21999A1214(02)



Official Journal L 322 , 14/12/1999 P. 0020 - 0031


Emendi għall-protokoll dwar il-ħarsien tal-baħar mediterran mit-tinġiż ta' oriġini terrestri

A. Titolu

It-Titolu tal-Protokoll huwa emendat kif ġej:

"PROTOKOLL DWAR IL-ĦARSIEN TAL-BAĦAR MEDITERRAN MIT-TINĠIŻ TA' ORIĠINI U MINN ATTIVITAJIET TERRESTRI"

B. Paragrafi tal-preambolu

L-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Protokoll huwa emendat kif ġej:

"Peress li huma l-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-tinġiż, adottata f'Barċelona fis-16 ta' Frar 1976 u emendata fl-10 ta' Ġunju 1995,"

It-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Protokoll huwa emendat kif ġej:

"Filwaqt li qegħda tkun osservata ż-żieda fil-pressjoni fuq l-ambjent li tirriżulta minn attivitajiet tal-bniedem fiż-żona tal-baħar Mediterran, b'mod partikolari fis-settur industrijali u urban, kif ukoll iż-żieda fil-popolazzjoni madwar il-kosta, skond l-istaġun, minħabba t-turiżmu."

Ir-raba' paragrafu tal-preambolu tal-Protokoll huwa emendat kif ġej:

"Filwaqt li qiegħed ikun rikonoxxut il-periklu maħluq lill-ambjent marittimu, lir-riżorsi bioloġiċi u lis-saħħa tal-bniedem mit-tinġiż kkawżat minn sorsi u attivitajiet li ġejjin mill-art u l-problemi serji li dawn jikkawżaw fil-biċċa l-kbira ta' l-ibħra ta' madwar il-kosta u l-estwarji tal-baħar Mediterran, primarjament minħabba ir-rilaxx ta' skart domestiku jew industrijali li ma kienx trattat, jew trattat b'mod inadegwat, u li jikkontjeni sustanzi tossiċi, persistenti u suxxettibbli għall-bijoakkumulazzjoni,"

Il-paragrafu li ġej huwa miżjud bħala l-ħames paragrafu tal-preambolu:

"Filwaqt li qiegħed ikun applikat il-prinċipju tal-prekawzjoni u l-prinċipju "minn iniġġeż iħallas", u filwaqt illi sejra tkun applikata l-evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali, u sejra tintuża l-aħjar teknika disponibbli kif ukoll l-aħjar prattika ambjentali li tinkludi teknoloġiji ta' produzzjoni nadifa, hekk kif inhu provdut f-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni."

Is-sitt paragrafu tal-preambolu tal-Protokoll huwa emendat kif ġej:

"Determinati sabiex jittieħdu, f'kooperazzjoni estrema, il-miżuri neċessarji sabiex il-baħar Mediterran ikun protett kontra t-tinġiż minn sorsi u attivitajiet terrestri."

Il-paragrafu li ġej huwa miżjud bħala is-seba' paragrafu tal-premabolu:

"Meta wieħed jikkunsidra l-Programm ta' Azzjoni Mondjali dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent Marittimu kontra it-tinġiż minn attivitiajiet terrestri, adottat f'Washington, D.C., fit- 3 ta' Novembru 1995,"

C. Artikolu 1

It-Titolu s-segwenti huwa miżjud u t-test huwa emendat kif ġej:

"Dispożizzjonijiet Ġenerali

Il-partijiet kontraenti għal dan il-Protokoll (hawnhekk iżjed "il quddiem msejħa" il-Partijiet') għandhom jieħdu kull miżuri neċessarji sabiex jimpedixxu, inaqqsu, jikkumbattu u jeliminaw bil-mezzi kollha possibbli t-tinġiż taż-żona tal-baħar Mediterran kkawżata minn dak li jintrema mill-ixmajjar, stabbilimenti madwar il-kosta jew minn postijiet fejn jinxtered l-ilma, jew li huwa mnissel minn xi sorsi u attivitajiet terrestri oħra fit-territorji tagħhom, fejn il-prijorità għandha dejjem tingħata lill-eliminazzjoni ta' dħul ta' sustanzi tossiċi, persistenti u suxxettibbli ghall-bijoakkumulazzjoni."

D. Artikolu 2

It-Titolu s-segwenti huwa miżjud u t-test tal-paragrafi (a) u (d) huma emendati kif ġej::

"Definizzjonijiet

(a) "Il-Konvenzjoni" tfisser il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-baħar Mediterran kontra t-Tinġiż, adottata f'Barċelona fis-16 ta' Frar 1976 u emendata fl-10 ta' Ġunju 1995;

(d) Il-"baċir idroloġiku" tfisser iż-żona ta' medda art fil-għoli b'nixxigħat fuq ġenb iferrgħu fi xmara jew baħar u nixxighat fuq ġenb ieħor iferrgħu fi xmara jew baħar differenti, fl-intier taghħa fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti, li fil-Baħar Mediterran kif definit fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni."

E. Artikolu 3

It-Titolu s-segwenti huwa inserit u l-paragrafu li ġej huwa miżjud:

"Iż-Żona tal-Protokoll"

(l-ittra (a) hija renumerata (b))

"(b) Il-baċir idroloġiku taż-żona tal-baħar Mediterran;"

Il-paragrafu (b) huwa renumerat paragrafu (ċ). Il-paragrafu (ċ) huwa renumerat paragrafu (d) u emendat kif ġej:

"(d) L-ilmijiet salmastri, ilmijiet mielħa tal-kosta li jinkudu bassasiet u laguni tal-kosta, kif ukoll ilmijiet sotteranji u li huma kkomunikati mal-baħar Mediterran."

F. Artikolu 4

It-titolu s-segwenti huwa inserit u test tal-paragrafi 1(a) u (b) huwa emendat kif ġej:

"Applikazzjoni tal-Protokoll

1. Dan il-Protokoll għandu japplika:

(a) għal skart li joriġina minn egħjun u attivitajiet terrestri puntwali u diffużi fit-territorji tal-partijiet kontraenti li jistgħu jafettwaw, kemm direttament kif ukoll indirettament iż-żona tal-baħar Mediterran. Dan l-iskart għandu jinkludi dak li jilħaq iż-żona tal-Mediterran, kif definit f'L-artikolu 3(a), (ċ) u (d) ta' dan il-Protokoll, permezz ta' depożiti ta' madwar il-kosta, xmajjar, postijiet fejn jinxtered l-ilma, kanali, jew kanali ta' l-ilma f'forma ta' nixxiegħa jew xmajra, li tinkludi kurrenti ta' l-ilma sotteranji, jew permezz ta' depożiti taħt qiegħ il-baħar aċċessibbli mill-art.;

(b) għall-dħul ta' sustanzi tossiċi trasportati mill-atmosfera għaż-żona tal-baħar Mediterran minn egħjun u attivitajiet terrestri fit-territorji tal-partijiet kontraenti kif definit f'L-Anness III ta' dan il-Protokoll."

Il-paragrafu ġdid li ġej huwa miżjud:

"3. Il-Partijiet għandhom jistiednu l-iStati li mhumiex Parti għal dan il-Protokoll u li għandhom fit-territorji tagħhom partijiet mill-baċir idroloġiku taż-żona tal-baħar Mediterran sabiex jikkoperaw fl-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll."

G. Artikolu 5

It-Titolu s-segwenti huwa inserit u t-test tal-paragrafi 1, 2 u 4 huwa emendat kif ġej:

"Obbligazzjonijiet Ġenerali

1. Il-Partijiet jobbligaw ruħhom sabiex jeliminaw it-tinġiż li ġej minn egħjun u attivitajiet terrestri, b'mod partikolari sabiex ikun eliminiat progressivament id-dħul ta' sustanzi tossiċi persistenti u suxxettibbli għall-bijoakkumulazzjoni enumerati f'L-Anness I.

2. Għal dan il-għan, għandhom jelaboraw u jimplementaw, individwalment jew flimkien,, pjanijiet u programmi ta' azzjoni kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali, li jikkontjenu miżuri u kalendarju għall-implimentazzjoni tagħhom."

Il-paragrafu 3 huwa mħassar.

4. (renumerat 3)

"3. Il-prijoritjiet u l-kalendarju sabiex ikunu mplimentati il-pjanijiet ta' azzjoni, programmi u miżuri sejrin ikunu adottati mill-Partijiet fejn jiġu kkunsidrati l-elementi indikati f-Anness I u sejrin ikunu riveduti perjodikament."

Il-paragrafi li ġejjin sejrin ikunu miżjuda:

"4. Meta jkunu adottati pjanijiet ta' azzjoni, programmi u miżuri, il-Partijiet sejrin jikkunsidraw, individwalment jew flimkien l-aqwa metodi ta' teknika disponibbli u l-aqwa prattika ambjentali inkluż, meta huwa meħtieġ, teknoloġija ta' produzzjoni korretti, fejn jiġu kkunsidrati il-kriterji stabbiliti fl-Anness IV.

5. Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri preventivi sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju tat-tinġiż kkawżat mill-inċidenti."

H. Artikolu 6

It-Titolu s-segwenti huwa miżjud u t-test sejjer ikun mibdul b'dan li ġej:

"Sistema ta' awtorizazzjoni jew regolazzjoni

1. Skart ta' egħjun puntwali fiż-żona tal-Protokoll, kif ukoll skart fl-ilma jew fl-arja li jilħqu u li jistgħu jaffettwaw iż-żona tal-Mediterran, hekk kif definit fl-Artikolu 3(a), (ċ) u (d) ta' dan il-Protokoll, sejrin ikunu strettament soġġetti għall-awtorizazzjoni jew regolazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-partijiet, fejn għandhom ikunu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll u l-Anness II tiegħu, kif ukoll id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-laqgħat tal-partijiet kontraenti.

2. Għal dan il-għan, il-partijiet għandhom jipprovdu sistema ta' spezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex ikun imqabbel ma' l-awtorizazzjoni u r-regolamenti.

3. L-Organizazzjoni tista' tassisti l-partijiet, jekk huma jitolbuha, fl-isabbiliment ta' mekaniżmi ġodda jew fis-tisħiħ tal-mekkaniżmu kompetenti ġja eżistenti inkarigati mill-ispezzjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-awtorizazzjonijiet u r-regolamenti. Tali assistenza sejra tinkludi taħriġ speċjali tal-persunal.

4. Il-Partijiet sejrin jistabbilixxu sanzjonjiet xierqa f'każ illi l-awrotizazzjonijiet u r-regolamenti ma jkunux ġew osservati kif ukoll jassikuraw l-applikazzjoni tagħhom."

I. Artikolu 7

It-Titolu s-segwenti huwa nserit. It-test tal-paragrafu 1(e) u l-paragrafu 3 huma emendati kif ġej:

"Linji ta' Gwida, Normi u Kriterji komuni

1. …

(e) Rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw il-kwantitajiet ta' sustanzi mgħormija (enumerati f'L-Anness I), il-konċentrazzjoni fl-effluenti u l-metodi ta' kif għandhom ikunu mgħormija.

3. Il-pjanijiet ta' azzjoni, il-programmi u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 5 u 15 ta' dan il-Protokoll sejrin ikunu adottati billi tittieħed in konsiderazzjoni, għall-implimentazzjoni progressiva tagħhom, il-kapaċità li wieħed jadatta u jerġa' jbiddel l-istallazzjonijiet eżistenti, il-kapaċita ekonomika tal-partijiet u l-ħtieġa għall-iżvilupp."

J. Artikolu 8

It-titolu s-segwenti huwa inserit u t-test huwa emendat kif ġej:

"Sorveljanza Kontinwa

Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet u l-programmi ta' sorveljanza kontinwa stabbilita fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni, u jekk tinħass il-ħtieġa, bil-kooperazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, il-partijiet sejrin iwettqu fl-iktar żmien qasir possibbli, attivitajiet ta' sorveljanza kontinwa kif ukoll irendu r-riżultati tagħhom aċċessibbli għall-pubbliku sabiex:

(a) ikunu valutati sistematikament u bl-aktar mod possibbli, il-livelli ta' tinġiż madwar il-kosta tagħhom, b'mod partikolari fejn jikkonċerna s-setturi ta' attività u kategoriji ta' sustanzi enumerati f'L-Anness I, u sabiex tkun provduta perjodikament, informazzjoni fuq l-istess;

(b) sabiex tkun valutata l-effikaċja tal-pjanijiet ta' azzjoni, programmi u miżuri mplimentati ai termini ta' dan il-Protokoll sabiex ikun eliminat, bl-aktar mod possibbli, it-tinġiż ta' l-ambjent marittimu."

K. Artikolu 9

It-titolu s-segwenti huwa nserit u t-test huwa emendat kif ġej:

"Kooperazzjoni Xjentifika u teknika

Konformi ma' l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni, il-partijiet sejrin jikooperaw fil-kamp xjentifiku u teknoloġiku relatat għat-tinġiż minn egħjun u attivitajiet terrestri, partikolarment fejn tidħol ir-riċerka dwar dħul, reazzjonijiet minn organżmi hajja u l-effetti tal-pollutant u l-iżvilupp ta' metodi ġodda għat-trattament, tnaqqis jew eliminazzjoni ta' l-istess, kif ukoll l-iżvilupp tal-proċess ta' produzzjoni proprji għal dan l-iskop. Għal dan il-għan, il-partijiet għandhom jippruvaw, b'mod partikoarli, illi:"

Il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

"(c) jippromwovu l-aċċess għal, u t-trasferiment ta' teknoloġija ambjentali soda u li tinkludi teknoloġija ta' produzzjoni."

L. Artikolu 10

It-titolu s-segwenti huwa nserit u t-test huwa emendat kif ġej:

"Assistenza teknika

1. Il-partijiet direttament jew permezz ta' assistenza minn organizazzjonijiet reġjonali jew internazzjonali oħra, bilaterali jew multilaterali, jikooperaw bil-għan illi jkunu mħejjija u, kemm jista' jkun, mplimentati programmi ta' assistenza għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b'mod partikolari fil-kamp xjentifiku, edukattiv u teknoloġiku u l-effetti ħżiena li dawn għandhom fuq l-ambjent matittimu.

2. L-assistenza teknika tinkludi, b'mod partikolari, it-taħriġ tal-persunal xjentifiku u tekniku, kif ukoll, ix-xiri, l-użu u l-produzzjoni minn dawk il-pajjiżi ta' dak kollu li huwa neċessarju kif ukoll, jekk tinħass il-ħtieġa, teknoloġiji ta' produzzjoni b'termini vantaġġjużi, hekk kif jaqblu l-partijiet ikkonċernati."

M. Artikolu 11

It-titolu s-segwenti huwa nserit kif ġej:

"Tinġiż transfruntiera"

N. Artikolu 12

It-titolu s-segwenti huwa nserit u t-test ta' paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

"Soluzzjoni ta' Kwistjoni

1. Meta wieħed jikkunsidra l-Artikolu 28(1) tal-Konvenzjoni, meta t-tinġiż ta' oriġini terrestri li joriġina mit-territorju ta' wieħed mill-partijiet jista' jippreġudika b'mod dirett l-interessi ta' wieħed jew iktar mill-partijiet l-oħra, il-partijiet ikkonċernati għandhom, fuq rikjesta ta' wieħed jew iżjed minnhom, jobbligaw ruħhom li jikkonsultaw bl-iskop li tintlaħaq soluzzjoni soddisfaċenti."

O. Artikolu 13

It-Titolu s-segwenti sejjer ikun inserit. It-test ta' paragrafu 1, l-ewwel sentenza ta' paragrafu 2 u s-sub-paragrafu (d) ta' paragrafu 2 huma emendati kif ġej:

"Rapporti

1. Kemm-il darba ma jkunx deċiż mod ieħor mill-laqgħa tal-partijiet kontraenti, il-partijiet għandhom jissottomettu kull sentejn fil-laqgħat tal-partijiet kontraenti, permezz ta' l-Organizazzjoni, rapport dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu, ir-riżultati li nkisbu u, jekk ikun il-każ, id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom fl-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll. Il-proċedura għas-sottomissjoni ta' dawn ir-rapporti għanda tkun determinata mil-laqgħat tal-partijiet.

2. Dawn ir-rapporti għandhom jinkludu, inter alia:

(d) pjanijiet ta' azzjoni, programmi u miżuri mplimentati skond l-Artikolu 5, 7 u 15 ta' dan il-Protokoll."

P. Artikolu 14

It-Titolu s-segwenti sejjer ikun inserit. It-test ta' paragrafu 1 u tas-sub-paragrafi (a), (ċ) u (f), ta' paragrafu 2 huma emendati kif ġej:

"Laqgħat

1. Il-laqgħat ordinarji tal-partijiet għandhom isiru flimkien ma' laqgħat ordinarji oħra tal-partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni li jsiru skond l-artikolu 18 tal-Konvenzjoni. Il-partijiet jistgħu ukoll jagħmlu laqgħat straordinarji skond l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni.

2. …

(a) sabiex jiskrutina l-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll kif ukoll sabiex tkun ikkunsidrata l-effikaċja tal-pjanijiet ta' azzjoni, programmi u l-miżuri adottati;

(ċ) sabiex ikunu formulati u adottati pjanijiet ta' azzjoni, programmi u miżuri skond l-Artikolu 5, 7 u 15 ta' dan il-Protokoll;

(f) sabiex ikunu kkunsidrati ir-rapporti sottomessi mill-partijiet skond l-Artikolu 13 ta' dan il-Protokoll."

Q. Artikolu 15

It-Titolu s-segwenti huwa inserit u t-test ta' paragrafu 1 sejjer ikun emendat kif ġej:

"Adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni, programmi u miżuri

1. Il-laqgħa tal-partijiet għanda tadotta, permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi, il-pjanijiet ta' azzjoni u programmi reġjonali ta' perjodu qasir u medju li jinkludu miżuri u kalendarji ta' l-implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 ta' dan il-Protokoll."

It-test ta' paragrafu 2 huwa mibdul b'dan li ġej:

"2. Pjanijiet ta' azzjoni u programmi reġjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu fformulati mill-Organizazzjoni u kkunsidrati kif ukoll approvati mill-korp tekniku relevanti tal-partijiet kontraenti fi żmien sena l-iktar mid-dħul fis-seħħ ta' l-emendi ta' dan il-Protokoll. Dawn il-pjanijiet ta' azzjoni u programmi reġjonali sejrin jitqegħdu fuq l-aġenda fil-laqgħa li tmiss tal-partijiet sabiex ikunu adottati. L-istess proċedura sejra tkun segwita għall-kwalunkwe pjanijiet ta' azzjoni u programmi oħra."

Il-paragrafi ġodda s-segwenti huma miżjuda:

"3. Is-Segretarjat sejjer jinnotifika l-partijiet kollha dwar il-miżuri u l-kalendarji adottati skond paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawn il-miżuri u kalendarji jibdew iseħħu fil-mija u tmenin ġurnata wara d-data tan-notifika għal dawk il-partijiet li ma nnotifikawx lis-Segretarjat b'xi oġġezzjoni fi żmien mija u disgħa u sebgħin ġurnata mid-data tan-notifika.

4. Il-partijiet li nnotifikaw xi oġġezzjoni skond il-paragrafu preċedenti għandhom jinformaw il-laqgħa tal-partijiet dwar il-miżuri li għandhom ħsieb li jieħdu bil-patt illi dawn il-partijiet jistgħu jagħtu l-kunsens tagħhom għal dawn il-miżuri u kalendarji."

R. Artikolu 16

It-Titolu s-segwenti huwa inserit u t-test tal-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

"Dispożizzjonijiet Finali

2. Sakemm il-partijiet għal dan il-Protokoll ma jaqblux mod ieħor, ir-regoli ta' proċedura u r-regoli finanzjarji adottati skond l-Artikou 24 tal-Konvenzjoni għandhom japplikaw għal dan il-Protokoll."

It-test ta' l-aħħar paragrafu huwa emendat kif ġej:

"Magħmul f'Ateni nhar is-17 ta' Mejju 1980 u emendat f'Siracusa nhar is-7 ta' Marzu 1996 kopja waħda fil-lingwa Għarbija, Ingliża, Franċiża u Spanjola, l-erba testi kkunsidrati awtoritarji fl-istess mod."

ANNESS I

Anness I huwa mibdul b'L-Anness I ġdid kif ġej:

"

ANNESS I

ELEMENTI LI GĦANDHOM JITTIEĦDU IN KONSIDERAZZJONI FIL-PREPARAZZJONI TA' PJANIJIET TA' AZZJONI, PROGRAMMI U MIŻURI GĦALL-ELIMINAZZJONI TAT-TINĠIŻ MINN SORSI U ATTIVITAJIET TERRESTRI

F'dan l-Anness jinsabu elementi li sejrin jittieħdu in konsiderazzjoni fit-tħejjija għall-pjanijiet ta' azzjoni, programmi u miżuri għall-eliminazzjoni tat-tinġiż minn sorsi u attivitajiet terrestri msemmija fl-Artikoli 5, 7, u 15 ta' dan il-Protokoll.

L-iskop ta' dawn il-pjanijiet ta' azzjoni, programmi u miżuri huwa li jkopru is-setturi ta' attività mniżżla fit-taqsima A kif ukoll li jkopru gruppi ta' sustanzi enumerati fit-taqsima Ċ, magħżulin a bażi ta' karratteristiċi mniżżla fit-taqsima B ta' dan l-Anness.

Il-partijieti għandhom jistabbilixxu il-prijorità fl- azzjoni a bażi ta' l-importanza relattiva tar-riperkussjonijiet tagħha fuq is-saħħa pubblika, l-ambjent u l-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi u kulturali. Dawn il-programmi għandhom ikopru is-sorsi puntwali, is-sorsi diffużi u depożizzjonijiet atmosferiċi.

Fil-preparazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni, programmi u miżuri, il-partijiet, skond il-Programm Globali ta' Azzjoni għall-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marittimu minn Attivitajiet Terrestri, adottat f'Washington, D.C., fl-1995, sejrin jagħtu prijorità lil sustanzi li huma tossiċi, persistenti u suxxettibbli għall-bijoakkumulazzjoni, b'mod partikolari għall-pollutant organiku persistenti (POP), kif ukoll lit-trattament u l-immanniġġar ta' ilma użat

A. SETTURI TA' ATTIVITÀ

Is-setturi ta' attivita s-segwenti (li mhumiex mniżżla f'ordni ta' prijorità) sejrin ikunu kkunsidrati primarjament meta jkunu stabbiliti il-prijoritajiet għat-tħejjija ta' pjanijiet ta' azzjoni, programmi u miżuri għall-eliminazzjoni ta' tinġiż minn sorsi u attivitajiet terrestri:

(1) il-produzzjoni ta' enerġija;

(2) il-produzzjoni tal-fertiliizzar;

(3) il-produzzjoni u formulazzjoni ta'bijoċidi;

(4) l-industrija farmakewtika;

(5) ir-raffinar taż-żejt;

(6) l-industrija tal-karta u r-riċiklaġġ tal-karta;

(7) il-produzzjoni tal-konkos;

(8) l-industrija tal-kunzatura;

(9) l-industrija tal-metal;

(10) l-industrija tal-minjieri;

(11) l-industrija tal-bini u tiswija tal-vapuri;

(12) l-operat tal-port;

(13) l-industrija tat-tessuti;

(14) l-industrija ta' l-elettronika;

(15) l-industrija tar-riċiklaġġ;

(16) setturi oħra ta' l-industrija kimika organika;

(17) setturi oħra ta' l-industrija kimika mhux organika;

(18) it-turiżmu;

(19) l-agrikoltura;

(20) it-trobbija ta' l-annimali;

(21) l-industrija agroalimentari;

(22) l-akwacultura;

(23) it-trattament u r-rimi ta' skart perikoluż;

(24) it-trattament u r-rimi ta' ilma domestiku użat;

(25) l-immanniġġar ta' skart muniċipali solidu;

(26) ir-rimi ta' tajn ta' dranaġġ;

(27) l-industrija ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart;

(28) l-inċinerazzjoni ta' residwu użat u l-immanniġġjar tiegħu;

(29) xogħol li jikkawża bdil fiżiku ta' l-istat naturali tal-linja tal-kosta;

(30) Trasport.

B. KARATTERISTIĊI TA' SUSTANZI FL-AMBJENT

Għall-preparazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni, programmi u miżuri, il-partijiet għandhom jieħdu kont tal-karatteristiċi mniżżlin hawn taħt

(1) persistenza;

(2) it-tossiċita jew prorjetajiet noċivi oħra (per eżempju, karċinogeniċità, mutageniċità, teratogeniċità);

(3) bijoakkumulazzjoni;

(4) radjoattività;

(5) ir-relattività bejn il-konċentrazzjoni osservata u dik il-konċentrazzjoni li l-effett tagħha mhuwiex osservat ("NOEC");

(6) ir-riskju ta' ewtrofikazzjoni ta' oriġini antropoġenika;

(7) l-effetti u r-riskji tas-saħħa;

(8) l-importanza transfruntjiera;

(9) ir-riskju ta' tibdiliet li mhumiex mixtieqa fl-ekosistema marittima u l-irriversibilità u t-tul ta' żmien ta' l-effetti tagħhom;

(10) l-indħil fl-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi ħajja jew fl-użu leġittimu tal-baħar;

(11) l-effetti fuq it-togħma u/jew ix-xamm ta' prodotti marittimi destinati għall-konsum uman;

(12) l-effetti fuq ix-xamm, kulur, trasparenza jew karatteristiċi oħra ta' l-ilma baħar;

(13) il-mudell ta' tqassim (jiġifieri il-kwantitajiet involuti, il-mudelli użati u l-probabilità li jintlaħaq l-ambjent marittimu.

C. IL-KATEGORIJI TA' SUSTANZI

Il-katagoriji tas-sustanzi u s-sorsi tat-tinġiż li jsegwu sejrin iservu ta' gwida fil-preparazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni, programmi u miżuri:

(1) kompożizzjonijiet ta' organufosforu u sustanzi oħra li jifformaw dawn il-kompożizzjonijiet fl-ambjent marittimu. Sejra tingħata prijorità lill-"aldrin", "chlordane", "DDT", "dieldrin", "dioxin" u l-"furan", "endrin", "heptachlor", "hexachlorobenzene", "mirex", "PCB" and "toxafene";

(2) kompożizzjonijiet ta' organufosforu u sustanzi oħra li jistgħu jifformaw dawn il-kompożizzjonijiet fl-ambjent marittimu;

(3) kompożizzjonijiet ta' l-"organotin" u sustanzi li jistgħu jifformaw dawn il-kompożizzjonijiet fl-ambjent marittimu;

(4) idrokarboni aromatiċi poliċikliki;

(5) metal tqil u l-kompożizzjoni tiegħu;

(6) żejt użat li jillubrika;

(7) sustanzi radjuattivi, li jinkludu l-iskart tagħhom, meta l-iskart tagħhom ma' jħarisx il-prinċipji tal-protezzjoni mir-radjazzjoni, hekk kif definita mill-organizazzjonijiet internazzjonali kompetenti, fejn għanda tkun ikkunsidrata il-protezzjoni ta' l-ambjent marittimu;

(8) il-bijoċidi u dak kollu li jitnissel minnhom;

(9) mikro-organiżmi patoġeniċi;

(10) żejt mhux maħdum u idrokarboni li joriġinaw minn żejt mhux raffinat;

(11) ċjanur u fluworidu;

(12) deterġenti li mhumiex bijodigradabbli u sustanzi oħra li mhumiex bijodigradabbli;

(13) komponenti ta' nitroġenu u fosfru kif ukoll ta' sustanzi oħra li jistgħu jikkawżaw l-ewtrofikazzjoni;

(14) imbarazz (kwalunkwe materjal solidu persistenti li huwa manifatturat jew proċessat, imwarrab, mgħormi, jew abbandunat fl-ambjent marittimu jew dak tal-kosta);

(15) skart termali;

(16) komponenti ta' l-aċtu jew alkalina li jistgħu iħassru l-kwalità ta' l-ilma;

(17) sustanzi li mhumiex tossiċi u li għandhom effett kuntrarju fuq il-kontenut ta' l-ossiġnu ta' l-ambjent marittimu;

(18) sustanzi li mhumiex tossiċi li jistgħu jkunu ta' xkiel fl-użu leġġittimu tal-baħar;

(19) sustanzi li mhumiex tossiċi li jistgħu ikollhom effett kuntarju fuq il-karatteristiċi kimiċi ta' l-ilma baħar.

"

ANNESS II

ANNESS II huwa mħassar.

ANNESS III

Anness III huwa renumerat L-ANNESS II. It-Titolu s-segwenti huwa miżjud u l-paragrafu ta' l-introduzzjoni huwa emendat kif ġej:

"ANNESS II

ELEMENTI LI GĦANDHOM IKUNU KKUNSIDRATI FIL-ĦRUĠ TA' AWTORIZZAZZJONI GĦAR-RIMI TA' L-ISKART

Sabiex tinħareġ l-awtorizzazzjoni għar-rimi ta' l-iskart li fih is-sustanzi msemmija fl-Artikolu 6 ta' dan il-Protokoll, għandha tittieħed attenzjoni partikolari, skon il-każ, ta' dawn il-fatturi s-segwenti:"

It-Titolu u l-paragrafi 1, 2, 3, 6 u 7 ta' taqsima A huma emendati kif ġej:

"A. IL-KARATTERISTIĊI U L-KOMPOŻIZZJONI TA' L-ISKART

1. It-tip u d-daqs ta' sorsi puntwali u diffużi (eżempju, il-proċess industrijali).

2. It-tip ta' rimi (eżempju, l-oriġini, il-kompozizzjoni medja)

3. L-istat ta' l-iskart (eżempju, solidu, tajn likwidu, siment likwidu).

6. Konċentrat fir-rigward ta' kostitwenti relevanti ta' sustanzi enumerati f'L-Anness I u ta' sustanzi oħra, kif xieraq.

7. Proprjetajiet fiżiċi, kimiċi u bijokimiku tar-rimi ta' l-iskart."

It-Titolu ta' taqsima B huwa emendat u paragrafu ġdid huwa miżjud:

"B. IL-KARATTERISTIĊI TA' KOSTITWENTI TAR-RIMI FIR-RIGWARD GĦALL-ĦSARA LI JISTGĦU JIKKAWŻAW

7. Il-karatteristiċi l-oħra huma elenkati f-ANNESS I, Taqsima B."

It-Titolu u paragrafu 3 ta' taqsima Ċ huma emendati kif ġej:

"Ċ. IL-KARATTERISTIĊI TAS-SIT TAR-RIMI U L-AMBJENT RIĊEVITUR

3. Sustanza dilwita miksuba fil-mument ta' rilaxx fl-ambjent riċevitur."

ANNESS IV

Anness IV huwa renumerat l-Anness III. It-Titolu s-segwenti huwa miżjud u l-paragrafi 1, 2, 3 u 5 huma emendati kif ġej:

"ANNESS III

IL-KONDIZZJONIJIET TA' APPLIKAZZJONI GĦAT-TINĠIŻ TRASPORTAT PERMEZZ TA' L-ATMOSFERA

1. Dan il-Protokoll għandu japplika għall-iskart li jniġġeż l-atmosfera taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) is-sustanza mgħormija hija jew tista' tkun trasportata fiż-żona tal-baħar Mediterran taħt kundizzjonijiet meteoroloġiċi dominanti;

(b) id-dħul ta' sustanza fiż-żona tal-baħar Mediterran huwa perikoluż għall-ambjent fir-rigward għall-kwantità ta' l-istess sustanza li tista' tilħaq iż-żona b'mezzi oħra.

2. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(2) ta' dan il-Protokoll, dan il-Protokoll għandu japplika ukoll għall-iskart li jniġġeż l-atmosfera u li permzz tagħhom tkun affettwata iż-żona tal-baħar Mediterran minn egħjun terrestri fit-territorji tal-partijiet u minn strutturi lil hemm mill-art li huma fissi u magħmula mill-bniedem.

3. Fil-każ ta' tinġiż taż-żona tal-baħar Mediterran minn egħjun terrestri fl-atmosfera, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 6 ta' dan il-Protokoll għandhom japplikaw progressivament għal sustanzi u egħjun elenkati f'L-Anness I għal dan il-Protokoll hekk kif miftiehem bejn il-partijiet:

5. Fejn huwa xieraq, id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness II ta' dan il-Protokoll għandhom japplikaw għal tinġiż fl-atmosfera. Il-kontroll u l-mudellar tat-tinġiż ta' l-arja permezz ta' fatturi u metodoloġiji ta' emmissjoni komuni aċċettabbli għandhom isiru fil-valutazzjoni tad-depożizzjoni ta' sustanzi atmosferiċi, kif ukoll fil-kumpilazzjoni ta' inventarju tal-kwantitajiet u r-rati ta' emissjonijiet imniġġża fl-atmosfera li joriġinaw minn egħjun terrestri."

ANNESS IV

Anness IV huwa miżjud kif ġej:

"

ANNESS IV

IL-KRITERJI GĦAD-DEFINIZZJONI TA' L-AĦJAR METODI TA' TEKNIKA DISPONIBBLI U L-AĦJAR PRATTIKA AMBJENTALI

A. L-AĦJAR TEKNIKA DISPONIBBLI

1. L-użu ta' l-aħjar teknika disponibbli għandhom jemfasizzaw l-użu ta' teknoloġija li ma tipproduċix skart, jekk dawn huma disponibbli.

2. It-terminu "l-aħjar teknika disponibbli" tfisser l-aħħar stadju ta' żvilupp (l-iktar modern) fil-proċessar, fl-installazzjoni jew fil-metodi ta' operat li jindikaw il-prattiċità xierqa ta' xi miżura partikolari sabiex ikun limitat ir-rimi, l-emissjoni u l-iskart. Sabiex ikun stabbilit jekk serje ta' proċessi, installazjonijiet jew metodi ta' operat jikkostitwixxux l-aħjar teknika disponibbli b'mod ġenerali jew individwali, għandha tittieħed kunsiderazzjoni speċjali lil:

(a) proċess komparabli, faċilitajiet u metodi ta' operazzjoni liema kienu riċentament ipprovati b'suċċess;

(b) teknoloġiji avvanzati u tibdil fl-għerf u fil-fehim xjentifiku;

(ċ) il-probabilita ekonomika ta' din it-teknika;

(d) limitazzjoni fi żmien sabiex ikunu installati kemm fabbriki ġodda kif ukoll dawk ġja eżistenti;

(e) in-natura u l-volum ta' rimi u emissjonijijiet in kwistjoni.

3. Għaldaqstant dak illi huwa "l-aħjar teknika disponibbli" għal xi proċess partikolari jista' biż-żmien jinbidel fil-kuntest ta' l-avvanzi teknologici, fatturi ekonomiċi u soċjali, u kif ukoll fil-kuntest ta' tibdil fil-għerf u l-fehim xjentifiku.

4. Jekk it-tnaqqis fir-rimi u l-emissjonijiet li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-aħjar taknika disponibbli ma jwassalx għal riżultati aċċettabbli mill-punto di vista ta' l-ambjent, għandhom ikunu applikati miżuri addizzjonali.

5. "Metodi ta' teknika" jinkludu kemm it-teknoloġija utilizzata kif ukoll il-mod ta' kif l-installazzjoni kienet ippjanata, mibnija, miżmuma, maħduma u żmuntata.

B. L-AĦJAR PRATTIKA AMBJENTALI

6. It-terminu "l-aħjar prattika ambjentali" tfisser l-applikazzjoni ta' l-iktar għaqda xierqa ta' miżuri u strateġiji ta' kontrol ambjentali. Fl-għażla ta' dawk il-każijiet individwali, il-firxa ta' mizuri gradwatorji li ġejjin għandhom, għallinqas, ikunu kkunsidrati:

(a) l-informazzjoni u l-edukazzjoni tal-publikku u l-utenti dwar il konsegwenzi ambjentali ta' attivitajiet partikolari u għażla ta' prodotti, l-użu u r-rimi finali tagħhom;

(b) l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' kodiċi ta' prattika ambjentali tajba li tkopri kull aspett ta' attività fil-ħajja tal-prodott;

(ċ) l-applikazzjoni obbligatorja ta' tikketti li jinformaw l-utenti dwar ir-riskji ambjentali li jistgħu jkunu marbuti ma' prodott, l-użu u r-rimi finali tiegħu;

(d) l-ekonomija fir-riżorsi, li jinkludu l-enerġija;

(e) sistemi ta' kollezzjoni u ta' rimi li jkun mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

(f) li jkun evitat l-uzu ta' sustanzi jew prodotti kif ukoll il-produzzjoni ta' skart perikoluż;

(g) ir-riċiklaġġ, l-irpiljar u l-użu mill-ġdid;

(h) l-applikazzjoni ta' strumenti ekonomiċi għall-attivitajiet, prodotti jew gruppi ta' prodotti;

(i) li tkun stabbilita sistema ta' liċenzjar, li tinkludi firxa ta' restrizzjonijiet jew xi projbizzjoni.

7. Sabiex ikun stabbilit liema għaqda ta' miżuri jikkostitwixxu l-aħjar prattika ambjentali, f'każijiet ġenerali jew individwali, għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari lil:

(a) il-periklu ambjentali tal-prodott u l-produzzjoni, l-użu u r-rimi finali tiegħu;

(b) is-sostituzzjoni b'attivitajiet u sustanzi li jniġġżu inqas;

(ċ) l-iskala ta' użu;

(d) il-benefiċċju potenzjali ambjentali jew il-penali ta'użu ta' materjal jew attivitajiet alternattivi;

(e) avvanzi u tibdil fl-għerf u l-fehim xjentifiku;

(f) il-limitazzjoni ta' żmien għall-implimentazzjoni;

(g) implikazzjonijiet soċjali u ekonomiċi.

8. Għaldaqstant isegwi illi l-aħjar prattika ambjentali għal xi sors partikolari jista' jinbidel biż-żmien fil-kuntest ta' avvanzi teknologiċi, fatturi ekonomiċi u soċjali, u kif ukoll tibdil fl-għerf u l-fehim ambjentali.

9. Jekk it-tnaqqis ta' dħul li jirriżulta mill-użu ta' l-aħjar prattika ambjentali ma twassalx għal riżultati aċċettabbli, ikollhom ikunu applikati mizuri addizzjonali kif ukoll il-kunċett ta' l-aħjar prattika ambjentali jkollha tingħata definizzjoni ġdida.

"

--------------------------------------------------