22000A0411(01)



Official Journal L 089 , 11/04/2000 P. 0008 - 0014


Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet ta' l-awtur

(WCT)

Ġinevra (1996)

Indiċi tal-kontenut

Preambolu

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 23

Artikolu 24

Artikolu 25

PREAMBOLU

IL-PARTIJIET KONTRAENTI,

XEWQANA li jiżviluppaw u jżommu l-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur fix-xogħlijiet letterarji u artistiċi tagħhom b'mod kemm jista' jkun effettiv u uniformi.

KONXJI tal-bżonn li jiġu introdotti regoli internazzjonali ġodda u li tiġi ikkjarifikata l-interpretazzjoni ta' ċerti regoli eżistenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet adegwati għall-mistoqisjiet maħluqa minn żviluppi ekonomiċi, soċjali, kulturali u teknoloġiċi ġodda.

KONXJI ta' l-impatt profond li l-iżvilupp u l-konverġenza ta' l-informazzjoni u tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni ikollhom fuq il-kreazzjoni u l-użu ta' xogħlijiet letterarji u artistiċi.

JENFASIZZAW l-importanza assoluta tal-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur bħala inċentiv għall-kreazzjoni letterarja u artistika.

KONXJI tal-bżonn li jinżamm bilanċ bejn id-drittijiet ta' l-awturi u l-interess tal-pubbliku in ġenerali, b'mod partikolari l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-aċċess għall-informazzjoni, kif jidher fil-Konvenzjoni ta' Berne,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Relazzjoni mal-Konvenzjoni ta' Berne

1. Dan it-Trattat huwa ftehim speċjali fis-sens ta' l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta' Berne dwar il-Protezzjoni ta' Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, fir-rigward ta' Partijiet Kontraenti li huma pajjiżi ta' l-Unjoni stabbilita f'dik il-Konvenzjoni. Dan it-Trattat ma għandu jkollu l-ebda konnessjoni ma' trattati oħra minbarra l-Konvenzjoni ta' Berne u lanqas ma għandu jaffettwa drittijiet u obbligi taħt xi trattati oħra.

2. Dan it-Trattat ma jidderogax mill-obbligi eżistenti li l-Partijiet Kontraenti għandhom lejn xulxin taħt il-Konvenzjoni ta' Berne dwar il-Protezzjoni ta' Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi.

3. Minn hawnhekk iżjed ‘il quddiem, "il-Konvenzjoni ta' Berne" għandha tirreferi għall-Att ta' Pariġi ta' l-24 ta' Lulju 1971, tal-Konvenzjoni ta' Berne dwar il-Protezzjoni ta' Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi.

4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom iħarsu l-Artikoli 1 sa 21 u l-Appendiċi tal-Konvenzjoni ta' Berne.

Artikolu 2

L-għan tal-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur

Il-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur tkopri l-espressjoni iżda mhux l-ideja, proċeduri, metodi ta' operazzjoni jew kunċetti matematiċi bħala tali.

Artikolu 3

Applikazzjoni ta' l-Artikolu 2 sa 6 tal-Konvenzjoni ta' Berne

Il-Partijiet Kontraenti għandhom japplikaw, mutatis mutandis, id-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 sa 6 tal-Konvenzjoni ta' Berne fir-rigward tal-protezzjoni ipprovvduta f'dan it-Trattat.

Artikolu 4

Programmi għall-kompjuter

Programmi għall-kompjuter huma protetti bħala xogħlijiet letterarji fis-sens ta' l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta' Berne. Din il-protezzjoni tapplika għall-programmi għall-kompjuter, jkunu xi jkunu l-mod u l-għamla ta' l-espressjoni tagħhom.

Artikolu 5

Kompilazzjonijiet ta' data (databases)

Kumpilazzjonijiet ta' data jew materjal ieħor, f'kull għamla, li minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, ikunu jikkostitwixxu kreazzjonijiet intelletwali, huma protetti bħala tali. Din il-protezzjoni ma tkoprix id-data jew il-materjal innifsu u hija mingħajr preġudizzju għal kull dritt ta' l-awtur li jibqa' jeżisti fil-kontenut innfisu tal-kumpilazzjoni.

Artikolu 6

Dritt ta' distribuzzjoni

1. Awturi ta' xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv fuq l-awtorizzazzjoni li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku x-xogħol oriġinali tagħhom jew kopji ta' dan ix-xogħol permezz ta' bejgħ jew trasferiment ieħor tal-proprjetà.

2. Dan it-Trattat ma għandux jaffetwa l-libertà tal-Partijiet Kontraenti li jiddeterminaw, jekk iridu, kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-eżawriment tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 wara l-ewwel bejgħ ta' jew trasferiment ieħor tal-proprjetà fix-xogħol oriġinali jew f'kopja tax-xogħol bl-awtorizzazzjoni ta' l-awtur.

Artikolu 7

Dritt ta' renta

1. Awturi ta:

(i) programmi għall-kompjuter;

(ii) xogħlijiet ċinematografiċi; u

(iii) xogħlijiet inkorporati f'fonogrammi, kif determinati fil-liġi nazzjonali tal-Partijiet Kontraenti;

għandhom igawdu d-dritt esklużiv li jawtorizzaw is-self b'renta kummerċjali lill-pubbliku tax-xogħolijiet oriġinali tagħhom jew ta' kopji tagħhom.

2. Paragrafu 1 ma japplikax:

(i) fil-każ ta' programmi għall-kompjuter, fejn il-programm innifsu ma huwiex l-oġġett essenzali tas-self b'renta; u

(ii) fil-każ ta' xogħlijiet ċinematografiċi, kemm-il darba dan is-self b'renta kummerċjali ma wassalx għall-ikkopjar estensiv ta' dawn ix-xogħlijiet b'tali mod li d-dritt esklużiv għar-riproduzzjoni kien materjalment imħassar.

3. Minkejja d-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, Parti Kontraeni illi, fil-15 ta' April 1994, kellha u għad għandha fis-seħħ sistema ta' rimunerazzjoni ġusta għall-awturi għas-self b'renta ta' kopji tax-xogħlijiet tagħhom inkorporati f'fonogrammi, tista' żżomm din is-sistema sakemm is-self b'renta kummerċjali tax-xogħlijiet inkorporati f'fonogrammi mhux qed jikkawża ħsara materjali għad-dritt esklużiv ta' l-awturi għar-riproduzzjoni.

Artikolu 8

Dritt ta' komunikazzjoni lill-pubbliku

Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 11(1)(ii), 11bis(1)(i) u (ii), 11ter(1)(ii), 14(1)(ii) u 14bis(1) tal-Konvenzjoni ta' Berni, awturi ta' xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv għall-awtorizzazzjoni ta' kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, b'mezzi bil-fil jew mingħajr fili, inklużi t-tqegħid għad-disposizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu ikollhom aċċess għalihom minn post u ħin li huma jagħżlu individwalment.

Artikolu 9

Perjodu ta' protezzjoni ta' xogħlijiet fotografiċi

Fir-rigward ta' xogħlijiet fotografiċI, il-Partijiet Kontraenti ma għandhomx japplikaw id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(4) tal-Konvenzjoni ta' Berne.

Artikolu 10

Limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet

1. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu, fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, jipprovdu għal limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet mogħtija lill-awturi ta' xogħlijiet letterarji u artistiċi taħt dan it-Trattat f'ċerti każijiet speċjali li ma jmorrux kuntrarju għall-esplojtazzjoni normali tax-xogħol u li ma jippreġudikawx b'mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi ta' l-awtur.

2. Il-Partijiet Kontraenti, meta japplikaw il-Konvenzjoni ta' Berne, għandhom jillimitaw il-limitazzjonijiet jew l-eċċezzjonijiet għad-drittijiet stipulati f'dik il-Konvenzjoni għal ċerti każijiet speċjali li ma jmorrux kuntrarju ma' l-esplojtazzjoni normali tax-xogħol u li ma jippreġudikawx b'mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi ta' l-awtur.

Artikolu 11

Obbligi dwar miżuri teknoloġiċi

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu protezzjoni legali xierqa u rimedji legali effetivi kontra l-ingann f'miżuri teknoloġiċi effettivi użati mill-awturi fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom taħt dan it-Trattat jew taħt il-Konvenzjoni ta' Berne u li jirrestrinġu atti, fir-rigward tax-xogħlijiet tagħhom, li ma humiex awtorizzati mill-awturi konċernati jew permessi mil-liġi.

Artikolu 12

Obbligi dwar informazzjoni ta' amministrazzjoni ta' drittijiet

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu rimedji legali xierqa u effettivi kontra kull persuna li xjentament tagħmel xi att minn dawn li ġejjin, jew fir-rigward ta' rimedji ċivili, kellha tassew għaliex issir taf illi ħa tikkaġuna, tagħmel possibli, tiffaċilita jew taħbi ksur ta' xi dritt kopert b'dan it-Trattat jew bil-Konvenzjoni ta' Berne:

(i) tneħħi jew tibdel xi informazzjoni elettronika ta' amministrazzjoni ta' drittijiet mingħajr awtorità;

(ii) tiddistribwixxi, timporta għad-distribuzzjoni, ixxandar jew tikkomunika lill-pubbliku, mingħajr awtorità, xogħlijiet jew kopji ta' xogħlijiet meta tkun taf illi minnhom tkun tneħħiet jew inbidlet mingħajr ebda awtorità informazzjoni elettronika ta' amministrazzjoni ta' drittijiet.

2. Kif użata f'dan l-Artikolu, "informazzjoni ta' amministrazzjoni ta' drittijiet" tfisser informazzjoni li tidentifika x-xogħol, l-awtur tax-xogħol, is-sid ta' xi dritt fix-xogħol, jew informazzjoni dwar il-pattijiet u l-kondizzjonjiet kif għandu jintuża x-xogħol, u kull numru jew kodiċi li jirrappreżentaw din l-informazzjoni, meta xi waħda minn dawn l-oġġetti ta' informazzjoni tkun imwaħħla ma' kopja ta' xogħol jew tidher in konnessjoni mal-komunikazzjoni ta' xogħol lill-pubbliku.

Artikolu 13

Applikazzjoni fil-ħin

Il-Partijiet Kontraenti għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta' Berne għall-protezzjoni kollha stabbilità b'dan it-Trattat.

Artikolu 14

Disposizzjonijiet dwar l-infurzar ta' drittijiet

1. Il-Partijiet Kontraenti jintrabtu li jadottaw, skond is-sistemi legali tagħhom, il-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw l-applikazzjoni ta' dan it-Trattat.

2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jassiguraw illi proċeduri ta' infurzar jkunu disponibbli fil-liġi tagħhom sabiex jippermettu azzjoni effettiva kontra kull att li jikser id-drittijiet koperti minn dan it-Trattat, inklużi rimedji b'ħeffa sabiex ma jitħalliex isir ksur ta' dawn id-drittijiet u rimedji li jkunu ta' deterrent għal aktar ksur fil-futur.

Artikolu 15

Assemblea

1. (a) Il-Partijiet Kontraenti għandu jkollhom Assemblea.

(b) Kull Parti Kontraeni għandha tkun irrappreżentata minn delegat wieħed li jista' jkun assistit minn delegati, konsulenti u esperti oħra.

(ċ) L-ispejjeż ta' kull delegazzjoni għandhom jitħallsu mill-Parti Kontraenti li tkun ħatret id-delegazzjoni. L-Assemblea tista' tistaqsi lill-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellattwali (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejħa "WIPO") sabiex toffri assistenza finanzjarja ħalli tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' Partijiet Kontraenti li huma meqjusa, skond il-prattika stabbilità ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, bħala pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw jew li huma pajjiżi fil-proċess ta' transizzjoni għall-ekonomija tas-suq.

2. (a) L-Assemblea għandha tieħu ħsieb l-aspetti kollha li għandhom x'jaqsmu maż-żamma u l-iżvilupp ta' dan it-Trattat l-applikazzjoni u l-operazzjoni ta' dan it-Trattat.

(b) L-Assemblea għandha twettaq il-funzjoni tagħha skond l-Artikolu 17(2) fir-rigward ta' l-aċċettazzjoni ta' ċerti organizzazzjonijiet intergovernmentali bħala Partijiet ta' dan it-Trattat.

(ċ) L-Assemblea għandha tiddeċiedi dwar il-konvokazzjoni ta' konferenza diplomatika għar-reviżjoni ta' dan it-Trattat u għandha tagħti l-istruzzjonijiet meħtieġa lid-Direttur-Ġenerali tal-WIPO għall-preparazzjoni ta' konferenza diplomatika bħal din.

3. (a) Kull Parti Kontraenti li hija Stat għandu jkollha vot wieħed u għandha tivvota biss f'isimha.

(b) Kull Parti Kontraenti li hija organizzazzjoni intergovernmentali tista tieħu sehem fil-vot billi tieħu l-post ta' l-Istati Membri tagħha. F'dan il-każ, n-numru ta' voti tagħha jkun daqs in-numru ta' l-Istati Membri tagħha li huma Parti ta' dan it-Trattat. Organizzazzjoni intergovernmentali ma tkunx tista' tieħu sehem fil-vot jekk wieħed mill-Istati Membri tagħha jeżerċita d-dritt tal-vot, u vice versa.

4. L-Assemblea għandha tiltaqa' f'sessjoni ordinarja darba kull sentejn wara sejħa mid-Direttur Ġenerali tal-WIPO.

5. L-Assemblea għandha tistabbilixxi r-Regoli ta' Proċedura tagħha stess, inklużi l-konvokazzjoni ta' sessjonijiet straordinarji, il-ħtiġiet għal kworum u, bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan it-Trattat, il-maġġoranza meħtieġa għat-tipi differenti ta' deċiżjonijiet.

Artikolu 16

Bureau Internazzjonali

Il-Bureau Internazzjonali tal-WIPO għandu jwettaq l-kompiti amministrattivi marbuta ma' dan it-Trattat.

Artikolu 17

Eliġibilità sabiex issir Parti għal dan it-Trattat

1. Kull Stat Membru tal-WIPO jista' jsir Parti għal dan it-Trattat.

2. L-Assemblea tista' tiddeċiedi illi tħalli organizzazzjoni intergovernmentali ssir Parti għal dan it-Trattat jekk din l-organizzazzjoni tiddikjara illi hija kompetenti fir-rigward ta' dan it-Trattat, għandha l-leġislazzjoni tagħha dwar il-materji koperti minn dan it-Trattat, liema leġislazzjoni torbot fuq l-Istati Membri tagħha kollha, u kienet awtorizzata sabiex issir Parti għal dan it-Trattat skond il-proċeduri interni tagħha.

3. Il-Komunità Ewropea tista' ssir Parti għal dan it-Trattat minħabba li għamlet id-Dikjarazzjoni, msemmija fil-paragrafu ta' qabel dan, fil-Konferenza Diplomatika li adottat dan it-Trattat.

Artikolu 18

Drittijiet u obbligi taħt dan it-Trattat

Bla ħsara għal xi disposizzjonijiet kuntrarji f'dan it-Trattat, kull Parti Kontraenti għandha tgawdi id-drittijiet kollha u għandha tassumi l-obbligi kollha taħt dan it-Trattat.

Artikolu 19

L-iffirmar tat-Trattat

Dan it-Trattat għandu jkun miftuħ għall-iffirmar mill-Istati Membri tal-WIPO u mill-Komunità Ewropea sal-31 ta' Diċembru 1997.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ tat-Trattat

Dan it-Trattat għandu jidħol fis-seħħ tlett xhur wara li 30 strument ta' ratifikazzjoni jew adeżjoni minn Stati jkunu ġew depożitati mad-Direttur Ġenerali tal-WIPO.

Artikolu 21

Data effettiva ta' meta issir Parti għal dan it-Trattat

Dan it-Trattat għandu jorbot:

(i) lit-30 Stat imsemmija fl-Artikolu 20, mid-data li fiha t-Trattat jidħol fis-seħħ;

(ii) kull Stat ieħor, wara tlett xhur mid-data li fiha l-Istat iddepożita l-istrument tiegħu mad-Direttur-Ġenerali tal-WIPO;

(iii) il-Komunità Ewropea, wara tlett xhur mid-depożitu ta' l-istrument ta' ratifikazzjoni jew adeżjoni jekk dan l-istrument kien iddepożitat wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat skond l-Artikolu 20, jew, tlett xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan it-Trattat jekk dan l-istrument kien iddepożitat qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan it-Trattat;

(iv) kull organizzazzjoni intergovernmentali oħra li kienet aċċettata bħala parti għal dan it-Trattat, wara tlett xhur mid-depożitu ta' l-istrument ta' adeżjoni.

Artikolu 22

Ebda riservi għat-Trattat

M'għandha tiġi aċċettata l-ebda riserva għal dan it-Trattat.

Artikolu 23

Denunzja tat-Trattat

Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jiddenunzjaw dan it-Trattat billi jinnotifikaw lid-Direttur-Ġenerali tal-WIPO. Kull denunzja tibda tapplika sena wara d-data li fiha d-Direttur-Ġenerali tal-WIPO jkun irċieva n-notifika.

Artikolu 24

Lingwi tat-Trattat

1. Dan it-Trattat huwa iffirmat f'oriġinal wieħed fl-ilsna Ingliż, Għarbi, Ċiniż, Franċiż, Russu u Spanjol, u l-verżjonijiet fl-ilsna kollha huwa ugwalment awtentiċi.

2. Fuq it-talba ta' parti interessata u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, id-Direttur-Ġenerali tal-WIPO għandu jistabbilixxi test uffiċjali f'ilsien li mhux imsemmi fil-paragrafu 1. Fis-sens ta' dan il-paragrafu, "parti interessati" tfisser kull Stat Membru tal-WIPO illi l-ilsien uffiċjali tiegħu, jew waħda mill-ilsna uffiċjali tiegħu, hija involuta u l-Komunità Ewropea, u kull organizzazzjoni intergovernmentali oħra li tista' ssir Parti għal dan it-Trattat, jekk waħda mill-ilsna uffiċjali tagħha hija involuta.

Artikolu 25

Depożitarju

Id-Direttur-Ġenerali tal-WIPO huwa d-depożitarju ta' dan it-Trattat.

--------------------------------------------------

Dikjarazzjonijiet miftiehma

Dwar l-Artikolu 1(4)

Id-dritt ta' riproduzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta' Berne, u l-eċċezzjonijiet permessi taħt dan l-Artikolu, japplikaw fl-intier tagħhom fl-ambjent diġitali, b'mod partikolari għall-użu ta' xogħlijiet f'għamla diġitali. Huwa mifhum illi l-ħażna ta' xogħol protett f'għamla diġitali f'medium elettroniku tammonta għal riproduzzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta' Berne.

Dwar l-Artikolu 3

Huwa mifhum illi, meta jkun qed jiġi applikat l-Artikolu 3 ta' dan it-Trattat, l-espressjoni "Pajjiż ta' l-Unjoni" fl-Artikoli 2 sa 6 tal-Konvenzjoni ta' Berne tinftiehem bħala referenza għal Parti Kontraenti għal dan it-Trattat fl-applikazzjoni ta' dawk l-Artikoli tal-Konvenzjoni ta' Berne dwar il-protezzjoni ipprovvduta f'dan it-Trattat. Huwa mifhum ukoll illi l-espressjoni "pajjiż li mhuwiex fl-Unjoni" f'dawk l-Artikoli tal-Konvenzjoni ta' Berne tinftiehem, fl-istess ċirkostanzi, bħala referenza għal pajjiż li mhuwiex Parti Kontraenti għal dan it-Trattat u illi l-espressjoni "din il-Konvenzjoni" fl-Artikoli 2(8). 2bis(2). 3. 4 u 5 tal-Konvenzjoni ta' Berne tinftiehem bħala referenza għall-Konvenzjoni ta' Berne u għal dan it-Trattat. Fl-aħħar nett, huwa mifhum illi referenza fl-Artikoli 3 sa 6 tal-Konvenzjoni ta' Berne għal "ċittadin ta' wieħed mill-pajjiżi ta' l-Unjoni" tiġi miftiehma, meta dawn l-Artikoli jkunu applikati għal dan it-Trattat, fir-rigward t a' organizzazzjoni intergovernmentali li hija Parti Kontraenti għal dan it-Trattat, bħala ċittadin ta' wieħed mill-pajjiżi membri ta' din l-organizzazzjoni.

Dwar l-Artikolu 4

L-għan tal-protezzjoni ta' programmi għall-kompjuter taħt l-Artikolu 4 ta' dan it-Trattat, moqri flimkien ma' l-Artikolu 2, huwa konsistenti ma' l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta' Berne u huwa b'parità mad-disposizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim TRIPS.

Dwar l-Artikolu 5

L-għan tal-protezzjoni ta' kompilazzjonijiet ta' data (databases) taħt l-Artikolu 5 ta' dan it-Trattat, moqri flimkien ma' l-Artikolu 2, huwa konsistenti ma' l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta' Berne u huwa b'parità mad-disposizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS.

Dwar l-Artikoli 6 u 7

Kif użati f'dawn l-Artikoli, l-espressjonijiet "kopji" u "oriġinali u kopji" bħala suġġetti għad-dritt ta' distribuzzjoni u għad-dritt ta' self b'renta taħt l-Artikoli msemmija, jirreferu esklużivament għal kopji ffissati li jkunu jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli.

Dwar l-Artikolu 7

Huwa mifhum illi għall-finijiet ta' l-obbligu taħt l-Artikolu 7(1) ma huwiex meħtieġ illi Parti Kontraenti tipprovdi dritt esklużiv għas-self b'renta kummerċjali lill-awturi li, taħt il-liġi ta' dik il-Parti Kontraenti, ma għandhomx drittijiet fir-rigward ta' fonogrammi. Huwa mifhum illi dan l-obbligu huwa skond l-Artikolu 14(4) tal-Ftehim TRIPS.

Dwar l-Artikolu 8

Huma mifhum illi s-sempliċi provvista ta' faċilitajiet fiżiċi sabiex tkun tista' ssir jew issir komunikazzjoni ma tammontax, fiha nnifisha, għal komunikazzjoni fis-sens ta' dan i—Trattat jew tal-Konvenzjoni ta' Berne. Huwa mifhum ukoll illi xejn fl-Artikolu 8 ma jżomm Parti Kontraenti milli tapplika l-Artikolu 11bis(2).

Dwar l-Artikolu 10

Huwa mifhum illi d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 10 jippermettu lill-Partijiet Konraenti li japplikaw, fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet, meqjusa bħala aċċettabbli mill-Konvenzjoni ta' Berne, fl-ambjent diġitali. Bl-istess mod, dawn id-disposizzjonijiet għandhom jinftiehmu bħala disposizzjonijiet li jippermettu lill-Partijiet Kontraenti li joħolqu eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ġodda li huwa xierqa fl-ambjent ta' network diġitali.

Huwa mifhum ukoll illi l-Artikolu 10(2) la jnaqqas u lanqas iżid l-applikabilità tal-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet permessi mill-Konvenzjoni ta' Berne.

Dwar l-Artikolu 12

Huwa mifhum illi r-referenza għal "ksur ta' xi dritt kopert minn dan it-Trattat jew mill-Konvenzjoni ta' Berne" tinkludi kemm drittijiet esklużivi u kif ukoll drittijiet għar-rimunerazzjoni.

Huwa mifhum ukoll illi l-Partijiet Kontraenti ma humiex ħa jużaw dan l-Artikolu sabiex joħolqu jew jimplimentaw sistemi ta' amministrazzjoni ta' drittijiet illi jkollhom l-effett li jimponu formalitajiet li ma humiex permessi taħt il-Konvenzjoni ta' Berne jew taħt dan it-Trattat, li jipprojbixxu l-moviment liberu ta' merkanzija jew ifixxklu t-tgawdija tad-drittijiet taħt dan it-Trattat

--------------------------------------------------