjoni ŻEE u fis-Suppliment ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Oda Helen SLETNES


(1)  ĠU L 47, 21.2.2008. p. 67.

(2)  ĠU L 298, 7.11.2008, p. 20.

(*)  L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali m'huma indikati.