21994A1223(03)



Official Journal L 336 , 23/12/1994 P. 0020 - 0021
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 38 P. 0022
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 38 P. 0022


Ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tas-sena 1994

1. Il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994 (il-GATT 1994) għandu jikkonsisti fi:

(a) id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, li jġib id-data tat-30 ta' Ottubru 1947, anness ma' l-Att Finali Adottat fil-Konklużjoni tat-Tieni Sessjoni tal-Kumitat Preparatorju tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u x-Xogħol (bl-esklużjoni tal-Protokoll ta' Applikazzjoni Proviżorja), kif irrettifikat, emendat jew immodifikat bit-termini ta' l-istrumenti legali li daħlu fis-seħħ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-WTO;

(b) id-dispożizzjonijiet ta' l-istrumenti legali ddikjarati hawn taħt li daħlu fis-seħħ skond il-GATT 1947 qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-WTO:

(i) il-protokolli u ċ-ċertifikazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-konċessjonijiet tat-tariffi;

(ii) il-protokolli ta' l-adeżjoni (bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet (a) li jirrigwardaw l-applikazzjoni proviżorja u l-irtirar ta' l-applikazzjoni proviżorja u (b) li jipprovdu illi l-Parti II tal-GATT 1947 għandha tiġi applikata b'mod proviżorju safejn u sakemm l-iktar possibbli li ma tkunx inkonsistenti mal-leġislazzjoni li tkun teżisti fid-data tal-protokoll);

(iii) id-deċiżjonijiet dwar ir-rinunzji konċessi skond l-Artikolu XXV tal-GATT 1947 u li jkunu għadhom fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-WTO [1];

(iv) deċiżjonijiet oħra tal-Partijiet Kontraenti tal-GATT 1947;

(ċ) il-Fehimijiet iddikjarati hawn taħt:

(i) il-Fehim dwar l-Interpretazzjoni ta' l-Artikolu II:1(b) tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994;

(ii) il-Fehim dwar l-Interpretazzjoni ta' l-Artikolu XVII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994;

(iii) il-Fehim dwar id-Dispożizzjonijiet tal-Bilanċ tal-Pagamenti tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994;

(ii) il-Fehim dwar l-Interpretazzjoni ta' l-Artkolu XVIV tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994;

(v) il-Fehim Rigward ir-Rinunzji ta' l-Obbligi skond il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994;

(vi) il-Fehim dwar l-Interpretazzjoni ta' l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994; u

(d) il-Protokoll ta' Marrakesh mal-GATT 1994.

2. Noti ta' Spjega

(a) Ir-riferimenti għal "Parti Kontraenti" fid-dispożizzjonijiet tal-GATT 1994 għandhom jitqiesu li jinqraw "Membru". Ir-riferimenti għal "Parti Kontraenti inqas żiluppata" u "Parti Kontraenti żviluppata" għandhom jitqiesu li jinqraw "pajjiż Membru inqas żviluppat" u "pajjiż Membru żviluppat". Ir-riferimenti għal "Segretarju Eżekuttiv" għandhom jitqiesu li jinqraw "Direttur Ġenerali tal-WTO".

(b) Ir-riferimenti għall-Partijiet Kontraenti huma u jaġixxu b'mod konġunt fl-Arikoli XV:1, XV:2, XV:6, XW:8, XXXVIII u n-Noti Ad ma' l-Artikolii XII u XVIII; u fid-dispożizzjonijiet dwar il-ftehimijiet ta' skambji speċjali fl-Artikoli XV:2, XV:3, XV:6, XV:7 u XV:9 tal-GATT 1994 għandhom jitqiesu li huma riferimenti għall-WTO. Il-funzjonijiet l-oħra li d-dispożizzjonijiet tal-GATT 1994 jassenjaw lill-Partijiet Kontraenti huma u jaġixxu b'mod konġunt għandhom jiġu allokati lill-Konferenza Ministerjali.

(ċ) (i) It-test tal-GATT 1994 għandu jkun awtentiku fl-ilsien Ingliż, Franċiż u Spanjol.

(ii) It-test tal-GATT 1994 fil-lsien Franċiż għandu jkun bla ħsara għar-rettifiki tat-termini indikati fl-Anness A mad-dokument MTN.TNC(41).

(iii) It-test awtentiku tal-GATT 1994 fil-lsien Spanjol għandu jkun it-test fil-Volum IV tas-serje ta' l-Istrumenti Bażiċi u Dokumenti Magħżula, bla ħsara għar-rettifiki tat-termini indikati fl-Anness B mad-dokument MTN.TNC(41).

3. (a) Id-dispożizzjonijiet tal-Parti II tal-GATT 1994 ma għandhomx japplikaw għall-miżuri meħuda minn Membru taħt leġislazzjoni mandatorja speċifika, magħmula liġi minn dan il-Membru qabel ma jkun sar Parti Kontraenti tal-GATT 1947, li tipprojbixxi l-użu, il-bejgħ jew il-kiri ta' bastimenti mibnija f'art barranija jew kostrutti mill-ġdid f'art barranija fl-applikazzjonijiet kummerċjali bejn punti fl-ibħra nazzjonali jew l-ibħra ta' żona ekonomika esklussiva. Din l-eżenzjoni tapplika għal: (a) il-kontinwazzjoni jew it-tiġdid fil-pront ta' dispożizzjoni li ma tikkonformax ma' din il-leġislazzjoni; u (b) l-emenda ta' dispożizzjoni li ma tikkonformax ma' din il-leġislazzjoni safejn u sakemm din l-emenda ma tnaqqasx il-konformità tad-dispożizzjoni mal-Parti II tal-GATT 1947. Din l-eżenzjoni hija limitata għall-miżuri meħuda skond il-leġislazzjoni deskritta hawn fuq li tiġi nnotifikata u speċifikata qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-WTO. Jekk din il-leġislazzjoni tiġi mmodifikata sossegwentement għalbiex tnaqqas il-konformità tagħha mal-Parti II tal-GATT 1994, ma tikkwalifikax iktar għall-kopertura skond dan il-paragrafu.

(b) Il-Konferenza Ministerjali għandha tagħmel rivista ta' din l-eżenzjoni mhux iktar tard minn ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tal-WTO u wara dan kull sentejn għal kemm l-eżenzjoni ddum fis-seħħ għall-għanijiet li jiġi eżaminat jekk jibqgħux jipprevalu l-kondizzjonijiet li ħolqu l-ħtieġa għall-eżenzjoni.

(ċ) Membru li l-miżuri tiegħu jkunu koperti b'din l-eżenzjoni għandu jisottometti kull sena notifika statistika ddettaljata li tikkonsisti minn medju jimxi ta' ħames snin tal-kunsinni attwali u mistennija tal-bastimenti rilevanti kif ukoll tagħrif addizzjonali dwar l-użu, il-bejgħ, il-kiri jew it-tiswija tal-bastimenti rilevanti koperti b'din l-eżenzjoni.

(d) Membru li jikkunsidra illi din l-eżenzjoni taħdem hekk li tiġġustifika limitazzjoni reċiproka u pproporzjonata dwar l-użu, il-bejgħ, il-kiri jew it-tiswija tal-bastimenti mibnija fit-territorju tal-Membru li jinvoka l-eżenzjoni għandu jkun ħieles li jdaħħal din il-limitazzjoni bla ħsara għal notifika minn qabel lill-Konferenza Ministerjali.

(e) Din l-eżenzjoni hija mingħajr preġudizzju għas-soluzzjonijiet li jirrigwardaw aspetti speċifiċi tal-leġislazzjoni koperta b'din l-eżenzjoni nnegozjata fi ftehimijiet settorjali jew f'fora oħra.

[1] Ir-rinunzji koperti b’din id-dispożizzjoni huma elenkati fin-nota 7 fil-qiegħ tal-paġna fil-paġni 11 u 12 fil-Parti II tad-dokument MTN/FA tal-15 ta’ Diċembru 1991 u fil-MTN/FA/Corr.6 tal-21 ta’ Marzu 1994. Il-Konferenza Ministerjali għandha tistabbilixxi fl-ewwel sessjoni tagħha lista rriveduta tar-rinunzji koperti b’din id-dispożizzjoni li żżid kull rununzja konċessa skond il-GATT 1947 wara l-15 ta’ Diċembru 1993 u qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-WTO, u tħassar ir-rinunzji li jkunu skadew sa dan iż-żmien.

--------------------------------------------------

IL-FEHIM DWAR L-INTERPRETAZZJONI TA' L-ARTIKOLU II:1(b) TAL-FTEHIM ĠENERALI DWAR IT-TARIFFI U L-KUMMERĊ TAS-SENA 1994

IL-MEMBRI HAWNHEKK JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

1. Għalbiex tiġi żgurata t-trasparenza tad-drittijiet u l-obbligi legali li joħorġu mill-paragrafu 1(b) ta' l-Artikolu II, in-numru u l-livell ta' kull "dmirijiet jew imposti oħra" miġbura b'taxxi fuq oġġetti marbuta tat-tariffa, kif riferit f'din id-dispożizzjoni, għandhom jiġu rreġistrati fl-Iskedi tal-konċessjonijiet annessi mal-GATT 1994 kontra l-oġġetti tat-tariffi li għalihom japplikaw. Huwa mifhum illi din ir-reġistrazzjoni ma tbiddlix il-karattru legali ta' "dmirijiet jew imposti oħra".

2. Id-data li fiha jkunu marbuta "d-dmirijiet jew l-imposti l-oħra", għandha tkun il-15 ta' April 1994 għall-għanijiet ta' l-Artikolu II. "Id-dmirijiet jew l-imposti l-oħra" għandhom għalheklk jiġu rreġistrati fl-Iskedi fil-livelli li jkunu japplikaw f'din id-data. F'kull negozju mill-ġdid sossegwenti tal-konċessjoni jew fin-negozju ta' konċessjoni ġdida, id-data applikabbli għall-oġġett tat-tariffa fil-kwistjoni għandha ssir id-data ta' l-inkorporazzjoni tal-konċessjoni l-ġdida fl-Iskeda approprjata. Madankollu, id-data ta' l-istrument li bih konċessjoni dwar kull oġġett pari tat-tariffa jkun ġie inkorporat għall-ewwel darba fil-GATT 1947 jew fil-GATT 1994 għandu jissokta jiġi rreġistrat ukoll fil-kolonna 6 ta' l-Iskedi tal-Folji Mhux Imwaħħla.

3. "Id-dmirijiet jew l-imposti l-oħra" għandhom jiġu rreġistrati rigward kull irbit tat-tariffi.

4. Meta oġġett ta' tariffa qabel kien is-suġġett ta' konċessjoni, il-livell tad-"dmirijiet jew l-imposti l-oħra" irreġistrati fl-Iskeda approprjata ma għandhux ikun ogħla mill-livell li kien fiż-żmien ta' l-ewwel inkorporazzjoni tal-konċessjoni f'din l-Iskeda. Ikun għal kull Membru li tiġi sfidata l-eżistenza ta' "dmir jew impost ieħor", għar-raġuni li ma jkunu eżistew l-ebda "dmir jew impost ieħor" minn dawn fiż-żmien tar-rabta oriġinali ta' l-oġġett fil-kwistjoni, kif ukoll il-konsistenza tal-livell irreġistrat ta' kull "dmir jew impost ieħor" mal-livell marbut preċedenti, għal perjodu taż-żmien ta' tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tl-Ftehim dwar il-WTO jew tliet snin wara d-data tad-depożitu għand id-Direttur Ġenerali tal-WTO ta' l-istrument li jinkorpora l-Iskeda fil-kwistjoni fil-GATT 1994, jekk din tkun data iktar tard.

5. Ir-reġistrazzjoni ta "dmirijiet jew imposti oħra" fl-Iskedi hija mingħajr preġudizzju għall-konsistenza tagħhom mad-drittijiet u l-obbligi skond il-GATT 1994 għajr dawk affettwati mill-paragrafu 4. Il-Membri kollha jżommu d-dritt li jisfidaw, f'kull waqt, il-konsistenza ta' kull "dmir jew impost ieħor" b'dawn l-obbligi.

6. Għall-għanijiet ta' dan il-Fehim, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli XXII u XXIII tal-GATT 1994 kif elaborati u applikati fil-Fehim dwar is-Soluzzjoni tal-Kontroversji.

7. "Id-dmirijiet jew l-imposti l-oħra" mħollija barra minn Skeda mal-waqt tad-depożitu ta' strument li jinkorpora l-Iskeda fil-kwistjoni fil-GATT 1994, mid-Direttur Ġenerali tal-Partijiet Kontrattanti tal-GATT 1947 sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-WTO, jew, wara dan, mid-Direttur Ġenerali tal-WTO, ma għandhomx sossegwentement jiġu miżjuda miegħu u kull "dmir jew impost ieħor" irreġistrati f'livell iktar baxx minn dak li jkun jipprevali fid-data applikabbli ma għandhomx jiġu miġjuba lura għal dan il-livell għajr jekk dawn iż-żidiet jew bidliet isiru fi żmien sitt xhur mid-data tad-depożitu ta' l-istrument.

8. Id-deċiżjoni fil-paragrafu 2 li tirrigwarda d-data li tkun tapplika għal kull konċessjoni għall-għanijiet tal-paragrafu 1(b) ta' l-Artikolu II tal-GATT 1994 tieħu l-post tad-data applikabbli meħuda fis-26 ta' Marzu 1980 (BISD 27S/24).

--------------------------------------------------

IL-FEHIM DWAR L-INTERPRETAZZJONI TA' L-ARTIKOLU XVII TAL-FTEHIM ĠENERALI DWAR IT-TARIFFI U L-KUMMERĊ TAS-SENA 1994

IL-MEMBRI

Filwaqt li jinnotaw illi l-Artikolu XVII jipprovdi obbligi fuq il-Membri rigward l-attivitajiet ta' l-intrapriżi Statali tal-kummerċ riferiti fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu XVII, li huma meħtieġa li jkunu konistenti mal-prinċipji ġenerali tat-trattament mhux diskriminatorju stabbilit fil-GATT 1994 għall-miżuri governattivi li jaffettwaw l-importazzjonijiet u l-esportazzjoninijiet minn kummerċjanti privati;

Filwaqt li jinnotaw ukoll illi l-Membri huma bla ħsara għall-obbligi tagħhom lejn il-GATT 1994 rigward dawk il-miżuri governattivi li jaffettwaw lill-intrapriżi Statali tal-kummerċ;

Jagħrfu li dan il-Fehim huwa mingħajr preġudizzju għad-dixxiplini sostantivi stabbiliti fl-Artikolu XVII;

HAWNHEKK JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

1. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fl-attivitajiet ta' l-intrapriżi Statali tal-kummerċ, il-Membri għandhom jinnotifikaw dawn l-intrapriżi lill-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti, għal rivista mill-grupp tax-xogħol li jrid jiġi stabbilit skond il-paragrafu 5, skond id-definizjoni tax-xogħol li ġejja:

"Intrapriżi goverenattivi u mhux governattivi, inklużi l-bordijiet tal-marketing, li ingħataw drittijiet jew privileġġi esklussivi jew speċjali, inklużi poteri statutorji jew konstituzzjonali, li l-eżerċizzju tagħhon jinfluwenza l-livell jew id-direzzjonijiet ta' l-importazzjonijiet jew ta' l-esportazzjonijiet permezz tax-xiri jew tal-bejgħ tagħhom."

Din il-ħtieġa tan-notifika ma tapplikax għall-importazzjonijiet tal-prodotti għall-konsum immedjat jew aħħari fl-użu governattiv jew fl-użu minn intrapriża kif speċifikata hawn fuq u mhux inkella għall-bejgħ mill-ġdid jew l-użu fil-produzzjoni ta' oġġetti għall-bejgħ.

2. Kull Membru għandu jikkonduċi rivista tal-politika tiegħu rigward is-sottomissjoni tan-notifiki ta' l-intrapriżi Statali tal-kummerċ lill-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti, filwaqt li jqis id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Fehim. Meta jkun qiegħed jagħmel din ir-rivista, kull Membru għandu jqis il-ħtieġa li jiżgura t-trasparenza massima possibbli fin-notifiki tiegħu għalbiex jippermetti apprezzament ċar tal-manjiera ta' l-operat ta' l-intrapriżi nnotifikati u l-effett ta' l-operati tagħhom fuq il-kummerċ internazzjonali.

3. In-notifiki għandhom jintgħamlu skond il-kwestjonarju dwar il-kummerċ Statali adottat fl-24 ta' Mejju 1960 (BISD 9S/184-185), filwaqt li jkun mifhum li l-Membri għandhom jinnotifikaw lill-intrapriżi riferiti fil-paragrafu 1 jekk l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet ikunux ġraw fil-fatt jew le.

4. Kull Membru li jkollu raġuni li jemmen li Membru ieħor ma jkunx issodisfa b'mod adegwaat l-obbligu tiegħu tan-notifika jista' jqajjem il-materja mal-Membru interessat. Jekk il-materja ma tiġix riżolta b'mod sodisfaċentli, jista' jagħmel kontro-notifika lill-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti, sabiex tiġi kkunsidrata mill-grupp tax-xogħol stabbilit skond l-Artikolu 5, filwaqt li jgħarraf lill-Membru interessat fl-istess ħin.

5. Għandu jiġi stabbilit grupp tax-xogħol, f'isem il-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti, għalbiex jagħmel rivista tan-notifiki u tal-kontro-notifiki. Fid-dawl ta' din ir-rivista u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4(ċ) ta' l-Artikolu XVII, il-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti għandu jagħmel rakkommandazzjonijiet rigward l-adegwatezza tan-notifiki u l-ħtieġa ta' iktar tagħrif. Il-grupp tax-xogħol għandu jagħmel rivista wkoll, fid-dawl tan-notifiki rċevuti, ta' l-adegwatezza tal-kwestjonarju msemmi hawn fuq dwar il-kummerċ Statali u l-kopertura ta' l-intrapiżi Statali tal-kummerċ innotifkati skond il-paragrafu 1. Għandu jiżviluppa wkoll lista illustrattiva li turi l-kwalitajiet tar-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet u l-intrapriżi, u l-kwalitajiet ta' l-attivitajiet, midħula għalihom minn dawn l-intrapriżi li jistgħu jkunu rilevanti għall-għanijiet ta' l-Artikolu XVII. Huwa mifhum illi s-Segretarjat irid jipprovdi studju ta' l-isfond ġenerali lill-grupp tax-xogħol dwar l-operati ta' l-intrapriżi Statali tal-kummerċ kif dawn ikollhom x'jaqsmu mal-kummerċ internazzjonali. Is-sħubija fil-grupp tax-xogħol għandha tkun miftuħa għall-Membri kollha li jindikaw ix-xewqa tagħhom li jservu fuqu. Għandu jiltaqa' fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-WTO u, wara dan. mill-inqas darba fis-sena, Għandu jirrapporta kull sena lill-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti [1].

[1] L-attivitajiet ta’ dan il-grupp tax-xogħol għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-grupp tax-xogħol ipprovvdut fit-Taqsima III tad-Deċiżjoni Ministerjali dwar il-Proċeduri għan-Notifiki adottata fil-15 ta’ pril 1994.

--------------------------------------------------

IL-FEHIM DWAR L-INTERPRETAZZJONI TA’ L-ARTIKOLU XVII TAL-FTEHIM ĠENERALI DWAR IT-TARIFFI U L-KUMMERĊ TAS-SENA 1994

IL-MEMBRI

Filwaqt li jagħrfu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli XVII u XVIII:B tal-GATT 1994 u tad-Dikjarazzjoni dwar il-Miżuri Kummerċjali Meħuda għall-Għanijiet tal-Bilanċ tal-Pagamenti adottata fit-28 ta' Novembru 1979 (BISD 26S/205-209, imsejħa id-"Dikjarazzjoni tas-sena 1797" f'dan il-Fehim) u għalbiex jiċċaraw dawn id-dispożizzjonijiet [1]; hawnhekk jiftiehmu kif ġej:

L-Applikazzjoni tal-Miżuri

1. Il-Membri jikkonfemaw l-impenn tagħhom li jħabbru pubblikament, malajr kemm jista' jkun, l-iskedi taż-żmien għat-tneħħija tal-miżuri restrittivi ta' l-importazzjonijiet meħuda għall-għanijiet tal-bilanċ tal-pagamenti. Huwa mfhum illi l-iskedi taż-żmien jistgħu jiġu mmodifikati kif approprjat għalbiex iqisu l-bidliet fis-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti. Kulmeta skeda taż-żmien ma tiġix imħabbra b'mod pubbliku minn Membru, dan il-Membru għandu jipprovdi ġustifikazzjoni rigward ir-raġunijiet għal dan.

2. Il-Membri jikkonfermaw l-impenn tagħhom li jagħtu prerefenza lill dawk il-miżuri li jkollhom l-inqas effett ta' diżordni fuq il-kummerċ. Dawn il-miżuri (imsejħa "miżuri msejsa fuq il-prezzijiet" f'dan il-Fehim) għandhom jinftiehmu li jinkludu s-soprataxxi fuq l-importazzjonijiet, il-ħtiġiet tad-depożiti fuq l-importazzjonijiet jew kull miżura kummerċjali ekwivalenti b'impatt fuq il-prezz ta' l-oġġetti importati. Huwa mifhum illi, minkejja d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu II, il-miżuri msejsa fuq il-prezzijiet meħuda għall-għanijiet tal-bilanċ tal-pagamenti jistgħu jiġu applikati minn Membru b'eċċess għad-dmirijiet iskritti fl-Iskeda ta' dan il-Membru. Iktar minn hekk, dan il-Membru għandu jindika l-ammont li bih il-miżura msejsa fuq il-prezzijiet taqbeż id-dazju marbut biċ-ċar u b'mod separat skond il-proċeduri tal-ġustifikazzjoni ta' dan il-Fehim.

3. Il-Membri għandhom ifittxu li jevitaw l-imposizzjoni ta' restrizzjonijiet ġodda kwantitattivi għall-għanijiet tal-bilanċ tal-pagamenti għajr jekk, minħabba sitwazzjoni kritika fil-bilanċ tal-pagamenti, il-miżuri msejsa fuq il-prezzijiet ma jistgħux iżommu deterjorazzjoni qawwija fil-pożizzjoni tal-pagamenti barranin. F'dawk il-każijiet li fihom Membru japplika r-restrizzjonijiet kwantitattivi, għandu jipprovdi ġustifikazzjoni rigward ir-raġunijiet għaliex il-miżuri msejsa fuq il-prezzijiet ma jkunux strument adegwat sabiex jittrattaw is-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti. Membru li jżomm ir-resrizzjonijiet kwantitattivi għandu jindika f'konsultazzjonijiet suċċessivi l-progress magħmul sabiex inaqqas b'mod sinifikanti l-inċidenza u l-effett restrittiv ta' dawn il-miżuri. Huwa mifhum illi mhux iktar minn tip wieħed ta' miżura restrittiva fuq l-importazzjonijiet meħuda għall-għanijiet tal-bilanċ tal-pagamenti tista' tiġi applikata għall-istess prodott.

4. Il-Membri jikkonfermaw illi l-miżuri restrittivi fuq l-importazzjonijiet meħuda għall-għanijiet tal-bilanċ tal-pagamenti jistgħu jiġu applikati biss għalbiex jikkontrollaw il-livell ġenerali ta' l-importazzjonijiet u ma jistgħux jaqbżu dak li hu meħtieġ għalbiex jindirizzaw is-sitwazzjoni tal-bilanċċ tal-pagamenti. Sabiex jiġi mminimizzat kull effett protettiv inċidentali, Membru jista' jamministra r-restrizjonijiet f'manjiera trasparenti. L-awtoritajiet tal-Membru importatur għandhom jipprovdu ġustifikazzjoni adegwata rigward il-kriterji wżati għalbiex jistabbilixxu liema prodotti jkunu bla ħsara għar-restrizzjoni. Kif ipprovdut fil-paragrafu 3 ta' l-Artikolu XII u l-paragrafu 10 ta' l-Artikolu XVIII, il-Membri jistgħu, fil-każ ta' ċerti prodotti essenzali, jeskludu jew jillimitaw l-applikazzjoni tas-soprataxxi applikati fuq kollox jew miżuri oħra applikati għall-għanijiet tal-bilanċ tal-pagamenti. Il-frażi "prodotti essenzali" għandha tiġi mifhuma li tfisser il-prodotti li jissodisfaw il-ħtiġiet minimi tal-konsum jew li jikkontribwixxu lejn l-isforz ta' Membru li jtejjeb is-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti tiegħu, bħalma huma l-oġġetti kapitali jew l-oġġetti mdaħħla għall-produzzjoni. Fl-amministrazzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi, Membru għandu juża liċenzi diskrezzjonali biss meta ma jkunux jistgħu jiġu evitati u għandu jqassamhom f'fażijiet b'mod progressiv. Għandha tiġi pprovvduta ġustifikazzjoni adegwata rigward il-kriterji wżati sabiex jiġu stabbiliti l-kwantitatjiet jew il-valuri permissibbli ta' l-importazzjonijiet.

Il-Proċeduri għall-Konsultazzjonijiet dwar il-Bilanċ tal-Pagamenti

5. Il-Kumitat tar-Restrizzjonijiet dwar il-Bilanċ tal-Pagamenti (imsejjaħ il-"Kumitat" f'dan il-Fehim) għandu jwettaq konsultazzjonijiet għalbiex jagħmel rivista tal-miżuri restrittivi kollha fuq l-importazzjonijiet meħuda għall-għanijiet tal-bilanċ tal-pagamenti. Is-sħubija fil-Kumitat hija miftuħa għall-Membri kollha li jindikaw ix-xewqa tagħhom li jservu fuqu. Il-Kumitat għandu jsegwi l-proċeduri għall-konsultazzjonijiet rigward ir-restrizzjonijiet fuq il-bilanċ tal-pagamenti approvati fit-28 ta' April 1870 (BISD 16S/48-53), bla ħsara għad-dispożizzjonijiet iddikjarati hawn taħt.

6. Membru li japplika restrizzjonijiet ġodda jew jgħolli l-livell ġenerali tar-restrizzjonijiet tiegħu eżistenti b'intensifikazzjoni sostanzjali tal-miżuri għandu jidħol f'konsultazzjoni mal-Kumitat fi żmien erba' xhur mill-adozzjoni ta' dawn il-miżuri. Il-Membru li jadotta dawn il-miżuri jista' jitlob li ssir konsultazzjoni skond il-paragrafu 4(1) ta' l-Artikolu XII jew il-paragrafu 12(a) ta' l-Artikolu XVIII kif approprjat. Jekk ma tkun saret l-ebda talba minn din, il-President tal-Kumitat għandu jistieden lill-Membru li jiftaħ din il-konsultazzjoni. Il-fatturi li jistgħu jiġu eżaminati fil-konsultazzjoni jistgħu jinkludu, fost ħwejjeġ oħra, l-introduzzjoni ta' tipi ġodda ta' miżuri restrittivi għall-għanijiet tal-bilanċ tal-pagamenti, jew żieda fil-kopertura tal-livell jew tal-prodott tar-restrizzjonijiet.

7. Ir-restrizzjonijiet kollha applikati għall-għanijiet tal-bilanċ tal-pagamenti għandhom ikunu bla ħsara għal rivista perjodika fil-Kumitat skond il-paragrafu 49(b) ta' l-Artikolu XII jew skond il-paragrafu 12(b) ta' l-Artikolu XVIII, bla ħsara li tinbidel il-perjodiċità tal-konsultazzjonijiet mal-Membru li jikkonsulta jew għal kull proċedura speċifika ta' rivista li tista' tiġi rrakkommandata mill-Kunsill Ġenerali.

8. Il-konsultazzjonijiet jistgħu jsiru skond il-proċeduri ssimplifikati approvati fid-19 ta' Diċembru 1972 (BISD 20S/47-49, imsejħa l-"proċeduri ssimplifikati tal-konsultazzjoni" f'dan il-Fehim) fil-każ tal-pajjiżi Membri l-inqas żviluppati jew fil-każ tal-pajjiżi Membri li qegħdin jiżviluppaw li jkunu jsegwu sforzi tal-liberalizzazzjoni skond l-iskeda ppreżentata lill-Kumitat fil-konsultazzjonijiet ta' qabel. Il-proċeduri ssimplifikati tal-konsultazzjoni jistgħu jintużaw ukoll meta tiġi skedata r-Rivista tal-Politika Kummerċjali ta' pajjiż Membru qiegħed jiżviluppa għall-istess sena kalendarja bħad-data ffissata għall-konsultazzjonijiet. F'dawn il-każijiet, id-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jintużaw il-proċeduri sħaħ tal-konsultazzjoni trid issir fuq il-bażi tal-fatturi enumerati fil-paragrafu 8 tad-Deċiżjoni tas-sena 1979. Għajr fil-każ tal-pajjiżi Membri l-inqas żviluppati, ma jistgħux isiru iktar minn żewġ konsultazzjonijiet suċċessivi taħt il-proċeduri ssimplifikati tal-konsultazzjoni.

In-Notifika u d-Dokumentazzjoni

9. Membru għandu jinnotifika lill-Kunsill Ġenerali bl-introduzzjoni jew b'kull tibdil fl-applikazzjoni ta' miżuri restrittivi fuq l-importazzjonijiet meħuda għall-għanijiet tal-bilanċ tal-pagamenti, kif ukoll b'kull modifika fl-iskedi taż-żmien għat-tneħħija ta' dawn il-miżuri kif imħabbra skond il-paragrafu 1. Bidliet sinifikanti għandhom jiġu nnotifikati lill-Kunsill Ġenerali qabel 30 jum mit-taħbira tagħhom jew mhux iktar tard minn din id-data. Kull Membru jista' jagħmel disponibbli kull sena lis-Segretarjat notifika kkonsolidata, li tinkludi l-bidliet kollha fil-liġijiet, ir-regolamenti, id-dikjarazzjonijiet tal-politika jew l-avviżi pubbliċi, għall-eżami mill-Membri. In-notifiki għandhom jinkludu tagħrif sħiħ, sakemm ikun possibbli, fil-livell tat-tariffi, dwar it-tip tal-miżuri applikati, il-kriterji wżati għall-amministrazzjoni tagħhom, il-kopertrura tal-prodott u l-mixi tal-kummerċ affettwati.

10. Fuq it-talba ta' kull Membru, in-notifiki jistgħu jiġu rivisti mill-Kumitat. Dawn ir-rivisti jridu jkunu limitati għall-kjarifika ta' kwistjonijiet speċifiċi mqajma minn notifika jew minn eżami dwar jekk tkunx meħtieġa konsultazzjoni skond il-paragrafu 4(a) ta' l-Artikolu XII jew il-paragrafu 12(a) ta' l-Artikolu XVII. Il-Membri li jkollhom raġunijiet li jemmnu illi miżura restrittiva fuq l-importazzjonijiet applikata minn Membru ieħor kienet meħuda għall-għanijiet tal-bilanċ tal-pagamenti jistgħu jressqu l-materja għall-attenzjoni tal-Kumitat. Il-President tal-Kumitat għandu jitlob tagħrif dwar il-miżura u jagħmlu disponibbli lill-Membri kollha. Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' kull membru tal-Kumitat li jfittex kjarifiki approprjati fil-kors tal-konsultazzjonijiet, jistgħu jiġu ssottomessi mistoqsijiet bil-quddiem sabiex jiġu kkunsidrati mill-Membru li jikkonsulta.

11. Il-Membru li jikkonsulta għandu jħejji Dokument Bażiku għall-konsultazzjonijiet li, b'żieda ma' kull tagħrif ieħor ikkunsidrat rilevanti, għandu jinkludi: (a) veduta ġenerali tas-sitwazzjoni u l-prospetti tal-bilanċ tal-pagamenti, inkluża konsiderazzjoni tal-fatturi interni u esterni li jkollhom rilevanza għas-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti u l-miżuri tal-politika domestika meħuda għalbiex jirrestawraw l-ekwilibriju fuq bażi sod u dejjiemi; (b) deskrizzjoni sħiħa tar-restrizzjonijiet applikati għall-għanijiet tal-bilanċ tal-pagamenti, il-bażi legali tagħhom u l-passi meħuda sabiex jitnaqqsu l-effetti protettivi inċidentali; (ċ) il-miżuri meħuda mill-aħħar konsultazzjoni sabiex jiġu lliberalizzati r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kumitat; (d) pjan għall-eliminazzjoni u r-rilassament progressivi tar-restrizzjonijiet li jifdlu. Jistgħu jsiru riferimenti, meta rilevanti, għat-tagħrif ipprovvdut fin-notifiki jew fir-rapporti l-oħra magħmula lill-WTO. Skond il-proċeduri ssimplifikati tal-konsultazzjoni, il-Membru li jikkonsulta għandu jissottometti dikjarazzjoni bil-kitba li jkun fiha tagħrif essenzali dwar l-elementi koperti bid-Dokument Bażiku.

12. Is-Segretarjat għandu, bil-ħsieb li jiffaċilita l-konsultazzjoni fil-Kumitat, iħejji studju fattwali ta' l-isfond li jittratta l-aspetti differenti tal-pjan tal-konsultazzjonijiet. Fil-każ tal-pajjiżi Membri qegħdin jiżviluppaw, id-dokument tas-Segretarjat għandu jinkludi materjal analitiku ta' l-isfond rilevanti dwar l-inċidenza ta' l-ambjent kummerċjali barrani fuq is-sitwazzjoni u l-propsetti tal-bilanċ tal-pagamenti tal-Membru li jikkonsulta. Is-servizzi ta' l-assistenza teknika tas-Segretarjat għandhom jgħinu fit-tħejjija tad-dokument għall-konsultazzjoni fuq it-talba ta' pajjiż Membru qiegħed jiżviluppa.

Il-Konklużjonijiet tal-Konsultazzjonijiet dwar il-Bilanċ tal-Pagamenti

13. Il-Kumitat għandu jirrapporta dwar il-konsultazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill Ġenerali. Meta jkunu ntużaw il-proċeduri sħaħ tal-konsultazzjoni, ir-rapport għandu jindika l-konklużjonijiet tal-Kumitat dwar l-elementi differenti tal-pjan tal-konsultazzjonijiet, kif ukoll il-fatti u r-raġunijiet li fuqhom ikunu msejsa. Il-Kumitat għandu jagħmel ħiltu li jinkludi, fil-proposti tiegħu għall-konsultazzjinijiet, rakkommandazzjonijiet immirati li jippromwovu l-implimentazzjoni ta' l-Artikoli XII u XVIII:B, id-dikjarazzjoni tas-sena 1970 u dan il-Fehim. F'dawk il-każijiet li fihom tkun ġiet ippreżentata skeda taż-żmien għat-tneħħija tal-miżuri restrittivi meħuda għall-għanijiet tal-bilanċ tal-pagamenti, il-Kunsill Ġenerali jista' jirrakkomanda illi, fl-adeżjoni ma' din l-iskeda taż-żmien, Membru għandu jitqies li jkun f'konformità ma' l-obbligi tiegħu fil-GATT 1994. Kulmeta l-Kunsill Ġenerali jkun għamel rakkommandazzjonijiet speċifiċi, id-drittijiet u l-obbligi tal-Membri għandhom jiġu stmati fid-dawl ta' dawn ir-rakkommandazzjonijiet. Fin-nuqqas ta' proposti speċifiċi għar-rakkommandazzjonijiet mill-Kunsill Ġenerali, il-konklużjonijiet tal-Kumitat għandhom jirreġistraw il-veduti differenti espressi fil-Kumitat. Meta jkunu ntużaw il-proċeduri ssimplifikati tal-konsultazzjoni, ir-rapport għandu jinkludi sommarju ta' l-elementi ewliena diskussi fil-Kumitat u deċiżjoni dwar jekk ikunux meħieġa l-proċeduri sħaħ tal-konsultazzjoni.

(L-iskedi miftiehma tal-parteċipanti jridu jiġu annessi mal-Protokoll ta’ Marrakesh fil-kopja tat-trattat tal-Ftehim dwar il-WTO.)

[1] Xejn f’dan il-Fehim ma hu maħsub li jimmodifika d-drittijiet u l-obbligi tal-Membri skond l-Artikoli XII jew XVIII:B tal-GATT 1994. Jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolii XXI u XXIII tal-GATT 1994 kif elaborati mill-Fehim dwar is-Soluzzjoni tal-Kontroversji rigward kull materja li tqum mill-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi fuq l-importazzjonijiet meħuda għall-għanijiet tal-bilanċ tal-pagamenti.

--------------------------------------------------

IL-FEHIM DWAR L-INTERPRETAZZJONI TA' L-ARTIKOLU XVIV TAL-FTEHIM ĠENERALI DWAR IT-TARIFFI U L-KUMMERĊ TAS-SENA 1994

IL-MEMBRI

Wara li kkunsidraw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu XXIV tal-GATT 1994;

Jagħrfu illi l-għaqdiet tad-dwana u ż-żoni tal-kummerċ ħieles żdiedu bil-qawwi fin-numru u fl-importanza minn mindu ġie stabbilit il-GATT 1947 u llum ikopru proporzjon sinifikanti tal-kummerċ dinji;

Jagħrfu l-kontribuzzjoni għall-espansjoni tal-kummerċ dinji li jista' jsir bl-integrazzjoni iktar mill-qrib bejn l-ekonomija tal-partijiet rigward dawn il-ftehimijiet;

Jagħrfu wkoll illi din il-kontribuzzjoni tiżdied jekk l-eliminazzjoni bejn it-territorji kostitwenti tad-dazji u regolamenti oħra restrittivi għall-kummerċ testendi għall-kummerċ kollu, u titnaqqas jekk jiġi eskluż kull settur maġġuri tal-kummerċ;

Jaffermaw mill-ġdid illi l-għan ta' dawn il-ftehimijiet għandu jkun li jiffaċilita l-kummerċ bejn it-territorji kostitwenti u li ma joħolqux ostakoli għall-kummerċ tal-membi l-oħra ma' dawn it-territorji; u li fil-formazzjoni jew it-tkabbir tagħhom il-partijiet għandhom jevitaw safejn u sakemm hu possibbli li joħolqu effetti negattivi fuq il-kummerċ tal-Membri l-oħra;

Konvinti wkoll dwar il-ħtieġa li tiġi rrinfurzata l-effikaċja tar-rwol tal-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti meta jkunu rivisti l-ftehimijiet innotifikati skond l-Artikolu XXIV, billi jiġu ċċarati l-kriterji u l-proċeduri għall-istima tal-ftehimijiet ġodda jew imkabbra, u li jtejbu t-trasparenza tal-ftehimijiet kollha ta' l-Artikolu XXIV;

Jagħrfu l-ħtieġa ta' fehim komuni ta' l-obbligi tal-Membri skond il-paragrafu 12 ta' l-Artikolu XXIV;

HAWNHEKK JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

1. Għalbiex ikunu konsistenti ma' l-Artikolu XXIV, il-għaqdiet tad-dwana, iż-żoni tal-kummerċ ħieles u l-ftehimijiet interim li jwasslu għall-formazzjoni ta' għaqda tad-dwana jew żona tal-kummerċ ħieles iridu jissodisfaw, fost ħwejjeġ oħra, il-paragrafi 5, 6, 7 u 8 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu XXIV: 5

2. Il-valutazzjoni skond il-paragrafu 5(a) ta' l-Artikolu XXIV dwar l-inċidenza ġenerali tad-dazji u r-regolamenti l-oħra tal-kummerċ applikabbli qabel jew wara l-formazzjoni ta' għaqda tad-dwana għandhom ikunu msejsa, rigward id-dazji u l-imposti, fuq stima ġenerali tar-rati medji ppeżati tat-tariffa u tad-dazji tad-dwana miġbura. Din l-istima għandha tkun imsejsa fuq l-istatistiċi ta' l-importazzjonijiet għal perjodu rappreżentattiv preċedenti taż-żmien li jridu jiġu forniti mill-għaqda tad-dwana, fuq il-bażi ta' linja tat-tariffa u fil-valuri u l-kwantitajiet maqsuma wieħed wieħed mill-pajjiż tal-WTO minn fejn joriġinaw. Is-Segretarjat għandu jikkomputa r-rati medji ppeżati tat-tariffa u d-dazji tad-dwana miġbura skond il-metodoloġija wżata fl-istima ta' l-offerti tat-tariffi fir-Round ta' l-Urugwaj tan-Negozjati Multilaterali tal-Kummerċ. Għal dan il-għan, id-dazji u l-imposti li jridu jittieħdu f'konsiderazzjoni għandhom ikunu r-rati applikati tad-dazju. Huwa magħruf illi għall-għan ta' l-istima ġenerali ta' l-inċidenza tar-regolamenti l-oħra tal-kummerċ li l-kwantifikazzjoni u l-aggregazzjoni tagħhom huma diffiċli, jistgħu jinħtieġu l-ezami tal-miżuri, tar-regolamenti u tal-prodotti individwali u l-mixi tal-kummerċ affettwat.

3. It-"tul raġjonevoli taż-żmien" riferit fil-paragrafu 5(ċ) ta' l-Artikolu XXIV għandu jaqbeż il-10 snin f'każijiet eċċezzjonali biss. Fil-każijiet meta l-Membri partijiet fi ftehim interim jemmnu li 10 snin ma jkunux biżżjjed, dawn għandhom jipprovdu spjega sħiħa lill-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti dwar il-ħtieġa ta' perjodu itwal taż-żmien.

Artikolu XXIV: 6

4. Il-paragrafu 6 ta' l-Artikolu XXIV jistabbilixxi l-proċedura li trid tiġi segwita meta membru li jifforma għaqda tad-dwana jipproponi li jżid rata marbuta tad-dazju. F'dan ir-rigward, il-Membri jaffernaw mill-ġdid illi l-proċedura ddikjarata fl-Artikolu XXVIII kif elaborati fil-linji gwida adottati il-10 ta' Novembru 1980 (BISD 27S/26-28) u fil-Fehim dwar l-Interpretazzjoni ta' l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994, iridu jiġu mibdija qabel ma jiġu mmodifikati jew irtirati l-konċessjonijiet tat-tariffi mal-formazzjoni ta' għaqda tad-dwana jew ftehim interim li jwassal għall-formazzjoni ta' għaqda tad-dwana.

5. Dawn in-negozjati jridu jiġu midħula għalihom f'fidi tajba fil-ħsieb li jinkiseb aġġustament kumpensatorju sodisfaċenti b'mod reċiproku. F'dawn in-negozjati, kif meħtieġ mill-paragrafu 6 ta' l-Artikolu XXIV, għandu jittieħed qies mistħoqq tat-tnaqqis tad-dazji fuq l-istess linja tat-tariffa magħmula mill-kostitwenti l-oħra tal-għaqda tad-dwana mal-formazzjoni tagħha. Jekk dan it-tnaqqis ma jkunx biżżejjed għalbiex jipprovdi l-aġġustament kumpensatorju meħtieġ, il-għaqda tad-dwana tkun trid toffri kumpens, li jista' jieħu l-għamla ta' tnaqqis fid-dazji fuq linji oħra tat-tariffi. Din l-offerta għandha tittieħed f'konsiderazzjoni mill-Membi li jkollhom drittijiet tan-negozju fir-rbit li jkun qiegħed jiġi mmodifikat jew irtirat. Jekk l-aġġustament kumpensatorju jibqa' mhux aċċettabbli, in-negozjati għandhom jissoktaw. Meta, minkejja dawn l-isforzi, ma jistax jintlaħaq ftehim fin-negozjati dwar l-aġġustament kumpensatorju skond l-Artikolu XXVIII kif elaborat fil-Fehim dwar l-Interpretazzjoni ta' l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 fi żmien raġjonevoli mill-perjodu taż-żmien tal-ftuħ tan-negozjati, il-għaqda tad-dwana għandha, madankollu, tkun ħielsa li timmodifika jew tirtira konċessjonijiet sostanzjalment ekwivalenti skond l-Artikolu XXVIII.

6. Il-GATT 1994 ma jimponi l-ebda obbligu fuq il-Membri li jibbenefikaw minn tnaqqis fid-dazji b'konsegwenza tal-formazzjoni ta' għaqda tad-dwana, jew ftehim interim li jwassal għall-formazzjoni ta' għaqda tad-dwana, għalbiex tipprovdi aġġustament kumpensatorju lill-kostitwenti tagħha.

Ir-Rivista tal-Għaqda Tad-dwana u ż-Żoni tal-Kummerċ Ħieles

7. In-notifiki kollha magħmula skond il-paragrafu 7(a) ta' l-Artikolu XXIV għandhom jiġu eżaminati minn grupp tax-xogħol fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GATT 1994 u tal-paragrafu 1 ta' dan il-Fehim. Il-grupp tax-xogħol għandu jissottometti rapport lill-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti dwar is-sejbiet tiegħu f'dan ir-rigward. Il-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti jista' jagħmel dawk ir-rakkomandazzjonijiet lill-Membri li jqis approprjati.

8. Rigward il-ftehimijiet interim, il-grupp tax-xogħol jista' jagħmel fir-rapport tiegħu ir-rakkommandazzjonijiet approprjati dwar il-kwadru taż-żmien propost u dwar il-miżuri meħtieġa għalbiex titlesta l-formazzjoni tal-għaqda tad-dwana jew taż-żona tal-kummerċ ħieles. Jekk meħtieġ, jista' jipprovdi għal rivista oħra tal-ftehim.

9. Il-Membri partijiet fi ftehim interim għandhom jinnotifikaw bidliet sostanzjali fil-pjan u fl-iskeda inklużi f'dan il-ftehim lill-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti u, jekk mitlub dan, il-Kunsill għandu jeżamina l-bidliet.

10. Jekk ftehim interim innotifikat skond il-paragrafu 7(a) ta' l-Artikolu XXIV ma jinkludix pjan u skeda, kuntrarju għall-paragrafu 5(ċ) ta' l-Artikolu XXIV, il-grupp tax-xogħol għandu jirrakkomanda dan il-pjan u din l-iskeda fir-rapporrt tiegħu. Il-partijiet ma għandhomx iżommu jew idaħħlu fis-seħħ, skond kif ikun il-każ, dan il-ftehim jekk ma jkunux lesti li jimmodifikawh skond dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Għandha ssir dispożizzjoni għar-rivista sossegwenti ta' l-implimentazzjoni tar-rakkommandazzjonijiet.

11. Il-għaqdiet tad-dwana u l-kostitwenti taż-żoni tal-kummerċ ħieles għandhom jirrapportaw perjodikament lill-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti, kif previst mill-Partijiet Kontraenti tal-GATT 1947 fl-istruzzjoni tagħhom lill-Kunsill tal-GATT 1947 dwar il-ftehimijiet reġjonali (BISD 28S/38), dwar l-operat tal-ftehim rilevanti tagħhom. Kull bidliet u/jew żviluppi sinifikanti fil-ftehimijiet għandhom jiġu rrappurtati hekk kif jiġru.

Is-Soluzzjoni tal-Kontroversji

12. Jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli XXII u XXIII tal-GATT 1994 kif elaborati u applikati mill-Fehim dwar is-Soluzzjoni tal-Kontroversji rigward kull materja li tinħoloq mill-applikazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu XXIV li jkollhom x'jaqsmu mal-għaqdiet tad-dwana, iż-żoni tal-kummerċ ħieles jew il-ftehimijiet interim li jwasslu għall-fomazzjoni ta' għaqda tad-dwana jew żona tal-kummerċ ħieles.

Artikolu XXIV 12

13. Kull Membru huwa resposabbli għal kollox skond il-GATT 1994 mill-osservanza tad-dispożizzjonijiet kollha tal-GATT 1994, u għandu jieħu dawk il-miżuri raġjonevoli li jistgħu jkunu disponsibbli għalih sabiex jiżgura din l-osservanza mill-gvernijiet u l-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-territorju tiegħu.

14. Jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli XXII u XXIII tal-GATT 1994 kif elaborati u applikati mill-Fehim dwar is-Soluzzjoni tal-Kontroversji rigward miżuri li jaffettwaw l-osservanza tiegħu meħuda mill-gvernijiet jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali fit-territorju ta' Membru. Meta l-Korp tas-Soluzzjoni tal-Kontriversji jaqtagħha li dispożizzjoni tal-GATT 1994 ma tkunx ġiet osservata, il-Membru responsabbli għandu jieħu dawk il-miżuri raġjonevoli li jistgħu jkunu disponibbli għalih sabiex jiżgura l-osservanza tagħha. Id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kumpens u s-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra, japplikaw fil-każijiet meta ma jkunx possibbli li tiġi żgurata din l-osservanza.

15. Kull Membru jindaħal li jagħti konsiderazzjoni simpatetika u jkun jista' jagħti opportunità adegwata għall-konsultazzjoni li tirrigwarda kull rappreżentazzjoni magħmula minn Membru ieħor rigward miżuri li jaffettwaw l-operat tal-GATT 1994 meħuda fit-territorju ta' ta' l-ewwel.

--------------------------------------------------

IL-FEHIM DWAR ID-DISPOSIZZJONIJIET TAR-RINUNZJI SKOND IL-FTEHIM ĠENERALI DWAR IT-TARIFFI U L-KUMMERĊ TAS-SENA 1994

IL-MEMBRI HAWNHEKK JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

1. Talba għal rinunzja jew għall-estensjoni ta' rinunzja eżistenti għandha tiddeskrivi l-miżuri li Membru jipproponi li jieħu, il-għanijiet speċifiċi tal-politika li l-Membru jfittex li jsegwi u r-raġunijiet li jipprevjienu lill-Membru milli jikseb il-għanijiet tal-politika tiegħu b'miżuri konsistenti ma' l-obbligi tiegħu skond il-GATT 1994.

2. Kull rinunzja f'effett fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-WTO għandha ttemm, għajr jekk estiża skond il-proċeduri ta' hawn fuq u dawk ta' l-Artikolu IX tal-Ftehim dwar il-WTO, fid-data ta' l-iskadenza taagħha jew wara sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-WTO, liema minnhom tkun l-iktar bikrija.

3. Kull Membru li jikkunsidra li benefiċċju li jmiss lilu skond il-GATT 1994 ikun qiegħed jiġi mxejjen jew imdgħajjef minħabba:

(a) in-nuqqas tal-Membru li jkun ġie konċess rinunzja li josserva t-termini u l-kondizzjonijiet tar-rinunzja, jew

(b) l-applikazzjoni ta' miżura konsistanti mat-termini u l-kondizzjonijiet tar-rinunzja

jista' jinvoka d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu XXIII tal-GATT 1994 kif elaborati u applikati mill-Fehim dwar is-Soluzzjon tal-Kontroversji.

--------------------------------------------------

IL-FEHIM DWAR L-INTERPRETAZZJONI TA' L-ARTIKOLU XXVIII TAL-FTEHIM ĠENERALI DWAR IT-TARIFFI U L-KUMMERĊ TAS-SENA 1994

IL-MEMBRI HAWNHEKK JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

1. Għall-għanijiet tal-modifika jew l-irtirar ta' konċessjoni, il-Membu li jkollu l-ogħla proporzjon ta' esportazzjonijiet affettwati mill-konċessjoni (jżpifierei l-esportazzjonijiet tal-prodott lejn is-suq tal-Membru li jimmodifika jew jirtira l-konċessjoni) rigward l-esportazzjonijiet totali tiegħu għandu jitqies li jkollu interess prinċipali ta' forniment jekk ma jkollux diġà dritt inizjali tan-negozjati jew interess prinċipali tal-forniment kif ipprovvdut fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu XXVIII. Madankollu huwa miftiehem li dan il-paragrafu jrid jiġi revist mill-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti fi żmien ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-WTO bil-ħsieb li jiġi deċiż jekk dan il-kriterju jkunx ħadem b'mod sodisfaċenti f'li jiżgura distribuzzjoni mill-ġdid tad-drittijiet tan-negozjar favur il-Membri esportaturi ż-żgħar u ta' daqs medju, Jekk dan ma jkunx il-każ, trid tingħata konsiderazzjoni għal titjib possibbli, inkluż, fid-dawl tad-disponibbiltà ta' informazzjon adegwata, l-adozzjoni ta' kriterju msejjes fuq il-proporzjon ta' l-esportazzjonijiet affettwati mill-konċessjoni lill-esportazzjonijiet lejn is-swieq kollha tal-prodott fil-kwistjoni.

2. Meta Membru jikkunsidra li jkollu interess ewlieni tal-forniment fit-termini tal-paragrafu 1, għandu jikkomunika l-pretensjoni tiegħu bil-miktub, bix-xiehda ta' sostenn, lill-Membu li jipproponi l-modifika jew l-irtirar ta' konċesjoni, u fl-istess żmien jgħarraf lis-Segretarjat. F'dawn il-każijiet għandu japplika l-paragrafu 4 tal-"Proċeduri għan-Negozjati skond l-Artikolu XXVIII" adottati fil-10 ta' Novembru 1980 (BISD 27S/26-28).

3. Meta jkun qiegħed jiġi stabbilit liema Membri jkollhom interess ewlieni tal-forniment (sewwa jekk kif ipprovvdut fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq u sewwa jekk fil-paragrafu 1 ta' l-Artikolu XXVIII) jew interess sostanzjali, għandu jittieħed f'konsiderazzjoni biss il-kummerċ fil-prodott affettwat li jkun sar fuq il-bażi ta' MFN. Madankollu, għandu jitqies ukoll il-kummerċ fil-prodott affettwat li jkun sar skond preferenzi mhux kontrattwali jekk il-kummerċ fil-kwistjoni jkun temm milli jibbenefika minn dan it-trattament preferenzali, biex b'hekk isir kummerċ ta' MFN, fil-waqt tan-negozjati għal modifika jew l-irtitar tal-konċessjoni, jew iridu jagħmlu dan sakemm jintemm dan in-negozjar.

4. Meta konċessjoni ta' tariffa tiġi mmodifikata jew irtirata fuq prodott ġdid (jiġifieri li ma jkunux disponibbli għalih l-istatistiċi tal-kummerċ għal tliet snin) il-Membru li jippossjiedi d-drittijiet inizjali tan-negozjar tad-drittijiet dwar il-linja tat-tariffi meta l-prodott ikun ikklassifikat jew ikklassifikat qabel, għandu jitqies li jkollu d-dritt inizjali tan-negozjar fil-konċessjoni fil-kwistjoni. Il-mod kif jiġu stabbiliti l-interessi ewliena tal-forniment u l-interessi sostanzjali u l-kalkolu tal-kumpens għandhom iqisu, fost ħwejjeġ oħra, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-investiment fil-prodott affettwat fil-Membru esportatur u l-estimi tat-tkabbir ta' l-esportazzjonijiet, kif ukoll it-tbassir tad-domanda għall-prodott fil-Membru importatur. Għall-għanijiet ta' dan il-paragrafu, "prodott ġdid" huwa mifhum li jinkludi oġġett tat-tariffa maħluq permezz ta' tbegħid mill-linja eżistenti tat-tariffi.

5. Meta Membru jikkunsidra li jkollu interess ewlieni tal-forniment jew interess sostanzjali fit-termini tal-paragrafu 4 għandu jikkomunika l-pretensjoni tiegħu bil-miktub, bix-xiehda ta' sostenn, lill-Membu li jipproponi l-modifika jew l-irtirar ta' konċesjoni, u fl-istess waqt jgħarraf lis-Segretarjat. F'dawn il-każijiet għandu japlika l-paragrafu 4 tal-"Proċeduri għan-Negozjati skond l-Artikolu XXVIII" imsemmi hawn fuq.

6. Meta konċessjoni tat-tariffa mingħajr limitu tiġi mibdula bi kwota tar-rata tat-tariffa, l-ammont tal-kumpens ipprovvdut għandu jaqbeż l-ammont tal-kummerċ attwalment affettwat bil-modifika fil-konċessjonai. Il-bażi tal-kalkolu tal-kumpens għandu jkun l-ammont li bih il-prospetti futuri tal-kummerċ jaqbeż il-livell tal-kwota. Huwa mifhum li l-kalkolu tal-prospetti futuri tal-kummerċ għandhom ikunu msjesa fuq l-ikbar minn:

(a) il-kummerċ medju ta' kull sena fl-iktar perjodi reċenti taż-żmien li jirrappreżenta l-perjodu taż-żmien ta' tliet snin miżjud bir-rata medja ta' kull sena ta' l-importazzjonijiet f'dan l-istess żmien, jew b'10 %, liema minnhom ikun l-ikbar; jew

(b) il-kummerċ fis-sena l-iktar reċenti mżjud b'10 fil-mija.

Fl-ebda każ ma għandha l-lijabbiltà ta' Membru għall-kumpens taqbeż lil dik li tkun intitolata bl-irtirar komplet tal-konċessjoni.

7. Kull Membru li jkollu interess ewlieni tal-forniment, sewwa jekk ipprovvdut fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq u sewwa jekk fil-paragrafu 1 ta l-Artikolu XXVIII, f'konċessjoni li tiġi mmodifikata jew irtirata għandu jiġi mogħti dritt inizjali tan-negozjar fil-konċessjinijiet kontemporanji, għajr jekk tiġi miftiehma għamla oħra ta' kumpens mill-Membri interessati.

--------------------------------------------------

IL-PROTOKOLL TA' MARRAKESH

mal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994

IL-MEMBRI

Wara li wettqu n-negozjati fil-qafas tal-GATT 1947, skond id-Dikjarazzjoni Ministerjali tar-Round ta'l-Urugwaj,

HAWNHEKK JIFTIEHMU KIF ĠEJ;

1. Kull skeda annessa ma' dan il-Protokoll li jkollha x'taqsam ma' membru għandha ssir Skeda mal-GATT 1994 li jkollha x'taqsam ma' dan il-membru fid-data li fiha l-Ftehim dwar il-WTO jidħol fis-seħħ għal dan il-Membru. Kull skeda ssottomessa skond id-Dieċiżjoni Ministerjali dwar il-miżuri favur il-pajjiżi l-inqas żviluppati għandha titqies li hija annessa ma' dan il-Protokoll.

2. It-tnaqqis fit-tariffi miftiehma minn kull Membru għandu jiġi implimentat f'ħames tnaqqisiet egwali tar-rata, għajr jekk speċifikat xorta oħra fl-Iskeda ta' Membru. L-ewwel minn dan it-tnaqqis għandu jintgħamel effettiv fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-WTO, kull tnaqqis suċċessiv għandu jintgħamel effettiv fl-1 ta' Jannar ta' kull waħda mis-snin ta' wara, u r-rata finali għandha ssir effettiva mhux iktar tard mid-data ta' erba' snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-WTO, għajr kif jista' jiġi speċifikat xorta oħra fl-Iskeda ta' dan il-Membru. Għajr jekk speċifikat xorta oħra fl-Iskeda tiegħu, Membru li jaċċetta l-Ftehim dwar il-WTO wara d-dħul fis-seħħ tiegħu għandu jagħmel effettivi, fid-data li l-Ftehim jidħol fis-seħħ għalih, ir-rati kollha tat-tnaqqis li jkunu diġà saru flimkien mat-tnaqqis li kien ikun obbligat li jagħmel effettivi mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara, u għandu jagħmel effettivi l-bqija kollha tar-rati tat-tnaqqis fl-iskeda speċifikata fis-sena ta' qabel. Għandhom jitneħħew ix-xtur sa l-ewwel deċimali fir-rata mnaqqsa f'kull stadju, Rigward il-prodotti agrikoli, kif iddefiniti fl-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar il-Biedeja, it-tqegħid tat-tnaqqis fi stadji għandu jiġi implimentat kif speċifikat fil-partijiet rilevanti ta' l-iskedi.

3. L-implimentazzjoni tal-konċessjonijiet u ta' l-impenji li jkunu jinsabu fl-iskedi annessi ma' dan il-Protokoll għandhom ikunu bla ħsara, fuq talba, għall-eżami multilaterali tal-Membri. Dan irid ikun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Membri skond il-Ftehimijiet fl-Anness 1 A mal-Ftehim dwar il-WTO.

4. Wara li l-iskeda annessa ma' dan il-Protokoll li jkollha x'taqsam ma' Membru ssir Skeda mal-GATT 1994 skond id-dispożizzjoni tal-paragrafu 1, dan il-Membru għandu jkun ħieles f'kull waqt li jżomm jew jirtira fl-intier tagħha jew f'parti minnha l-konċessjoni f'din l-Iskeda rigward kull prodott li l-fornitur ewlieni tiegħu jkun kull parteċipant fir-Round ta' l-Urugwaj li l-iskeda tiegħu tkun għadha ma saritx Skeda mal-GATT 1994. Madankollu, din l-azzjoni tista' tittieħed biss wara avviż bil-miktub rigward kull żamma jew irtirar minn dawn ta' konċessjoni lill-Kunsill tal-Kummerċ fl-Oġġetti u wara li jkunu saru konsultazzjonijiet, fuq talba, ma' kull Membru, li l-iskeda rilevanti tiegħu tkun saret Skeda mal-GATT 1994 u li jkollu interess sostanzjali fil-prodott involut. Kull konċessjoni hekk miżmuma jew irtirata għandha tiġi applikata fil-jum li fih l-iskeda ta' Membru li jkollu l-interess ewlieni fil-forniment isir Skeda mal-GATT 1994, jew wara dan il-jum.

5. (a) Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar il-Biedja, għall-għan tar-rferiment fil-paragrafi 1:(b) u 1(ċ) ta' l-Artikolu II tal-GATT 1994 sad-data ta' dan il-Ftehim, id-data applikabbli rigward kull prodott li jkun bla ħsara għall-konċessjoni pprovvduta fi skeda tal-konċessjonijiet annessa ma' dan il-Protokoll għandha tkun id-data ta' dan il-Protokoll.

(b) Għall-għan tar-riferiment fil-paragrafu 6(a) ta' l-Artikolu II tal-GATT 1994 għad-data ta' dan il-Ftehim, id-data applikabbli rigward skeda ta' konċessjonijiet annessa ma' dan il-Protokoll għandha tkun id-data ta' dan il-Protokoll.

6. Fil-każijiet ta' modifika jew l-irtirar tal-konċessjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mal-miżuri ta' mingħajr tariffi kif jinsabu fil-Parti III ta' l-iskedi, għandhom japplikaw id-disposizjoniiet ta' l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 u l-"Proċeduri għan-Negozjati skond l-Artikolu XXVIII" adottat fil-10 ta' Novembru 1980 (BISD 27S/26-28). Dan irid ikun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Membri skond il-GATT 1994.

7. F'kull każ li fih skeda annessa ma' dan il-protokoll tirriżulta rigward kull prodott fi trattament inqas favorevoli milli kien ipprovvdut fl-iskedi mal-GATT 1947 qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-WTO, il-Membru li miegħu jkollha x'taqsam l-iskeda għandu jitqies li jkun ħa azzjoni approprjata kif kien ikun xorta waħda meħtieġ skond id-disposizzzjonijiet ta' l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1947 jew 1994. Id-disposizzjoniiet ta' dan il-paragrafu għandhom japplikaw biss għall-Eġittu, il-Perù, l-Afrika ta' Isfel u l-Urugwaj.

8. L-Iskedi annessi hawnhekk huma awtentiċi fl-ilsien Ingliż, Franċiż jew Spanjol kif speċifikat f'kull Skeda.

9. Id-data ta' dan il-Protokoll hija l-15 ta' April 1994.

(L-iskedi miftiehma tal-parteċipanti jridu jiġu annessi mal-Protokoll ta' Marrakesh fil-kopja tat-trattat tal-Ftehim dwar il-WTO.

--------------------------------------------------