22006A1230(04)

FTEHIM ta’ sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ Kap Verde

Official Journal L 414 , 30/12/2006 P. 0003 - 0007
Official Journal L 200 , 01/08/2007 P. 0706 - 0710


20061219

Ftehim

ta' sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Komunità",

u

IR-REPUBBLIKA TA' KAP VERDE, minn hawn 'il quddiem imsejħa "Kap Verde",

u

minn hawn 'il quddiem imsejħin "il-Partijiet",

WARA LI KKUNSIDRAW ir-relazzjonijiet stretti ta' koperazzjoni bejn il-Komunità u Kap Verde, b'mod partikolari fil-qafas tal-Konvenzjoni ta' Cotonou, kif ukoll ix-xewqa komuni tagħhom li jintensifikaw dawn ir-relazzjonijiet,

WARA LI KKUNSIDRAW ix-xewqa taż-żewġ Partijiet li jippromwovu l-użu responsabbli tar-riżorsi tagħha tas-sajd permezz tal-koperazzjoni,

Filwaqt li qiesu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni n-Nazzjonijiet Unititan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-liġi tal-baħar,

WARA LI GĦARFU li Kap Verde jeżerċita d-drittijiet tiegħu tas-sovranità u tal-ġurisdizzjoni fiż-żona li testendi sa 200 mil nawtiku mil-linji tal-bażi skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-liġi tal-baħar,

DETERMINATI li japplikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta' l-Atlantiku minn hawn 'il quddiem imsejħa "ICCAT"

KONXJI mill-importanza tal-prinċipji stabbiliti mill-Kodiċi ta' l-imġiba għal sajd responsabbli adottat waqt il-konferenza ta' l-FAO fl-1995,

IDDETERMINATI li jikkoperaw, fl-interess reċiproku tagħhom, biex ikun hemm sajd responsabbli li jassigura l-konservazzjoni u l-użu tar-riżorsi marittimi bijoloġiċi fuq żmien twil,

KONVINTI li din il-koperazzjoni għandha tiġi bbażata fuq il-komplementarjetà ta' l-inizjattivi u l-azzjonijiet li jsiru kemm b'mod konġunt kif ukoll minn kull waħda mill-Partijiet waqt li jiġu assigurati l-koerenza tal-politika u s-sinerġija ta' l-isforzi,

DEĊIŻI, għal dawn il-finijiet, li joħolqu djalogu fuq il-politika settorjali tas-sajd adottata mill-Gvern ta' Kap Verde, li jgħaddu għall-identifikazzjoni tal-mezzi xierqa sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effikaċi ta' din il-politika kif ukoll biex l-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili jiddaħħlu fil-proċedura,

XEWQANA li jistabbilixxu l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet li jikkontrollaw l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti Komunitarji fl-ibħra ta' Kap Verde, u dawk li jikkonċernaw l-għoti ta' l-appoġġ mill-Komunità sabiex isir sajd responsabbli f'dawn l-istess ibħra,

DEĊIŻI li jidħlu f'koperazzjoni ekonomika iktar stretta fil-qasam ta' l-industrija tas-sajd u ta' l-attivitajiet marbuta magħha, permezz tal-ħolqien u l-iżvilupp ta' kumpanniji konġunti li fihom ikun hemm intrapriżi miż-żewġ Partijiet,

JIFTIEHMU DWAR DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-għan

Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-prinċipji, ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw:

- il-koperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fil-qasam tas-sajd sabiex isir sajd responsabbli fl-ibħra ta' Kap Verde li jassigura l-konservazzjoni u l-użu tar-riżorsi tas-sajd fuq żmien twil u sabiex is-settur tas-sajd f'Kap Verde jiżviluppa;

- il-kondizzjonijiet ta' l-aċċess tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità fl-ibħra ta' Kap Verde;

- il-koperazzjoni dwar il-modalitajiet tal-monitoraġġ tas-sajd fl-ibħra ta' Kap Verde sabiex jiġu assigurati l-ħarsien tal-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-effikaċità tal-miżuri ta' konservazzjoni u tal-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat;

- is-sħubija bejn l-intrapriżi bil-għan li jiżviluppaw, fl-interess komuni tagħhom, attivitajiet ekonomiċi li jaqgħu taħt il-qasam tas-sajd u attivitajiet li jorbtu miegħu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, it-termini li ġejjin ifissru:

a) "awtoritajiet ta' Kap Verde", il-Gvern ta' Kap Verde;

b) "awtoritajiet komunitarji", il-Kummissjoni Ewropea;

ċ) "ibħra ta' Kap Verde", l-ibħra li jaqgħu, għal dak li għandu x'jaqsam mas-sajd, taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' Kap Verde;

d) "bastiment tas-sajd", kull bastiment mgħammar għall-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi ħajjin tal-baħar

e) "bastiment Komunitarju", bastiment tas-sajd li jtajjar bandiera ta' Stat Membru tal-Komunità u rreġistrat fil-Komunità;

f) "kumpannija konġunta", kumpannija kummerċjali kkostitwita f'Kap Verde minn armaturi jew intrapriżi nazzjonali tal-Partijiet għall-eżerċizzju ta' attivitajiet tas-sajd jew attivitajiet konnessi miegħu;

g) "kummissjoni konġunta", kummissjoni magħmula minn rappreżentanti tal-Komunità u ta' Kap Verde li l-karigi tagħha huma mniżżla fid-dettall fl-Artikolu 9 ta' dan il-Ftehim.

h) "trasbord", trasferiment magħmul fil-port jew fuq il-baħar tal-qabdiet, jew ta' parti minnhom, minn bastiment tas-sajd għal ieħor

i) "armatur", kull persuna ġuridikament responsabbli mill-bastiment tas-sajd li tmexxi u tikkontrolla

j) "baħrin AKP", kull baħri li ġej minn pajjiż mhux Ewropew li ffirma l-Ftehim ta' Cotonou. Għalhekk, baħri minn Kap Verde hu baħri AKP

Artikolu 3

Il-Prinċipji u l-għanijiet li jwasslu għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim

1. Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu sajd responsabbli fl-ibħra ta' Kap Verde skond il-prinċipji ddefiniti mill-Kodiċi ta' l-Imġiba għal Sajd Responsabbli (CCPR) ta' l-FAO u l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni bejn il-flotot differenti li jkunu f'dawn l-ibħra.

2. Il-Partijiet jikkoperaw sabiex jassiguraw il-kontinwità tar-riżultati ta' l-eżekuzzjoni ta' politika settorjali tas-sajd adottata mill-Gvern ta' Kap Verde u jibdew djalogu politiku dwar ir-riformi meħtieġa. Huma jikkonsultaw lil xulxin sabiex jadottaw il-miżuri eventwali f'dan il-qasam.

3. Il-Partijiet jikkoperaw ukoll fit-twettiq ta' l-evalwazzjonijiet tal-miżuri, fil-programmi u l-azzjonijiet implimentati skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim. Ir-riżultati ta' l-evalwazzjonijiet se jiġu analizzati mill-Kummissjoni konġunta stabbilita bl-Artikolu 9.

4. Il-Partijiet jintrabtu li jassiguraw l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim skond il-prinċipji ta' tmexxija ekonomika u soċjali tajba waqt li jitħares l-istat tar-riżorsi tas-sajd.

5. L-impjieg ta' baħrin minn Kap Verde u/jew AKP abbord il-bastimenti Komunitarji hu kkontrollat mid-Dikjarazzjoni ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) dwar il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol, li tapplika bis-sħiħ fil-qafas tal-kuntratti korrispondenti u tal-kondizzjonijiet ġenerali tax-xogħol. Huwa l-każ, b'mod partikolari, tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' l-għarfien effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv tal-ħaddiema u tal-qerda tad-diskriminazzjoni għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-impjieg u l-professjoni.

Artikolu 4

Il-koperazzjoni fil-qasam xjentifiku

1. Sakemm idum japplika l-Ftehim, il-Komunità u Kap Verde se jagħmlu l-aħjar tagħhom biex isegwu l-iżvilupp ta' l-istat tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde;

2. Iż-żewġ Partijiet, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet u ta' riżoluzzjonijiet adottati fi ħdan il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn ta' l-Atlantiku (ICCAT) u fid-dawl ta' l-aqwa opinjonijiet xjentifiċi disponibbli, jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan il-Kummissjoni konġunta stabbilita bl-Artikolu 9 jew, jekk ikun il-każ, fi ħdan laqgħa xjentifika. B'konsultazzjoni mal-Komunità, Kap Verde jista' jadotta miżuri bil-ħsieb ta' ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd fuq żmien twil.

3. Il-Partijiet jintrabtu li jikkonsultaw lil xulxin, direttament jew fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, bil-għan li jassiguraw il-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi fl-Atlantiku u li jikkoperaw fil-qafas tar-riċerki xjentifiċi li jorbtu magħhom.

Artikolu 5

L-Aċċess tal-Bastimenti Komunitarji għaż-Żoni tas-Sajd fl-Ibħra ta' Kap Verde

1. Kap Verde jobbliga ruħu li jawtorizza lil bastimenti Komunitarji biex jeżerċitaw attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tiegħu skond dan il-Ftehim, inklużi l-Protokoll u l-Anness.

2. L-attivitajiet tas-sajd li huma t-tema ta' dan il-Ftehim huma suġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ f'Kap Verde. L-awtoritajiet ta' Kap Verde jinnotifikaw lill-Komunità b'kull emenda fil-leġiżlazzjoni msemmija kif ukoll b'kull leġiżlazzjoni oħra li jista' jkollha impatt fuq il-leġiżlazzjonijiet tas-sajd.

3. Kap Verde jintrabat li jkun responsabbli dwar dak li għandu x'jaqsam ma' l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri dwar il-monitoraġġ tas-sajd stabbiliti bil-Protokoll. Il-bastimenti Komunitarji jikkoperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' Kap Verde għat-twettiq ta' dan il-monitoraġġ.

4. Il-Komunità tinrabat li tieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex tassigura li l-bastimenti tagħha jħarsu d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, kif ukoll il-leġiżlazzjoni li tikkontrolla s-sajd fl-ibħra li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' Kap Verde.

Artikolu 6

Il-liċenzji

1. Il-bastimenti Komunitarji ma jistgħux jeżerċitaw attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta' Kap Verde ħlief jekk ikollhom liċenzja tas-sajd maħruġa fil-qafas ta' dan il-Ftehim.

2. Il-proċedura li tippermetti l-kisba ta' liċenzja tas-sajd għal bastiment, it-taxxi li japplikaw u l-mod tal-ħlas mill-armatur huma ddefiniti fl-Anness tal-Protokoll.

Artikolu 7

Il-kumpens finanzjarju

1. Il-Komunità tagħti kumpens finanzjarju lil Kap Verde skond it-termini u l-kondizzjonijiet iddefiniti fil-Protokoll u fl-Annessi. Dan il-kumpens uniku hu ddefinit fuq il-bażi ta' żewġ komponenti relattivi, rispettivament,

a) għall-aċċess tal-bastimenti Komunitarji għaż-żoni tas-sajd ta' Kap Verde, u

b) għall-appoġġ finanzjarju tal-Komunità għall-promozzjoni ta' sajd responsabbli u għall-użu fuq żmien twil tar-riżorsi tas-sajd fl-ibħra ta' Kap Verde.

2. Il-komponent tal-kumpens finanzjarju msemmi fil-paragrafu ta' hawn fuq hu ddeterminat u ġestit skond l-identifikazzjoni miż-żewġ Partijiet ta' ftehim komuni u skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-Protokoll, skond l-għanijiet li għandhom jitwettqu fil-qafas tal-politika settorjali tas-sajd f'Kap Verde u skond programmar annwali u multiannwali li jorbot ma' l-implimentazzjoni tagħha.

3. Il-kumpens finanzjarju mogħti mill-Komunità jitħallas kull sena skond il-modalitajiet stabbiliti bil-Protokoll u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u tal-Protokoll dwar il-modifika eventwali ta' l-ammont tiegħu minħabba:

a) avvenimenti mhux normali, li m'humiex fenomeni naturali, li jipprojbixxu l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet tas-sajd fl-ibħra ta' Kap Verde;

b) tnaqqis, bi qbil, ta' l-opportunitajiet ta' sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji b'applikazzjoni ta' miżuri ta' ġestjoni ta' l-istokkijiet ikkonċernati meqjusa meħtieġa għall-konservazzjoni u l-użu tar-riżorsi fuq żmien twil skond l-aqwa opinjoni xjentifika disponibbli;

ċ) żieda, bi qbil bejn il-Partijiet, fl-opportunitajiet ta' sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji jekk, skond l-aqwa opinjoni xjentifika disponibbli, l-istat tar-riżorsi jippermetti dan;

d) evalwazzjoni mill-ġdid tal-kondizzjonijiet ta' l-appoġġ finanzjarju komunitarju għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd f'Kap Verde meta r-riżultati tal-programmar annwali u multiannwali kkonstatati mill-Partijiet jiġġustifikaw dan;

e) terminazzjoni ta' dan il-Ftehim skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12.

f) sospensjoni ta' l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13.

Artikolu 8

Il-promozzjoni tal-koperazzjoni fil-livell ta' l-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili

1. Il-Partijiet iħeġġu l-koperazzjoni ekonomika, xjentifika u teknika fis-settur tas-sajd u s-setturi relatati miegħu. Huma jikkonsultaw lil xulxin sabiex jikkoordinaw l-azzjonijiet differenti possibbli f'dan ir-rigward.

2. Il-Partijiet iħeġġu l-iskambju ta' l-informazzjoni dwar it-tekniki u l-inġenji tas-sajd, il-metodi ta' konservazzjoni u l-proċeduri industrijali ta' l-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd.

3. Il-Partijiet jimpenjaw irwieħhom biex joħolqu l-kondizzjonijiet xierqa għall-promozzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi tal-Partijiet fil-qasam tekniku, dak ekonomiku u kummerċjali waqt li jiffavorixxu l-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp tal-kummerċ u l-investimenti.

4. Iż-żewġ Partijiet jintrabtu li jimplimentaw pjan ta' azzjoni bejn l-operaturi ta' Kap Verde u dawk tal-Komunità bil-għan li jiżviluppaw l-iżbarki lokali ta' bastimenti Komunitarji.

5. Il-Partijiet iħeġġu, b'mod partikolari, il-ħolqien ta' kumpanniji konġunti li jkollhom interess reċiproku waqt li jħarsu b'mod sistematiku l-leġiżlazzjoni ta' Kap Verde u l-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni Konġunta

1. B'dan qed titwaqqaf kummissjoni konġunta inkarigata mill-kontroll ta' l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim. Il-Kummissjoni Konġunta teżerċita l-funzjonijiet li ġejjin:

a) tikkontrolla l-eżekuzzjoni, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim u b'mod partikolari d-definizzjoni u l-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-programmar annwali u multiannwali previst fil-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 7;

b) tassigura r-rabta meħtieġa għall-kwistjonijet ta' interess komuni fir-rigward tas-sajd;

ċ) isservi ta' forum biex tirregola, b'mod amikevoli, it-tilwim li jista' jinqala' minħabba l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Ftehim;

d) terġa' tevalwa, jekk ikun il-każ, il-livell ta' l-opportunitajiet ta' sajd u, għalhekk, tal-kumpens finanzjarju;

e) kull funzjoni oħra li l-Partijiet, bi qbil, jiddeċiedu li jattribwixxulha.

2. Il-Kummissjoni Konġunta tiltaqa' mill-inqas darba f'sena, darba f'Kap Verde u d-darba ta' wara fil-Komunità, taħt il-presidenza tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa. Hi tiltaqa' f'sessjoni straordinarja fuq talba ta' waħda mill-Partijiet.

Artikolu 10

Iż-żona ġeografika applikabbli

Dan il-Ftehim japplika, min-naħa l-waħda, fit-territorji fejn japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bit-Trattat imsemmi, u min-naħa l-oħra, fit-territorju ta' Kap Verde.

Artikolu 11

It-tul tal-Ftehim

Dan il-Ftehim japplika għal 5 snin minn meta jidħol fis-seħħ; huwa jista' jiġġedded kull perjodu supplimentari ta' 5 snin, sakemm ma jiġix itterminat skond l-Artikolu 12.

Artikolu 12

It-terminazzjoni

1. Dan il-Ftehim jista' jiġi tterminat minn waħda mill-Partijiet f'każ ta' avvenimenti mhux normali relattivi, fost oħrajn, għad-degradazzjoni ta' l-istokkijiet ikkonċernati, għall-konstatazzjoni ta' tnaqqis fil-livell ta' l-opportunitajiet ta' sajd mogħtija lill-bastimenti Komunitarji jew għan-nuqqas ta' ħarsien tal-wegħdiet sottoskritti mill-Partijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat.

2. Il-Parti interessata tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tittermina l-Ftehim mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza ta' l-ewwel perjodu jew ta' kull perjodu supplimentari.

3. Meta tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu preċedenti, il-Partijiet jibdew il-konsultazzjonijiet.

4. Il-ħlas tal-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 7 għas-sena li fiha t-terminazzjoni tidħol fis-seħħ jitnaqqas proporzjonalment u pro rata temporis.

Artikolu 13

Is-sospensjoni

1. L-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tista' tiġi sospiża fuq l-inizjattiva ta' waħda mill-Partijiet f'każ ta' tilwim gravi fir-rigward ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fih. Din is-sospensjoni hija suġġetta għan-notifika bil-miktub mill-Parti interessata mill-inqas tliet xhur qabel id-data li fiha din is-sospensjoni tidħol fis-seħħ. Malli jirċievu din in-notifika, il-Partijiet jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jsolvu t-tilwim tagħhom b'mod amikevoli.

2. Il-ħlas tal-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 7 jitnaqqas proporzjonalment u pro rata temporis skond it-tul ta' żmien tas-sospensjoni.

Artikolu 14

Il-Protokoll u l-Anness

Il-Protokoll u l-Anness jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

Artikolu 15

Dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali

L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità li joperaw fl-ibħra ta' Kap Verde huma kkontrollati mil-leġiżlazzjoni li tapplika f'Kap Verde, ħlief jekk il-Ftehim u dan il-Protokoll flimkien ma' l-Anness u l-Appendiċi tiegħu jipprevedu mod ieħor.

Artikolu 16

Tħassir

Dan il-Ftehim iħassar u jissostitwixxi l-Ftehim tas-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika ta' Kap Verde dwar is-sajd 'il barra minn Kap Verde li daħal fis-seħħ fl- 24 ta' Lulju 1990.

Artikolu 17

Id-dħul fis-seħħ

Dan il-Ftehim, imfassal f'żewġ oriġinali bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bid-Daniż, bl-Ispanjol, bl-Eston, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Iżvediż u biċ-Ċek, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku, jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li tlestew il-proċeduri meħtieġa għal dan l-iskop.

--------------------------------------------------