22002A0430(02)



Official Journal L 114 , 30/04/2002 P. 0073 - 0090


Ftehim

bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru

IL-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA

hawnhekk iżjed 'il quddiem msejħa "l-Isvizzera",

u

IL-KOMUNITÀ EWROPEA,

hawnhekk iżjed 'il quddiem msejħa "il-Komunità",

hawnhekk iżjed 'il quddiem msejħa "il-Partijiet Kontraenti",

WAQT li jagħrfu l-karattru integrat ta' l-avjazzjoni ċivili internazzjonali u xewqana li r-regolamenti dwar it-trasport bl-ajru intra-Ewropew ikunu armonizzati;

XEWQANA li jiddikjaraw regoli dwar l-avjazzjoni ċivili fl-arja koperta mill-Komunità u mill-Isvizzera, regoli li huma mingħajr preġudizzju għal dawk preżenti fit-Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea (hawnhekk iżjed 'il quddiem msejjaħ it-"Trattat KE") u b'mod partikolari għall-kompetenzi Komunitarji eżistenti taħt l-Artikolu 81 u 82 tat-Trattat KE u r-regoli dwar il-kompetizzjoni mnissla minnu;

JAQBLU li huwa xieraq li jibbażaw dawn ir-regoli fuq il-leġislazzjoni li hi fis-seħħ fil-Komunità fil-waqt li jiġi ffirmat dan il-Ftehim;

XEWQANA li ma jħallux, bir-rispett kollu dovut lejn l-independenza tal-qrati, interpretazzjonijiet diverġenti u li jaslu għal interpretazzjoni kemm jista' jkun uniformi tad-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u tad-disposizzjonijiet korrispondenti tal-liġi Komunitarja li huma sostanzjalment riprodotti f'dan il-Ftehim,

FTEHMU KIF ĠEJ:

KAPITOLU 1

Għanijiet

Artikolu 1

1. Dan il-Ftehim jiddikjara regoli għall-Partijiet Kontraenti fil-qasam ta' l-avjazzjoni ċivili. Dawn id-disposizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għal dawk preżenti fit-Trattat KE u b'mod partikolari għall-kompetenzi Komunitarji eżistenti taħt ir-regoli dawr il-kompetizzjoni u r-regolamenti li japplikaw tali regoli, kif ukoll taħt il-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti kollha elenkata fl-Anness ta' dan il-Ftehim.

2. Għal dan il-għan, id-disposizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Ftehim kif ukoll fir-regolamenti u d-direttivi speċifikati fl-Anness għandhom japplikaw taħt il-kondizzjoni iddikjarati hawnhekk. Sa fejn huma identiċi fis-sustanza għar-regoli korrispondenti tat-Trattat KE u għall-atti adottati fl-applikazzjoni ta' dak it-Trattat, dawk id-disposizzjonijiet għandhom, fl-implimentazzjoni u fl-applikazzjoni tagħhom, jiġu interpretati konformament mad-deċiżjonijiet u s-sentenzi relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mogħtija qabel id-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim. Id-deċiżjonijiet u s-sentenzi mogħtija wara d-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim għandhom ikunu kkomunikati lill-Isvizzera. Fuq talba ta' xi waħda mill-Partijiet Kontraenti, l-implikazzjonijiet ta' tali deċiżjonijiet u sentenzi ta' l-aħħar għandhom ikunu determinati mill-Kumitat Konġunt sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Id-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u l-Anness tiegħu għandhom japplikaw sakemm jolqtu t-trasport bl-ajru jew materji li huma direttament relatati mat-trasport bl-ajru hekk kif imsemmija fl-Anness ta' dan il-Ftehim.

KAPITOLU 2

Disposizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 3

Fl-ambitu ta' dan il-Ftehim, u mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjoni speċjali li jkun hemm f'dak ir-rigward, kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità għandha tkun ipprojbita.

Artikolu 4

Fl-ambitu ta' dan il-Ftehim u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92, hekk kif inkluż fl-Anness ta' dan il-Ftehim, m'għandu jkun hemm ebda restrizzjoni fuq il-libertà ta' stabbiliment ta' ċittadini ta' Stat Membru fl-KE jew ta' l-Isvizzera fit-territorju ta' xi wieħed minn dawn l-Istati. Dan għandu japplika wkoll għat-twaqqif ta' aġenziji, friegħi u sussidjarji minn ċittadini ta' xi Stat Membru fl-KE jew ta' l-Isvizzera stabbiliti fit-territorju ta' xi wieħed minn dawn l-Istati. Il-libertà ta' stabbiliment għandha tinkludi d-dritt li jinbdew u jitmexxew attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom u t-twaqqif u l-immaniġġjar ta' impriżi, b'mod partikolari kumpanniji jew ditti fis-sens ta' l-Artikolu 5, paragrafu 2, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti għaċ-ċittadini proprji tiegħu mill-liġi tal-pajjiż fejn isir tali stabbiliment.

Artikolu 5

1. Fl-ambitu ta' dan il-Ftehim, kumpanniji jew ditti ffurmati skond il-liġi ta' xi Stat Membru fl-KE jew ta' l-Isvizzera u li jkollhom l-uffiċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post ta' kummerċ prinċipali tagħhom fil-Komunità jew fl-Isvizzera għandhom jiġu trattati bl-istess mod ta' persuni naturali li huma ċittadini ta' xi Stat Membru fl-KE jew ta' l-Isvizzera.

2. "Kumpanniji jew ditti" tfissser kumpanniji jew ditti mwaqqfa taħt il-liġi ċivili jew kummerċjali, inklużi soċjetajiet koperattivi, u persuni legali oħra irregolati mill-liġi pubblika jew privata, ħlief għal dawk li ma twaqqfux biex jagħmlu qligħ.

Artikolu 6

L-Artikoli 4 u 5 m'għandhomx japplikaw, safejn għandu x'jaqsam ma' xi Parti Kontraenti, għal attivitajiet li f'dik il-Parti Kontraenti huma marbuta, ukoll jekk okkażjonalment, ma' l-eżerċizzju ta' l-awtorità uffiċjali.

Artikolu 7

L-Artikolu 4 u 5 u l-miżuri meħuda fl-ambitu tagħhom m'għandhomx jippreġudikaw l-applikabbilità tad-disposizzjonijiet stabbiliti mill-liġi, minn regolamenti jew minn azzjoni amministrattiva li jipprovdu trattament speċjali għal ċittadini barranin fuq il-bażi ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew ta' saħħa pubblika.

Artikolu 8

1. Dawn li ġejjin għandhom jiġu pprojbiti bħala inkompatibbli ma' dan il-Ftehim: kull ftehim bejn impriżi, deċiżjonijiet meħuda minn assoċjazzjonijiet ta' impriżi u prattiċi miftiehma li jistgħu jaffetwaw il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti u li għandhom bħala l-oġġett jew l-effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fit-territorju kopert minn dan il-Ftehim, u b'mod partikolari dawk li:

(a) direttament jew indirettament jiffissaw il-prezzijiet ta' xiri jew bejgħ jew xi kondizzjoni oħra kummerċjali;

(b) jillimitaw jew jikkontrollaw il-produzzjoni, is-swieq, l-iżvilupp teknoloġiku, jew l-investiment;

(ċ) jaqsmu s-swieq jew l-egħjun ta' fornitura;

(d) japplikaw kondizzjonijiet differenti għal operazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet kummerċjali oħra, u b'hekk ipoġġuhom fi żvantaġġ kompetittiv;

(e) jagħmlu l-konklużjoni ta' kuntratti suġġett għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra ta' obbligazzjonijiet sussidjarji li, min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, m'għandhomx x'jaqsmu mas-suġġett ta' tali kuntratti.

2. Kull ftehim jew deċiżjoni pprojbita minħabba dan l-Artikolu għandha tkun awtomatikament nulla.

3. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 jistgħu, madankollu, jiġu ddikjarati mhux applikabbli fil-każ ta':

- kull ftehim jew kategorija ta' ftehim bejn impriżi,

- kull deċiżjoni jew kategorija ta' deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi,

- kull prattika miftiehma jew kategorija ta' prattiċi miftiehma,

li tikkontribwixi għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni ta' merkanzija jew li tippromovi progress teknoloġiku jew ekonomiku, filwaqt li tħalli lill-konsumaturi sehem xieraq mill-benefiċċji li jirriżultaw, u li ma:

(a) timponix fuq l-impriżi kkonċernati restrizzjonijiet li mhumiex indispensabbli għall-ksib ta' dawn l-għanijiet;

(b) tħallix lil tali impriża l-possibilità li telimina l-kompetizzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.

Artikolu 9

Kull abbuż min-naħa ta' impriża waħda jew iktar ta' posizzjoni dominanti fit-territorju kopert minn dan il-Ftehim jew f'parti sostanzjali tiegħu għandu jiġi pprojbit bħala inkompatibbli ma' dan il-Ftehim safejn dan ikun jista' jaffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.

Dan l-abbuż jista', b'mod partikolari, jikkonsisti fi:

(a) l-imposizzjoni diretta jew indiretta ta' prezzijiet ta' xiri jew bejgħ inġusti jew ta' kondizzjonijiet kummerċjali inġusti oħra;

(b) il-limitazzjoni tal-produzzjoni, tas-swieq jew ta' l-iżvilupp teknoloġiku bi preġudizzju għall-konsumaturi;

(ċ) l-applikazzjoni ta' kondizzjonijiet differenti għal operazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet kummerċjali oħra, li b'hekk jitpoġġew fi żvantaġġ kompetittiv;

(d) il-konklużjoni ta' kuntratti tiġi magħmula suġġetta għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra ta' obbligazzjonijiet supplimentari li, min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, m'għandhomx x'jaqsmu mas-suġġett tal-kuntatt.

Artikolu 10

Kull ftehim, deċiżjoni u prattika miftiehma, li għandhom bħala l-oġġett jew l-effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, kif ukoll l-abbuż ta' posizzjoni dominanti, li jistgħu jaffettwaw biss il-kummerċ fl-Isvizzera, għandhom ikunu suġġetti għal-liġi Svizzera u jibqgħu taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet Svizzeri.

Artikolu 11

1. Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 8 u 9 għandhom jiġu applikati u l-konċentramenti bejn impriżi għandhom jiġu kkontrollati mill-istituzzjonijiet Komunitarji skond il-leġislazzjoni Komunitarja hekk kif iddikjarata fl-Anness ta' dan il-Ftehim, waqt li tingħata kull konsiderazzjoni lill-bżonn ta' koperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-awtoritajiet Svizzeri.

2. L-awtoritajiet Svizzeri għandhom jiddeċiedu, skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 8 u 9, dwar l-ammissibilità ta' kull ftehim, deċiżjoni u prattika miftiehma kif ukoll dwar abbużi ta' posizzjoni dominanti li jolqtu rotot bejn l-Isvizzera u pajjiżi terzi.

Artikolu 12

1. Fil-każ ta' impriżi pubbliċi u ta' impriżi li l-Istati Membri tal-KE jew l-Isvizzera jagħtuhom drittijiet speċjali jew esklussivi, il-Partijiet Kontraenti għandhom jaraw li la jippromulgaw u lanqas iżommu fis-seħħ xi miżura li tmur kontra r-regoli li jinsabu f'dan il-Ftehim.

2. Impriżi fdati bit-tħaddim ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jew li għandhom il-karattru ta' monopolji li jipproduċu dħul, għandhom ikunu suġġetti għar-regoli li jinsabu f'dan il-Ftehim, b'mod partikolari għar-regoli dwar il-kompetizzjoni, sakemm l-applikazzjoni ta' tali regoli ma tkunx ta' xkiel għall-prestazzjoni, fi dritt jew fil-fatt, tal-kompiti partikolari mogħtija lilhom. L-iżvilupp tal-kummerċ m'għandux ikun affetwat sa tali punt li jkun kuntrarju għall-interess tal-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 13

1. Ħlief kif ipprovdut f'dan il-Ftehim, kull għajnuna mogħtija mill-Isvizzera jew mill-Istati Membri tal-KE jew permezz ta' riżorsi Statali fi kwalunkwe forma li tgħawweġ jew tgħedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi impriżi partikolari jew il-produzzjoni ta' merkanzija partikolari għandha, sakemm taffetwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli ma' dan il-Ftehim.

2. Dawn li ġejjin għandhom ikunu kompatibbli ma' dan il-Ftehim:

(a) għajnuna li għandha karattru soċjali, mogħtija lil konsumaturi individwali, iżda tali għajnuna trid tingħata mingħajr diskriminazzjoni relatata ma' l-oriġini tal-prodotti kkonċernati;

(b) għajnuna li tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti eċċezzjonali.

3. Dawn li ġejjin jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli ma' dan il-Ftehim:

(a) għajnuna għal promozzjoni ta' l-iżvilupp ekonomiku f'postijiet fejn il-livell ta' l-għixien huwa baxx b'mod anormali jew fejn hemm nuqqas ta' impiegi serju;

(b) għajnuna għal promozzjoni tat-twettiq ta' proġett importanti ta' interess Ewropew komuni jew sabiex tinstab soluzzjoni għal disturb serju fl-ekonomija ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti;

(ċ) għajnuna li tiffaċilita attivitajiet ekonomiċi partikolari jew ta' oqsma ekonomiċi partikolari, fejn tali għajnuna ma taffetwax avversament il-kondizzjonijiet kummerċjali sa punt li jmur kontra l-interess komuni.

Artikolu 14

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Svizzeri għandhom iżommu taħt reviżjoni kostanti l-materji li għalihom jagħmel referenza l-Artikolu 12 u kull sistema ta' għajnuna eżistenti rispettivament fl-Istati Membri tal-KE u fl-Isvizzera. Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li l-Parti Kontraenti l-oħra tinżamm infurmata dwar kull proċedura mibdija sabiex jiġi garantit r-rispett tar-regoli ta' l-Artikoli 12 u 13 u, jekk meħtieġ, tista' tissottometti osservazzjonijiet qabel ma' tittieħed deċiżjoni finali. Fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, il-Kumitat Konġunt għandhu jiddiskuti kull miżura xierqa mitluba mill-għanijiet u mill-funzjonament ta' dan il-Ftehim.

KAPITOLU 3

Drittijiet ta' Traffiku

Artikolu 15

1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92, hekk kif inkluż fl-Anness ta' dan il-Ftehim:

- it-trasportaturi bl-ajru Komunitarji u Svizzeri għandhom jingħataw drittijiet ta' traffiku bejn kull punt fl-Isvizzera u kull punt fil-Komunità;

- sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, it-trasportaturi bl-ajru Svizzeri għandhom jiġu mogħtija drittijiet ta' traffiku bejn punti fi Stati Membri differenti tal-KE.

2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

- trasportatur bl-ajru Komunitarju għandha tfisser trasportatur bl-ajru li għandu bħala l-post prinċipali tal-kummerċ tiegħu u, jekk ikollu, l-uffiċċju reġistrat tiegħu fil-Komunità u li huwa liċenzat skond id-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92, kif inkluż fl-Anness ta' dan il-Ftehim;

- trasportatur bl-ajru Svizzeru għandha tfisser trasportatur bl-ajru li għandu l-post prinċipali tal-kummerċ tiegħu u, jekk ikollu, l-uffiċċju reġistrat tiegħu fl-Isvizzera u li huwa liċenzat skond id-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92, kif inkluż fl-Anness ta' dan il-Ftehim.

3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibdew negozjati dwar l-estensjoni possibbli ta' l-iskop ta' dan l-Artikolu sabiex ikopri drittijiet ta' traffiku bejn punti fl-Isvizzera u bejn punti fl-Istati Membri tal-KE ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 16

Id-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu jieħdu post id-disposizzjonijiet rilevanti ta' ftehim bilaterali eżistenti bejn l-Isvizzera u l-Istati Membri tal-KE. Madankollu, drittijiet ta' traffiku eżisteni li joriġinaw minn dawn il-ftehim bilaterali u li mhumiex koperti taħt l-Artikolu 15 jistgħu jibqgħu jiġu eżerċitati, iżda ma jridx ikun hemm diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità u l-kompetizzjoni ma tiġix distorta.

KAPITOLU 4

Infurzar tal-Ftehim

Artikolu 17

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa, ġenerali jew partikolari, sabiex jiżguraw it-twettieq ta' l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn dan il-Ftehim u għandhom jieqfu milli jieħdu xi miżura li tista' tipperikola l-ksib ta' l-għanijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 18

1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 u għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu 2, kull Parti Kontraenti għandha tkun responsabbli għall-infurzar proprju ta' dan l-Ftehim fit-territorju proprju tagħha u, b'mod partikolari, tar-regolamenti u tad-direttivi elenkati fl-Anness.

2. Fil-każijiet li jistgħu jolqtu servizzi bl-ajru li jridu jiġu awtorizzati taħt il-Kapitolu 3, l-istituzjonijiet Komunitarji għandom igawdu l-poteri mogħtija lilhom taħt id-disposizzjonijiet tar-regolamenti u tad-direttivi li l-applikazzjoni tagħhom hija espressament ikkonfermata fl-Anness. Madankollu, fil-każijiet fejn l-Isvizzera ħadet jew tikkunsidra li tieħu miżuri ta' natura ambjentali taħt jew l-Artikolu 8(2) jew 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92, il-Kumitat Konġunt, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, għandu jiddeċiedi jekk dawk il-miżuri humiex konformi ma' dan il-Ftehim.

3. Kull azzjoni ta' infurzar taħt il-paragrafi 1 u 2 għandha titwettaq skond l-Artikolu 19.

Artikolu 19

1. Kull Parti Kontraenti għandha tagħti lill-Parti Kontraenti l-oħra l-informazzjoni u l-assistenza kollha meħtieġa f'każ ta' investigazzjonijiet dwar il-possibilità ta' ksur li dik il-Parti Kontraenti l-oħra tagħmel taħt il-kompetenzi rispettivi tagħha hekk kif previst f'dan il-Ftehim.

2. Kull meta l-istituzzjonijiet Komunitarji jieħdu passi skond il-poteri mogħtija lilhom minn dan il-Ftehim dwar materji li huma ta' interess għall-Isvizzera u li jolqtu l-awtoritajiet Svizzeri jew impriżi Svizzeri, l-awtoritajiet Svizzeri għandhom jiġu infurmati b'kollox u jingħataw l-opportunità li jikkummentaw qabel ma' tittieħed deċiżjoni finali.

Artikolu 20

Kull mistoqsija dwar il-validità ta' deċiżjoni ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji meħuda fuq il-bażi tal-kompetenzi tagħhom taħt dan il-Ftehim, għandha tkun esklussivament ta' kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

KAPITOLU 5

Il-Kumitat Konġunt

Artikolu 21

1. Qiegħed jiġi hawnhekk stabbilit Kumitat magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti, li għandu jkun magħruf bħala l-"Kumitat Konġunt dwar it-Trasport bl-Ajru Komunità/Svizzera" (hawnhekk iżjed 'il quddiem msejjaħ il-Kumitat Konġunt), li għandu jkun responsabbli mill-amministrazzjoni ta' dan il-Ftehim u għandu jiżgura l-implimentazzjoni proprja tiegħu. Għal dan il-għan għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti minn dan il-Ftehim. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jitwettqu fis-seħħ mill-Partijiet Kontraenti skond ir-regoli proprji tagħhom. Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu azzjoni bi ftehim reċiproku.

2. Għall-fini ta' l-implimentazzjoni proprja ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiskambjaw informazzjoni u, fuq talba ta' waħda jew oħra mill-Partijiet Kontraenti, għandhom iżommu konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

3. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta, permezz ta' deċiżjoni, ir-regoli ta' proċedura tiegħu li għandhom jinkludi, fost disposizzjonijiet oħra, il-proċeduri sabiex jitlaqqgħu laqgħat, jiġi maħtur il-President u jitfasslu t-termini ta' referenza ta' dan ta' l-aħħar.

4. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' kif u meta meħtieġ, u ta' lanqas darba fis-sena. Kull waħda mill-Partijiet Kontraenti tista' titlob li titlaqqà laqgħa.

5. Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jwaqqaf grupp ta' ħidma li jista' jassistih fit-twettieq ta' dmirijietu.

Artikolu 22

1. Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tkun vinkolanti fuq il-Partijiet Kontraenti.

2. Jekk, fl-opinjoni ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mhix implimentata korrettament mill-Parti Kontraenti l-oħra, ta' l-ewwel tista' titlob li l-kwistjoni tiġi diskussa mill-Kumitat Konġunt. Jekk il-Kumitat Konġunt ma jistax isolvi l-kwistjoni fi żmien xahrejn minn meta ssir ir-referenza, dik il-Parti Kontraenti tista' tieħu miżuri temporanji xierqa ta' salvagwardja taħt l-Artikolu 31 għal perjodu li ma jeċċedix 6 xhur.

3. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fil-Kompendju Uffiċjali tal-Liġi Federali Svizzera. Kull deċiżjoni għandha tiddikjara d-data ta' l-implimentazzjoni tagħha fil-Partijiet Kontraenti u kull informazzjoni oħra li tista' tinteressa lill-operaturi ekonomiċi. Id-deċiżjonijiet għandhom jiġu sottoposti għar-ratifika jew għall-approvazzjoni jekk meħtieġa tal-Partijiet Kontraenti skond il-proċeduri proprji tagħhom.

4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw waħda lill-oħra dwar il-kompletar ta' din il-formalità. Jekk fi tmiem perjodu ta' tnax-il xahar mill-adozzjoni ta' deċizjoni mill-Kumitat Konġunt tali notifikazzjoni tkun għada ma saritx, il-paragrafu 5 għandu japplika mutatis mutandis.

5. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, jekk il-Kumitat Konġunt ma jiħux deċizjoni dwar kwistjoni li tiġi riferita lilu fi żmien sitt xhur mid-data tar-referenza, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jieħdu miżuri temporanji xierqa ta' salvagwardja taħt l-Artikolu 31 għal perjodu li ma jaqbiżx is-sitt xhur.

6. Dwar il-leġislazzjoni koperta mill-Artikolu 23 li ġiet adottata bejn l-iffirmar ta' dan il-Ftehim u dħul fis-seħħ tiegħu u li dwarha il-Parti Kontraenti l-oħra ġiet informata, id-data ta' referenza fil-paragrafu 5 għandha titqies li hi d-data li fiha tkun riċevuta l-informazzjoni. Id-data li fiha l-Kumitat Konġunt għandu jilħaq deċiżjoni ma tistax tkun qabel xahrejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

KAPITOLU 6

Leġislazzjoni Ġdida

Artikolu 23

1. Il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' kull Parti Kontraenti, bla ħsara għall-konformità mal-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni u d-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, li temenda unilateralment il-leġislazzjoni tagħha dwar xi punt regolat minn dan il-Ftehim.

2. Hekk kif leġislazzjoni ġdida tkun qegħda tiġi mfassla minn waħda mill-Partijiet Kontraenti, din għandha titlob informalment il-parir ta' l-esperti tal-Parti Kontraenti l-oħra. Tul il-perjodu li jippreċedi l-adozzjoni formali tal-leġislazzjoni ġdida, il-Partijiet Kontraenti għandhom jinfurmaw u jikkonsultaw lil xulxin kemm jista' jkun mill-qrib. Fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, skambju preliminari ta' veduti jista' jseħħ fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

3. Hekk kif Parti Kontraenti tkun adottat emendi għall-leġsilazzjoni tagħha, din għandha tinforma lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn tmint ijiem wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew fil-Kompendju Uffiċjali tal-Liġi Federali Svizzera. Fuq rikjesta ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, il-Kumitat Konġunt għandu jżomm fi ħdanu skambju ta' veduti dwar l-implikazzjonijiet ta' tali emendi għall-funzjonament xieraq ta' dan il-Ftehim mhux iktar tard minn sitt ġimgħat minn meta ssir it-talba.

4. Il-Kumitat Konġunt għandu:

- jew jadotta deċizjoni li tirrevedi l-Anness, jew, jekk meħtieġ, jipproponi reviżjoni tad-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, sabiex jintegra ġo fih, jekk meħtieġ fuq bażi ta' reċiproċità, l-emendi magħmula lill-leġislazzjoni in kwistjoni;

- jew jadotta deċizjoni li permezz tagħha l-emendi għall-leġislazzjoni in kwistjoni għandhom jitqiesu bħala li huma skond il-funzjonament xieraq ta' dan il-Ftehim;

- jew jiddeċiedi kull miżura oħra li tħares il-funzjonament xieraq ta' dan il-Ftehim.

KAPITOLU 7

Pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

Artikolu 24

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkonsultaw ma' xulxin fi żmien xieraq fuq talba ta' waħda jew oħra mill-Partijiet Kontraenti, skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 25, 26 u 27:

(a) dwar kwistjonijiet dwar it-trasport bl-ajru li jiġu kkunsidrati fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali; u

(b) dwar l-aspetti varji ta' l-iżviluppi possibbli tar-relazzjonijiet bejn il-Partijiet Kontraenti u pajjiżi terzi dwar it-trasport bl-ajru, u dwar il-funzjonament ta' l-elementi sinifikanti ta' ftehim bilaterali jew multilaterali milħuqa f'dan il-qasam.

Il-konsultazzjonijiet għandhom jinżammu fi żmien xhar mit-talba jew malajr kemm jista' jkun f'każijiet urġenti.

Artikolu 25

1. L-għanijiet prinċipali tal-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 24(a) għandhom ikunu:

(a) jiġi stabbilit konġuntament jekk il-kwistjonijiet jinvolvux problemi ta' interess komuni; u

(b) skond in-natura ta' dawn il-problemi:

- jiġi kkunsidrat konġuntament jekk l-azzjoni tal-Partijiet Kontraenti fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali kkonċernati għandiex tkun kordinata, jew

- jiġi kkunsidrat konġuntament jekk xi approċċ ieħor ikunx aktar xieraq.

2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom malajr kemm jista jkun jiskambjaw kull informazzjoni rilevanti għall-għanijiet deskritti fil-paragrafu 1.

Artikolu 26

1. L-għanijiet prinċipali tal-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 24(b) għandhom ikunu l-eżami tal-kwistjonijiet rilevanti u l-konsiderazzjoni ta' liema approċċ jista jkun l-aktar xieraq.

2. Għall-fini tal-konsultazzjonijiet msejħa fil-paragrafu 1, kull Parti Kontraenti għandha tinforma lill-Parti Kontraenti l-oħra dwar l-iżviluppi possibbli fil-qasam tat-trasport bl-ajru u dwar it-tħaddim ta' ftehim bilaterali jew multilaterali milħuqa f'dak il-qasam.

Artikolu 27

1. Il-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikoli 24, 25 u 26 għandhom iseħħu fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

2. Jekk ftehim bejn waħda mill-Partijiet Kontraenti u pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali ikollu effett negattiv fuq l-interessi tal-Parti Kontraenti l-oħra, din ta' l-aħħar, minkejja id-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92, hekk kif inkluż fl-Anness ta' dan il-Ftehim, tista' tieħu miżuri temporanji xierqa ta' salvagwardja fil-qasam ta' l-aċċess għas-suq sabiex iżżomm il-bilanċ ta' dan il-Ftehim. Dawn il-miżuri jistgħu, madankollu, jiġu adottati biss wara li jkunu saru konsultazzjonijiet dwar din il-kwistjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt.

KAPITOLU 8

Disposizzjonijiet Finali

Artikolu 28

Ir-rappreżentanti, l-esperti u l-impjegati l-oħra tal-Partijiet Kontraenti għandhom jiġu mitluba, ukoll wara li jtemmu dmirijiethom, li ma jiżvelawz informazzjoni miksuba fil-kwadru ta' dan il-Ftehim, li hija koperta mill-obbligazzjoni ta' segretezza professjonali.

Artikolu 29

Kull Parti Kontraenti tista' tressaq materja li hija suġġett ta' disputa li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim quddiem il-Kumitat Konġunt. Dan ta' l-aħħar għandu jfittex li jirrisolvi il-kwistjoni. Il-Kumitat Konġunt għandu jingħata l-informazzjoni kollha li tista' tkun utli sabiex issir possibbli eżami fil-fond tas-sitwazzjoni, bil-għan li tinstab soluzzjoni aċċettabbli. Għal dan il-għan, il-Kumitat Konġunt għandu jeżamina kull possibilità li tħares il-funzjonament proprju ta' dan il-Ftehim. Id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu m'għandhomx japplikaw għal kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej taħt l-Artikolu 20.

Artikolu 30

1. Jekk waħda mill-Partijiet Kontraenti tixtieq tirrevedi d-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, għandha tinnotifika lill-Kumitat Konġunt kif maħsub. L-emendi għal dan il-Ftehim għandhom jidħlu fis-seħħ wara l-kompletar tal-proċeduri interni rispettivi.

2. Il-Kumitat Konġunt jista', fuq proposta ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti u skond l-Artikolu 23, jiddeċiedi li jimmodifika l-Anness.

Artikolu 31

Jekk waħda mill-Partijiet Kontraenti tirrifjuta li tħares l-obbligazzjonijiet tagħha taħt dan il-Ftehim, il-Parti Kontraenti l-oħra tista', mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22 u wara li tkun temmet kull proċedura applikabbli oħra prevista f'dan il-Ftehim, tieħu miżuri temporanji xierqa ta' salvagwardja sabiex iżżomm l-bilanċ ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 32

L-Anness ta' dan il-Ftehim għandu jifforma parti integrali minnu.

Artikolu 33

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, dan il-Ftehim għandu jieħu post id-disposizzjonijiet rilevanti ta' ftehim bilaterali fis-seħħ bejn l-Isvizzera fuq naħa waħda u l-Istati Membri fl-KE fuq in-naħa l-oħra li jikkonċernaw kull materja koperta minn dan il-Ftehim u l-Anness tiegħu.

Artikolu 34

Dan il-Ftehim għandu japplika, fuq naħa waħda fit-territorji li fihom huwa applikat it-Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat, u fuq l-oħra, fit-territorju ta' l-Isvizzera.

Artikolu 35

1. Fil-każ tat-tmiem ta' dan il-Ftehim, taħt id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 36(4), is-servizzi ta' l-ajru mħaddma fid-data ta' l-għeluq tiegħu taħt id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 jistgħu jitkomplew sat-tmiem ta' l-istaġun ta' l-iskedar li fiha taqa' dik id-data ta' l-għeluq.

2. Id-drittijiet u l-obbligi akkwiżiti minn impriżi bis-saħħa ta' l-Artikoli 4 u 5 ta' dan il-Ftehim u tar-regoli tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 hekk kif inkluż fl-Anness ta' dan il-Ftehim m'għandhomx jiġu affettwati mit-tmiem ta' dan il-Ftehim taħt id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 36(4).

Artikolu 36

1. Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti skond il-proċeduri proprji tagħhom. Għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara n-notifikazzjoni finali tad-depożitu tad-dokument ta' ratifika jew approvazzjoni tas-seba' ftehim kollha li ġejjin:

- ftehim dwar it-trasport bl-ajru,

- ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni,

- ftehim dwar it-trasport ta' merkanzija u passiġġieri bil-ferrovija u fuq it-triq,

- ftehim dwar il-kummerċ fil-prodotti agrikoli,

- ftehim dwar ċerti aspetti ta' l-akkwisti li jsiru mill-Gvern,

- ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku dwar stħarriġ ta' konformità,

- ftehim dwar il-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika.

2. Dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż għal perjodu inizjali ta' seba' snin. Għandu jiġi mġedded indefinittivament kemm-il darba l-Komunità jew l-Isvizzera ma tinnotifikax lill-Parti Kontraenti l-oħra bil-kuntrarju qabel ma' jintemm il-perjodu inizjali. Meta tingħata tali notifika, għandu japplika l-paragrafu 4.

3. Il-Komunità jew l-Isvizzera jistgħu jtemmu dan il-Ftehim billi jinnotifikaw id-deċiżjoni tagħha lill-Parti Kontraenti l-oħra. Meta tingħata tali notifika, għandu japplika l-paragrafu 4.

4. Is-seba' ftehim li għalihom jirreferi l-paragrafu 1 m'għandhomx jibqgħu applikabbli sitt xhur wara li tiġi riċevuta n-notifika tan-nuqqas ta' tiġdid, li għaliha jirreferi l-paragrafu 2, jew tat-tmiem, li għaliha jirreferi l-paragrafu 3.

Hecho en Luxemburgo, el veintiuno de junio de mil novecientos noventa y nueve, en doble ejemplar en lenguas alemana, danesa, española, finesa, francesa, griega, inglesa, italiana, neerlandesa, portuguesa y sueca, siendo cada uno de estos textos igualmente auténtico.Udfærdiget i Luxembourg, den enogtyvende juni nitten hundrede og nioghalvfems,i to eksemplarer på dansk, engelsk, finsk, fransk, græsk, italiensk, nederlandsk, portugisisk, spansk, svensk og tysk, idet hver af disse tekster har samme gyldighed.Geschehen zu Luxemburg am einundzwanzigsten Juni neunzehnhundertneunundneunzig in zwei Urschriften in dänischer, deutscher, englischer, finnischer, französischer, griechischer, italienischer, niederländischer, portugiesischer, spanischer und schwedischer Sprache, wobei jeder dieser Wortlaute gleichermaßen verbindlich ist.Έγινε στο Λουξεμβούργο, στις είκοσι μία Ιουνίου χίλια εννιακόσια ενενήντα εννέα, σε δύο αντίγραφα στην αγγλική, γαλλική, γερμανική, δανική, ελληνική, ισπανική, ιταλική, ολλανδική, πορτογαλική, σουηδική και φινλανδική γλώσσα· καθένα από τα κείμενα είναι εξίσου αυθεντικό.Done at Luxembourg on the twenty-first day of June in the year one thousand and ninety-nine, in two copies in the Danish, Dutch, English, Finnish, French, German, Greek, Italian, Portuguese, Spanish and Swedish languages, each of those texts being equally authentic.Fait à Luxembourg, le vingt-et-un juin mil neuf cent quatre-vingt dix-neuf, en deux exemplaires en langues allemande, anglaise, danoise, espagnole, finnoise, française, grecque, italienne, néerlandaise, portugaise et suédoise, chacun de ces textes faisant également foi.Fatto a Lussemburgo, addì ventuno giugno millenovecentonovantanove, in due copie, nelle lingue danese, finlandese, francese, greca, inglese, italiana, olandese, portoghese, spagnola, svedese e tedesca, ciascun testo facente ugualmente fede.Gedaan te Luxemburg, de eenentwintigste juni negentienhonderd negenennegentig, in tweevoud, in de Deense, de Duitse, de Engelse, de Finse, de Franse, de Griekse, de Italiaanse, de Nederlandse, de Portugese, de Spaanse en de Zweedse taal, zijnde alle teksten gelijkelijk authentiek.Feito em Luxemburgo, em vinte e um de Junho de mil novecentos e noventa e nove, em duplo exemplar nas línguas alemã, dinamarquesa, espanhola, finlandesa, francesa, grega, inglesa, italiana, neerlandesa, portuguesa e sueca, fazendo igualmente fé qualquer dos textos.Tehty Luxemburgissa kahdentenakymmenentenäensimmäusenä päivänä kesäkuuta vuonna tuhatyhdeksänsataayhdeksänkymmentäyhdeksän kahtena kappaleena englannin, espanjan, hollannin, italian, kreikan, portugalin, ranskan, ruotsin, saksan, suomen ja tanskan kielellä, ja jokainen teksti on yhtä todistuvsvoimainen.Utfärdat i Luxemburg den tjugoförsta juni nittonhundranittionio i två exemplar på det danska, engelska, finska, franska, grekiska, italienska, nederländska, portugisiska, spanska, svenska och tyska språket, vilka samtliga texter är lika giltiga.

Por la Comunidad EuropeaFor Det Europæiske FællesskabFür die Europäische GemeinschaftΓια την Ευρωπαϊκή ΚοινότηταFor the European CommunityPour la Communauté européennePer la Comunità europeaVoor de Europese GemeenschapPela Comunidade EuropeiaEuroopan yhteisön puolestaPå Europeiska gemenskapens vägnar

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

Por la Confederación SuizaFor Det Schweiziske EdsforbundFür der Schweizerischen EidgenossenschaftΓια την Ελβετική ΣυνομοσπονδίαFor the Swiss ConfederationPour la Confédération suissePer la Confederazione svizzeraVoor de Zwitserse BondsstaatPela Confederação SuíçaSveitsin valaliiton puolestaPå Schweiziska Edsförbundets vägnar

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS

Għall-għanijiet ta' dan il-Ftehim:

- kulfejn l-atti speċifikati f'dan l-Anness ikun fihom referenza għall-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, jew il-ħtieġa ta' konnessjoni ma' dawn ta' l-aħħar, ir-referenzi għandhom, għall-għan ta' dan il-Ftehim, jinftiehmu bħala li japplikaw ugwalment għall-Isvizzera jew għall-ħtieġa ta' konnessjoni mal-Isvizzera;

- mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15 ta' dan il-Ftehim, it-terminu "trasportatur bl-ajru Komunitarju" li ssir referenza għalih fid-direttivi u fir-regolamenti Komunitarji li ġejjin għandha tinkludi trasportatur bl-ajru li huwa liċenzat u għandu l-post prinċipali tal-kummerċ tiegħu u, jekk ikollu, l-uffiċċju reġistrat tiegħu fl-Isvizzera skond id-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92.

1. It-tielet pakkett għal-liberalizzazzjoni ta' l-avjazzjoni u regoli oħra dwar l-avjazzjoni ċivili

Nru 2407/92

Regolament tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1992 dwar il-liċenzar tat-trasportaturi bl-ajru.

(L-Artikoli 1-18)

(Dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 13(3), ir-referenza għall-Artikolu 169 tat-Trattat KE għandha tinftiehem bħala referenza għall-proċeduri applikabbli ta' dan il-Ftehim.

Nru 2408/92

Regolament tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1992 dwar l-aċċess għat-trasportaturi bl-ajru Komunitarji għal rotot bl-ajru intra-Komunitarji.

(L-Artikoli 1-10, 12-15)

(L-annessi għandhom jiġu emendati sabiex jinkludu l-ajruporti Svizzeri.)

Nru 2409/92

Regolament tal-Kunsill tat-23 ta Lulju 1992 dwar nollijiet u rati għal servizzi bl-ajru.

(L-Artikoli 1-11)

Nru 295/91

Regolament tal-Kunsill ta' l-4 ta' Frar 1991 li jistabilixxi regoli komuni għal sistema ta' kumpens fil-każ li wieħed ma jitħallix jitla' abbord fil-każ ta' trasport bl-ajru skedat.

(L-Artikoli 1-9)

Nru 2299/89

Regolament tal-Kunsill ta' l-24 ta' Lulju 1989 li jintroduċi kodiċi ta' mġieba għal sistemi ta' prenotazzjoni kompjuterizzata, hekk kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3089/93.

(L-Artikoli 1-22)

Nru 3089/93

Regolament tal-Kunsill tad-29 ta' Ottubru 1993 li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2299/89 dwar kodiċi ta' mġieba għal sistemi ta' prenotazzjoni kompjuterizzata.

(L-Artikolu 1)

80/51

Direttiva tal-Kunsill tal-20 Diċembru 1979 dwar il-limitazzjoni ta' emissjonijiet ta' ħsejjes minn ajruplani subsoniċi, hekk kif emendata mid-Direttiva 83/206/KEE.

(L-Artikoli 1-9)

89/629

Direttiva tal-Kunsill ta' l-4 Diċembru 1989 dwar il-limitazzjoni ta' emissjonijiet ta' ħsejjes minn ajruplani ċivili subsoniċi li jaħdmu bil-ġett.

(L-Artikoli 1-8)

92/14

Direttiva tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 1992 dwar il-limitazzjoni tat-tħaddim ta' ajruplani koperti mit-III Parti, Kapitolu 2, Volum I ta' l-Anness għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tieni edizzjoni (1988).

(L-Artikoli 1-11)

91/670

Direttiva tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-aċċettazzjoni reċiproka tal-liċenzar ta' persunal għall-eżerċizzju ta' funzjonijiet fl-avjazzjoni ċivili.

(L-Artikoli 1-8)

Nru 95/93

Regolament tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 1993 dwar regoli komuni għall-allokazzjoni ta' slotts fl-ajruporti Komunitarji.

(L-Artikoli 1-12)

96/67

Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti Komunitarji.

(L-Artikoli 1-9, 11-23, 25)

Nru 2027/97

Regolament tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 1997 dwar ir-responsabbilità tat-trasportaturi bl-ajru fil-każ ta' inċidenti.

(L-Artikoli 1-8)

Nru 323/1999

Regolament tal-Kunsill tat-8 Frar 1999 li jemenda Regolament (KEE) Nru 2229/89 dwar kodiċi ta' kondotta għal sistemi ta' prenotazzjoni kompjuterizzata (SPK).

(L-Artikoli 1 u 2)

2. Regoli dwar il-kompetizzjoni

Kull referenza fit-testi li ġejjin għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat għandhom jinftiehmu li jfissru l-Artikoli 8 u 9 ta' dan il-Ftehim.

Nru 17/62

Regolamemt tal-Kunsill tas-6 ta' Frar 1962 li jimplimenta l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, hekk kif emendat bir-Regolament Nru 59, bir-Regolament Nru 118/63/EEC u bir-Regolament (KEE) Nru 2822/71.

(L-Artikoli 1-9, 10(1)-(2), 11-14, 15(1), 15(2), 15(4)-(6), 16(1)-(2), 17-24)

Nru 141/62

Regolament tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 1962 li jeżenta t-trasport mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 17, hekk kif emendat mir-Regolamenti Nri 165/65/KEE u 1002/67/KEE.

(L-Artikoli 1-3)

Nru 3385/94

Regolament tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 1994 dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra ta' l-applikazzjonijiet u n-notifiki previsti mir-Regolament tal-Kunsill Nru 17.

(L-Artikoli 1-5)

Nru 99/63

Regolament tal-Kummissjoni tal-25 ta' Lulju 1963 dwar is-seduti previsti mill-Artikolu 19(1) u (2) mir-Regolament tal-Kunsill Nru 17.

(L-Artikoli 1-11)

Nru 2988/74

Regolament tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 1974 dwar il-perjodi ta' limitazzjoni fi proċeduri u l-infurzar ta' sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-KEE li għandhom x'jaqsmu mat-trasport u l-kompetizzjoni.

(L-Artikoli 1-7)

Nru 3975/87

Regolament tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 1987 li jipprovdi l-proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għal impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru, hekk kif emendat mir-Regolamenti (KEE) Nru 1284/91 u (KEE) Nru 2410/92 (ara hawn isfel).

(L-Artikoli 1-7, 8(1), 8(2), 9-11, 12(1), 12(2), 12(4), 12(5), 13(1), 13(2), 14-19)

Nru 1284/91

Regolament tal-Kunsill tal-14 ta Mejju 1991 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3975/87 li jipprovdi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għal impriżi fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

(L-Artikolu 1)

Nru 2410/92

Regolament tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1992 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3975/87 li jipprovdi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għal impriżi fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

(L-Artikolu 1)

Nru 3976/87

Regolament tal-Kunsill ta' l-14 ta' Diċembru 1987 dwar l-applikazzjoni ta l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim u prattiċi miftiehma fil-qasam tat-trasport bl-ajru, hekk kif emendat mir-Regolamenti (KEE) Nru 2344/90 u (KEE) Nru 2411/92 (ara hawn isfel).

(L-Artikoli 1-5, 7)

Nru 2344/90

Regolament tal-Kunsill tal-24 ta' Lulju 1990 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3976/87 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim u prattiċi miftiehma fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

(L-Artikolu 1)

Nru 2411/92

Regolament tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1992 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3976/87 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim u prattiċi miftiehma fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

(L-Artikolu 1)

Nru 3652/93 [1]

Regolament tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 1993 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim bejn impriżi li għandhom x'jaqsmu ma' sistemi ta' prenotazzjoni kompjuterizzati għal servizzi ta' trasport bl-ajru.

(L-Artikoli 1-15)

Nru 1617/93 [2]

Regolament tal-Kumissjoni tal-25 ta' Ġunju 1993 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim u prattiċi miftiehma dwar l-ippjanar u l-kordinament konġunt ta' l-iskedi, operazzjonijiet konġunti, konsultazzjonijiet dwar it-tariffi għall-passiġġieri u għat-tagħbija f'servizzi ta' l-ajru skedati u l-allokazzjoni ta' slotts fl-ajruporti.

(L-Artikoli 1-7)

Nru 1523/96

Regolament tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' Lulju 1996 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1617/93 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim u prattiċi miftiehma dwar l-ippjanar u l-kordinament konġunt ta' l-iskedi, operazzjonijiet konġunti, konsultazzjonijiet dwar it-tariffi għall-passiġġieri u għat-tagħbija f'servizzi ta' l-ajru skedati u l-allokazzjoni ta' slotts fl-ajruporti.

(L-Artikoli 1, 2)

Nru 4261/88

Regolament tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 1988 dwar l-ilmenti, l-applikazzjonijiet u s-seduta previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3975/87.

(L-Artikoli 1-14)

Nru 4064/89

Regolament tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta' konċentramenti ta' impriżi.

(L-Artikoli 1-8, 9(1)-(8), 10-18, 19(1)-(2), 20-23)

Nru 1310/97

Regolament tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 1997 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 4064/89 dwar il-kontroll ta' konċentramenti ta' impriżi.

(L-Artikoli 1, 2)

Nru 3384/94

Regolament tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 1994 dwar in-notifikazzjoni, il-limitazzjonijiet taż-żminijiet u s-seduti previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 dwar il-kontroll ta' konċentramenti ta' impriżi.

(L-Artikoli 1-23)

80/723

Direttiva tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 1980 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi, hekk kif emendata mid-Direttiva 85/413/KEE tal-24 ta' Lulju 1985.

(L-Artikoli 1-9)

85/413

Direttiva tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 1985 li temenda d-Direttiva 80/723/KEE dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi.

(L-Artikoli 1-3)

3. Armonizzazzjoni Teknika

Nru 3922/91

Regolament tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi fil-qasam ta' l-avjazzjoni ċivili.

(L-Artikoli 1-3, 4(2), 5-11, 13)

93/65

Direttiva tal-Kunsill dwar id-definizzjoni u l-użu ta' speċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali kompatibbli għall-ksib ta' tagħmir u sistemi għall-amministrazzjoni tat-traffiku fl-ajru.

(L-Artikoli 1-5, 7-10)

(L-Anness għandu jiġi adattat sabiex jinkludi lill-Swisscontrol u kull organizzazzjoni Svizzera oħra koperta mill-Artikolu 5)

97/15

Direttiva tal-Kummissjoni tal-25 ta' Marzu 1997 li tadotta l-i standards tal-Eurocontrol u temenda d-Direttiva 93/65/KEE dwar id-definizzjoni u l-użu ta' speċifikazzjonijiet tekniċi kompatibbli għall-ksib ta' tagħmir u sistemi ta' l-amministrazzjoni tat-traffiku fl-ajru.

(L-Artikoli 1-4, 6)

4. Sigurtà fl-Ajru

94/56

Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 1994 li tistabbilixxi il-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta' aċċidenti u inċidenti ta' l-avjazzjoni ċivili.

(L-Artikoli 1-13)

5. OĦRAJN

NRU 90/314

Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar vjaġġi organizzati, vaganzi organizzati u turs organizzati.

(L-Artikoli 1-10)

NRU 93/13

Direttiva tal-Kunsill tal-5 ta' April 1993 dwar kondizzjonijiet inġusti f'kuntratti għall-konsumatur.

(L-Artikoli 1-11)

[1] M'għadhomx fis-seħħ, imma għandhom iservu bħala gwida għall-politika sakemm tiġi adottata direttiva oħra li tieħu postha.

[2] M'għadhomx fis-seħħ, imma għandhom iservu bħala gwida għall-politika sakemm tiġi adottata direttiva oħra li tieħu postha.

--------------------------------------------------

ATT FINALI

Il-Plenipotenzarji

tal-KOMUNITÀ EWROPEA

u

tal-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA,

li ltaqgħu nhar il-21 ta' Ġunju 1999 fil-Lussemburgu għall-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru adottaw id-Dikjarazzjonijiet Konġunti li jissemmew hawn isfel u li huma mehmuża ma' dan l-Att Finali:

- Dikjarazzjoni Konġunta dwar ftehim ma' pajjiżi terzi,

- Dikjarazzjoni Konġunta dwar iktar negozjati.

Huma ħadu ukoll nota tad-Dikjarazzjonijiet li ġejjin annessi ma' dan l-Att Finali:

- Dikjarazzjoni dwar l-attendenza Svizzera għall-kumitati,

- Dikjarazzjoni mill-Isvizzera dwar il-possibilità ta' l-emendar ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

Hecho en Luxemburgo, el ventiuno de junio de mil novecientos noventa y nueve.Udfærdiget i Luxembourg den enogtyvende juni nitten hundrede og nioghalvfems.Geschehen zu Luxemburg am einundzwanzigsten Juni neunzehnhundertneunundneunzig.Έγινε στο Λουξεμβούργο, στις είκοσι μία Ιουνίου χίλια εννιακόσια ενενήντα εννέα.Done at Luxembourg on the twenty-first day of June in the year one thousand nine hundred and ninety-nine.Fait à Luxembourg, le vingt-et-un juin mil neuf cent quatre-vingt dix-neuf.Fatto a Lussemburgo, addì ventuno giugno millenovecentonovantanove.Gedaan te Luxemburg, de eenentwintigste juni negentienhonderd negenennegentig.Feito em Luxemburgo, em vinte e um de Junho de mil novecentos e noventa e nove.Tehty Luxemburgissa kahdentenakymmenentenäensimmäisenä päivänä kesäkuuta vuonna tuhatyhdeksänsataayhdeksänkymmentäyhdeksän.Som skedde i Luxemburg den tjugoförsta juni nittonhundranittionio.

Por la Comunidad EuropeaFor Det Europæiske FællesskabFür die Europäische GemeinschaftΓια την Ευρωπαϊκή ΚοινότηταFor the European CommunityPour la Communauté européennePer la Comunità europeaVoor de Europese GemeenschapPela Comunidade EuropeiaEuroopan yhteisön puolestaPå Europeiska gemenskapens vägnar

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

Por la Confederación SuizaFor Det Schweiziske EdsforbundFür der Schweizerischen EidgenossenschaftΓια την Ελβετική ΣυνομοσπονδίαFor the Swiss ConfederationPour la Confédération suissePer la Confederazione svizzeraVoor de Zwitserse BondsstaatPela Confederação SuíçaSveitsin valaliiton puolestaPå Schweiziska Edsförbundets vägnar

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

dwar Ftehim ma' Pajjiżi Terzi

Il-Partijiet Kontraenti jagħrfu li huwa mixtieq li jittieħdu l-passi neċesarji sabiex tiġi żġurata koerenza bejn ir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom dwar it-traffiku bl-ajru u ftehim oħra aktar wiesgħa dwar it-trasport bl-ajru bbażati fuq l-istess prinċipji.

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

Għall-Aktar Negozjati

Il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jibdew negozjati għall-konklużjoni ta' ftehim f'meddiet ta' ħidma ta' interess komuni bħalma huma l-aġġornament tal-Protokoll 2 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles ta' l-1972 u l-parteċipazzjoni Svizzera f'ċerti programmi Komunitarji għat-taħriġ, iż-żgħażagħ, il-media l-istatistiċi u l-ambjent. Ix-xogħol preparatorju għal dawn il-programmi għandu jimxi rapidament darba li n-negozjati bilaterali preżenti jiġu konklużi.

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI

dwar l-Attendenza Svizzera għall-Kumitati

Il-Kunsill jaqbel li r-rappreżentanti ta' l-Isvizzera jistgħu, safejn is-suġġetti jkunu ta' interess għalihom, jattendu laqgħat tal-kumitati u tal-gruppi ta' ħidma ta' esperti li ġejjin bħala osservaturi:

- il-Kumitati tal-programmi ta' riċerka, inkluż il-Kumitat dwar ir-Riċerka Xjentifika u Teknoloġika (CREST)

- il-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Immigranti

- il-Grupp ta' Kordinament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi ta' edukazzjoni terzjarja

- il-Kumitati konsultattivi dwar ir-rotot bl-ajru u l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

Ir-rappreżentati ta' l-Isvizzera m'għandhomx ikunu preżenti meta dawn il-kumitati jivvutaw.

Fil-każ ta kumitati oħra li għandhom x'jaqsmu ma' meddiet ta' ħidma koperti minn dawn il-ftehim u li dwarhom l-Isvizzera adottat jew l-acquis communautaire jew miżuri ekwivalenti, il-Kummissjoni sejra tikkonsulta l-esperti Svizzeri bil-mod speċifikat fl-Artikolu 100 tal-Ftehim ŻEE.

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI MILL-ISVIZZERA

dwar il-Possibilità ta' l-Emendar ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropejdwar il-Possibilità ta’ l-Emendar ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej

Il-Gvern Svizzeru jindika l-istennija tiegħu li, jekk l-Istatut u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej jiġu emendati sabiex jippermettu avukata li huma intitulati li jidhru quddiem qrati ta' Stati li huma partijiet ta' ftehim simili bħall-preżenti li jidhru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, tali emendi ikun ukoll jinkludi l-possibilità għall-avukata Svizzeri li jidhru quddiem il-qrati Svizzeri li jidhru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej dwar kwistjonijiet li jiġu riferiti lil dik il-Qorti skond dan il-Ftehim.

--------------------------------------------------