22009A1120(01)

Ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS dwar is-sigurtà u l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata

Official Journal L 306 , 20/11/2009 P. 0041 - 0044


ANNESS

Ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS dwar is-sigurtà u l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

minn hawn ‘il quddiem imsejħa "Kummissjoni", irrappreżentata mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija u t-Trasport,

minn naħa waħda, u

L-AWTORITÀ EWROPEA TA’ SORVELJANZA TAL-GNSS,

minn hawn ‘il quddiem imsejħa "ASG", irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha,

min-naħa l-oħra,

minn hawn ‘il quddiem imsejħin "Partijiet" jew "Parti",

WARA LI KKUNSIDRAW it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo),

WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 2004 dwar l-istrutturi ta’ ġestjoni tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita,

WARA LI KKUNSIDRAW id-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad- 29 ta’ Novembru 2001 tal-Kummissjoni li temenda ir-regoli ta’ proċedura interni tagħha,

BILLI fil-kuntest tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita EGNOS u Galileo, hemm ħtieġa kontinwa ta’ skambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-partijiet,

BILLI konsultazzjonijiet u kooperazzjoniet tajbin u effikaċi jistgħu jeħtieġu l-aċċess għal informazzjoni klassifikata mill-Partijiet, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet,

KONXJI mill-fatt li tali aċċess u tali skambju ta’ informazzjoni klassifikata jeħtieġu miżuri ta’ sigurtà xierqa,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, b’dawn li ġejjin wieħed jifhem:

(a) "informazzjoni klassifikata" : kull informazzjoni (jiġifieri għarfien li jista’ jiġi kkomunikat fi kwalunkwe forma) jew kull materjal, inklużi dokumenti, li Parti tqis li għandhom jiġu mħarsa minn żvelar mhux awtorizzat u li ġew indikati bħala tali skont klassifikazzjoni ta’ sigurtà;

(b) "Parti li tipprovdi l-informazzjoni" : il-parti li minnha tkun ġejja l-informazzjoni klassifikata li tiġi kkomunikata jew żvelata lill-Parti l-oħra, il-Parti riċevitriċi;

(c) "Parti riċevitriċi" : il-parti li tirċievi l-informazzjoni klassifikata mill-Parti l-oħra, il-Parti li tipprovdi l-informazzjoni klassifikata;

(d) "regolamenti tas-sigurtà" : id-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Novembru 2001, kif inhi applikabbli għal kull Parti, u l-proċeduri u r-regolamenti interni ta’ kull Parti.

Artikolu 2

Dan il-ftehim japplika għall-informazzjoni klassifikata kkomunikata minn Parti lil oħra jew skambjata bejniethom b’mod konformi mar-regolamenti ta’ sigurtà rispettivi tagħhom għall-ħtiġijiet tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita (Galileo u EGNOS).

Artikolu 3

Kull Parti:

(a) tiżgura l-protezzjoni u s-salvagwardja tal-informazzjoni klassifikata koperta minn dan il-ftehim li tiġi kkomunikata minn Parti għal oħra jew skambjata bejniethom;

(b) tiżgura li l-informazzjoni klassifikata li tiġi kkomunikata jew skambjata skont dan il-Ftehim, iżżomm il-klassifikazzjoni ta’ sigurtà li tkun tatha l-Parti li tipprovdi l-informazzjoni. Il-Parti riċevitriċi tiżgura l-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ din l-informazzjoni klassifikata skont id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti ta’ sigurtà tagħha li jirrigwardaw l-informazzjoni klassifikata wara li tkun irċeviet klassifikazzjoni ta’ sigurtà ekwivalenti, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 9;

(c) tastjeni milli tagħmel użu minn din l-informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim għal finijiet li mhumiex dawk li ġew stabbiliti mill-Parti li tkun ipprovdietha;

(d) tastjeni milli tiżvela informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim lil Partijiet terzi, ħlief għal dawk imsemmija fl-Artikolu 4, il-paragrafi 4 u 5, mingħajr il-kunsens minn qabel tal-Parti li tkun ipprovdiet l-informazzjoni;

(e) ma tawtorizzax l-aċċess għal din l-informazzjoni klassifikata ħlief lil persuni li jkollhom bżonn li jkunu jafuha u, skont il-każ, ikollhom awtorizzazzjoni tas-sigurtà tal-livell meħtieġ.

Artikolu 4

1. L-informazzjoni klassifikata tista’ tiġi kkomunikata jew żvelata, f’konformità mal-prinċipju ta’ kontroll tal-oriġinatur, mill-Parti li tipprovdi l-informazzjoni lill-Parti riċevitriċi.

2. L-iżvelar jew il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata lil Partijiet terzi li mhumiex dawk imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 jsir fuq deċiżjoni tal-Parti riċevitriċi, wara li l-Parti li tkun ipprovdiet l-informazzjoni tkun tat il-kunsens tagħha bil-miktub, f’konformità mal-prinċipju ta’ kontroll tal-oriġinatur, kif inhu definit permezz tar-regolament ta’ sigurtà tagħha.

3. Permezz tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, żvelar awtomatiku lil Partijiet terzi li mhumiex dawk imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 huwa possibbli biss jekk ikunu ġew stabbiliti u miftiehma proċeduri bejn il-partijiet għal ċerti kategoriji ta’ informazzjoni relatati mal-ħtiġijiet operattivi tagħhom.

4. L-informazzjoni klassifikata li toħroġ mingħand l-ASG tista’ tkun żvelata b’mod awtomatiku mill-Kummissjoni lill-Aġenzija Spazjali Ewropea ("ASE"), lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

5. Il-Kummissjoni għandha tfittex li tidħol fi ftehimiet u arranġamenti mal-ASE, mal-Kunsill u mal-Istati Membri rispettivament, sabiex tippermetti l-iżvelar awtomatiku lill-ASG ta’ informazzjoni klassifikata li toħroġ mingħand l-ASE, il-Kunsill u l-Istati Membri.

Artikolu 5

1. Il-partijiet għandhom jiżguraw li jkollhom sistema ta’ sigurtà u li jimplimentaw miżuri ta’ sigurtà li jissodisfaw il-prinċipji fundamentali u l-istandards minimi ta’ sigurtà pprovduti mir-regolamenti ta’ sigurtà rispettivi tagħhom u li jinsabu fl-arranġamenti li għandhom jiġu implimentati skont l-Artikolu 9, b’mod li jkun applikat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għall-informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim.

2. Il-partijiet għandhom jipprovdu għajnuna reċiproka f’dak li jirrigwarda s-sigurtà tal-informazzjoni klassifikata imsemmija f’dan il-Ftehim u l-kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ interess komuni. L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 9 għandhom iwettqu konsultazzjonijiet u spezzjonijiet reċiproċi ta’ sigurtà sabiex jivvalutaw l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà taħt ir-responsabbiltà tagħhom li għandhom ikunu stabbiliti skont l-Artikolu msemmi.

3. Qabel il-komunikazzjoni jew l-iskambju ta’ informazzjoni klassfikata soġġetta għal dan il-Ftehim bejn il-Partijiet, l-awtoritajiet ta’ sigurtà responsabbli msemmija fl-Artikolu 9 jiddikjaraw li jaqblu li jivvalutaw li l-Parti riċevitriċi hija f’pożizzjoni li tiżgura l-protezzjoni u s-salvagwardja tal-informazzjoni msemmija f’konformità mad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu msemmi.

Artikolu 6

Il-partijiet jiżguraw li kull persuna li, fil-qadi tad-dmirijiet uffiċjali tagħha, tkun teħtieġ li taċċessa jew, minħabba d-dmirijiet jew il-funzjonijiet tagħha, jista’ jkollha aċċess għal informazzjoni klassifikata kkomunikata jew skambjata skont dan il-Ftehim, ikollha, jekk ikun meħtieġ, awtorizzazzjoni xierqa tas-sigurtà qabel ma tingħata permess li taċċessa din l-informazzjoni klassifikata.

Il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tas-sigurtà għandhom l-għan li jiddeterminaw jekk persuna, meta wieħed jikkunsidra l-lealtà u l-fedeltà tagħha, jistax ikollha aċċess għal informazzjoni klassifikata.

Artikolu 7

1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a) f’dak li jirrigwarda l-Kummissjoni, il-korrispondenza kollha tintbagħat fl-uffiċċju ċentrali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, f’dan l-indirizz:

Commission européenne

Secrétariat général

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

(b) f’dak li jirrigwarda l-ASG, il-korrispondenza kollha tintbagħat f’dan l-indirizz:

GSA

Local Security Officer

Rue de la Loi 56/Wetstraat 56

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

2. Minkejja l-paragrafu 1, il-korrispondenza ta’ Parti li għaliha għandhom aċċess biss ċerti aġenti, korpi jew servizzi kompetenti ta’ din il-Parti tista’, għal raġunijiet operattivi, tkun indirizzata u aċċessibbli biss għal ċerti aġenti, korpi jew servizzi kompetenti tal-Parti l-oħra maħturin b’mod speċifiku bħala riċevituri, skont il-kompetenzi tagħhom u skont il-prinċipju tal-ħtieġa li jkollhom għarfien. Jekk dan ikun il-każ:

(a) F’dak li jirrigwarda l-Kummissjoni, din il-korrispondenza tintbagħat b’mod dirett mill-ASG lill-uffiċċju lokali li jservi lill-aġenti, lill-korpi jew lis-servizzi kompetenti fi ħdan il-Kummissjoni, jew permezz tal-[uffiċċju ċentrali tas-Segretarjat Ġenerali] tal-Kummissjoni, f’każ li l-aġenti, il-korpi jew is-servizzi riċevituri m’għandhomx uffiċċju lokali;

(b) F’dak li jirrigwarda l-ASG, din il-korrispondenza tintbagħat permezz tad-dipartiment tas-sigurtà tal-ASG.

Artikolu 8

Id-Direttur Eżekuttiv tal-ASG u d-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 9

1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, qegħdin jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet ta’ sigurtà bejn l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 sabiex jiġu stabbiliti l-istandards ta’ protezzjoni ta’ sigurtà u ta’ salvagwardja reċiproka tal-informazzjoni klassifikata kkomunikata u skambjata taħt dan il-Ftehim.

2. Id-dipartiment tas-sigurtà tal-ASG, taħt l-awtorità u għan-nom tad-Direttur Eżekuttiv tal-ASG, jelabora d-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà li għandhom jittieħdu sabiex ikunu żgurati l-protezzjoni u s-salvagwardja tal-informazzjoni klassifikata kkomunikata lill-ASG jew skambjata magħha skont dan il-Ftehim.

3. Id-Direttorat tas-sigurtà tal-Kummissjoni, li jaġixxi taħt l-awtorità tal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kwistjonijiet ta’ sigurtà, jelabora d-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà li għandhom jittieħdu sabiex ikunu żgurati l-protezzjoni u s-salvagwardja tal-informazzjoni klassifikata kkomunikata jew skambjata skont dan il-Ftehim fi ħdan il-Kummissjoni u fil-bini tagħha.

4. Għall-ASG, id-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 huma soġġetti għall-approvazzjoni tal-kunsill tal-amministrazzjoni tal-ASG.

Artikolu 10

L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 9 jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti jekk ikun magħruf jew jekk ikun hemm xi suspett li informazzjoni klassifikata koperta minn dan il-Ftehim tkun kompromessa, inkluża n-notifikazzjoni lill-Parti l-oħra dwar is-sitwazzjoni u dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu.

Artikolu 11

Kull Parti għandha ġġarrab l-ispejjeż tagħha għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 12

Kwalunkwe tilwima bejn il-Kummissjoni u l-ASG li tirriżulta mill-interpretazzjoni jew mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tkun l-oġġett ta’ negozjati bejn il-Partijiet.

Artikolu 13

1. Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar mid-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri interni meħtieġa huma lesti.

2. Kull Parti għandha tinnotifika lill-oħra bi kwalunkwe bidla li tkun saret fir-regolament li tista’ tikkomprometti l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata koperta minn dan il-Ftehim.

3. Dan il-Ftehim jista’ jiġi eżaminat mill-ġdid fuq talba ta’ Parti jew tal-oħra bl-għan li jsiru xi tibdiliet possibbli.

4. Kull bidla f’dan il-Ftehim għandha ssir biss bil-miktub u bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet. Din tidħol fis-seħħ permezz ta’ notifika reċiproka, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.

5. Dan il-Ftehim għandu jkun konkluż għal perjodu indefinit. Jista’ jintemm fi kwalunkwe ħin minn Parti permezz ta’ notifika bil-miktub ta’ terminazzjoni indirizzata lill-Parti l-oħra. It-terminazzjoni tidħol fis-seħħ sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi notifika tagħha. Madankollu, din ma taffettwax l-obbligi diġà kkuntrattati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, kull informazzjoni klassifikata kkomunikata jew skambjata skont dan il-Ftehim tibqa’ protetta skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim sakemm il-Parti riċevitriċi tagħtiha lura lill-Parti li tkun ipprovdietha, fuq talba ta’ din tal-aħħar.

6. Dan il-Ftehim huwa mfassal f’żewġ kopji fil-lingwa Ingliża.

B’xhieda ta’ dan, is-sottoskritti, awtorizzati bix-xieraq rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, il- 11 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Id-Direttur Ġenerali

Matthias Ruete

Għall-Awtorità Ewropea ta’ Sorveljanza tal-GNSS

Id-Direttur Eżekuttiv

Pedro Pedreira

--------------------------------------------------