21980A0227(02)



Official Journal L 226 , 29/08/1980 P. 0034 - 0042
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 9 P. 0191
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 9 P. 0191
Greek special edition: Chapter 11 Volume 21 P. 0144
Spanish special edition: Chapter 04 Volume 1 P. 0133
Portuguese special edition Chapter 04 Volume 1 P. 0133


Ftehim

bejn il-Gvern tar-Repubbika tal-Guinea Bissau u l-Komunità Ekonomika Ewropea dwar is-sajd barra l-kosta tal-Guinea Bissau

IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-GUINEA BISSAU U L-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa "l-Komunità");

WARA LI FTAKRU r-relazzjonijiet tajbin bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Guinea Bissau;

FI SPIRTU TA' KOPERAZZJONI li irriżulta mill-Konvenzjoni ta' Lomé, li jissimbolizza x-xewqa komuni taz-zewġ partijiet sabiex jintensifikaw ir-relazzjonijiet ta' ħbiberija bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew, tal-Paċifiku u l-Komunità.

FILWAQT LI JIKKONSIDRAW l-interess reċiproku fl-amministrazzjoni razzjonali, konservazzjoni u fl-aħjar użu ta' l-iskorti tal-ħut, notevolment fil-Punent Centrali ta' l-Atlantiku;

Billi r-Repubblika tal-Guinea Bissau teżerċita s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħha, dwar is-sajd fil- bahar, fuq żona li testendi għal iktar minn 200 mil nawtiku mill-kosta tagħha;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-fatt li bastimenti li jtellgħu il-bandiera ta' l-Istati Membri tal-Komunità bi drawwa jistadu f'din iż-żona;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ix-xogħol tat-Tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar;

FILWAQT LI DIKJARAW li l-Istati kostali li jezerċitaw id-drittijiet sovrana fl-ibħra li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, għal-skopijiet ta' esplorazzjoni, utilizzazzjoni, konservazzjoni u amministrazzjoni tar-riżorsi ħajjin tagħhom, għandhom ikunu skond il-prinċipji tal-liġi internazzjonali;

DETERMINATI biex imexxu r-relazzjonijiet tagħhom bi spirtu ta' fiduċja reċiproka u ta' rispett għall-interessi ta' xulxin rigward is-sajd tal-baħar;

XEWQANIN biex jistabbilixxu t-termini u l-kondizzjonijiet li jirregolaw is-sajd, li huma ta' interess reċiproku għall-partijiet,

FTIEHMU DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-għan ta' dan il-ftehim hu li jistabbilixxi l-prinċipji u r-regoli li għandhom jirregolaw fil-futur, f'kull każ, l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti li jtellgħu il-bandiera ta' l-Istati Membri tal-Komunità, hawnekk iktar 'il quddiem imsejħa "bastimenti tal-Komunità", fl-ibħra li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Guinea Bissau, f'dak li għandu x'jaqsam mas-sajd, hawnhekk iktar il quddiem imsejħa "iż-żona riservata għas-sajd tal-Guinea Bissau".

Artikolu 2

Il-Gvern tar-Repubblika tal-Guinea Bissau ħa r-resposabbiltà li jawtorizza l-bastimenti tal-Komunità biex ikunu jistgħu jistadu fiż-żona riservata għas-sajd tal-Guinea Bissau, skond il-kondizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, partikolarment dawk stipulati fl-Anness.

Artikolu 3

1. Il-Komunità ħadet ir-responsabbiltà li tieħu l-passi xierqa biex tassigura li l-bastimenti tal-Komunità iżommu mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u kif ukoll mar-regoli u l-liġijiet li jirregolaw is-sajd fiż-żona riservata għas-sajd tal-Guinea Bissau.

2. L-awtoritajiet tal-Guinea Bissau għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bil-quddiem jekk ikun hemm xi bdil fl-istess regoli u liġijiet.

Artikolu 4

1. Is-sajd mill-bastimenti tal-Komunità fiż-żona riservata għas-sajd tal-Guinea Bissau, għandu jkun suġġett għal pussess ta' liċenza maħruġa fuq talba tal-Komunità, mill-awtoritajiet tal-Guinea Bissau.

2. L-awtoritajiet tal-Guinea Bissau għandhom joħorġu liċenzi għas-sajd fil-limiti stabbiliti skond il-kategoriji tal-bastimenti fil-Protokoll u msemmija fl-Artikolu 9.

3. Il-liċenzi għandhom ikunu validi mid-data tal-ħruġ tal-liċenza sal-31 ta' Diċembru ta' l-istess sena li fiha nħarġu, jew inkella għal perjodu ta' sitt xhur minn l-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju jew minn l-1 ta' Lulju sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena.

4. Il-liċenza għandha tkun maħruġa għal bastiment speċifikat u m’hix trasferibbli.

5. F’kaz li bastiment li jkollu liċenza fil-pussess tiegħu ma jkunx jista' juzaha minħabba forzi maġġuri, l-liċenza tista' tiġi mibdula fuq talba tal-Komunità b'oħra li tkun valida għal bastiment ta' l-istess kategorija.

Artikolu 5

1. Il-liċenzi għandhom jiġu maħruga mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Guinea Bissau u għandhom ikunu suġġetti għal ħlas ta' miżata mill-proprjetarju tal-bastiment konċernat.

2. Il-miżati li għandhom jiġu mħallsa għal kull kategorija ta' bastiment huma speċifikati fl-Anness taħt A.1. Il-miżati għandhom jitħallsu kollha qabel ma jinħarġu l-liċenzi; madankollu, l-miżati stmati skond il-bażi ta' l-ammont ta' ħut maqbud fiż-żona riservata għas-sajd tal-Guinea Bissau, skond id-dispożizzjonijiet tal-punt A.2 ta l-Anness, għandhom jitħallsu f'daqqa bil-quddiem, akkompanjati minn garanzija ta' bankier li tkopri kull ammont miżjud li hu neċessarju biex iwasslu għall-ammont sħiħ dovut fl-aħħar ta' kull staġun.

3. Ir-rati għandhom jiġu mfassla approporzjonalment tal-perjodu ta' validità tal-liċenza.

Artikolu 6

Iż-żewġ partijiet għandhom jieħdu r-responsabbiltà li jieħdu azzjoni, jew direttament jew inkella bil-għajnuna ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, biex jassiguraw l-amministrazzjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin, b'mod partikolari fil-Punent Ċentrali ta' l-Atlantiku, u kif ukoll biex jiffaċilitaw ir-riċerka relevanti xjentifika.

Artikolu 7

Il-bastimenti awtorizzati biex jistadu fiż-żona riservata għas-sajd tal-Guinea Bissau skond dan il-ftehim għandhom ikunu obbligati li jagħtu lill-awtoritajiet konċernati tal-Guinea Bissau, dikjarazzjoni fuq il-qabda tal-ħut skond l-arranġamenti stabbiliti taħt B fl-Anness ta' dan il-ftehim.

Artikolu 8

Il-bastimenti li permezz ta' dan il-ftehim huma awtorizzati li jistadu fiż-żona riservata għas-sajd tal-Guinea Bissau, jistgħu jkunu obbligati li jniżżlu l-art ċertu ammont mill-ħut maqbud f'din iż-żona, fil-portijiet tal-Guinea Bissau.

Il-kwantitajiet u l-kondizzjonijiet ta' dawn l-ammonti għandhom ikunu determinati mill-Kumitat konġunt previst fl-Artikolu 11.

Artikolu 9

Biex tpatti għall-opportunitajiet tas-sajd ikkonċeduti f'dan il-Ftehim, il-Komunità għandha tħallas kumpens lir-Repubblika tal-Guinea Bissau, kif inhu stipulat fil-Protokoll ta' dan il-Ftehim.

Dan il-kumpens, li għandu jiġi mħallas mingħajr preġudizzju għal finanzjament ikkonċedut lir-Repubblika tal-Guinea Bissau taħt il-Konvenzjoni, għandu jiġi mobilizzat skond il-proċedura speċjali deskritta fl-istess Protokoll.

Dan il-kumpens għandu jintuża biex jiffinanzja proġetti, konnessi mas-sajd fil-baħar u fl-ilma frisk.

Artikolu 10

Iż-żewġ partijiet ftehmu li jikkonsultaw lil xulxin fil-każ li jkun hemm xi kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 11

Kumitat konġunt għandu jiġi mwaqqaf biex jassigura li dan il-Ftehim jiġi applikat korrettament.

Il-Kumitat għandu jiltaqa' darba fis-sena, bis-siti ghal-laqghat jalternaw bejn il-Guinea Bissau u l-Komunità, u għandu jorganizza laqghat speċjali fuq talba ta' kull wieħed miż-żewġ partijiet.

Il-Kumitat konġunt għandu jiltaqa' b'mod partikolari malli tkun adottata l-leġislazzjoni l-ġdida li tirregola s-sajd fl-ibħra tal-Guinea Bissau, sabiex tara jekk l-Anness għandux jiġi mibdul.

Artikolu 12

Fil-każ li l-awtoritajiet tal-Guinea Bissau jiddeċiedu li jbiddlu l-miżuri ta' konservazzjoni, minħabba xi bidliet imprevvisti fl-iskorti tal-ħut, li fl-opinjoni tal-Komunità għandhom effett konsiderevoli fuq is-sajd tal-bastimenti tal-Komunità, iż-żewġ partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin biex jadattaw l-Anness u l-Protokoll msemmija fl-Artikolu numru 9.

Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom ikunu bażati fuq il-prinċipju li kull nuqqas fl-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll għandhom ikunu kumpensati b'opportunitajiet ta' sajd ta' l-istess valur, minħabba l-kumpens li l-Komunità tkun diġa ħallset.

Artikolu 13

Xejn minn dan il-Ftehim ma għandu jaffettwa jew jippreġudika bi kwalunkwe mod il-fehmiet ta' wieħed jew l-ieħor miż-żewġ partijiet, f'dak li għandu x'jaqsam mal-liġi tal-baħar.

Artikolu 14

Dan il-ftehim għandu jgħodd, kemm għat-territorji fejn fihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-istess Trattat, u kif ukoll għat-territorju tar-Repubblika tal-Guinea Bissau.

Artikolu 15

Il-partijiet ftehmu li jeżaminaw dan il-Ftehim hekk kif jiġu konklużi n-negozjati għat-Trattat Multilaterali, li huma mmexxija fid-dawl tat-Tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.

Artikolu 16

L-Anness u l-Protokoll jiffurmaw parti integrali ta' dan il-Ftehim, u jekk mhux speċifikat b'mod ieħor, referenza għal dan il-Ftehim hi referenza għalihom ukoll.

Artikolu 17

Dan il-Ftehim għandu jkun konkluż għal perjodu inizjali ta' sentejn, li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta dan il-Ftehim. Fil-każ li dan il-Ftehim ma jiġix mitmum minn kwalunkwe parti permezz ta' avviż tat-tmiem mogħti mill-inqas sitt xhur qabel l-għeluq ta' dan il-perjodu ta' sentejn, il-Ftehim għandu jibqa' validu għal perjodi addizzjonali ta' sena, dejjem jekk l-avviż tat-tmiem ma jkunx ingħata mill-inqas tlett xhur qabel l-għeluq ta' kull perjodu ta' sena.

In-negozjati għandhom isiru bejn iż-żewġ partijiet biex jiġu stabbiliti bi ftehim reċiproku l-emendi u l-addizzjonijiet li għandhom isiru fl-Anness jew fil-Protokoll.

Artikolu 18

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha ż-żewġ partijiet jgħarrfu lil xulxin bil-konkluzjoni tal-proċeduri neċessarji għal dan il-għan.

--------------------------------------------------

ANNESS

KONDIZZJONIJIET TA' L-ANNESS GĦALL-INSEGWIMENT TA' L-ATTIVITAJIET TAS-SAJD FIŻ-ŻONA RISERVATA GĦAS-SAJD TAL-GUINEA BISSAU MINN VAPURI LI JTELLGĦU IL-BANDIERA TA' L-ISTATI MEMBRI TAL-KOMUNITÀ

A. Applikazzjonijiet għal-liċenzi u formalitajiet tal-ħruġ

Il-proċedura ta' l-applikazzjonijiet għal, u l-ħruġ ta' dawn il-liċenzi annwali li jawtorizzaw bastimenti li jtellgħu il-bandiera ta' l-Istati Membri tal-Komunità li jistadu fiż-żona riservata għas-sajd tal-Guinea Bissau, għandha tkun b’hekk stabbilita:

1. L-awtoritajiet relevanti tal-Komunità għandhom jippreżentaw lill-Ufficċju tas-Segretarju ta' l-Istat għas-Sajd tar-Repubblika tal-Guinea Bissau, permezz tad-Delegazzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-Guinea Bissau, applikazzjoni għal kull bastiment li jixtieq jistad skond dan il-Ftehim.

L-applikazzjonijiet ghandhom isiru fuq il-forom provduti mill-Gvern tal-Guinea Bissau ghal dak l-iskop. Kopja ta' din l-applikazzjoni hi mogħtija taħt A.1 hawn taht.

Il-miżati għandhom ikunu stabbiliti skond l-iskali li ġejjin:

(a) bottom trawlers:

FRF 420 kull grt kull sena;

(b) dgħajjes għat-tonn bil-friża:

FRF 0704 kull kilo ta' ħut maqbud

2. L-applikazzjonijiet għal-liċenzi għad-dgħajjes tat-tonn għandhom ikunu akkumpanjati minn prova ta' ħlas ta' somma sħiħa li hi ekwivalenti għal 1000 tunnellata tonn għall-flotta kollha, u kif ukoll minn garanzija tal-bank li tkopri l-ħlas dovut fl-aħħar ta' kull staġun fil-każ ta "qabdiet li jkunu aktar mill-kwantità msemmija hawn fuq."

Fil-każ ta' xi żbark tal-ħut kif inhu stabbilit fl-Artikolu 8 ta' dan il-Ftehim, pagamenti ta' valur iżgħar għandhom jiġu stabbiliti mill-Kumitat konġunt.

3. L-awtoritajiet relevanti tal-Guinea Bissau għandhom jeżaminaw kull applikazzjoni biex jaraw li jikkonformaw ma' dan il-Ftehim u l-leġislazzjoni tal-Guinea Bissau u għandhom ukoll japplikaw l-iskali ta' miżati li għandhom jiġu mħallsa.

L-awtoritajiet relevanti tal-Guinea Bissau għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-Komunità bid-deċiżjonijiet tagħhom.

4. Il-liċenzi maħruġa mal-ħlas tal-miżati għandhom ikunu validi għal bastiment speċifikat u ma jkunux trasferibbli.

5. Fil-każ li jkun hemm xi diffikultajiet jew il-bżonn ta' informazzjoni addizzjonali meta jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet u jinħarġu l-liċenzi, għandhom isiru konsultazzjonijiet bejn ir-rappreżentanti tal-partijiet kontraenti, b'mod partikolari permezz ta' l-Ufficċju tas-Segretarju ta' l-Istat għas-Sajd u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-Guinea Bissau.

B. Dikjarazzjoni tal-Qabda

1. Kull vapur li hu awtorizzat biex jistad fl-ibħra tal-Guinea Bissau permezz ta' dan il-Ftehim hu obbligat li jibgħat dikjarazzjoni tal-qabda tagħhom kif inhu speċifikat hawn taħt B.1.

Id-dikjarazzjoni tal-qabda għandha tiġi kompilata kull xahar u preżentata mill-inqas darba kull tlett xhur.

Jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jiġux miżmuma, l-Gvern tal-Guinea Bissau għandu d-dritt li jissospendi l-liċenza tal-bastiment responsabbli sakemm il-formalità tkun irrealizzata.

2. Kull bastiment tal-Komunità li jistad fiż-żona riservata għas-sajd tal-Guinea Bissau għandu jippermetti lil kull uffiċjal tal-Guinea Bissau li hu responsabbli għall-ispezzjoni u biex jiċċekkja l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, li jitla' abbord minbarra li anki jassistih biex jagħmel id-dmirijiet tiegħu.

C. Għotjiet għat-taħriġ

Iż-żewġ partijiet jaqblu li l-kondizzjoni essenzali għas-suċċess ta' din il-kooperazzjoni hi t-titjib tal-kompetenzi u l-kapaċitajiet tal-persunal imqabbad biex jaħdem fis-sajd tal-baħar. Għal dan il-għan il-Komunità Ekonomika Ewropea għandha tagħmilha iktar faċli għaċ-ċittadini tal-Guinea Bissau biex isibu postijiet fl-istabbilimenti fl-Istati Membri u għandha tipprovdi wkoll għotjiet lill-istudenti u għat-taħriġ għal dan il-għan, fid-diversi suġġetti xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi dwar is-sajd.

--------------------------------------------------

A.1

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

B.1. paġna 2

STRUZZJONIJIET DWAR IL-KITBA FIL-LOG-BOOK

Kull kaptan tal-vapur għandu jkun responsabbli għall-informazzjoni fornuta ta' kull xahar lejn l-Uffiċcju tas-Segretarjat ta "l-Istat għas-Sajd. Huwa għandu jimla l-log-book fl-ispirtu tal-koperazzjoni kandida."

L-informazzjoni li ġejja hija meħtieġa:

Xahar: | Sena: |

2. Isem id-dgħajsa:

Nazzjonalità (bandiera)

3. Ratar tal-magna fi HP:

Tunnellaġġ gross irreġistrat (GRT):

4. Metodu tas-sajd (apparat)

Port ta "l-iżbark:"

It-tabella statistikali tal-qabdiet u l-attività tas-sajd hija diviża f'żewġ partijiet.

L-ewwel parti turi l-attività normali ta' kuljum tas-sajd (kull linja orizzontali tikkorrespondi għall-attività tal-jum). L-ewwel paġna għandha tkun użata għall-ewwel nofs tax-xahar u t-tieni paġna għall-aħħar nofs.

Il-kaptan għandu jindika ż-żona tas-sajd billi jagħmel nota dwar il-latitudini u l-lonġitudini. Għandu jagħmel nota tan-numru tal-ħinijiet li x-xibka tkun varata ta' kuljum. Għandu jagħti n-numru totali tas-siegħat tas-sajd għal kull jum.

It-tieni parti tal-log hija għall-informazzjoni dwar il-qabdiet, f'kilogrammi jew tunnellati. Hemm seba' kolonni, waħda għal kull speċje. Biss dawk is-sitta li huma l-ispeċi l-aktar importanti għandhom ikunu miktuba fil-log. Il-kolonna ta' qabel kull total (intestata "oħrajn") għandha tkun reservata għall-ispeċje l-oħrajn kollha kif maqbuda.

Il-logs ta' kull xahar, ladarba mimlija, għandhom ikunu mibgħuta, ta' kull xahar, lill-Uffiċju tas-Segretarju ta "l-Istat għas-Sajd, dwar dawk id-dgħajjes li jiżbarkaw il-qabdiet tagħhom f'Bissau. Għal dgħajjes oħrajn, il-logs ta' kull xahar, għandhom jintbgħatu, mimlija kif xieraq, lill-Ufficċju tar-Segretarju ta" l-Istat tal-Istat għas-Sajd darba kull tlett xhur.

--------------------------------------------------

Protokoll

bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Guinea Bissau

IL-PARTIJIET GHAL DAN IL-PROTOKOLL,

Wara li KUNSIDRAW il-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Guinea Bissau dwar is-sajd barra l-kosta tal-Guinea Bissau, iffirmat fis-27 ta' Frar 1980,

FTIEHMU KIF GEJ:

Artikolu 1

Il-limiti msemmija fl-Artikolu 4 tal-Ftehim imsemmi hawn fuq, għandhom jiġu stabbiliti kif ġej, għall-ewwel sentejn ta' l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim:

1.Bottom trawlers: | 6500 grt, |

2Dghajjes tas-sajd ghat-ton mghammra b’apparat ta’ friza: | 23300 grt |

Artikolu 2

Il-kumpens imsemmi fl-Artikolu 9 ta' dan il-Ftehim għandu jiġi stabbilit għall-ewwel sentejn ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għal FF12800000.

Artikolu 3

1. L-użu ta' dan il-kumpens previst fl-Artikolu 2 għandu jkun responsabbiltà tal-Guinea Bissau waħedha.

2. Il-Gvern tal-Guinea Bissau għandu jinforma lill-Komunità Ekonomika Ewropea bil-programm għall-użu ta' dan il-kumpens.

Artikolu 4

1. Dan il-kumpens għandu jkun mobilizzat f'żewġ rati annwali ta' l-istess ammont.

2. Dan il-kumpens għandu jiġi depożitat f'kont miftuħ ma' istituzzjoni finanzjarja magħzula mill-Gvern tal-Guinea Bissau.

Artikolu 5

Jekk il-Komunità Ekonomika Ewropea tonqos milli tħallas il-pagamenti previsti f'dan il-Protokoll, dan il-Ftehim dwar is-sajd għandu jkun sospiż.

Artikolu 6

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha il-partijiet jgħarrfu lil xulxin bil-konkluzjoni tal-proċeduri neċessarji għal dan il-għan.

--------------------------------------------------