17.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 129/40


FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-ammissjoni mill-ġdid

IL-PARTIJIET,

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Komunità”,

u

IL-FEDERAZZJONI RUSSA

DETERMINATI li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom biex jikkumbattu l-immigrazzjoni llegali b’mod iktar effettiv,

B’REFERENZA għall-Ftehim dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Federazzjoni Russa, fuq in-naħa l-oħra, konkluż f’Korfù fl-24 ta’ Ġunju 1994, u b’mod partikolari l-Artikolu 84 u d-dikjarazzjoni konġunta rigward l-Artikoli 26, 32 u 37 fl-Att Finali tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAW l-Istqarrija Konġunta miftiehma fl-okkażjoni tal-laqgħa għolja ta’ St. Petersburg li saret fil-31 ta’ Mejju 2003, li jgħid li l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa jiftehmu li jikkonkludu fil-ħin in-negozjati dwar ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid;

XEWQANA li jistabbilixxu, permezz ta’ dan il-Ftehim u fuq il-bażi ta’ reċiproċità, proċeduri mgħaġġla u effettivi għall-identifikazzjoni u r-ritorn ta’ persuni li ma, jew m'għadhomx, jissodisfaw il-kondizzjonijiet tad-dħul, preżenza, jew residenza fit-territorji tal-Federazzjoni Russa jew wieħed mill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, u biex jiffaċilitaw it-tranżitu ta’ persuni fi spirtu ta’ kooperazzjoni,

B’ENFASI li dan il-Ftehim ser ikun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet, l-obbligi u r-responsabiltajiet tal-Komunità, l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa li joħorġu mil-Liġi Internazzjonali inklużi r-regoli legali tad-Drittijiet Internazzjonali tal-Bniedem, ikkonfermati, b'mod partikolari, mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ l-10 ta’ Diċembru 1948, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta’ Diċembru 1966, il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951 u l-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati tal-31 ta’ Jannar 1967, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali ta’ l-4 ta’ Novembru 1950 u l-Protokoll Nru 4 tiegħu tas-16 ta’ Settembru 1963, u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Kastig Kiefer, Inuman u Degradanti ieħor ta’ l-10 ta’ Diċembru 1984.

WAQT LI QIESU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Frar 1992 u t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea tal-25 ta’ Marzu 1957 u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“Ammissjoni mill-Ġdid” għandha tfisser it-trasferiment mill-Istat li jagħmel it-talba u l-ammissjoni mill-Istat li lilu saret it-talba ta’ persuni (ċittadini ta’ l-Istat stess li lilu saret it-talba, ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat) li nstabu deħlin, preżenti jew residenti llegalment fl-Istat li jagħmel it-talba, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

(b)

“Stat Membru” għandu jfisser kull Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka.

(c)

“Ċittadin ta’ Stat Membru” għandu jfisser kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza, kif definita għall-iskopijiet tal-Komunità, ta’ Stat Membru.

(d)

“Ċittadin tal-Federazzjoni Russa” jew “Ċittadin Russu” għandhom ifissru kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza tal-Federazzjoni Russa skond il-liġi tagħha.

(e)

“Ċittadin ta’ pajjiż terz” għandu jfisser kull persuna b’ċittadinanza li mhijiex tal-Federazzjoni Russa jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri.

(f)

“Persuna mingħajr stat” għandha tfisser kull persuna li m'għandhiex ċittadinanza tal-Federazzjoni Russa jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, u m’għandu ebda evidenza li għandu ċittadinanza ta’ xi stat ieħor.

(g)

“Awtorizzazzjoni ta’ residenza” għandha tfisser permess uffiċjali ta’ kwalunkwe tip maħruġ mill-Federazzjoni Russa jew minn wieħed mill-Istati Membri li jintitolaw lill-persuna li toqgħod fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew ta’ xi wieħed mill-Istati Membri. Dan ma jinkludix permessi temporanji biex il-persuna tibqa’ fit-territorju ta’ l-Istati msemmija in konnessjoni ma’ l-ipproċessar ta’ applikazzjoni ta’ kenn politiku jew applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ residenza.

(h)

“Viża” għandha tfisser awtorizzazzjoni maħruġa jew deċiżjoni meħuda mill-Federazzjoni Russa jew minn xi wieħed mill-Istati Membri, li hija meħtieġa biex persuna tidħol, jew tgħaddi mit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew xi wieħed mill-Istati Membri. Dan m’għandux jinkludi l-kategorija speċifika tal-viża ta’ tranżitu fl-ajruport.

(i)

“Pajjiż li għamel it-talba” għandu jfisser l-Istat (il-Federazzjoni Russa jew xi wieħed mill-Istati Membri) li ssottometta applikazzjoni ta’ ammissjoni mill-ġdid skond taqsima III jew applikazzjoni ta’ tranżitu skond taqsima IV ta’ dan il-Ftehim.

(j)

“Pajjiż li lilu saret it-talba” għandu jfisser l-Istat (il-Federazzjoni Russa jew xi wieħed mill-Istati Membri) li lilu hija indirizzata applikazzjoni ta’ ammissjoni mill-ġdid skond taqsima III jew applikazzjoni ta’ tranżitu skond taqsima IV ta’ dan il-Ftehim.

(k)

“L-Awtorità Kompetenti” għandha tfisser kull awtorità nazzjonali tal-Federazzjoni Russa jew ta’ wieħed mill-Istati Membri li għandha l-inkarigu li timplimenta dan il-Ftehim, kif imfisser mill-Prokoll bilaterali ta’ implimentazzjoni konkluż bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Membri individwali skond l-Artikolu 20 (1) a) ta’ dan il-Ftehim.

(l)

“Reġjun tal-fruntiera” għandu jfisser iż-żona li testendi sa 30 kilometru mill-fruntiera ta’ art komuni bejn Stat Membru u l-Federazzjoni Russa kif ukoll it-territorji ta’ portijiet marittimi fosthom żoni tad-dwana, u ajruporti Internazzjonali u ta’ l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa.

(m)

“Punt tal-qsim tal-fruntiera” għandu jfisser il-punt tal-qsim awtorizzat mill-Istati Membri jew mill-Federazzjoni Russa għall-qsim tal-fruntieri rispettivi tagħhom bl-art u l-baħar inklużi l-ajruporti Internazzjonali u l-portijiet marittimi.

(n)

“Tranżitu” għandu jfisser il-passaġġ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mit-territorju tal-pajjiż li saritlu t-talba waqt il-vjaġġ mill-Istat li għamel it-talba sal-pajjiż tad-destinazzjoni.

TAQSIMA I

L-OBBLIGI TA' AMMISSJONI MILL-ĠDID MILL-FEDERAZZJONI RUSSA

Artikolu 2

L-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini Russi

(1)   Il-Federazzjoni Russa għandha tħalli tidħol, wara applikazzjoni minn Stat Membru skond il-proċedura maħsuba f’dan il-Ftehim, kull persuna, li ma jew m'għadhiex tissodisfa l-kondizzjonijiet tad-dħul, preżenza jew residenza fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jagħmel it-talba sakemm huwa stabbilit, skond l-Artikolu 9 ta’ dan il-Ftehim, li tali persuna hija ċittadina tal-Federazzjoni Russa.

L-istess għandu japplika għall-persuni preżenti jew residenti llegalment li kellhom iċ-ċittadinanza tal-Federazzjoni Russa meta daħlu fit-territorju ta’ Stat Membru iżda wara rrinunzjaw għaċ-ċittadinanza tal-Federazzjoni Russa skond il-liġijiet nazzjonali ta’ din ta’ l-aħħar, mingħajr ma ħadu ċ-ċittadinanza jew l-awtoritazzjoni ta’ residenza ta’ dak l-Istat Membru jew xi Stat ieħor.

(2)   Wara li l-Federazzjoni Russa tagħti tweġiba pożittiva għall-applikazzjoni ta’ ammissjoni mill-ġdid, il-missjoni diplomatika kompetenti jew l-uffiċċju konsulari tal-Federazzjoni Russa għandu irrispettivament mir-rieda tal-persuna li terġa’ tiġi ammessa, skond il-ħtieġa u bla dewmien, joħroġ dokument ta’ vjaġġ meħtieġ għar-ritorn tal-persuna li ser terġa’ tiġi ammessa f’perjodu ta’ validità ta’ 30 jum kalendarju. Jekk, għal xi raġuni, il-persuna kkonċernata ma tistax tkun trasferita tul il-perjodu ta’ validità tad-dokument tal-vjaġġ, il-missjoni diplomatika kompetenti jew l-uffiċċju konsulari tal-Federazzjoni Russa għandu joħroġ dokument ġdid tal-vjaġġ b’validità ta’ l-istess tul mingħajr dewmien.

Artikolu 3

L-Ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat

(1)   Il-Federazzjoni Russa għandha tħalli tidħol, wara applikazzjoni minn Stat Membru skond il-proċedura maħsuba f’dan il-Ftehim, kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li ma jew m'għadhiex tissodisfa l-kondizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dħul, preżenza jew residenza fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jagħmel it-talba sakemm huwa stabbilit, skond l-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim, li tali persuna

(a)

għandha fil-pussess tagħha, meta tkun sottomessa l-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid, viża valida maħruġa mill-Federazzjoni Russa mad-dħul f'territorju ta’ Stat Membru direttament mit-territorju ta’ l-ewwel; jew

(b)

għandha fil-pussess tagħha, meta kienet sottomessa l-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid, awtorizzazzjoni ta’ residenza valida maħruġa mill-Federazzjoni Russa; jew

(c)

daħlet illegalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri direttament mit-territorju tal-Federazzjoni Russa.

(2)   L-obbligu ta’ l-ammissjoni mill-ġdid ipprovdut f’paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika jekk:

(a)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat kien biss fi tranżitu bl-ajru minn ajruport Internazzjonali tal-Federazzjoni Russa; jew

(b)

il-pajjiż li għamel it-talba jew Stat Membru ieħor ħareġ liċ-ċittadin minn pajjiż terz jew persuna mingħajr stat viża jew awtorizzazzjoni ta’ residenza sakemm il-persuna m’għandhiex fil-pussess tagħha viża jew awtorizzazzjoni ta’ residenza, maħruġa mill-Federazzjoni Russa li għandha perjodu itwal ta’ validità.

(c)

iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jew persuna mingħajr stat kellu aċċess mingħajr il-ħtieġa ta’ viża fit-territorju tal-pajjiż li għamel it-talba.

(3)   Wara li l-Federazzjoni Russa tagħti tweġiba pożittiva għall-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid, l-Istat Membru li għamel it-talba joħroġ lill-persuna kkonċernata d-dokument tal-vjaġġ rikonoxxut mill-Federazzjoni Russa (dokument tal-vjaġġ standard għalskopijiet ta’ tkeċċija skond il-formola mfissra mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-KE fit-30 ta’ Novembru 1994).

TAQSIMA II

OBBLIGI TA’ L-AMMISSJONI MILL-ĠDID MILL-KOMUNITÀ

Artikolu 4

L-Ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri

(1)   Stat Membru għandu jħalli tidħol, wara applikazzjoni mill-Federazzjoni Russa u skond il-proċedura maħsuba f’dan il-Ftehim, kull persuna, li ma jew m'għadhiex tissodisfa l-kondizzjonijiet tad-dħul, il-preżenza jew ir-residenza fit-territorju tal-Federazzjoni Russa sakemm huwa stabbilit, skond l-Artikolu 9 ta’ dan il-Ftehim, li tali persuna hija ċittadina ta’ dak l-Istat Membru.

L-istess għandu japplika għall-persuni preżenti jew residenti illegalment li kellhom iċ-ċittadinanza ta’ l-Istat Membru meta daħlu fit-territorju tal-Federazzjoni Russa iżda wara rrinunzjaw għaċ-ċittadinanza ta’ l-Istat Membru skond il-liġijiet nazzjonali ta’ dan ta’ l-aħħar, mingħajr ma ħadu ċ-ċittadinanza jew l-awtoritazzjoni ta’ residenza tal-Federazzjoni Russa jew xi Stat ieħor.

(2)   Wara li l-Istat Membru jagħti tweġiba pożittiva għall-applikazzjoni ta’ ammissjoni mill-ġdid, il-missjoni diplomatika kompetenti jew l-uffiċċju konsulari ta’ l-Istat Membru kkonċernat għandu irrispettivament mir-rieda tal-persuna li terġa’ tkun ammessa, skond il-ħtieġa u bla dewmien, toħroġ dokument ta’ vjaġġ meħtieġ għar-ritorn tal-persuna li ser terġa’ tkun ammessa f’perjodu ta’ validità ta’ 30 jum kalendarju. Jekk, għal xi raġuni, il-persuna kkonċernata ma tistax tkun trasferita tul il-perjodu ta’ validità tad-dokument tal-vjaġġ, l-Istat Membru kkonċernat għandu joħroġ dokument ġdid ta’ vjaġġ b’validità ta’ l-istess tul mingħajr dewmien.

Artikolu 5

L-Ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat

(1)   Stat Membru għandu jħalli jidħlu, wara applikazzjoni mill-Federazzjoni Russa u skond il-proċedura maħsuba f’dan il-Ftehim, kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuni mingħajr stat, li ma jew m'għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dħul, preżenza jew residenza fit-territorju tal-Federazzjoni Russa sakemm tista’ tinġieb prova skond l-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim, li tali persuna

(a)

għandha fil-pussess tagħha, meta tkun sottomessa l-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid, viża valida maħruġa mill-Istat Membru mad-dħul fit-territorju tal-Federazzjoni Russa direttament mit-territorju ta’ l-ewwel; jew

(b)

għandha fil-pussess tagħha, meta tkun sottomessa l-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid, awtorizzazzjoni ta’ residenza valida maħruġa mill-Istat Membru li lilu saret it-talba; jew

(c)

daħlet illegalment fit-territorju tal-Federazzjoni Russa direttament mit-territorju ta’ l-Istat Membru li lilu saret it-talba.

2)   L-obbligu ta’ l-ammissjoni mill-ġdid ipprovdut f’paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika jekk:

(a)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat kien biss fi tranżitu bl-ajru minn ajruport Internazzjonali ta’ l-Istat Membru li lilu saret it-talba;

(b)

il-Federazzjoni Russa ħarġet liċ-ċittadin minn pajjiż terz jew persuna mingħajr stat viża jew awtorizzazzjoni ta’ residenza sakemm il-persuna m’għandhiex fil-pussess tagħha viża jew permess ta’ residenza, maħruġa mill-Istat Membru li għandha perjodu itwal ta’ validità.

(c)

iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jew persuna mingħajr stat kellu aċċess mingħajr il-ħtieġa ta’ viża fit-territorju tal-Federazzjoni Russa.

(3)   L-obbligu ta’ l-ammissjoni mill-ġdid f’paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu huwa għall-Istat Membru li ħareġ il-viża jew awtorizzazzjoni ta’ residenza. Jekk tnejn jew aktar Stati Membri ħarġu viża jew awtorizzazzjoni ta’ residenza, l-obbligu ta’ l-ammissjoni mill-ġdid f'paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu huwa għall-Istat Membru li ħareġ id-dokument b'perjodu ta’ validità itwal, jew, jekk wieħed jew bosta minnhom diġà skadew, id-dokument li għadu validu. Jekk id-dokumenti kollha diġà skadew, l-obbligu ta’ l-ammissjoni mill-ġdid f’paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu huwa għall-Istat Membru li ħareġ id-dokument bl-iktar data riċenti ta’ skadenza.

(4)   Wara li l-Istat Membru li lilu saret it-talba ta tweġiba pożittiva għall-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid, il-Federazzjoni Russa toħroġ lill-persuna li ser terġa’ tiddaħħal, dokument tal-vjaġġ rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat.

TAQSIMA III

IL-PROĊEDURA TA’ AMMISSJONI MILL-ĠDID

Artikolu 6

L-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid

(1)   Suġġett għall-paragrafu 2, kull trasferiment ta’ persuna li ser tiddaħħal mill-ġdid fuq il-bażi ta’ wieħed mill-obbligi fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ dan il-Ftehim jeħtieġ is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni ta’ ammissjoni mill-ġdid lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat li lilu saret it-talba.

(2)   B’deroga ta’ l-Artikoli 2 sa 5 ta’ dan il-Ftehim, l-ebda applikazzjoni ta’ ammissjoni mill-ġdid hija meħtieġa meta l-persuna li ser tiddaħħal mill-ġdid għandha fil-pussess tagħha passaport nazzjonali validu u, fil-każ li din il-persuna hija ċittadina ta’ pajjiż terz jew hija persuna mingħajr stat, għandha wkoll viża valida jew awtorizzazzjoni ta’ residenza ta’ l-Istat li ser idaħħal din il-persuna.

(3)   Jekk persuna tinqabad fir-reġjun tal-fruntiera ta’ l-Istat li għamel it-talba wara li qasmet illegalment il-fruntiera mit-territorju ta’ l-Istat li għamel it-talba, il-pajjiż li lilu saret it-talba jista' jissottometti applikazzjoni ta’ ammissjoni mill-ġdid sa jumejn tax-xogħol wara li nqabdet din il-persuna (proċedura aċċelerata).

Artikolu 7

Il-kontenut ta’ l-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid

(1)   Kull applikazzjoni ta’ ammissjoni mill-ġdid għandu jkollha din l-informazzjoni:

(a)

id-dettalji tal-persuna kkonċernata (per eżempju l-ismijiet, kunjomijiet, data tat-twelid u – fejn possibbli – il-post tat-twelid, u l-aħħar post ta’ residenza);

(b)

indikazzjoni ta’ evidenza dwar in-nazzjonalità, id-dħul u r-residenza llegali, u r-raġunijiet għall-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat kif imfissra f’Artikoli 3(1) u 5(1) ta’ dan il-Ftehim.

(2)   Safejn hu possibbli, l-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid għandha jkollha wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dikjarazzjoni li tindika li l-persuna li għandha tkun trasferita jista’ jkollha bżonn għajnuna jew kura, sakemm il-persuna kkonċernata tkun qablet b'mod ċar ma’ l-istqarrija;

(b)

kull miżura oħra ta’ protezzjoni jew sigurtà li tista’ tkun meħtieġa fil-każ individwali ta’ trasferiment.

(3)   Formola komuni li għandha tintuża fl-applikazzjonijiet ta’ ammissjoni mill-ġdid hija mehmuża ma’ Anness 1 ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 8

Tweġiba għall-applikazzjoni ta’ l-ammissjoni mill-ġdid

Tweġiba għall-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid għandha tingħata bil-miktub.

Artikolu 9

Evidenza dwar in-nazzjonalità

(1)   Nazzjonalità skond l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4( 1) ta’ dan il-Ftehim tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ mill-inqas wieħed mid-dokumenti elenkati f’Anness 2 ta’ dan il-Ftehim, anki meta l-perjodu tiegħu ta’ validità jkun skada. Jekk dokumenti bħal dawn jkunu ppreżentati, l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa għandhom it-tnejn jirrikonoxxu n-nazzjonalità mingħajr ebda ħtieġa ta’ iktar verifika.

(2)   Jekk l-ebda dokument elenkat f’Anness 2 ta’ dan il-Ftehim ma jista’ jkun ippreżentat, in-nazzjonalità skond l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(1) ta’ dan il-Ftehim tista’ tkun stabbilita permezz ta’ mill-inqas wieħed mid-dokumenti elenkati f'Anness 3 ta’ dan il-Ftehim, anki jekk il-perjodu ta’ validità jkun skada.

Jekk id-dokumenti elenkati f’Anness 3 A ta’ dan il-Ftehim jiġu ppreżentati, l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa jikkunsidraw li n-nazzjonalità hija stabbilita sakemm ma jkunx ippruvat bil-kontra;

Jekk id-dokumenti elenkati f’Anness 3 B ta’ dan il-ftehim jkunu ppreżentati, l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa jqisu dan bħala raġuni biex jinbdew verifiki xierqa.

(3)   In-nazzjonalità ma tistax tkun stabbilita permezz ta’ dokumenti foloz.

(4)   Jekk l-ebda wieħed mid-dokumenti elenkati f’Annessi 2 u 3 ta’ dan il-Ftehim ma jista’ jkun ppreżentat, ir-rappreżentanza diplomatika kompetenti jew il-post konsulari tal-Federazzjoni Russa jew l-Istat Membru kkonċernat għandu, meta mitlub, jagħmel l-arranġamenti ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat li għamel it-talba biex jintervista mingħajr dewmien il-persuna li ser tiddaħħal lura biex jistabilixxi n-nazzjonalità tiegħu jew tagħha. Il-proċedura għal dawn l-intervisti għandha tkun stabbilita fil-Protokolli ta’ implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 20 ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 10

L-Evidenza dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat

(1)   Il-prova tar-raġunijiet għall-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat kif imniżżla fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 5(1) ta’ dan il-Ftehim tista’ tingħata permezz ta’ mill-inqas wieħed mid-dokumenti elenkati f’Anness 4 ta’ dan il-Ftehim. Kull prova bħal din għandha tkun rikonoxxuta mill-Istati Membri u mill-Federazzjoni Russa mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar verifika.

(2)   Prova indiretta tar-raġunijiet għall-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat skond l-Artikolu 3( 1) u l-Artikolu 5(1) ta’ dan il-Ftehim tista’ tingħata permezz ta’ mill-inqas wieħed mid-dokumenti elenkati f’Anness 5 ta’ dan il-Ftehim.

Jekk mezzi ta’ evidenza elenkati f’Anness 5 A ta’ dan il-Ftehim jkunu ppreżentati, l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa għandhom iqisu li l-kondizzjonijiet huma stabbiliti sakemm ma jiġix ippruvat bil-kontra;

Jekk mezzi ta’ evidenza elenkati f’Anness 5 B ta’ dan il-Ftehim jkunu ppreżentati, l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa jqisuhom bħala raġuni biex tinbeda verifika xierqa.

(3)   Prova tar-raġunijiet għall-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni mingħajr stat ma tistax tingħata permezz ta’ dokumenti foloz.

(4)   L-illegalità tad-dħul, preżenza jew residenza għandha tkun stabbilita permezz ta’ dokumenti tal-vjaġġ tal-persuna kkonċernata li fihom hija nieqsa l-viża neċessarja jew l-awtorizzazzjoni ta’ residenza għat-territorju ta’ l-Istat li għamel it-talba. Stqarrija motivata b’mod xieraq mill-Istat li għamel it-talba li l-persuna kkonċernata nstabet li ma kellh id-dokumenti tal-vjaġġ, il-viża jew l-awtorizzazzjoni ta’ residenza neċessarji għandha wkoll tkun ta’ evidenza prima facie tad-dħul, tal-preżenza jew tar-residenza llegali.

Artikolu 11

Limiti ta’ żmien

(1)   L-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid għandha tkun sottomessa lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat li lilu saret it-talba sa massimu ta’ 180 jum kalendarju mid-data li l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat li għamel it-talba kellu t-tagħrif li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat ma, jew m’għadux, jissodisfa l-kondizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, il-preżenza jew ir-residenza.

(2)   Għandha tingħata tweġiba għall-applikazzjoni ta’ ammissjoni mill-ġdid sa massimu ta’ 25 jum kalendarju mid-data tal-konferma li waslet l-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid. Mingħajr preġudizju għall-arranġamenti speċifiċi li għandu jsir qbil dwarhom fil-qafas tal-protokolli ta’ implimentazzjoni konklużi skond l-Artikolu 20, fejn huma ostakli legali jew fattwali biex ikun hemm tweġiba fil-ħin għall-applikazzjoni, il-limitu ta’ żmien għandu jkun estiż sa 60 jum kalendarju wara li ssir talba motivata.

(3)   Fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ ammissjoni mill-ġdid sottomessa permezz ta’ proċedura aċċelerata skond l-Artikolu 6(3) ta’ dan il-Ftehim, għandha tingħata risposta sa jumejn ta’ xogħol (definiti skond il-liġi ta’ l-Istat li lilu saret it-talba) mill-konferma tal-wasla kkonfermata ta’ l-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid.

(4)   Meta jiskadu l-limiti ta’ żmien li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-ammissjoni mill-ġdid titqies li kienet milqugħa.

(5)   Il-persuna kkonċernata għandha tkun trasferita fi żmien 90 jum kalendarju. Fil-każ ta’ trasferiment bi proċedura aċċelerata skond Artikolu 6(3) ta’ dan il-Ftehim, il-persuna kkonċernata għandha tkun trasferita fi żmien jumejn xogħol. Meta ssir talba motivata kif xieraq, dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż biż-żmien li ttieħed biex jingħelbu l-ostakli legali u prattiċi. Il-limiti ta’ żmien msemmija f’dan il-paragrafu jibdew mid-data tal-wasla ta’ tweġiba pożittiva għall-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid.

Artikolu 12

Rifjut ta’ applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid

Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid.

Artikolu 13

Modalitajiet ta’ trasferiment u metodu ta’ trasport

(1)   Qabel it-trasferiment ta’ persuna, l-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jagħmlu arranġamenti bil-miktub u minn qabel dwar id-data tat-trasferiment, il-punt fejn il-persuna taqsam il-fruntiera u jekk hemm xi ħadd jakkumpanjaha.

(2)   Il-mezzi kollha ta’ trasport, bl-ajru, l-art jew il-baħar, huma permessi biex iseħħ it-trasferiment. Ir-ritorn bl-ajru mhux ristrett għall-użu tal-linja nazzjonali jew staff ta’ l-Istat li għamel it-talba u jista’ jsir bl-użu ta’ titjiriet skedati u titjiriet charter.

TAQSIMA IV

OPERAZZJONIJIET TA’ TRANŻITU

Artikolu 14

Prinċipji ġenerali

(1)   L-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa għandhom jirrestrinġu t-tranżitu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat għall-każijiet fejn dawn il-persuni ma jistgħux jintbagħtu lura direttament lejn l-Istat ta’ destinazzjoni.

(2)   Il-Federazzjoni Russa għandha tippermetti t-tranżitu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat jekk l-Istat Membru jitlob dan, u Stat Membru għandu jawtorizza t-tranżitu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat jekk il-Federazzjoni Russa titlob dan, jekk ikunu assigurati l-vjaġġ lejn id-destinazzjoni li jgħaddi minn Stati oħra ta’ tranżitu u l-ammissjoni mill-Istat ta’ destinazzjoni.

(3)   It-tranżitu jista’ jiġi rrifjutat mill-Federazzjoni Russa jew Stat Membru

(a)

jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat huwa f’riskju li jkun suġġett għat-tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig jew il-piena tal-mewt jew persekuzzjoni minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, sħubija f'xi grupp soċjali partikolari jew konvinzjoni politika fl-Istat ta’ destinazzjoni jew Stat ieħor ta’ tranżitu; jew

(b)

jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat ikun suġġett għall-persekuzzjoni kriminali jew sanzjonijiet fl-Istat li lilu saret it-talba jew f’xi Stat ieħor ta’ tranżitu; jew

(c)

minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika, sigurtà domestika, ordni pubblika jew interessi oħra nazzjonali ta’ l-Istat li lilu saret it-talba.

(4)   Il-Federazzjoni Russa jew Stat Membru jistgħu jirrevokaw kull awtorizzazzjoni maħruġa jekk jinqalgħu jew jitfaċċaw iċ-ċirkostanzi li saret referenza għalihom fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu li jżommu milli ssir l-operazzjoni ta’ tranżitu, jew jekk il-vjaġġ lejn id-destinazzjoni lejn Stati possibbli ta’ tranżitu jew l-ammissjoni mill-ġdid mill-Istat ta’ destinazzjoni ma jibqax assigurat. F’dan il-każ, l-Istat li għamel it-talba għandu jieħu lura ċ-ċittadin mill-pajjiż tat-tielet dinja jew persuna mingħajr stat, kif meħtieġ u mingħajr dewmien.

Artikolu 15

Proċedura tat-tranżitu

(1)   Applikazzjoni għall-operazzjonijiet ta’ tranżitu għandha tkun sottomessa lill-awtoritajiet kompetenti bil-miktub u għandu jkollha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

it-tip ta’ tranżitu (bl-ajru, bl-art jew bil-baħar), Stati oħra possibbli ta’ tranżitu u d-destinazzjoni finali;

(b)

id-dettalji tal-persuna kkonċernata (per eżempju l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid u – fejn possibbli – il-post tat-twelid, in-nazzjonalità, it-tip u n-numru ta’ dokument tal-vjaġġ);

(c)

fejn hu maħsub li ser ikun il-punt fejn tinqasam il-fruntiera, il-ħin tat-trasferiment u l-persuni li jistgħu jakkumpanjawha;

(d)

dikjarazzjoni li min-naħa ta’ l-Istat li għamel it-talba, jiġu applikati l-kundizzjonijiet skond l-Artikolu 14(2) ta’ dan il-Ftehim, u ebda raġuni għal rifjut skond Artikolu 14(3) ta’ dan il-Ftehim ma hija magħrufa.

Formola komuni li għandha tintuża fl-applikazzjonijiet ta’ tranżitu hija mehmuża ma’ Anness 6 ta’ dan il-Ftehim.

(2)   L-Istat li lilu saret it-talba għandu jinforma bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat li għamel it-talba tal-kunsens għall-ammissjoni, u jikkonferma l-punt fejn ser tinqasam il-fruntiera, il-ħin maħsub ta’ l-ammissjoni, jew jinfurmah om bir-rifjut ta’ l-ammissjoni u r-raġunijiet għal rifjut bħal dan.

(3)   Jekk l-operazzjoni ta’ tranżitu ssir bl-ajru, il-persuna li ser terġa’ tkun ammessa u l-persuni li jistgħu jakkumpanjawha jkunu eżentati milli jkollhom viża speċifika ta’ tranżitu ta’ l-ajruport.

(4)   L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat li lilu saret it-talba għandhom, wara konsultazzjonijiet reċiproċi, jappoġġjaw l-operazzjonijiet ta’ tranżitu, partikolarment permezz tas-sorveljanza tal-persuni kkonċernati u l-għoti ta’ amenitajiet xierqa għal dak l-iskop.

TAQSIMA V

SPEJJEŻ

Artikolu 16

Spejjeż ta’ trasport u tranżitu

Bla preġudizzju għad-dritt ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jirkupraw l-ispejjeż marbuta ma’ l-ammissjoni mill-ġdid mingħand il-persuna li ser tiddaħħal lura jew partijiet terzi, l-ispejjeż kollha tat-trasport marbuta ma’ l-ammissjoni mill-ġdid u t-tranżitu sal-punt fejn inqasmet il-fruntiera ta’ l-Istat li lilu saret it-talba, għandhom jitħallsu mill-Istat li għamel it-talba.

TAQSIMA VI

IL-PROTEZZJONI TAD-DATA

Artikolu 17

Il-Protezzjoni tad-data

Il-komunikazzjoni ta’ data personali għandha sseħħ biss jekk komunikazzjoni bħal din hija meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa jew Stat Membru skond il-każ. Meta ssir komunikazzjoni, proċessar jew trattament tad-data personali f’każ partikolari, l-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa għandhom jirrispettaw il-liġi relevanti tal-Federazzjoni Russa, u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE u l-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru adottati skond id-direttiva. Għandhom japplikaw ukoll il-prinċipji li ġejjin:

(a)

id-data personali għandha tiġi proċessata b’mod ġust u legali.

(b)

id-data personali għandha tinġabar għall-iskop speċifiku, espliċitu u leġittimu ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u ma tkomplix tkun ipproċessata b’mod mhux kompatibbli ma’ dan l-iskop.

(c)

id-data personali għandha tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva b'relazzjoni ma’ l-għan li għalih tinġabar u/jew tkun ipproċessata aktar; b’mod partikolari, id-data personali komunikata tista’ tkun biss dwar dan li ġej:

id-dettalji tal-persuna li ser terġa’ tkun ammessa (per eżempju l-kunjom, l-isem, xi ismijiet preċedenti, ismijiet oħra wżati li bihom kienet magħrufa jew psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, is-sess, in-nazzjonalità attwali u preċedenti),

il-karta ta’ l-identità jew passaport (it-tip, in-numru, l-perjodu ta’ validità, id-data tal-ħruġ, il-post tal-ħruġ),

waqfiet u itinerarji,

informazzjoni oħra meħtieġa biex tkun identifikata l-persuna li ser terġa’ tkun ammessa jew biex ikunu eżaminati r-rekwiżiti ta’ ammissjoni mill-ġdid skond dan il-Ftehim.

(d)

id-data personali għandha tkun eżatta u, fejn meħtieġ, aġġornata.

(e)

id-data personali għandha tinżamm b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar mill-perjodu neċessarju għall-iskop li għalih inġabret id-data jew li kompliet tiġi proċessata.

(f)

Kemm l-awtorità kompetenti li tikkomunika d-data personali kif ukoll l-awtorità kompetenti li tirċeviha għandhom jieħdu kull pass biex jassiguraw kif xieraq ir-ratifika, tħassir jew iż-żamma ta’ data personali fejn l-ipproċessar tagħha ma jissodisfax id-dispożizzjonijiet ta’ par c) u d) ta’ dan l-Artikolu, partikolarment għaliex id-data mhijiex adegwata, relevanti, eżatta, jew hija eċċessiva fir-rigward ta’ l-iskop ta’ l-ipproċessar. Dan jinkludi n-notifika ta’ kull rettifika, tħassir jew żamma ta’ data bħal din lill-Parti l-oħra.

(g)

Jekk tintalab, l-awtorità kompetenti li tirċievi d-data personali għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tikkomunika d-data personali bl-użu tad-data komunikata u r-riżultati miksuba.

(h)

Id-data personali tista’ tkun komunikata biss lill-awtoritajiet kompetenti li għandhom is-setgħa li jimplimentaw dan il-ftehim. Iktar komunikazzjoni lill-entitajiet oħra teħtieġ kunsens minn qabel ta’ l-awtorità kompetenti li qed tikkomunika d-data personali.

(i)

L-awtorità kompetenti li qed tikkomunika d-data personali u l-awtorità kompetenti li tirċievi d-data personali huma obbligati li jirreġistraw bil-miktub il-komunikazzjoni u l-wasla tad-data personali.

TAQSIMA VII

IMPLIMENTAZZJONI U APPLIKAZZJONI

Artikolu 18

Ir-relazzjoni ma’ obbligi oħra Internazzjonali

(1)   Dan il-Ftehim għandu jkun bla preġudizzju għad-drittijiet, l-obbligi u r-responsabiltajiet tal-Komunità, l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa li joħorġu mil-Liġi Internazzjonali, u b’mod partikolari minn

(a)

il-Konvenzjoni tat-28 ta’ Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-Istat tar-Refuġjati;

(b)

il-Konvenzjoni Ewropea ta’ l-4 ta’ Novembru 1950 dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali;

(c)

il-Konvenzjoni ta’ l-10 ta’ Diċembru 1984 kontra t-Tortura u t-Trattament jew Kastig ieħor Kiefer, Inuman jew Degradanti;

(d)

it-Trattati internazzjonali dwar l-estradizzjoni u t-tranżitu;

(e)

it-Trattati internazzjonali multilaterali li fihom ir-regoli dwar l-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini barranin, bħall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali tas-7 ta’ Diċembru 1944.

(2)   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kull trattat jew arranġament bilaterali dwar l-ammissjoni mill-ġdid li kien, jew jista’, skond l-Artikolu 20 ta’ dan il-Ftehim, ikun konkluż bejn Stati Membri individwali u l-Federazzjoni Russa safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn it-trattati jew arranġamenti jkopru kwistjonijiet ittrattati fil-Ftehim preżenti.

(3)   Xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jżomm ir-ritorn ta’ persuna taħt arranġamenti oħra formali jew informali.

Artikolu 19

Kumitat konġunt ta’ l-ammissjoni mill-ġdid

(1)   Il-Partijiet għandhom jaħtru kumitat konġunt ta’ l-ammissjoni mill-ġdid (li minn issa jkun magħruf bħala “il-Kumitat”) li ser ikollu b'mod partikolari l-kompitu

(a)

li jissorvelja l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

(b)

li jiddeċiedi dwar l-arranġamenti neċessarji għat-twettiq uniformi ta’ dan il-Ftehim;

(c)

li jkollu bdil regolari ta’ informazzjoni dwar il-Protokolli ta’ implimentazzjoni konklużi mill-Istati Membri individwali u l-Federazzjoni Russa skond l-Artikolu 20 ta’ dan il-Ftehim;

(d)

li jiddeċiedi fuq l-emendi għall-Annessi ta’ dan il-Ftehim;

(e)

li jipproponi emendi għal dan il-Ftehim;

(f)

li jeżamina u, jekk meqjus neċessarju, jipproponi emendi għal dan il-Ftehim fil-każ ta’ adeżjonijiet ġodda fl-Unjoni Ewropea.

(2)   Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat għandhom jorbtu lill-Partijiet.

(3)   Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità u l-Federazzjoni Russa; il-Komunità għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea megħjuna minn esperti mill-Istati Membri.

(4)   Il-Kumitat għandu jiltaqa’ meta meħtieġ fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.

(5)   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

Artikolu 20

Protokolli ta’ implimentazzjoni

(1)   Il-Federazzjoni Russa u l-Istati Membri għandhom jikkonkludu Protokolli ta’ implimentazzjoni li għandhom ikopru regoli dwar

(a)

l-awtoritajiet kompetenti, il-punti fejn tinqasam il-fruntiera, il-bdil ta’ informazzjoni dwar punti ta’ kuntatt u l-lingwi li jintużaw fil-komunikazzjoni;

(b)

il-modalitajiet għall-ammissjoni mill-ġdid bi proċedura aċċelerata;

(c)

il-kondizzjonijiet ta’ trasferimenti skortati, inkluż it-tranżitu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat li jkollhom skorta magħhom;

(d)

provi u evidenza addizzjonali ma’ dawk elenkati fl-Annessi 2 u 5 ta’ dan il-Ftehim;

(e)

il-proċedura għall-intervisti prevista fl-Artikolu 9 ta’ dan il-Ftehim;

(f)

fejn meħtieġ, arranġamenti speċifiċi dwar limiti ta’ żmien għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet ta’ ammissjoni mill-ġdid skond l-Artikolu 11(2) ta’ dan il-Ftehim.

(2)   Il-Protokolli ta’ implimentazzjoni li saret referenza għalihom fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ biss wara li jiġi notifikat il-Kumitat.

(3)   Il-Federazzjoni Russa għandha taqbel li tapplika kull dispożizzjoni ta’ Protokoll ta’ implimentazzjoni konkluż ma’ Stat Membru anki fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ xi Stat Membru ieħor, fuq talba ta’ dan ta’ l-aħħar u suġġett għall-fattibilità fil-prattika li japplika għall-Federazzjoni Russa. L-Istati Membri għandhom jaqblu li japplikaw kull dispożizzjoni ta’ Protokoll ta’ implimentazzjoni konkluż minn wieħed minnhom anki fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Federazzjoni Russa, fuq talba ta’ din ta’ l-aħħar u suġġett għall-fattibilità fil-prattika li japplika għall-Istati Membri l-oħra.

Dan m’għandux japplika għad-dispożizzjonijiet b’arranġamenti speċifiċi li saret referenza għalihom fil-paragrafu 1 (f) ta’ dan l-Artikolu.

TAQSIMA VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Applikazzjoni territorjali

(1)   Suġġett għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tal-Federazzjoni Russa u għat-territorju li fih japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

(2)   Dan il-Ftehim m’għandux japplika għat-territorju tar-Renju tad-Danimarka.

Artikolu 22

Annessi

L-Anness 1 sa 6 għandhom jiffurmaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ, tul u terminazzjoni

(1)   Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet skond il-proċeduri interni tagħhom.

(2)   Suġġett għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri li saret referenza għalihom fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ġew konklużi. Jekk din id-data hija qabel id-data li fiha jidħol fis-seħħ il-ftehim bejn il-Federazzjoni Russa u l-Komunità Ewropea dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi liċ-ċittadini tal-Federazzjoni Russa u ta’ l-Unjoni Ewropea, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ biss fl-istess data bħal ta’ l-aħħar.

(3)   L-obbligi mfissra fl-Artikoli 3 u 5 ta’ dan il-Ftehim għandhom jibdew japplikaw biss 3 snin wara d-data li saret referenza għaliha fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Matul dak il-perjodu ta’ 3 snin, għandhom japplikaw biss għall-persuni mingħajr stat u ċittadini minn pajjiżi terzi li magħhom il-Federazzjoni Russa kkonkludiet trattati bilaterali jew arranġamenti dwar l-ammissjoni mill-ġdid.

(4)   Dan il-Ftehim huwa konkluż għal żmien mhux limitat.

(5)   Kull Parti Kontraenti tista tiddenunċja dan il-Ftehim billi tinnotifika l-Parti Kontraenti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ sitt xhur wara d-data tal-wasla ta’ din in-notifika.

Magħmul f'Sochi, fil-ħamsa u għoxrin jum ta’ Mejju tas-sena elfejn u sitta f'żewġ kopji kull waħda biċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u r-Russu, b’kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.

Hecho en Sochi, el veinticinco de mayo del dos mil seis.

V Soči dne dvacátého pátého května dva tisíce šest.

Udfærdiget i Sotji den femogtyvende maj to tusind og seks.

Geschehen zu Sotschi am fünfundzwanzigsten Mai zweitausendsechs.

Kahe tuhande kuuenda aasta maikuu kahekümne viiendal päeval Sotšis.

'Εγινε στο Σότσι, στις είκοσι πέντε Μαΐου δύο χιλιάδες έξι.

Done at Sochi on the twenty fifth day of May in the year two thousand and six.

Fait à Sotchi, le vingt cinq mai deux mille six.

Fatto a Soci, addì venticinque maggio duemilasei.

Sočos, divtūkstoš sestā gada divdesmit piektajā maijā.

Priimta du tūkstančiai šeštų metų gegužės dvidešimt penktą dieną Sočyje.

Kelt Szocsiban, a kettőezer hatodik év május huszonötödik napján.

Magħmul f'Sochi, fil-ħamsa u għoxrin jum ta' Mejju tas-sena elfejn u sitta.

Gedaan te Sotsji, de vijfentwintigste mei tweeduizend zes.

Sporządzono w Soczi dnia dwudziestego piątego maja roku dwutysięcznego szóstego.

Feito em Sotchi, em vinte e cinco de Maio de dois mil e seis.

V Soči dňa dvadsiateho piateho mája dvetisícšesť.

V Soči, petindvajsetega maja leta dva tisoč šest.

Tehty Sotšissa kahdentenakymmenentenäviidentenä päivänä toukokuuta vuonna kaksituhattakuusi.

Som skedde i Sotji den tjugofemte maj tjugohundrasex.

Adoptată la Sochi, la douăzeci și cinci mai două mii șase.

Совершено в г. Сочи двадцать пятого мая две тысячи шестого года.

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

På Europeiska gemenskapens vägnar

Pentru Comunitatea Europeană

За Европейское сообщество

Image 1

Por la Federación de Rusia

Za Ruskou federaci

For Den Russiske Føderation

Für die Russische Föderation

Venemaa Föderatsiooni nimel

Για τη Ρωσική Ομοσπονδία

For the Russian Federation

Pour la Fédération de Russie

Per la Federazione russa

Krievijas Federācijas vārdā

Rusijos Federacijos vardu

Az Orosz Föderáció részéről

Għall-Federazzjoni Russa

Voor de Russische Federatie

W imieniu Federacji Rosyjskiej

Pela Federação da Rússia

Za Ruskú federáciu

Za Rusko federacijo

Venäjän federaation puolesta

På ryska federationen vägnar

Pentru Federația Rusă

За Российскую Федерацию

Image 2


ANNESS 1 TAL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-FEDERAZZJONI RUSSA DWAR L-AMMISSJONI MILL-ĠDID

Image 3

Test ta 'immaġni

Image 4

Test ta 'immaġni

Image 5

Test ta 'immaġni

ANNESS 2 TAL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-FEDERAZZJONI RUSSA DWAR L-AMMISSJONI MILL-ĠDID

Lista ta’ dokumenti għall-prova dwar in-nazzjonalità

passaporti ta’ kull xorta tal-Federazzjoni Russa jew l-Istati Membri (eż. passaporti domestiċi, passaporti barranin taċ-ċittadini, passaporti nazzjonali, passaporti diplomatiċi, passaporti ta’ servizz u passaporti surrogati inklużi passaporti tat-tfal);

ċertifikat għar-ritorn fil-Federazzjoni Russa;

karti ta’ l-identità nazzjonali ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE;

ċertifikati taċ-ċittadinanza jew dokumenti oħra uffiċjali li jsemmu jew jindikaw iċ-ċittadinanza (eż. ċertifikat tat-twelid);

kotba tas-servizz u karti ta' l-identità militari;

kotba tar-reġistrazzjoni tal-baħħar, karti ta’ servizz ta’ kaptan u passaporti tal-baħħara.


ANNESS 3 TAL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-FEDERAZZJONI RUSSA DWAR L-AMMISSJONI MILL-ĠDID

Lista ta’ dokumenti għall-evidenza indiretta ta’ nazzjonalità

ANNESS 3 A

fotokopji uffiċjali ta’ xi wieħed mid-dokumenti elenkati f’ anness 2 ta’ dan il-Ftehim;

stqarrijiet uffiċjali magħmula għall-iskop ta' proċedura aċċelerata, partikolarment, mill-impjegati ta' l-awtorità tal-fruntiera u xhieda li jistgħu jagħtu xhieda tal-persuna kkonċernata li qed taqsam il-fruntiera.

ANNESS 3 B

liċenzji tas-sewqan jew fotokopji tagħhom;

kull dokument uffiċjali ieħor maħruġ mill-awtoritajiet ta’ l-Istat li lilu saret it-talba;

karti ta’ l-identità tal-kumpanija jew fotokopji tagħhom;

stqarrijiet bil-miktub tax-xhieda;

stqarrijiet bil-miktub magħmula mill-persuna kkonċernata u l-lingwa mitkellma minnu jew minnha, inklużi permezz tal-riżultat ta’ test uffiċjali.


ANNESS 4 TAL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-FEDERAZZJONI RUSSA DWAR L-AMMISSJONI MILL-ĠDID

Lista ta’ dokumenti għall-evidenza għar-raġunijiet ta’ l-ammissjoni mill-ġdid ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat

viża valida u/jew awtorizzazzjoni ta’ residenza maħruġa mill-Istat li lilu saret it-talba;

timbri tad-dħul/ħruġ jew approvazzjoni simili ta’ dokument ta’ vjaġġ tal-persuna kkonċernata jew evidenza oħra tad-dħul/ħruġ (eż. fotografika, elettronika jew bijometrika).


ANNESS 5 TAL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-FEDERAZZJONI RUSSA DWAR L-AMMISSJONI MILL-ĠDID

Lista ta' dokumenti għall-evidenza indiretta tal-kondizzjonijiet għall-ammissjoni mill-ġdid ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat

ANNESS 5 A

stqarrijiet uffiċjali magħmula għall-iskop ta' proċedura aċċelerata, partikolarment mill-impjegati ta' l-awtorità tal-fruntiera u xhieda li jistgħu jixhdu dwar il-persuna kkonċernata li qed taqsam il-fruntiera;

ANNESS 5 B

semmi l-biljetti ta’ vjaġġi bl-ajru, bit-tren, bil-coach jew bil-baħar li juru l-preżenza u l-itinerarju tal-persuna kkonċernata mit-territorju ta’ l-istat li lilu saret it-talba lejn it-territorju ta’ l-Istat li għamel it-talba;

listi ta’ vjaġġi bl-ajru, bit-tren, bil-coach jew bil-baħar li juru l-preżenza u l-itinerarju tal-persuna kkonċernata mit-territorju ta’ l-istat li lilu saret it-talba lejn it-territorju ta’ l-Istat li għamel it-talba;

biljetti kif ukoll ċertifikati u kontijiet ta’ kull tip (eż. kontijiet tal-lukanda, karti ta’ appuntamenti għat-tabib/dentist, karti tad-dħul f'istituzzjonijiet pubbliċi/privati eċċ.) li juru b'mod ċar li l-persuna kkonċernata kienet fit-territorju ta' l-Istat li lilu saret it-talba;

stqarrijiet uffiċjali magħmula, partikolarment, mill-impjegati ta' l-awtorità tal-fruntiera u xhieda li jistgħu jixhdu li l-persuna kkonċernata qasmet il-fruntiera;

stqarrija uffiċjali tal-persuna kkonċernata fi proċeduri ġuridiċi jew amministrattivi;

deskrizzjoni tal-post u ċ-ċirkostanzi li fihom il-persuna kkonċernata kienet interċettata wara li daħlet fit-territorju ta’ l-Istat li għamel it-talba;

informazzjoni li turi li l-persuna kkonċernata użat is-servizzi ta’ kurrier jew aġenzija ta’ l-ivvjaġġar;

informazzjoni dwar l-identità u/jew preżenza tal-persuna pprovduta minn Organizzazzjoni Internazzjonali;

rapporti/konferma ta’ informazzjoni minn membri tal-familja, dawk li vvjaġġaw magħha eċċ;

stqarrija mill-persuna kkonċernata.


ANNESS 6 TAL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-FEDERAZZJONI RUSSA DWAR AMMISSJONI MILL-ĠDID

Image 6

Test ta 'immaġni

Image 7

Test ta 'immaġni

Image 8

Test ta 'immaġni

Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Artikoli 2(1) u 4(1)

“Il-Partijiet Kontraenti jinnutaw li, skond il-ligijiet ta’ nazzjonalità tal-Federazzjoni Russa u l-Istati Membri, mhuwiex possibbli għal ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea jew tal-Federazzjoni Russa li jiġi mċaħħad min-nazzjonalità tiegħu jew tagħha.

Il-Partijiet jiftehmu li jikkonsultaw ma’ xulxin fiż-żmien xieraq, jekk din is-sitwazzjoni legali tinbidel.”


Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Artikoli 3(1) u 5(1)

“Il-Partijiet jiftehmu li persuna qed ‘tidħol direttament’ mit-territorju ta’ l-Istat li lilu saret it-talba fi ħdan it-tifsira tad-dispożizzjonijiet jekk tali persuna waslitx bl-ajru, fuq l-art, jew bil-baħar fit-territorju ta' l-Istat li għamel it-talba mingħajr ma daħlet f'pajjiż terz hi u tagħmel il-vjaġġ. Tranżitu bl-ajru f’pajjiż terz ma jkunx ikkunsidrat bħala dħul.”


Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Renju tad-Danimarka

“Il-Partijiet jinnutaw li dan il-Ftehim ma japplikax għat-territorju jew għaċ-ċittadini tar-Renju tad-Danimarka. F’dawn iċ-ċirkostanzi huwa xieraq li l-Federazzjoni Russa u r-Renju tad-Danimarka jikkonkludu ftehim ta' ammissjoni mill-ġdid fl-istess termini ta' dan il-Ftehim.”


Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja

“Il-Partijiet jinnutaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja, partikolarment bis-saħħa tal-Ftehim tat-18 ta’ Mejju 1999 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen. F’dawn iċ-ċirkostanzi huwa xieraq li l-Federazzjoni Russa tikkonkludi ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid mar-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja fl-istess termini ta' dan il-Ftehim.”