23.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 279/15


DEĊIŻJONI Nru 1/2007 TAL-KUMITAT KONĠUNT BEJN L-UE U L-MESSIKU

ta' l-14 ta’ Ġunju 2007

fir-rigward ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt bejn l-UE u l-Messiku tat-23 ta' Marzu 2000, dwar it-tifsira tal-kunċett tal-‘prodotti li joriġinaw minn’ u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

(2007/676/KE)

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt bejn l-UE u l-Messiku tat-23 ta' Marzu 2000 (1) (minn hawn 'il quddiem “Deċiżjoni Nru 2/2000”), u b'mod partikulari l-Anness III tiegħu dwar it-tifsira tal-kunċett tal-‘prodotti li joriġinaw minn’ u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva,

Billi:

(1)

L-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 jistabbilixxi r-regoli ta' l-oriġini għall-prodotti li joriġinaw mit-territorju tal-Partijiet f'dan il-Ftehim.

(2)

Skond id-Dikjarazzjoni Konġunta V tad-Deċiżjoni Nru 2/2000, il-Kumitat Konġunt irid jirrevedi l-bżonn li jestendi wara t-30 ta' Ġunju 2003 l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fin-Noti 2 u 3 ta' l-Appendiċi II(a), jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi li ffurmaw il-bażi biex ġew stabbiliti ir-regoli stipulati f'dawk in-Noti jibqgħu kif kienu. Fit-22 ta' Marzu 2004 il-Kumitat Konġunt adotta d-Deċiżjoni Nru 1/2004 tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Messiku (2) li testendi l-applikazzjoni tar-regoli ta' l-oriġini stabbiliti fin-Noti 2 u 3 ta' l-Appendiċi II(a) ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 sat-30 ta' Ġunju 2006.

(3)

Hu kkunsidrat xieraq li għal darb'oħra tiġi estiża, fuq bażi temporanja, l-applikazzjoni tar-regoli ta' l-oriġini stabbiliti fin-Noti 2 u 3 ta' l-Appendiċi II(a) ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000, sabiex tiġi żgurata t-tkomplija ta' l-applikazzjoni tal-vantaġġi reċiproċi kif ipprovduti skond dik id-Deċiżjoni.

(4)

Skond id-Dikjarazzjoni Konġunta VI tad-Deċiżjoni Nru 2/2000, il-Kumitat Konġunt irid jestendi wara l-31 ta' Diċembru 2002 ir-regoli ta' l-oriġini stabbiliti fin-Nota 4 ta' l-Appendiċi II(a) ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 sakemm tkun intemmet il-fażi attwali tan-negozzjati multilaterali fl-Organizzazjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

(5)

Bid-Deċiżjoni Nru 1/2002 tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Messiku ta' l-20 ta' Diċembru 2002 (3), l-applikazzjoni tar-regoli ta' l-oriġini stabbiliti fin-Nota 4 ta' l-Appendiċi II(a) ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 ġiet estiża sal-31 ta' Diċembru 2004. Sal-lum in-negozjati tal-WTO għadhom mhux magħluqa u għalhekk hu neċessarju li terġa' tiġi estiża l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli ta' l-oriġini, sabiex tiġi żgurata t-tkomplija ta' l-applikazzjoni tal-vantaġġi reċiproċi pprovduti skond id-Deċiżjoni Nru 2/2000.

(6)

Il-metodu ta' tmexxija li qiegħed jintuża attwalment biex jiġu allokati l-kwoti annwali stabbiliti fl-Appendiċi II ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 għall-prodotti kklassifikati taħt it-titli HS (Sistema Armoniżżata) 5208 sa 5212, 5407 u 5408, 5512 sa 5516, 5801, 5806 u 5811 esportati mill-Komunità lejn il-Messiku jrid jinbidel mis-sistema preżenti ta' rkant għal waħda ta' “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel”, sabiex jiġi ssimplifikat l-aċċess għal dawn il-kwoti u togħla r-rata ta' l-użu.

(7)

Il-metodu ta' tmexxija li qiegħed jintuża attwalment biex jiġu allokati l-kwoti annwali stabbiliti fin-Nota 9 ta' l-Appendiċi II(a) ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 għall-prodotti kklassifikati taħt it-titli HS 6402 sa 6404 esportati mill-Komunità lejn il-Messiku jrid jinbidel mis-sistema preżenti ta' rkant għal waħda ta' “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel”, sabiex jiġi ssimplifikat l-aċċess għal dawn il-kwoti u togħla r-rata ta' l-użu.

(8)

Ir-regola ta' l-oriġini stabbilita fl-Appendiċi II ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 għall-prodotti kklassifikati taħt it-titlu HS 1904 trid tiġi emendata biex tippermetti l-użu tal-qamħirrun Zea indurata mhux ta' oriġini fil-manifatturar tal-prodotti ta' dan it-titlu.

(9)

Ir-regola ta' l-oriġini stabbilita fl-Appendiċi II ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 għall-prodotti kklassifikati taħt it-titlu HS 7601 trid tiġi emendata biex tippermetti l-akkwist ta' l-oriġini permezz ta' diversi proċessi ta' manifattura,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ir-regoli ta' l-oriġini stabbiliti fin-Noti 2 u 3 ta' l-Appendiċi II(a) ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 jibqgħu applikabbli sat-30 ta' Ġunju 2009 minflok ir-regoli ta' l-oriġini stabbiliti fl-Appendiċi II ta' l-Anness III għal dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Ir-regoli ta' l-oriġini stabbiliti fin-Nota 4 ta' l-Appendiċi II(a) ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 jibqgħu applikabbli sakemm tintemm il-fażi attwali tan-negozjati tal-WTO, minflok ir-regoli ta' l-oriġini stabbiliti fl-Appendiċi II ta' l-Anness III ta' dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   It-test tan-noti f'qiegħ il-paġna fl-Appendiċi II ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 li jagħmel riferenza għall-prodotti kklassifikati taħt it-titli HS 5208 sa 5212, 5407 u 5408, 5512 sa 5516, 5801, 5806 u 5811, iridu jiġu mibdula mat-test li jinsab fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Trid tiżdied Nota 13 ġdida ma' l-Appendiċi II(a) ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000, li t-test tiegħu jinsab fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

It-test tan-Nota 9 ta' l-Appendiċi II(a) ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 irid jiġi mibdul mat-test li jinsab fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Ir-regola ta' l-oriġini stabbilita fl-Appendiċi II ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 għall-prodotti kklassifikati taħt it-titlu HS 1904 trid tiġi mibdula mat-test li jinsab fl-Anness III ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Ir-regola ta' l-oriġini stabbilita fl-Appendiċi II ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 għall-prodotti kklassifikati taħt it-titlu HS 7601 trid tiġi mibdula mat-test li jinsab fl-Anness IV ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data ta' meta l-Partijiet jiskambjaw in-notifiki miktuba li jiċċertifikaw it-tlestija tal-proċeduri legali rispettivi tagħhom.

L-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2006.

L-Artikolu 2 għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2005.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kumitat Konġunt

Tomás DUPLÁ DEL MORAL


(1)  ĠU L 157, 30.6.2000, p. 10 u ĠU L 245, 29.9.2000, p. 1 (Annessi). Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni Nru 3/2004 tal-Kumitat Konġunt bejn l-UE-Messiku (ĠU L 293, 16.9.2004, p. 15).

(2)  ĠU L 113, 20.4.2004, p. 60.

(3)  ĠU L 44, 18.2.2003, p. 97.


ANNESS I

(Imsemmi fl-Artikolu 3)

It-Test tan-noti ta' qiegħ il-paġna fl-Appendiċi II ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni nru 2/2000 li jirreferi għall-prodotti kklassifikati taħt it-titli HS 5208 sa 5212, 5407 u 5408, 5512 sa 5516, 5801, 5806 u 5811

Nota ta' qiegħ il-paġna għat-titli HS 5208 sa 5212

Ir-regola ta' l-istampar trid tiġi applikata biss għall-esportazzjoni mill-KE lejn il-Messiku għal kwota annwali totali ta' 2 000 000 m2. Din il-kwota trid tiġi allokata mill-Messiku fuq bażi ta' “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel”. Ara n-Nota 13 ta' l-Appendiċi II(a).

Nota ta' qiegħ il-paġna tat-titli HS 5407 u 5408

Ir-regola ta' l-istampar trid tiġi applikata biss għall-esportazzjoni mill-KE lejn il-Messiku għal kwota annwali kumplessiva ta' 3 500 000 m2. Din il-kwota trid tiġi allokata mill-Messiku fuq bażi ta' “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel”. Ara n-Nota 13 ta' l-Appendiċi II(a).

Nota ta' qiegħ il-paġna tat-titli HS 5512 sa 5516

Ir-regola ta' l-istampar trid tiġi applikata biss għall-esportazzjoni mill-KE lejn il-Messiku għal kwota annwali kumplessiva ta' 2 000 000 m2. Din il-kwota trid tiġi allokata mill-Messiku fuq bażi ta' “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel”. Ara n-Nota 13 ta' l-Appendiċi II(a).

Nota ta' qiegħ il-paġna tat-titli HS 5801, 5806 u 5811

Għat-titli HS 5801, 5806 u 5811, ir-regola ta' l-istampar trid tiġi applikata biss għall-esportazzjonijiet mill-KE lejn il-Messiku għal kwota annwali kumplessiva ta' 500 000 m2. Din il-kwota trid tiġi allokata mill-Messiku fuq bażi ta' “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel”. Ara n-Nota 13 ta' l-Appendiċi II(a).

It-Test tan-nota 13 ta' l-Appendiċi II(a) ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni nru 2/2000

Nota 13

Il-Messiku jrid jalloka l-benefiċċju tal-kwoti annwali stabbiliti fl-Appendiċi II għall-prodotti kklassifikati bit-titli HS 5208 sa 5212, 5407 u 5408, 5512 sa 5516, 5801, 5806 u 5811 fuq bażi ta' “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel”.

Fl-2009, il-Kumitat Konġunt irid jirrevedi l-kwoti annwali sabiex dawn jiġu aġġustati fid-dawl ta' l-esperjenza ta' l-immaniġġjar tagħhom u tal-fluss tal-kummerċ bilaterali.


ANNESS II

(Imsemmi fl-Artikolu 4)

It-Test tan-Nota 9 ta' l-Appendiċi II(a) ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000

Nota 9

Għat-titli HS 6402, 6403 u 6404

Titli HS

Deskrizzjoni tal-prodott

Xogħol jew ipproċessar imwettaq fuq materjali li ma joriġinawx, li jikkonferixxu status li joriġinaw

(1)

(2)

(3) jew (4)

6402 sa 6404

Xedd tas-saqajn tal-plastik, tal-ġilda u tat-tessuti

Manifattura minn materjali ta’ kull titlu, għajr minn immuntaturi ta’ wċuħ imwaħħlin ma’ qigħan ta’ ġewwa jew ma’ komponenti ta’ qigħan oħra tat-titlu 6406

 

Din ir-regola tista' tikkonferixxi l-oriġini biss lill-merkanzija li hi esportata mill-UE lejn il-Messiku, sal-kwoti annwali għal kull titlu kif jidhru hawn taħt:

6402

120 000 par

6403 , biss għall-pari b'valur doganali ta' aktar minn USD 20

250 000 (par tan-nisa)

250 000 (par ta' l-irġiel)

125 000 (par tat-tfal)

6404

120 000 par

Il-Messiku jrid jalloka l-benefiċċju ta' dawn il-kwoti annwali fuq bażi ta' “minn jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel”.

Fl-2009, il-Kumitat Konġunt irid jirrevedi il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din in-Nota sabiex jadattahom fid-dawl ta' l-esperjenza fl-immaniġġjar tal-kwoti, bil-għan li jkun permess l-użu effettiv ta' l-opportunitajiet ta' kummerċ offruti.


ANNESS III

(Imsemmi fl-Artikolu 5)

Ir-regola ta' l-oriġini stabbilita fl-Appendiċi II ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni nru 2/2000 għall-prodotti klassifikati taħt it-titlu hs 1904

Titlu HS

Deskrizzjoni tal-prodott

Xogħol jew ipproċessar imwettaq fuq materjali li ma joriġinawx, li jikkonferixxu status li joriġinaw

(1)

(2)

(3) jew (4)

1904

Ikel ippreparat miksub mill-infiħ jew mix-xiwi ta’ ċereali jew prodotti taċ-ċereali (pereżempju, il-kornflejks); ċereali (minbarra l-qamħirrun) b'forma ta' qamħa jew b'forma ta' flejk jew qamħ maħdum ieħor (minbarra d-dqiq, ix-xgħir u s-smida); imsajjar minn qabel, jew ippreparat b'mod ieħor, mhux speċifikat jew inkluż xi mkien ieħor

Manifattura:

minn materjali mhux ikklassifikati fit-titlu 1806 ,

li fiha ċ-ċereali u d-dqiq kollha (ħlief għall-qamħ durum u l-qamħirrum Zea indurata, u d-derivati tagħhom) użati jridu jkunu miksuba kompletament,

li fiha l-valur ta' kwalunkwe materjal tal-Kapitolu 17 użat ma jaqbiżx it-30 % tal-prezz tal-fabbrika tal-prodott

 


ANNESS IV

(Imsemmi fl-Artikolu 6)

Ir-Regola ta' l-oriġini stabbilita fl-Appendiċi II ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 għall-prodotti kklassifikati taħt it-titlu HS 7601

Titlu HS

Deskrizzjoni tal-prodott

Xogħol jew ipproċessar imwettaq fuq materjali li ma joriġinawx, li jikkonferixxu status li joriġinaw

(1)

(2)

(3) jew (4)

7601

Aluminju ferrobattut

Manifattura:

minn materjali ta’ kwalunkwe titlu, ħlief dak tal-prodott, u

li fiha l-valur tal-materjali kollha użati ma jaqbiżx 50 % tal-prezz tal-fabbrika tal-prodott

jew

Manifattura permezz ta’ trattament termali jew elettrolitiku minn aluminju mhux allojd jew skart u fdal ta’ l-aluminju