21994A1223(07)



Official Journal L 336 , 23/12/1994 P. 0086 - 0099
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 38 P. 0088
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 38 P. 0088


Ftehim dwar barrieri tekniċi għall-kummerċ

IL-MEMBRI,

Wara li kkunsidraw l-Uruguay Round ta' Negozjati Multilaterali dwar il-Kummerċ;

Xewqana li jġibu ‘l quddiem l-għanijiet tal-GATT 1994;

Waqt li jirrikonoxxu l-kontribut importanti li standards internazzjonali u konformità ta' sistemi ta' evalwazzjoni jistgħu jagħmlu f'dan ir-rigward billi jtejbu l-effiċjenza tal-produzzjoni u jħaffu t-tmexxija tal-kummerċ internazzjonali;

Xewqana għalhekk li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' standards internazzjonali u konformità ta' sistemi ta' evalwazzjoni simili;

Xewqana madankollu li jassiguraw li regolamenti u standards tekniċi, inklużi l-ħtiġijiet fl-ippakkjar, markar u tikkettjar, u l-proċeduri għal stima ta' konformità ma' regolamenti u standards tekniċi ma joħolqux ostakli bla bżonn għall-kummerċ internazzjonali;

Waqt li jirrikonoxxu li ebda pajjiż m'għandu jkun ipprojbit milli jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura l-kwalità ta' l-esportazzjoni tiegħu, jew għall-protezzjoni tal-ħajja jew tas-saħħa tal-bniedem, ta' l-annimali jew tal-pjanti, ta' l-ambjent, jew għall-prevenzjoni ta' prattiċi qarrieqa, fil-livelli li hu jqis xierqa, suġġett għall-ħtieġa li ma jkunux applikati b'mod li joħloq mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja u mhux ġustifikata bejn pajjiżi fejn jeżistu l-istess kondizzjonijiet jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ internazzjonali, u li huma altrimenti konformi mad-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim;

Waqt li jirrikonoxxu li ebda pajjiż m'għandu jkun ipprojbit milli jieħu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta' l-interessi essenzali tas-sigurtà tiegħu;

Waqt li jirrikonoxxu l-kontribut li l-istandardizzazzjoni internazzjonali tista' tagħmel għat-trasferiment tat-teknoloġija minn pajjiżi żviluppati għal pajjiżi li qed jiżviluppaw;

Waqt li jirrikonoxxu li pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jiltaqgħu ma' diffikultajiet speċjali fil-formulazzjoni u l-applikazzjoni ta' regolamenti u standards tekniċi u proċeduri għal evalwazzjoni ta' konformità ma' regolamenti u standards tekniċi, u xewqana li jgħinuhom fl-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward;

HAWN JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Disposizzjonijiet Ġenerali

1.1 It-termini ġenerali għal standardizzazzjoni u proċeduri għal evalwazzjoni ta' konformità għandhom normalment ikollhom is-sinifikat mogħti lilhom bid-definizzjonijiet adottati fi ħdan is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti u minn korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards waqt li jitqies il-kuntest tagħhom fid-dawl ta' l-iskop u l-għan ta' dan il-Ftehim.

1.2 Madankollu, għall-għanijiet ta' dan il-Ftehim tapplika t-tifsira tat-termini mogħtija fl-Anness 1.

1.3 Il-prodotti kollha, inklużi prodotti industrijali u agrikoli, għandhom ikunu soġġetti għad-disposizzjonijiet ta' dan il-ftehim.

1.4 Speċifikazzjonijiet għal xiri ippreparati minn korpi governattivi għall-ħtiġijiet ta' produzzjoni jew konsum ta' korpi governattivi mhumiex soġġetti għad-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim iżda huma ndirizzati fil-Ftehim tal-Procurement (Xiri) tal-Gvern, skond il-coverage tiegħu.

1.5 Id-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma jgħoddux għal miżuri sanitarji u fitosanitarji kif definiti fl-Anness A tal-Ftehim dwar l-Applikazzjoni ta' Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji.

1.6 Ir-referenzi kollha f'dan il-Ftehim għal regolamenti tekniċi, standards u proċeduri ta' evalwazzjoni ta' konformità għandhom jittieħdu li jinkludu kull emenda għalihom u kull żieda mar-regoli jew il-coverage tal-prodott tiegħu, minbarra emendi u addizzjonijiet ta' natura insinifikanti.

REGOLAMENTI U STANDARDS TEKNIĊI

Artikolu 2

Preparazzjoni, Adozzjoni u Applikazzjoni ta' Regolamenti Tekniċi minn Korpi tal-Gvern Ċentrali

Fir-rigward tal-korpi tal-gvern ċentrali tagħhom:

2.1 Il-Membri għandhom jassiguraw li fir-rigward ta' regolamenti tekniċi, il-prodotti mportati minn territorju ta' kwalunkwe Membru għandhom jingħataw trattament mhux anqas favorevoli minn dak mogħti lil prodotti simili ta' oriġini nazzjonali u lil prodotti simili li ġejjin minn kull pajjiż ieħor.

2.2 Il-Membri għandhom jassiguraw li r-regolamenti tekniċi ma jkunux ippreparati, adottati jew applikati bl-iskop jew bl-effett li joħolqu ostakli bla bżonn għall-kummerċ internazzjonali. Għal dan il-għan, ir-regolamenti tekniċi m'għandhomx ikunu aktar ta' restrizzjoni ta' kummerċ milli hu meħtieġ biex jintlaħaq għan leġittimu, waqt li jitqiesu r-riskji li jinħolqu jekk dan ma jseħħx. Għanijiet leġittimi simili huma inter alia: ħtiġijiet ta' sigurtà nazzjonali; il-prevenzjoni ta' prottiċi qarrieqa; protezzjoni ta' saħħa jew sigurta tal-bniedem, ħajja jew saħħa ta' annimali u pjanti, jew l-ambjent. Meta wieħed jevalwa dawn ir-riskji, elementi rilevanti ta' konsiderazzjoni huma inter alia: informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, teknoloġija relatata ta' proċessar jew skopijiet maħsuba tal-prodotti.

2.3 Ir-regolamenti tekniċi m'għandhomx jinżammu jekk iċ-ċirkostanzi jew l-għanijiet li ħtieġu l-adozzjoni tagħhom m'għadhomx hemm jew jekk iċ-ċirkostanzi jew l-għanijiet mibdula jistgħu jiġu ndirizzati b'mod anqas ristrettiv fuq il-kummerċ.

2.4 Fejn regolamenti tekniċi huma meħtieġa u standards internazzjonali rilevanti jeżistu jew it-tkomplija tagħhom hija imminenti, il-Membri għandhom jużawhom, jew il-partijiet rilevanti tagħhom, bħala bażi għar-regolamenti tekniċi tagħhom minbarra meta standards internazzjonali simili jew partijiet rilevanti jkunu mezz ineffettiv jew mhux f'postu għat-twettiq ta' l-għanijiet leġittimi mixtieqa, per eżempju minħabba fatturi fundamentali klimatiċi jew ġeografiċi jew problemi teknoloġiċi fundamentali.

2.5 Membru li jkun jipprepara, jadotta jew japplika regolament tekniku li jista' jkollu effett sinifikanti fuq il-kummerċ ta' Membri oħra għandu, fuq talba ta' Membru ieħor, jispjega l-ġustifikazzjoni għal dak ir-regolament tekniku fit-termini tad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4. Kull meta regolament tekniku jkun ippreparat, adottat jew applikat għal wieħed mill-għanijiet leġittimi espliċitament imsemmija fil-paragrafu 2, u huwa konformi ma' l-istandards rilevanti internazzjonali, għandu jittieħed b'mod li jista' jkun konfutat li ma joħloqx ostakli bla bżonn għall-kummerċ internazzjonali.

2.6 Bil-għan li jarmonizzaw ir-regolamenti tekniċi fuq bażi kemm jista' jkun wiesgħa, il-Membri għandhom jagħmlu l-parti tagħhom kollha, fil-limiti tar-riżorsi tagħhom, fil-preparazzjoni minn korpi xierqa internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards ta' standards internazzjonali għal prodotti li għalihom huma jew ikunu adottaw, jew jistennew li jadottaw, regolamenti tekniċi.

2.7 Il-Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni pożittiva biex jaċċettaw ir-regolamenti tekniċi ta' Membri oħra, ukoll jekk dawn ir-regolamenti huma differenti minn tagħhom, kemm-il darba jkunu sodisfatti li dawn ir-regolamenti jaderixxu kif xieraq ma' l-għanijiet tar-regolamenti tagħhom stess.

2.8 Kull fejn xieraq, il-Membri għandhom jispeċifikaw regolamenti tekniċi bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-prodott f'termini ta' operat aktar milli disinn jew karatteristiċi deskrittivi.

2.9 Kull meta standard rilevanti internazzjonali ma jkunx jeżisti jew il-kontenut tekniku tar-regolament tekniku propost mhux konformi mal-kontenut tekniku ta' standards rilevanti internazzjonali, u jekk ir-regolament tekniku jista' jkollu effett sinifikanti fuq il-kummerċ ta' Membri oħra, il-Membri għandhom:

2.9.1 jippublikaw avviż f'gazzetta fi stadju bikri xieraq, b'dik il-manjiera li tagħmilha possibbli li partijiet interessati f'Membri oħra jsiru jafu biha, li huma qed jipproponu li jdaħħlu regolament tekniku partikolari;

2.9.2 javżaw lil Membri oħra permezz tas-Segretarjat dwar il-prodotti li se jkunu koperti mir-regolament tekniku propost, flimkien ma' indikazzjoni qasira ta' l-għan u r-raġuni tiegħu. Notifiki bħak dawn għandhom isiru fi stadju bikri xieraq, meta emendi jkunu għad jistgħu jsiru u kummenti jiġu kkonsidrati;

2.9.3 fuq talba, jagħtu lil Membri oħra dettalji jew kopji tar-regolament tekniku propost u, kull meta jkun possibbli, jidentifikaw il-partijiet li fis-sustanza jitbiegħdu minn standards rilevanti internazzjonali;

2.9.4 mingħajr diskriminazzjoni, iħallu żmien raġonevoli għal Membri oħra biex jagħmlu kummenti bil-miktub, jiddiskutu dawn il-kummenti fuq talba, u jagħtu kas ta' dawn il-kummenti bil-miktub u r-riżultati ta' dawn id-diskussjonijiet.

2.10 Suġġett għad-disposizzjonijiet fl-introduzzjoni għall-paragrafu 9, fejn problemi urġenti ta' sigurtà, saħħa, protezzjoni ambjentali jew sigurtà nazzjonali jqumu jew jgħeddu li jqumu għal Membru, dak il-Membru jista' jħalli barra dawk il-passi enumerati fil-paragrafu 9 kif jara li jkun meħtieġ, kemm-il darba dak il-Membru, meta jadotta regolament tekniku, għandu:

2.10.1 jgħarraf minnufih lil Membri oħra permezz tas-Segretarjat dwar ir-regolament tekniku partikolari u l-prodotti koperti, b'indikazzjoni qasira ta' l-għanijiet u r-raġuni tar-regolament tekniku, inkluża n-natura tal-problemi urġenti;

2.10.2 fuq talba, jagħti lill-Membri l-oħra kopji tar-regolament tekniku;

2.10.3 mingħajr diskriminazzjoni, iħalli Membri oħra jressqu l-kummenti tagħhom bil-miktub, jiddiskutu dawn il-kummenti fuq talba, u jingħata kas ta' dawn il-kummenti bil-miktub u r-riżultati ta' dawn id-diskussjonijiet.

2.11 Il-Membri għandhom jassiguraw li r-regolamenti tekniċi kollha li jkunu ġew adottati jkunu ppublikati minnufih jew b'mod ieħor ikunu disponibbli b'dak il-mod li jagħmilha possibbli li partijiet interessati ta' Membri oħra li jsiru jafu bihom.

2.12 Minbarra f'dawk iċ-ċirkostanzi urġenti msemmija fil-paragrafu 10, il-Membri għandhom iħallu intervall raġonevoli bejn il-publikazzjoni ta' regolamenti tekniċi u d-dħul tagħhom fis-seħħ biex iħallu żmien għall-produtturi f'Membri esportaturi, u b'mod partikolari f'pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, biex jaddattaw il-prodotti tagħhom jew metodi ta' produzzjoni għall-ħtiġijiet tal-Membru importatur.

Artikolu 3

Preparazzjoni, Adozzjoni u Applikazzjoni ta' Regolamenti Tekniċi minn Korpi ta' Gvern Lokali u Korpi Non-Governattivi

Fir-rigward tal-gvern lokali tagħhom u korpi non-governattivi fit-territorji tagħhom:

3.1 Il-Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri raġonevoli li jistgħu jkunu disponibbli għalihom biex jassiguraw konformità minn korpi simili mad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 2, bl-eċċezzjoni ta' l-obbligu li jinnotifikaw kif imsemmi fil-paragrafi 9.2 u 10.1 ta' l-Artikolu 2.

3.2 Il-Membri għandom jassiguraw li r-regolamenti tekniċi ta' gvernijiet lokali fuq il-livell direttament taħt dak tal-gvern ċentrali f'Membri jkunu notifikati b'mod konformi mad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 9.2 u 10.1 ta' l-Artikolu 2, waqt li jinnotaw li n-notifika m'għandhiex tinħtieġ għal regolamenti tekniċi li l-kontenut tekniku tagħhom huwa sustanzjalment l-istess bħal dak ta' regolamenti tekniċi ta' korpi ta' gvern ċentrali tal-Membru kkonċernat notifikati qabel.

3.3 Membri jista' jkollhom bżonn ta' kuntatt ma' Membri oħra, inklużi n-notifikit, għoti ta' informazzjoni, kummenti u diskussjonijiet imsemmija fil-paragrafi 9 u 10 ta' l-Artikolu 2, biex isiru permezz tal-gvern ċentrali.

3.4 Il-Membri m'għandhomx jieħdu miżuri li jinħtieġu jew jinkoraġġixxu korpi governattivi lokali jew korpi non-governattivi fit-territorji tagħhom li jaġixxu f'mod inkonsistenti mad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 2.

3.5 Il-Membri huma għal kollox risponsabbli taħt dan il-Ftehim għall-osservanza tad-disposizzjonijiet kollha ta' l-Artikolu 2. Il-Membri għandhom jifformulaw u jimplimentaw miżuri pożittivi u mekkaniżmi b'appoġġ ta' l-osservanza tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 minn oħrajn minbarra l-korpi tal-gvern ċentrali.

Artikolu 4

Preparazzjoni, Adozzjoni u Applikazzjoni ta' Standards

4.1 Il-Membri għandhom jassiguraw li l-korpi li jistabbilixxu l-istandards tal-gvern ċentrali tagħhom jaċċettaw u jħarsu l-Kodiċi ta' Prattika Tajba għall-Preparazzjoni, Adozzjoni u Applikazzjoni ta' Standards fl-Anness 3 ta' dan il-Ftehim (imsemmi f'dan il-Ftehim bħala l-"Kodiċi ta' Prattika Tajba"). Huma għandhom jieħdu dawk il-miżuri raġonevoli li jistgħu jkunu disponibbli għalihom biex jassiguraw li korpi li jistabbilixxu l-istandards tal-gvern lokali u non-governattivi fit-territorji tagħhom, kif ukoll il-korpi reġjonali li jistabbilixxu l-istandards li tagħhom huma jew korp wieħed jew aktar fit-territorji tagħhom huma membri, jaċċettaw, u jikkonformaw ma' dan il-Kodiċi ta' Prattika Tajba. Barra minn dan, il-Membri m'għandhomx jieħdu miżuri li jkollhom l-effett li, direttament jew indirettament, jinħtieġu jew jinkoraġġixxu lil korpi simili li jistabbilixxu l-istandards li jaġixxu b'mod inkonsistenti mal-Kodiċi ta' Prattika Tajba. L-obbligi tal-Membri fir-rigward ta' konformità ta' korpi li jistabbilixxu l-istandards mad-disposizzjonijiet tal-Kodiċi ta' Prattika Tajba għandhom jgħoddu rrispettivament jekk il-korp li jistabbilixxi l-istandards aċċetax il-Kodiċi ta' Prattika Tajba jew le.

4.2 Korpi li jistabbilixxu l-istandards li jkunu aċċettaw u qed jikkonformaw mal-Kodiċi ta' Prattika Tajba għandhom ikunu rikonoxxuti mill-Membri li qed iħarsu l-prinċipji ta' dan il-Ftehim.

KONFORMITÀ MA' REGOLAMENTI U STANDARDS TEKNIĊI

Artikolu 5

Proċeduri għal Stima ta' Konformità minn Korpi tal-Gvern Ċentrali

5.1 Il-Membri għandhom jassiguraw li, fejn tinħtieġ assigurazzjoni pożittiva ta' konformità ma' regolamenti u standards tekniċi, il-korpi tal-gvern ċentrali tagħhom japplikaw id-disposizzjonijiet li ġejjin għal prodotti li joriġinaw mit-territorji ta' Membri oħra:

5.1.1 proċeduri ta' stima ta' konformità huma ppreprati, adottati u applikati biex jingħata aċċess għal fornituri ta' prodotti simili ġejin mit-territorji ta' Membri oħra taħt kondizzjonijiet mhux anqas favorevoli minn dawk mogħtija lil fornituri ta' prodotti simili ta' oriġini nazzjonali jew ġejjin minn kwalunkwe pajjiż ieħor, f'sitwazzjoni paragonabbli; aċċess jitlob id-dritt tal-fornituri għal stima ta' konformità taħt ir-regoli tal-proċedura, inkluża, meta prevista minn din il-proċedura, il-possibbilità li jkollhom l-attivitajiet ta' stima ta' konformità magħmula fis-sit tal-faċilitajiet u li jirċievu l-marka tas-sistema;

5.1.2 il-proċeduri ta' stima ta' konformità mhumiex ippreparati, adottati jew applikati bil-għan li jew bl-effett li joħolqu ostakli bla bżonn lill-kummerċ internazzjonali. Dan ifisser inter alia li proċeduri ta' stima ta' konformità m'għandhomx ikunu aktar stretti jew ikunu applikati b'mod aktar strett milli hu meħtieġ biex tingħata lill-Membri importaturi kunfidenza xierqa li l-prodotti huma konformi mar-regolamenti jew standards tekniċi applikabbli, waqt li jitqiesu r-riskji li n-nuqqas ta' konformità jista' joħloq.

5.2 Meta jimplimentaw id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-Membri għandhom jassiguraw li:

5.2.1 Il-proċeduri ta' stima ta' konformità għandhom jinbdew u jispiċċaw malajr kemm jista' jkun u f'ordni mhux anqas favorevoli għal prodotti ġejjin minn territorji ta' Membri oħra milli għal prodotti simili domestiċi;

5.2.2 il-perjodu ta' proċessar ta' standard ta' kull proċedura ta' stima ta' konformità ikun pubblikat jew li l-perjodu antiċipat ta' proċessar ikun komunikat lill-applikant fuq talba; meta jirċievi applikazzjoni, il-korp kompetenti jeżamina minnufih id-dokumentazzjoni hix kompluta u jinforma lill-applikant b'mod preċiż u sħiħ dwar in-nuqqasijiet kollha; il-korp kompetenti jibgħat malajr kemm jista' jkun ir-riżultati ta' l-istima b'mod preċiż u sħiħ lill-applikant biex jittieħdu miżuri korrettivi jekk meħtieġ; ukoll meta l-applikazzjoni jkollha nuqqasijiet, il-korp kompetenti jkompli skond kemm ikun prattikabbli bl-istima tal-konformità jekk l-applikant jitlob dan; u li, fuq talba, l-applikant ikun informat dwar l-istadju tal-proċedura, b'kull dewmien jiġi spjegat;

5.2.3 il-ħtiġijiet ta' informazzjoni jkunu limitati għal dak li huwa meħtieġ biex tkun stmata l-konformità u jkunu stabbiliti l-miżati;

5.2.4 il-konfidenzalità ta' informazzjoni dwar prodotti ġejjin mit-territorji ta' Membri oħra ġejjin minn jew mogħtija f'konnessjoni mal-proċeduri ta' stima ta' konformità simili tkun rispettata bl-istess mod bħal dik għal prodotti domestiċi u b'dak il-mod li interessi leġittimi kummerċjali jkunu protetti;

5.2.5 dawk il-miżati imposti biex issir stima ta' konformità ta' prodotti ġejjin mit-territorji ta' Membri oħra jkunu ġusti fir-relazzjoni ma' xi miżati mitluba biex issir stima ta' konformità ta' prodotti simili ta' oriġini nazzjonali jew ġejjin minn kull pajjiż ieħor, waqt li jitqiesu l-komunikazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra li ġejjin mid-differenzi bejn il-lokalità ta' faċilitajiet ta' l-applikant u tal-korp ta' stima ta' konformità;

5.2.6 l-iffissar tas-siti ta' faċilitajiet użati għall-proċeduri ta' stima ta' konformità u l-għażla tal-kampjuni ma jkunux dawk li jikkawżaw inkonvenjenza bla bżonn lill-applikanti u lill-aġenti tagħhom;

5.2.7 kull meta jinbidlu l-ispeċifikazzjonijiet ta' prodott wara d-determinazzjoni tal-konformità tiegħu mar-regolamenti jew standards tekniċi applikabbli, il-proċedura ta' stima ta' konformità għall-prodott modifikat tkun limitata għal dak li hu meħtieġ biex jiġi stabbilit jekk teżistix fiduċja xierqa li l-prodott għadu jilħaq ir-regolamenti jew standards tekniċi kkonċernati;

5.2.8 proċedura tkun teżisti biex tirrevedi l-ilmenti dwar it-tħaddim ta' proċedura ta' stima ta' konformità u biex tieħu miżuri korrettivi meta lment ikun ġustifikat.

5.3 Xejn fil-paragrafi 1 u 2 ma għandu jipprevjeni lill-Membri milli jagħmlu spot checks raġonevoli fit-territorji tagħhom.

5.4 F'każi fejn assigurazzjoni pożittiva tkun meħtieġa li l-prodotti jkunu konformi ma' regolamenti jew standards tekniċi, u l-gwidi rilevanti jew rakkomandazzjonijiet maħruġa minn korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards jeżistu jew it-tlestija tagħhom hija mminenti, il-Membri għandhom jassiguraw li l-korpi tal-gvern ċentrali jużawhom, jew il-partijiet rilevanti tagħhom, bħala bażi għall-proċeduri ta' stima ta' konformità tagħhom, minbarra fejn, kif spjegat kif xieraq fuq talba, gwidi u rakkomandazzjonijiet simili jew partijiet rilevanti ma jkunux jgħoddu għall-Membri kkonċernati, għal inter alia raġunijiet bħal: il-ħtiġijiet ta' sigurtà nazzjonali; il-prevenzjoni ta' prattiċi qarieqa; il-protezzjoni ta' saħħa jew sigurtà umana, il-ħajja jew saħħa ta' annimali jew pjanti, jew l-ambjent; fatturi fundamentali klimatiċi jew ġeografiċi oħra; problemi fundamentali teknoloġiċi jew infrastrutturali.

5.5 Bl-għan li jkunu armonizzati l-proċeduri ta' stima ta' konformità fuq bażi kemm jista' jkun wiesgħa, il-Membri għandhom jagħmlu l-parti tagħhom kollha, fl-ambitu tal-limiti tar-riżorsi tagħhom, fil-preparazzjoni minn korpi xierqa internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards ta' gwidi u rakkomandazzjionijiet għall-proċeduri ta' stima ta' konformità.

5.6 Kull fejn gwida rilevanti jew rakkomandazzjoni maħruġa minn korp internazzjoali li jistabbilixxi l-istandards ma tkunx teżisti jew il-kontenut tekniku ta' proċedura ta' stima ta' konformità ma tkunx konformi mal-gwidi u rakkomandazzjonijiet rilevanti maħruġa minn korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards, u jekk il-proċedura ta' stima ta' konformità jista' jkollha effett sinifikanti fuq il-kummerċ ta' Membri oħra, il-Membri għandhom:

5.6.1 jippubblikaw avviż f'ġurnal fi stadju bikri xieraq, b'dak il-mod li jagħmluha possibbli li partijiet interessati f'Membri oħra jsiru jafu biha, li huma jipproponu li jintroduċu proċedura partikolari ta' stima ta' konformità;

5.6.2 jgħarrfu lill-Membri oħra permezz tas-Segretarjat dwar il-prodotti li għandhom ikunu koperti mill-proċedura proposta ta' stima ta' konformità, flimkien ma' indikazzjoni qasira ta' l-għanijiet u r-raġuni tagħha. Notifiki simili għandhom isiru fi stadju bikri xieraq, meta emendi jkun għad jistgħu jiddaħħlu u jitqiesu l-kummenti;

5.6.3 fuq talba, jagħtu lill-Membri l-oħra dettalji jew kopji tal-proċedura proposta u, kull fejn possibbli, jidentifikaw il-partijiet li fis-sustanza jvarjaw minn gwidi jaw rakkomandazzjonijiet rilevanti maħruġa minn korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards;

5.6.4 mingħajr diskriminazzjoni, iħallu żmien raġonevoli għal Membri oħra biex jagħmlu kummenti bil-miktub, jiddiskutu dawn il-kummenti fuq talba, u jieħdu dawn il-kummenti bil-miktub u r-riżultati ta' dawn id-diskussjonijiet f'konsiderazzjoni.

5.7 Bla ħsara għad-disposizzjonijiet fid-daħla ta' paragrafu 6, fejn problemu urġenti ta' sigurtà, saħħa, protezzjoni ta' l-ambjent jew sigurtà nazzjonali jqumu jew jheddu li jqumu għal Membru, dak il-Membru jista' jħalli barra dawk il-passi elenkati fil-paragrafu 6 kif hu jsib meħtieġ, kemm-il darba l-Membru, meta jadotta l-proċedura (għandu):

5.7.1 jgħarraf minnufih lill-Membri l-oħra permezz tas-Segretarjat dwar il-proċedura partikolari u l-prodotti koperti, b'indikazzjoni qasira ta' l-għanijiet u r-raġuni tal-proċedura, inkluża n-natura tal-problemi urġenti;

5.7.2 fuq talba, jagħti lill-Membri l-oħra kopji tar-regoli tal-proċedura;

5.7.3 mingħajr diskriminazzjoni, jippermetti lill-Membri oħra jressqu l-kummenti tagħhom bil-miktub, jiddiskuti dawn il-kummenti meta mitlub, u jqis dawn il-kummenti bil-miktub u r-riżultati ta' dawn id-diskussjonijiet.

5.8 Il-Membri għandhom jassiguraw li l-proċeduri kollha ta' stima ta' konformità li jkunu ġew adottati jkunu ppublikati minnufih jew b'mod ieħor magħmula disponibbli b'dak il-mod li jippermettu lill-partijiet interessati f'Membri oħra li jsiru jafu bihom.

5.9 Minbarra f'dawk iċ-ċirkostanzi urġenti msemmija fil-paragrafu 7, il-Membri għandhom iħallu intervall raġonevoli bejn il-pubblikazzjoni tal-ħtiġijiet dwar il-proċeduri ta' stima ta' konformità u d-dħul tagħhom fis-seħħ biex jingħata żmien lill-produtturi f'Membri esportaturi, u b'mod partikolari f'pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, li jaddattaw il-prodotti tagħhom jew metodi ta' produzzjoni għall-ħtiġijiet tal-Membri importaturi.

Artikolu 6

Għarfien ta' Stima ta' Konformità minn Korpi tal-Gvern Ċentrali

Fir-rigward tal-korpi tal-gvern ċentrali tagħhom:

6.1 Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4, il-Membri għandhom jassiguraw, kull meta possibbli, li r-riżultati ta' proċeduri ta' stima ta' konformità f'Membri oħra jkunu aċċettati, ukoll meta dawn il-proċeduri jkunu differenti minn tagħhom, kemm-il darba jkunu sodisfatti li dawk il-proċeduri joffru assigurazzjoni ta' konformità ma' regolamenti tekniċi applikabbli jew standards ekwivalenti għall-proċeduri tagħhom stess. Huwa magħruf li konsultazzjonijiet minn qabel jistgħu jkunu meħtieġa biex jaslu għal ftehim reċiproku sodisfaċenti dwar, b'mod partikolari:

6.1.1 kompetenza teknika adegwata u duratura tal-korpi rilevanti ta' stima ta' konformità fil-Membri esportaturi, sabiex jista' jkun hemm kunfidenza f'fiduċja kontinwa fir-riżultati ta' l-istima ta' konformità tagħhom; f'dan ir-rigward, konformità verifikata, per eżempju permezz ta' akkreditazzjoni, ma' gwidi rilevanti jew rakkomandazzjonijiet maħruġa minn korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards għandha titqies bħala indikazzjoni ta' kompetenza teknika adegwata;

6.1.2 limitazzjoni ta' l-aċċettazzjoni ta' riżultati ta' stimi ta' konformità għal dawk magħmula minn korpi nominati fil-Membri esportaturi.

6.2 Il-Membri għandhom jassiguraw li l-proċeduri ta' stima tagħhom ta' konformità jippermettu, fil-qies li hu prattikabbli, l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet fil-paragrafu 1.

6.3 Il-Membri huma mħeġġa, fuq talba ta' Membri oħra, li jkunu lesti jidħlu f'negozjati għall-konklużjoni ta' ftehim għar-rikonoxximent reċiproku ta' riżultati ta' proċeduri ta' stima ta' konformità ta' xulxin. Il-Membri jistgħu jitolbu li ftehim simili jkun jaderixxi mal-kriterji tal-paragrafu 1 u jagħti sodisfazzjon reċiproku dwar il-potenzal tagħhom li jħaffu l-kummerċ fil-prodotti kkonċernati.

6.4 Il-Membri huma nkoraġġiti li jippermettu l-parteċipazzjoni ta' korpi ta' stima ta' konformità li jinsabu fit-territorji ta' Membri oħra fil-proċeduri ta' stima ta' konformità tagħhom taħt kondizzjonijiet mhux anqas favorevoli minn dawk mogħtija lil korpi li jinsabu fit-territorju tagħhom jew it-territorju ta' xi pajjiż ieħor.

Artikolu 7

Proċeduri għal Stima ta' Konformità minn Korpi ta' Gvern Lokali

Fir-rigward tal-korpi tal-gvern lokali tagħhom fit-territorji tagħhom:

7.1 Il-Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri raġonevoli li jistgħu jkunu disponibbli għalihom biex jassiguraw konformità minn korpi simili mad-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 6, bl-eċċezzjoni ta' l-obbligu li jinnotifikaw kif imsemmi fil-paragrafi 6.2 u 7.1 ta' l-Artikolu 5.

7.2 Il-Membri għandhom jassiguraw li l-proċeduri ta' stima ta' konformità tal-gvernijiet lokali fuq il-livell direttament taħt dak tal-gvern ċentrali fil-Membri jkunu notifikati b'mod konformi mad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 6.2 u 7.1 ta' l-Artikolu 5, waqt li jinnotaw li n-notifiki m'għandhomx ikunu meħtieġa għal proċeduri ta' stima ta' konformità li l-kontenut tekniku tagħhom huwa sustanzjalment l-istess bħal dak mogħti qabel ta' proċeduri ta' stima ta' konformità ta' korpi ta' gvern ċentrali tal-Membri kkonċernati.

7.3 Il-Membri jistgħu jitolbu kuntatt ma' Membri oħra, inklużi n-notifiki, għoti ta' informazzjoni, kummenti u diskussjonijiet imsemmija fil-paragrafi 6 u 7 ta' l-Artikolu 5, biex iseħħu permezz tal-gvern ċentrali.

7.4 Il-Membri m'għandhomx jieħdu miżuri li jitolbu jew jinkoraġġixxu korpi ta' gvernijiet lokali fit-territorji tagħhom li jaġixxu b'mod inkonsistenti mad-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 6.

7.5 Il-Membri huma għal kollox risponsabbli taħt dan il-Ftehim għall-osservanza tad-disposizzjonijiet kollha ta' l-Artikoli 5 u 6. Il-Membri għandhom jifformulaw u jimplimentaw miżuri u mekkaniżmi pożittivi li jappoġġaw l-osservanza tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 6 minn oħrajn barra mill-korpi tal-gvern ċentrali.

Artikolu 8

Proċeduri għal Stima ta' Konformità minn Korpi Non-Governattivi

8.1 Il-Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri raġonevoli li jistgħu jkunu disponibbli għalihom biex jassiguraw li korpi non-governattivi fit-territorji tagħhom li jħaddmu proċeduri ta' stima ta' konformità jħarsu d-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 6, bl-eċċezzjoni ta' l-obbligu li jinnotifikaw il-proċeduri proposti għal stima ta' konformità. Barra minn dan, il-Membri m'għandhomx jieħdu miżuri li għandhom l-effett li, direttament jew indirettament, jinħtieġu jew jinkoraġġixxu korpi simili li jaġixxu b'mod inkonsistenti mad-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 6.

8.2 Il-Membri għandhom jassiguraw li l-korpi tal-gvern ċentrali tagħhom joqogħdu fuq proċeduri ta' stima ta' konformità mħaddma minn korpi non-governattivi biss jekk dawn il-korpi jħarsu d-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 6, bl-eċċezzjoni ta' l-obbligu li jinnotifikaw il-proċeduri proposti ta' stima ta' konformità.

Artikolu 9

Sistemi Internazzjonali u Reġjonali

9.1 Fejn assigurazzjoni pożittiva ta' konformità ma' regolament tekniku jew standard tkun meħtieġa, il-Membri għandhom, kull fejn possibbli, jifformulaw u jadottaw sistemi internazzjonali għal stima ta' konformità u jsiru membri tagħhom u jipparteċipaw fihom.

9.2 Il-Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li jistgħu jkunu disponibbli għalihom biex jassiguraw li sistemi ta' stima ta' konformità internazzjonali jew reġjonali li fihom korpi rilevanti fit-territorji tagħhom huma membri jew parteċipanti jħarsu d-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 6. Barra minn dan, il-Membri m'għandhom jieħdu ebda miżura li jkollha l-effett li, direttament jew indirettament, tinħtieġ jew tinkoraġġixxi sistemi simili li jaġixxu f'mod inkonsistenti mad-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 6.

9.3 Il-Membri għandhom jassiguraw li l-korpi tal-gvern ċentrali tagħhom joqogħdu fuq sistemi ta' stima ta' konformità internazzjonali jew reġjonali biss daqs kemm dawn is-sistemi jħarsu d-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 6, kif applikabbli.

INFORMAZZJONI U ASSISTENZA

Artikolu 10

Informazzjoni Dwar Regolamenti Tekniċi, Proċeduri ta' Stima ta' Standards u Konformità

10.1 Kull Membru għandu jassigura li jkun jeżisti uffiċċju ta' informazzjoni li jkun f'qagħda li jwieġeb id-domandi kollha raġonevoli minn Membri oħra u partijiet interessati f'Membri oħra kif ukoll jagħtu d-dokumeni rilevanti dwar:

10.1.1 xi regolamenti tekniċi adottati jew proposti fit-territorji tiegħu minn korpi tal-gvern ċentrali jew lokali tiegħu, minn korpi non-governattivi li għandhom saħħa legali biex jinforzaw regolament tekniku, jew minn korpi reġjonali li jistabbilixxu l-istandards li tagħhom dawn il-korpi huma membri jew parteċipanti;

10.1.2 xi standards adottati jew proposti fit-territorji tiegħu minn korpi tal-gvern ċentrali jew lokali, jew minn korpi reġjonali li jistabbilixxu l-istandards li tagħhom dawn il-korpi huma membri jew parteċipanti;

10.1.3 kwalunkwe proċeduri ta' stima ta' konformità, jew proċeduri ta' stima ta' konformità proposti, li jkunu mħaddma fit-territorju tiegħu minn korpi governattivi ċentrali jew lokali, jew minn korpi non-governattivi li għandhom setgħa legali li jinforzaw regolament tekniku, jew minn korpi reġjonali li tagħhom dawn il-korpi huma membri jew parteċipanti;

10.1.4 is-sħubija u l-parteċipazzjoni tal-Membru, jew ta' korpi rilevanti tal-gvern ċentrali jew lokali fit-territorju tiegħu, f'korpi li jistabbilixxu l-istandards internazzjonali jew reġjonali u sistemi ta' stima ta' konformità, kif ukoll f'arranġamenti bilaterali u multilaterali fl-ambitu ta' l-iskop ta' dan il-Ftehim; għandu jkun ukoll f'posizzjoni li jagħti tagħrif raġonevoli fuq id-disposizzjonijiet ta' sistemi simili u arranġamenti;

10.1.5 il-lokazzjoni ta' avviżi ppubblikati skond dan il-Ftehim, jew il-provvediment ta' informazzjoni dwar minn fejn din l-informazzjoni tista' tinkiseb; u

10.1.6 il-lokazzjoni ta' l-uffiċċji ta' informazzjoni msemmija fil paragrafu 3.

10.2 Jekk, madankollu, għal raġunijiet legali jew amministrattivi aktar minn uffiċċju ta' informazzjoni wieħed ikun stabbilit minn Membru, dak il-Membru għandu jagħti lill-Membri l-oħra tagħrif sħiħ u ċar fuq l-iskop tar-responsabbilità ta' kull wieħed minn dawn l-uffiċċji ta' informazzjoni. Barra minn dan, dak il-Membru għandu jassigura li kull domanda għal informazzjoni ndirizzata lill-uffiċċju ta' informazzjoni żbaljat għandha tkun minnufih mgħoddija lill-uffiċċju ta' informazzjoni korrett.

10.3 Kull Membru għandu jieħu dawk il-miżuri raġonevoli li jistgħu jkunu disponibbli għalih biex jassigura li jkun hemm ufiċċju ta' informazzjoni wieħed jew aktar li jkunu kapaċi jiwieġbu għat-talbiet għal informazzjoni raġonevoli kollha minn Membri oħra u partijiet interessati f'Membri oħra kif ukoll li jagħtu d-dokumenti rilevanti jew l-informazzjoni minn fejn jistgħu jinkisbu dwar:

10.3.1 kwalunkwe standards adottati jew proposti fit-territorju tiegħu minn korpi non-governattivi li jistabbilixxu l-istandards, jew minn korpi reġjonali li jistabbilixxu l-istandards li tagħhom dawn il-korpi jkunu membri jew parteċipanti; u

10.3.2 kwalunkwe proċeduri ta' stima ta' konformità, jew proċeduri ta' stima ta' konformità proposti, li jitħaddmu fit-territorju tiegħu minn korpi non-governattivi, jew minn korpi reġjonali li tagħhom dawn il-korpi huma membri jew parteċipanti;

10.3.3 is-sħubija u l-partiċipazzjoni ta' korpi rilevanti non-governattivi fit-territorju tiegħu f'korpi li jistabbilixxu l-istandards internazzjonali jew reġjonali u sistemi ta' stima ta' konformità, kif ukoll f'arranġamenti bilaterali u multilaterali fl-ambitu ta' l-iskop ta' dan il-Ftehim; għandhom ikunu f'posizzjoni wkoll li jagħtu tagħrif raġonevoli dwar id-disposizzjonijiet ta' sistemi u arranġamenti simili.

10.4 Il-Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri raġonevoli li jistgħu jkunu disponibbli għalihom biex jassiguraw li fejn jintalbu kopji ta' dokumenti minn Membri oħra jew minn partijiet interessati f'Membri oħra, skond id-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, ikunu mogħtija bi prezz raġonevoli (jekk ikun il-każ) li għandu, minbarra l-ispejjeż reali tal-posta, ikun l-istess għan-nies ta' nazzjonalità [1] tal-Membru kkonċernat jew ta' kull Membru ieħor.

10.5 Pajjiżi Membri żviluppati għandhom, jekk jintalbu minn Membri oħra, jagħtu, bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bl-Ispanjol traduzzjonijiet tad-dokumenti koperti minn notifika speċifika jew, fil-każ ta' dokumenti voluminużi, ta' sommarji ta' dokumenti simili.

10.6 Is-Segretarjat għandu, meta jirċievi notifiki skond id-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, jiċċirkola kopji tan-notifiki lill-Membri kollha u lill-korpi internazzjonali nteressati li jistabbilixxu l-istandards u jagħmlu stimi ta' konformità, u jiġbdu l-attenzjoni tal-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw għal xi notifiki dwar prodotti ta' interess partikolari għalihom.

10.7 Kull meta Membru jkun laħaq ftehim ma' xi pajjiż jew pajjiżi oħra dwar materji relatati ma' regolamenti tekniċi, standards jew proċeduri ta' stima ta' konformità li jista' jkollhom effett sinifikanti fuq il-kummerċ, ta' l-anqas Membru wieħed li jagħmel parti mill-ftehim għandu jgħarraf lill-Membri l-oħra permezz tas-Segretarjat dwar il-prodotti li se jkunu koperti bil-ftehim u jinkludi deskrizzjoni qasira tal-ftehim. Il-Membri kkonċernati huma mħeġġa biex jidħlu, fuq talba, f'konsultazzjoni ma' Membri oħra għall-għanijiet li jilħqu arranġamenti simili jew li jirranġaw għall-parteċipazzjoni tagħhom fi ftehim simili.

10.8 Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jitqies li jinħtieġ:

10.8.1 il-pubblikazzjoni tat-testi għajr fil-lingwa tal-Membru,

10.8.2 il-provvediment ta' dettalji jew kopji ta' abbozzi minbarra fil-lingwa tal-Membru għajr għal dak li ntqal fil-paragrafu 5; jew

10.8.3 il-Membri għandhom jagħtu xi informazzjoni, li l-iżvelar tagħha huma jqiesuh kuntrarju għall-interessi essenzali ta' sigurtà tagħhom.

10.9 In-notifiki lis-Segretarjat għandhom ikunu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bl-Ispanjol.

10.10 Il-Membri għandhom jinnominaw awtorità waħda tal-gvern ċentrali li tkun responsabbli għall-implimentazzjoni fuq il-livell nazzjonali tad-disposizzjonijiet dwar il-proċeduri tan-notifika taħt dan il-Ftehim minbarra dawk inklużi fl-Anness 3.

10.11 Jekk, madankollu, għal raġunijiet legali jew amministrattivi r-responsabbilità għall-proċeduri ta' notifika tkun maqsuma bejn żewġ awtoritajiet jew aktar tal-gvern ċentrali, il-Membru kkonċernat għandu jagħti lill-Membri l-oħra tagħrif sħiħ u ċar dwar l-iskop tar-responsabbilità ta' kull waħda minn dawn l-awtoritajiet.

Artikolu 11

Assistenza Teknika lil Membri Oħra

11.1 Il-Membri għandhom, jekk mitluba, jagħtu pariri lil Membri oħra, speċjalment lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, fuq il-preparazzjoni ta' regolamenti tekniċi.

11.2 Il-Membri għandhom, jekk jintalbu, jagħtu pariri lil Membri oħra, speċjalment lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, u għandhom jagħtuhom assistenza teknika fuq termini u kondizzjonijiet miftiehma bejniethom dwar l-istabbilir ta' korpi nazzjonali li jistabbilixxu l-istandards, u parteċipazzjoni fil-korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards, u għandhom jinkoraġġixxu lill-korpi nazzjonali tagħhom li jistabbilixxu l-istandards li jagħmlu l-istess.

11.3 Il-Membri għandhom, jekk jintalbu, jieħdu dawk il-miżuri raġonevoli li jistgħu jkunu disponibbli għalihom biex jirranġaw għall-korpi regolatorji fit-territorji tagħhom biex jagħtu pariri lil Membri oħra, speċjalment lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, u għandhom jagħtuhom assistenza teknika fuq termini u kondizzjonijiet miftiehma bejniethom dwar:

11.3.1 l-istabbilir ta' korpi regolatorji, jew korpi għall-istima ta' konformità ma' regolamenti tekniċi; u

11.3.2 il-metodi li bihom ir-regolamenti tekniċi tagħhom jistgħu jintlaħqu l-aħjar.

11.4 Il-Membri għandhom, jekk jintalbu, jieħdu dawk il-miżuri raġonevoli li jistgħu jkunu disponibbli għalihom biex jirranġaw biex jingħataw pariri lil Membri oħra, speċjalment lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, u għandhom jagħtuhom assistenza teknika fuq termini u kondizzjonijiet miftiehma bejniethom dwar l-istabbilir ta' korpi għall-istima ta' konformità ma' standards adottati fit-territorju tal-Membru li jagħmel it-talba.

11.5 Il-Membri għandhom, jekk jintalbu, jagħtu pariri lil Membri oħra, speċjalment lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, u għandhom jagħtuhom assistenza teknika fuq termini u kondizzjonijiet miftiehma bejniethom dwar il-passi li għandhom jittieħdu mill-produtturi tagħhom jekk jixtiequ li jkollhom aċċess għal sistemi ta' stima ta' konformità mħaddma minn korpi governattivi jew non-governattivi fit-territorju tal-Membru li jirċievi t-talba.

11.6 Il-Membri li huma membri jew parteċipanti ta' sistemi internazzjonali jew reġjonali għal stima ta' konfomità għandhom, jekk jintalbu, jagħtu pariri lil Membri oħra, speċjalment lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw u għandhom jagħtuhom assistenza teknika fuq termini u kondizzjonijiet miftiehma bejniethom dwar l-istabbilir ta' l-istituzzjonijiet u l-qafas legali li jgħinuhom jaderixxu ma' l-obbligi ta' sħubija jew parteċipazzjoni f'sistemi simili.

11.7 Il-Membri għandhom, jekk jintalbu jagħmlu dan, jinkoraġġixxu korpi fit-territorji tagħhom li huma membri jew parteċipanti f'sistemi internazzjonali jew reġjonali għal stimi ta' konformità li jagħtu pariri lil Membri oħra, speċjalment lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, u għandhom jikkonsidraw talbiet għal assistenza teknika minn għandhom dwar l-istabbilir ta' istituzzjonijiet li jkunu jistgħu jgħinu l-korpi rilevanti fit-territorji tagħhom jaderixxu ma' l-obbligi tas-sħubija jew parteċipazzjoni.

11.8 Fl-għoti ta' pariri u assistenza teknika lil Membri oħra fit-termini tal-paragrafi 1 sa 7, il-Membri għandhom jagħtu priorità lill-ħtiġijiet tal-pajjiżi Membri l-anqas żviluppati.

Artikolu 12

Trattament Speċjali u Differenzali tal-Pajjiżi Membri li qed Jiżviluppaw

12.1 Il-Membri għandhom jagħtu trattament differenzali u aktar favorevoli lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw għal dan il-Ftehim, permezz tad-disposizzjonijiet li ġejjin kif ukoll permezz tad-disposizzjonijiet rilevanti ta' l-Artikoli oħra ta' dan il-Ftehim.

12.2 Il-Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għad-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim dwar id-drittijiet u l-obbligi ta' pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw u għandhom iqisu l-ħtiġijiet speċjali ta' żvilupp, finanzjarji u kummerċjali tal-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw fit-tħaddim ta' dan il-Ftehim, kemm fuq bażi nazzjonali u fit-tħaddim ta' l-arranġamenti istituzzjonali ta' dan il-Ftehim.

12.3 Il-Membri għandhom, fil-preparazzjoni u t-tħaddim ta' regolamenti tekniċi, proċeduri ta' stima ta' standards u ta' konformità, iqisu l-ħtiġiet speċjali ta' żvilupp, finanzjarji u kummerċjali tal-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, bil-għan li jassiguraw li regolamenti tekniċi simili, proċeduri ta' stima ta' standards u ta' konfomità ma joħolqux ostakli bla bżonn għall-esportazzjoni minn pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw.

12.4 Il-Membri jirrikonoxxu li, għalkemm standards internazzjonali, gwidi u rakkomandazzjonijiet jistgħu jkunu hemm, fil-kondizzjonijiet partikolari tagħhom teknoloġiċi u soċjo-ekonomiċi, il-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw jadottaw ċerti regolamenti tekniċi, proċeduri ta' stima ta' standards jew ta' konformità mmirati biex jippreservaw teknoloġija indiġena u metodi u proċessi ta' produzzjoni kompatibbli mal-ħtiġijiet ta' l-iżvilupp tagħhom. Il-Membri għalhekk jirrikonoxxu li pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw m'għandhomx ikunu mistennija li jużaw standards internazzjonali bħala bażi għar-regolamenti u l-istandards tekniċi tagħhom, inklużi metodi ta' testijiet, li mhumiex addattati għall-ħtiġijiet ta' żvilupp, finanzjarji u kummerċjali tagħhom.

12.5 Il-Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri raġonevoli li jistgħu jkunu disponibbli għalihom biex jassiguraw li korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards u sistemi internazzjoali għal stimi ta' konformità jkunu organizzati u mħaddma b'dak il-mod li jħaffu l-parteċipazzjoni attiva u rappreżentattiva ta' korpi rilevanti fil-Membri kollha, waqt li jitqiesu l-problemi speċjali ta' pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw.

12.6 Il-Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri raġonevoli li jistgħu jkunu disponibbli għalihom biex jassiguraw li korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards, fuq talba tal-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, jeżaminaw il-possibbilità biex, u jekk prattikabbli, jippreparaw standards internazzjoali dwar prodotti ta' interess speċjali għall-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw.

12.7 Il-Membri għandhom, skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 11, jipprovdu assistenza teknika lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw biex jassiguraw li l-preparazzjoni u t-tħaddim ta' regolamenti tekniċi, proċeduri ta' stima ta' standards u konformità ma joħolqux ostakli bla bżonn għat-tkabbir u d-diversifikazzjoni ta' esportazzjonijiet minn pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw. Meta jistabbilixxu t-termini u l-kondizzjonijiet ta' l-assistenza teknika, għandu jittieħed f'konsiderazzjoni l-istadju ta' żvilupp tal-Membri li jagħmlu t-talba u b'mod partikolari tal-pajjiżi Membri l-anqas żviluppati.

12.8 Huwa magħruf li pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw jistgħu jiffaċċjaw problemi speċjali, inklużi problemi istituzzjonali u infrastrutturali, fil-kamp tal-preparazzjoni u t-tħaddim ta' regolamenti tekniċi, proċeduri ta' stimi ta' standards u konformità. Huwa wkoll magħruf li l-iżvilupp speċjali u l-ħtiġijiet tal-kummerċ tal-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, kif ukoll l-istadju ta' l-iżvilupp teknoloġiku tagħhom, jistgħu jxekklu l-kapaċità tagħhom biex jaderixxu għal kollox ma' l-obbligi tagħhom taħt dan il-Ftehim. Il-Membri, għalhekk, għandhom jieħdu dan il-fatt b'mod sħiħ f'konsiderazzjoni. Għaldaqstant, bil-għan li jkun assigurat li pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw ikunu f'qagħda li jħarsu dan il-Ftehim, il-Kumitat dwar Barrieri Tekniċi għall-Kummerċ imsemmi fl-Artikolu 13 (magħruf f'dan il-Ftehim bħala l-"Kumitat") huwa awtorizzat li jagħti, fuq talba, eċċezzjonijiet speċifikati, limitati biż-żmien, fit-totalità jew in parti mill-obbligi taħt dan il-Ftehim. Meta jqis talbiet simili, il-Kumitat għandu jieħu f'konsiderazzjoni l-problemi speċjali, fil-kamp tal-preparazzjoni u tħaddim ta' regolamenti tekniċi, proċeduri ta' stimi ta' standards u konformità, u l-ħtiġijiet speċjali ta' l-iżvilupp u l-kummerċ tal-pajjiż Membru li qed jiżviluppa, kif ukoll l-istadju ta' l-iżvilupp teknoloġiku tiegħu, li jista' jxekkel il-kapaċità tiegħu li jaderixxi għal kollox ma' l-obbligi tiegħu taħt dan il-Ftehim. Il-Kumitat għandu, b'mod partikolari, jieħu f'konsiderazzjoni l-problemi speċjali tal-pajjiżi Membri l-anqas żviluppati.

12.9 Matul il-konsultazzjonijiet, il-pajjiżi Membri żviluppati għandhom iżommu f'moħħhom id-diffikultajiet speċjali mġarrba minn pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw fil-formulazzjoni u t-tħaddim ta' regolamenti ta' standards u tekniċi u proċeduri ta' stima ta' konformità, u fix-xewqa tagħhom li jgħinu lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom f'din id-direzzjoni, il-pajjiżi Membri żviluppati għandhom jagħtu każ tal-ħtiġijiet speċjali ta' dawk ta' l-ewwel fir-rigward ta' finanzjar, kummerċ u żvilupp.

12.10 Il-Kumitat għandu jeżamina minn żmien għal żmien it-trattament speċjali u differenzali, kif stabbilit f'dan il-Ftehim, mogħti lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw fuq livelli nazzjonali u internazzjonali.

ISTITUZZJONIJIET, KONSULTAZZJONI U RISOLUZZJONI TA' TILWIM

Artikolu 13

Il-Kumitat dwar Barrieri Tekniċi għall-Kummerċ

13.1 Kumitat dwar il-Barrieri Tekniċi għall-Kummerċ huwa hawnhekk stabbilit, u għandu jkun magħmul minn rappreżentanti minn kull wieħed mill-Membri. Il-Kumitat għandu jaħtar il-President tiegħu stess u għandu jiltaqa' kif meħtieġ, iżda mhux anqas minn darba fis-sena, bl-għan li jagħti lill-Membri l-opportunità li jikkonsultaw dwar kull materja marbuta mat-tħaddim ta' dan il-Ftehim jew l-avvanz ta' l-għanijiet tiegħu u għandu jwettaq dawk ir-responsabbilitajiet li jingħatawlu taħt dan il-Ftehim jew mill-Membri.

13.2 Il-Kumitat għandu jistabbilixxi partijiet ta' ħaddiema jew korpi oħra kif jista' jkun xieraq, li għandhom iwettqu dawk ir-responsabbilitajiet li jistgħu jingħatawlhom mill-Kumitat skond id-disposizzjonijiet rilevanti ta' dan il-Ftehim.

13.3 Huwa mifhum li duplikazzjoni bla bżonn għandha tkun evitata bejn ix-xogħol taħt dan il-Ftehim u dak ta' gvernijiet f'korpi tekniċi oħra. Il-Kumitat għandu jifli din il-problema bil-għan li jnaqqas kemm jista' jkun duplikazzjoni simili.

Artikolu 14

Konsultazzjoni u Risoluzzjoni ta' Tilwim

14.1 Konsultazzjonijiet u risoluzzjoni ta' tilwim dwar kull materja li taffettwa t-tħaddim ta' dan il-Ftehim għandhom isiru taħt l-awspiċji tal-Korp ta' Risoluzzjoni ta' Tilwim u għandhom isegwu, mutatis mutandi, id-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli XXII u XXIII tal-GATT 1994, kif elaborati u applikati bil-Ftehim tar-Riżoluzzjoni ta' Tilwim.

14.2 Fuq talba ta' parti f'tilwima, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, il-panel jista' jistabbilixxi grupp ta' esperti tekniċi biex jgħinu fi kwistjonijiet ta' natura teknika, li jkun jinħtieġilhom konsiderazzjoni dettaljata minn esperti.

14.3 Il-Gruppi ta' esperti tekniċi għandhom ikunu rregolati bil-proċeduri ta' l-Anness 2.

14.4 Id-disposizzjonijiet tar-risoluzzjonijiet ta' tilwim stabbilit hawn fuq jistgħu jkunu nvokati f'każi fejn Membru jqis li xi Membru ieħor ma jkunx kiseb riżultati sodisfaċenti taħt l-Artikli 3, 4, 7, 8 u 9 u l-interessi tiegħu kummerċjali jkunu affettwati b'mod sinifikanti. F'dan ir-rigward, riżultati simili għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk daqslikieku l-korp fil kwestjoni kien Membru.

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Disposizzjonijiet Finali

Riservi

15.1 Riservi ma jistgħux jiddaħħlu fir-rigward ta' xi waħda mid-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim mingħajr il-kunsens tal-Membri l-oħra.

Reviżjoni

15.2 Kull Membru għandu, minnufih wara d-data li fiha l-Ftehim tal-WTO jidħol fis-seħħ għalih, jinforma lill-Kumitat dwar miżuri eżistenti jew meħuda biex ikunu assigurati t-tħaddim u l-amministrazzjoni ta' dan il-Ftehim. Kull tibdil ta' miżuri simili wara dan għandhom ukoll ikunu notifikati lill-Kumitat.

15.3 Il-Kumitat għandu jirrivedi ta' kull sena l-implimentazzjoni u t-tħaddim ta' dan il-Ftehim waqt li jittieħdu f'konsiderazzjoni l-għanijiet tiegħu.

15.4 Mhux aktar tard mill-aħħar tat-tielet sena mid-data tal-bidu fis-seħħ tal-Ftehim tal-WTO u wara kull perjodu ta' tliet snin wara dan, il-Kumitat għandu jirrevedi t-tħaddim u l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, inklużi d-disposizzjonijiet relatati ma' trasparenza, bil-għan li jirrakkomanda aġġustament tad-drittijiet u l-obbligi ta' dan il-Ftehim fejn meħtieġ biex jassigura l-vantaġġ ekonomiku ta' xulxin u bilanċ ta' drittijiet u obbligi, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 12. Waqt li jikkonsidra, inter alia, l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Kumitat għandu, fejn xieraq, jagħti proposti għal emendi għat-test ta' dan il-Ftehim lill-Kunsill għall-Kummerċ f'Oġġetti.

L-Annessi

15.5 L-Annessi ta' dan il-Ftehim jagħmlu parti integrali minnu.

[1] "Persuni ta' nazzjonalità" hawn għandha titqies, fil-każ ta' Membru ta' territorju doganali separat tal-WTO, li tfisser persuni, naturali jew legali, li joqogħdu jew li għandhom stabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv f'dak it-territorju doganali.

--------------------------------------------------

ANNESS 1

TERMINI U D-DEFINZZJONIJIET TAGĦHOM GĦALL-GĦANIJIET TA' DAN IL-FTEHIM

It-termini mressqa fis-sitt edizzjoni tal-Gwida 2 ta' l-ISO/IEC: 1991, Termini Ġenerali u d-Definizzjonijiet Tagħhom Dwar Stabbilir ta' Standards u Attivitajiet Relatati, għandhom, meta wżati f'dan il-Ftehim, ikollhom l-istess sinifikat kif mogħti fid-definizzjonijiet fl-imsemmija Gwida waqt li wieħed jieħu f'konsiderazzjoni li s-servizzi huma esklużi milli jkunu koperti minn dan il-Ftehim. Għall-għan ta' dan il-Ftehim, madankollu, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

1. Regolament tekniku

Dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi ta' prodotti jew il-proċessi relatati tagħhom u metodi ta' produzzjoni, inklużi d-disposizzjonijiet amministrattivi applikabbli, li l-ħarsien tagħhom huwa obbligatorju Jista' jinkludi wkoll jew jittratta esklussivament dwar terminoloġija, simboli, pakkjar, ħtiġijiet ta' markar jew tikkettjar kif japplikaw għal prodott, metodu ta' proċess jew produzzjoni.

Nota ta' spjegazzjoni

Id-definizzjoni fil-Gwida 2 ISO/IEC mhix self-contained, iżda bbażata fuq is-sistema hekk imsejjħa "building block."

2. Standard

Dokument approvat minn korp rikonoxxut, li jipprovdi, għal użu komuni u ripetut, regoli, linji ta' gwida jew karatteristiċi għal prodotti jew proċessi relatati u metodi ta' produzzjoni, li l-ħarsien tagħhom mhux obbligatorju. Jista' jinkludi wkoll jew jittratta esklussivament dwar terminoloġija, simboli, pakkjar, ħtiġijiet ta' markar jew tikkettjar kif japplikaw għal prodott, metodu ta' proċess jew produzzjoni.

Nota ta' spjegazzjoni

It-termini kif definiti fil-Gwida 2 ISO/IEC ikopru prodotti, proċessi u servizzi. Dan il-Ftehim jittratta biss dwar regolamenti tekniċi, proċeduri ta' stimi ta' standards u konformità marbuta ma' prodotti jew metodi ta' proċessi u produzzjoni. L-i standards kif definiti bil-Gwida 2 ta' l-ISO/IEC jistgħu jkunu obbligatorji jew volontarji. Għall-għan ta' dan il-Ftehim l -i standards huma definiti bħala volontarji u r-regolamenti tekniċi bħala dokumenti obbligatorji. L-i standards ippreparati minn komunità internazzjonali li tistabbilixxi l-i standards huma bbażati fuq kunsens. Dan il-Ftehim ikopri wkoll dokumenti li mhumiex ibbażati fuq kunsens.

3. Proċeduri ta' stima ta' konformità

Kull proċedura wżata, direttament jew indirettament, biex tistabbilixxi li jitwettqu l-ħtiġijiet rilevanti f'regolamenti jew standards tekniċi.

Nota ta' spjegazzjoni

Il-proċeduri ta' stima ta' konformità jinkludu inter alia l-proċeduri għat-teħid ta' kampjuni, testjar u spezzjoni; evalwazzjoni, verifika u assigurazzjoni ta' konformità; reġistrazzjoni, akkreditazzjoni u approvazzjoni kif ukoll it-tagħqid tagħhom.

4. Korp jew sistema internazzjonali

Korp jew sistema li s-sħubija tagħha hija miftuħa għall-korpi rilevanti ta' mill-anqas il-Membri kollha.

5. Korp jew sistema reġjonali

Korp jew sistema li s-sħubija tagħha tkun miftuħa għall-korpi rilevanti ta' xi wħud tal-Membri biss.

6. Korp tal-gvern ċentrali

Il-gvern ċentrali, il-Ministri u d-dipartimenti tiegħu jew kull korp suġġett għall-kontroll tal-gvern ċentrali fir-rigward ta' l-attività fil-kwistjoni.

Nota ta' spjegazzjoni:

Fil-każ tal-Komunitajiet Ewropej japplkaw id-disposizzjonijiet li jirregolaw il-korpi tal-gvern ċentrali. Madankollu, korpi reġjonali jew sistemi ta' stima ta' konformità jistgħu ikunu stabbiliti fil-Komunitajiet Ewropej, u f'każi bħal dawn ikunu soġġetti għad-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim fuq korpi reġjonali jew sistemi ta' stima ta' konformità.

7. Korp ta' gvern lokali

Gvern barra mill-gvern ċentrali (e.g.Stati, provinċji, Länder, cantons, muniċipalitajiet, eċċ.), il-ministeri tiegħu jew dipartimenti jew kull korp suġġett għall-kontroll ta' gvern simili fir-rigward ta' l-attività fil-kwistjoni.

8. Korp non-governattiv

Korp minbarra korp tal-gvern ċentrali jew korp ta' gvern lokali, li jinkludi korp non-governattiv li għandu s-setgħa legali li jinforza regolament tekniku.

--------------------------------------------------

ANNESS 2

GRUPPI TA' ESPERTI TEKNIĊI

Il-proċeduri li ġejjin għandhom japplikaw għal gruppi ta' esperti tekniċi stabbiliti skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 14.

1. Il-gruppi ta' esperti tekniċi huma taħt l-awtorità tal-panel. It-termini ta' referenza tagħhom u l-proċeduri dettaljati tax-xogħol għandhom ikunu stabbiliti mill-panel, u huma għandhom jirrapportaw lill-panel.

2. Il-parteċipazzjoni fil-gruppi ta' esperti tekniċi għandha tkun ristretta għal persuni ta' qagħda professjonali u esperjenza fil-kamp fil-kwistjoni.

3. Iċ-ċittadini ta' partijiet f'tilwima m'għandhomx iservu fi grupp ta' esperti tekniċi mingħajr il-ftehim konġunt tal-partijiet fit-tilwima, minbarra f'ċirkostanzi eċċezzjonali meta l-panel iqis li l-ħtieġa għal expertise xjentifiku speċjalizzat ma tistax tkun milħuqa mod ieħor. Uffiċjali tal-gvern ta' partijiet f'tilwima m'għandhomx iservu ma' grupp ta' esperti tekniċi. Il-membri ta' gruppi ta' esperti tekniċi għandhom iservu fil-kapaċitajiet tagħhom individwali u mhux bħala rappreżentanti tal-gvern, anqas bħala rappreżentanti ta' xi organizzazzjoni. Il-gvernijiet jew l-organizzazzjonijiet m'għandhomx għalhekk jagħtuhom struzzjonijiet fir-rigward ta' materji quddiem grupp ta' esperti tekniċi.

4. Il-gruppi ta' esperti tekniċi jistgħu jikkonsultaw u jfittxu tagħrif u parir tekniku minn kull sors li huma jqisu xieraq. Qabel ma grupp ta' esperti tekniċi jfittex tagħtif simili jew parir minn sors fil-ġurisdizzjoni ta' Membru, huwa għandu jinforma lill-gvern ta' dak il-Membru. Kwalunkwe Membru għandu jwieġeb fil-pront u b'mod sħiħ għal kull talba minn grupp ta' esperti tekniċi għal dak it-tagħrif li l-grupp ta' esperti tekniċi jqis meħtieġ u xieraq.

5. Il-partijiet f'tilwima għandu jkollhom aċċess għat-tagħrif rilevanti kollu mogħti lill-grupp ta' esperti tekniċi, kemm-il darba ma jkunx ta' natura konfidenzali. Tagħrif konfidenzali mogħti lill-grupp ta' esperti tekniċi m'għandux jingħata mingħajr l-awtorizzazzjoni formali mill-gvern, organizzazzjoni jew persuna li tipprovdi l-informazzjoni. Fejn tagħrif bħal dan ikun mitlub minn grupp ta' esperti tekniċi iżda r-rilaxx ta' dan it-tagħrif mill-grupp ta' esperti tekniċi ma jkunx awtorizzat, sommarju mhux konfidenzali tat-tagħrif għandu jiġi pprovdut mill-gvern, organizzazzjoni jew persuna li tissupplixxi t-tagħrif.

6. Il-grupp ta' esperti tekniċi għandu jagħti abbozz ta' rapport lill-Membri kkonċernati bil-għan li jikseb il-kummenti tagħhom, u jeħodhom f'konsiderazzjoni, kif xieraq, fir-rapport finali, li għandu wkoll ikun iċċirkulat lill-Membri kkonċernati meta jkun mogħti lill-panel.

--------------------------------------------------

ANNESS 3

KODIĊI TA' PRATTIKA TAJBA GĦALL-PREPARAZZJONI, ADOZZJONI U APPLIKAZZJONI TA' STANDARDS

Disposizzjonijiet ġenerali

A. Għall-għanijiet ta' dan il-Kodiċi għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Anness 1 ta' dan il-Ftehim.

B. Dan il-Kodiċi huwa miftuħ biex ikun aċċettat minn kull korp li jistabbilixxi l-i standards fit-territorju ta' Membru tal-WTO, sewwa jekk korp ta' gvern ċentrali, korp ta' gvern lokali, jew korp non-governattiv; għal kull korp ta' gvern reġjonali li jistabbilixxi l-i standards li membru wieħed tiegħu jew iżjed huma Membri tal-WTO; u għal kull korp li jistabbilixxi l-i standards non-governattiv jew reġjonali li membru wieħed tiegħu jew iżjed jinsabu fit-territorju ta' Membru tal-WTO (magħrufa f'dan il-Kodiċi kollettivament bħala "korpi li jistabbilixxu l-i standards" u individwalment bħala "l-korp li jistabbilixxi l-i standards").

Ċ. Korpi li jistabbilixxu l-i standards li jkunu aċċettaw jew irtiraw minn dan il-Kodiċi għandhon jinnotifikaw dan il-fatt liċ-Ċentru ta' Informazzjoni ta' l-ISO/IEC f'Ġinevra. In-notifika għandha tinkludi l-isem u l-indirizz tal-korp ikkonċernat u l-iskop ta' l-attivitajiet tiegħu ta' stabbilir ta' standards kurrenti u mistennija. In-notifika għandha tintbagħat jew direttament liċ-Ċentru ta' Informazzjoni ta' l-ISO/IEC, jew permezz tal-korp membru nazzjonali ta' l-ISO/IEC jew, preferibbilment, permezz tal-membru rilevanti nazzjonali jew affiljat internazzjonali ta' l-Isonet, kif adattat.

Disposizzjonijiet sustantivi

D. Fir-rigward ta' l-i standards, il-korp li jistabbilixxi l-i standards għandu jagħti trattament lill-prodotti ġejjin mit-territorju ta' kull Membru ieħor tal-WTO mhux anqas favorevoli minn dak mogħti lil prodotti simili ta' oriġini nazzjonali u lil prodotti simili ġejjin minn kull pajjiż ieħor.

E. Il-korp li jistabbilixxi l-i standards għandu jassigura li l-i standards ma jkunux ippreparati, adottati jew applikati bl-għan li, jew bl-effett li, joħolqu ostakli bla bżonn lill-kummerċ internazzjonali.

F. Fejn standards internazzjonali jeżistu jew se jkunu lesti dalwaqt, il-korp li jistabbilixxi l-i standards għandu jużahom, jew il-partijiet rilevanti tagħhom, bħala bażi ta' l-i standards li huwa jiżviluppa, minbarra fejn standards internazzjonali simili jew partijiet rilevanti jistgħu jkunu ineffettivi jew mhux f'posthom, per eżempju, minħabba livell ta' protezzjoni mhux biżżejjed jew fatturi fundamentali klimatiċi jew ġeografiċi jew problemi teknoloġiċi fundamentali.

G. Bl-għan li jarmonizza l-i standards fuq bażi kemm jista' jkun wiesgħa, il-korp li jistabbilixxi l-i standards għandu, b'mod xieraq, jieħu parti sħiħa, fil-limiti tar-riżorsi tiegħu, fil-preparazzjoni minn korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-i standards ta' standards internazzjonali dwar materja li għaliha jkun jew adotta, jew mstenni jadotta, standards. Għal korpi li jistabbilixxu l-i standards fit-territorju ta' Membru, il-parteċipazzjoni f'attività partikolari internazzjonali li tistabbilixxi l-i standards, għandha kull meta possibbli, issir permezz ta' delegazzjoni waħda li tirrappreżenta lill-korpi kollha li jistabbilixxu l-i standards fit-territorju li adottaw jew mistennija jadottaw, standards għall-materja li magħha hija relatata l-attività internazzjonali li tistabbilixxi l-i standards.

H. Il-korp li jistabbilixxi l-i standards fit-territorju ta' Membru għandu jagħmel kull sforz biex jevita d-duplikazzjoni ta', jew xogħol fuq ieħor max-xogħol ta' korpi oħra li jistabbilixxu l -i standards fit-territorju nazzjonali jew max-xogħol ta' korpi rilevanti internazzjonali jew reġjonali li jistabbilixxu l-i standards. Għandhom ukoll jagħmlu kull sforz biex jiksbu konsensus nazzjonali dwar l-i standards li huma jiżviluppaw. Hekk ukoll il-korp reġjonali li jistabbilixxi l-i standards għandu jagħmel l-aħjar tiegħu kollu biex jevita d-duplikazzjoni, jew xogħol fuq ieħor, max-xogħol ta' korpi rilevanti internazzjonali li jistabbilixxu l-i standards.

I. Kull fejn xieraq, il-korp li jistabbilixxi l-i standards għandu jispeċifika standards ibbażati fuq il-ħtiġijiet tal-prodott fit-termini tar-rendiment aktar milli d-disinn jew karatteristiċi deskrittivi.

J. Ta' l-anqas darba kull sitt xhur, il-korp li jistabbilixxi l-i standards għandu jippubblika programm ta' xogħol li jkun fih l-isem u l-indirizz tiegħu, l-i standards li jkun qed jipprepara f'dak iż-żmien u l-i standards li jkun adotta fil-perjodu preċedenti. Standard ikun qed jiġi ppreparat mill-mument li deċiżjoni tkun ittieħdet li jiżviluppaw standard sakemm dak l-istandard ikun adottat. It-titoli ta' abbozzi ta' standards speċifiċi għandhom, fuq talba, jiġu pprovduti bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bl-Ispanjol. Avviz fuq l-eżistenza ta' programm ta' xogħol għandu jkun pubblikat fuq gazzetta nazzjonali jew, skond kif ikun il-każ, gazzetta reġjonali dwar l-attivitajiet ta' stabbilir ta' l-i standards.

Il-programm ta' xogħol għandu għal kull standard juri, b'mod konformi ma' xi regoli ta' l-Isonet, il-klassifikazzjoni rilevanti mal-materja, l-istadju miksub fl-iżvilupp ta' l-istandard, u r-referenzi ta' xi standards internazzjonali meħuda bħala bażi. Mhux aktar tard miż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-programm ta' xogħol tiegħu, il-korp li jistabbilixxi l-i standards għandu jinnotifika l-eżistenza tiegħu liċ-Ċentru ta' Informazzjoni ta' l-ISO/IEC f'Ġinevra.

In-notifika għandu jkollha l-isem u l-indirizz tal-korp li jistabbilixxi l-i standards, l-isem u l-ħarġa tal-gazzetta li fiha l-programm ta' xogħol ikun ippubblikat, il-perjodu li għalih japplika l-programm ta' xogħol, il-prezz tagħha (jekk ikun hemm) u kif u mnejn tista' tinkiseb. In-notifika tista' tintbagħat direttament liċ-Ċentru ta' Informazzjoni ta' l-ISO/IEC, jew, preferibbilment, permezz tal-membru rilevanti nazzjonali jew fergħa internazzjonali ta' l-ISO/IEC, kif xieraq.

K. Il-membru nazzjonali ta' l-ISO/IEC għandu jagħmel l-aħjar tiegħu kollu biex isir membru ta' l-Isonet jew biex jinnomina korp ieħor biex isir membru kif ukoll biex jakkwista t-tip ta' sħubija l-aktar avvanzata possibbli għall-membru ta' l-Isonet. Korpi oħra li jistabbilixxu l-i standards għandhom jagħmlu kull ma jistgħu biex jassoċjaw ruħhom mal-membru ta' l-Isonet.

L. Qabel ma jadotta standard , il-korp li jistabbilixxi l -i standards għandu jħalli perjodu ta' mill-inqas 60 jum biex jintbagħtu kummenti dwar l-abbozz ta' standard minn partijiet interessati fit-territorju ta' Membru tal-WTO. Dan il-perjodu jista', madankollu, jitqassar f'każi fejn problemi urġenti ta' sigurtà, saħħa jew ambjent iqumu jew jheddu li jqumu. Mhux aktar tard mill-bidu tal-perjodu tal-kumment, il-korp li jistabbilixxi l-i standards għandu jippubblika avviż fejn iħabbar il-perjodu għall-kummentar fil-ġurnal imsemmi fil-paragrafu J. Notifika bħal din għandha tinkludi, fil-qies li huwa prattikabbli, jekk l-abbozz ta' l-istandard jitbiegħedx minn standards rilevanti internazzjonali.

M. Fuq talba minn xi parti interessata fit-territorju ta' Membru tal-WTO, il-korp li jistabbilixxi l-i standards għandu jipprovdi minnufih, jew jirranġa biex jipprovdi, kopja ta' l-abbozz ta' l-istandard li jkun bagħat għall-kummenti. Kwalunkwe ħlas mitlub għal dan is-servizz għandu, minbarra l-ispiża reali biex jintbagħat, ikun l-istess għall-partijiet stranġieri u domestiċi.

N. Il-korp li jistabbilixxi l-i standards għandu jqis, fl-iproċessar aktar 'l quddiem ta' l-istandard, il-kummenti li jkunu waslu matul il-perjodu għall-kummenti. Kummenti li jkunu waslu permezz ta' korpi li jistabbilixxu l-i standards li jkunu aċċettaw dan il-Kodiċi ta' Prattika Tajba għandhom, fuq talba, jingħataw risposta kmieni kemm jista' jkun. Ir-risposta għandha tinkludu spjegazzjoni għaliex devjazzjoni minn standards rilevani internazzjonali hija meħtieġa.

O. Ladarba l-istandard ikun adottat, għandu jkun pubblikat minnufih.

P. Fuq it-talba ta' xi parti interessata fit-territorju ta' Membru tal-WTO, il-korp li jistabbilixxi l-i standards għandu jipprovdi fil-pront, jew jirranġa li jipprovdi, kopja tal-programm ta' ħidma tiegħu l-aktar reċenti jew ta' standard li huwa għamel. Kull ħlas mitlub għal dan is-servizz għandu, minbarra l-ispjjeż reali biex jitwassal, ikun l-istess għall-partijiet stranġieri u domestiċi.

Q. Il-korp li jistabbilixxi l-i standards għandu jagħti konsiderazzjoni b'simpatija lil, u opportunità xieqa għal, konsultazzjoni dwar rappreżentazzjonijiet fir-rigward tat-tħaddim ta' dan il-Kodiċi mressqa minn korpi li jistabbilixxu l-i standards li aċċettaw dan il-Kodiċi ta' Prattika Tajba. Għandu jagħmel sforz oġġettiv biex isolvi kull ilment.

--------------------------------------------------