12.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 384/178


Dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit

(2019/C 384 I/02)

INTRODUZZJONI

1.

L-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Renju Unit”, (“il-Partijiet”) qablu dwar din id-dikjarazzjoni politika dwar ir-relazzjoni futura tagħhom, fuq il-bażi li l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprevedi n-negozjati ta’ ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ ta’ Stat Membru li ħiereġ, b’kont meħud tal-qafas għar-relazzjoni futura tiegħu mal-Unjoni. F’dak il-kuntest, din id-dikjarazzjoni takkumpanja l-Ftehim dwar il-Ħruġ li ġie approvat mill-Partijiet, soġġett għal ratifika.

2.

L-Unjoni u r-Renju Unit jinsabu determinati li jaħdmu flimkien biex jissalvagwardaw l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, l-istat tad-dritt u l-promozzjoni tad-demokrazija, u l-istandards għoljin tal-kummerċ liberu u ġust u d-drittijiet tal-ħaddiema, il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent, u l-kooperazzjoni kontra t-theddidiet interni u esterni għall-valuri u l-interessi tagħhom.

3.

F’dak il-ispirtu, din id-dikjarazzjoni tistabbilixxi l-parametri ta’ sħubija ambizzjuża, wiesgħa, approfondita u flessibbli fil-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika bi Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles komprensiv u bbilanċjat fil-qalba tagħha, l-infurzar tal-liġi u l-ġustizzja kriminali, il-politika estera, is-sigurtà u d-difiża u oqsma usa’ ta’ kooperazzjoni. Fejn il-Partijiet iqisu li jkun fl-interess reċiproku tagħhom matul in-negozjati, ir-relazzjoni futura tista’ tinkludi oqsma ta’ kooperazzjoni lil hinn min dawk deskritti f’din id-dikjarazzjoni politika. Din ir-relazzjoni ser tkun imsejsa fuq il-valuri u l-interessi li jikkondividu l-Unjoni u r-Renju Unit. Dawn jirriżultaw mill-ġeografija, l-istorja u l-ideali tagħhom li huma stabbiliti fil-wirt komuni Ewropew tagħhom. L-Unjoni u r-Renju Unit jaqblu li l-prosperità u s-sigurtà jissaħħu bit-tħaddin tal-kummerċ liberu u ġust, id-difiża tad-drittijiet individwali u l-istat tad-dritt, il-protezzjoni tal-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent, u l-għaqda kontra t-theddidiet għad-drittijiet u l-valuri minn barra u minn ġewwa.

4.

Ir-relazzjoni futura ser tkun imsejsa fuq bilanċ ta’ drittijet u obbligi, b’kont meħud tal-prinċipji ta’ kull Parti. Dan il-bilanċ għandu jiżgura l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni u jkun konsistenti mal-prinċipji tal-Unjoni, b’mod partikolari rigward l-integrità tas-Suq Uniku u l-Unjoni Doganali u l-indiviżibbiltà tal-erba’ libertajiet. Huwa għandu wkoll jiżgura s-sovranità tar-Renju Unit u l-protezzjoni tas-suq intern tiegħu, filwaqt li jirrispetta r-riżultat tar-referendum tal-2016 inkluż fir-rigward tal-iżvilupp tal-politika kummerċjali indipendenti tiegħu u t-tmiem tal-moviment liberu tal-persuni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

5.

Il-perijodu tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni irriżulta f’livell għoli ta’ integrazzjoni bejn l-ekonomiji tal-Unjoni u tar-Renju Unit, u f’ passat u futur li ntisġu flimkien tal-persuni u l-prijoritajiet tal-Unjoni u tar-Renju Unit. B’mod inevitabbli, ser ikun jeħtieġ li r-relazzjoni futura tieħu kont ta’ dan il-kuntest uniku. Filwaqt li ma tistax tammonta għad-drittijiet jew l-obbligi ta’ sħubija, il-Partijiet jaqblu li l-approċċ tar-relazzjoni futura għandu jsir b’ambizzjoni kbira fir-rigward tal-ambitu u l-profondità tagħha, u jagħrfu li din tista’ tevolvi biż-żmien. Fuq kollox, għandha tkun relazzjoni li ser taħdem fl-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni u tar-Renju Unit, issa u fil-futur.

PARTI I: DISPOŻIZZJONIJIET INIZJALI

I.   Bażi għall-kooperazzjoni

A.   Valuri u drittijiet fundamentali

6.

Il-Partijiet jaqblu li r-relazzjoni futura għandha tkun mirfuda minn valuri komuni bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u s-salvagwardja tagħhom u l-libertajiet fundamentali, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-appoġġ għan-nonproliferazzjoni. Il-Partijiet jaqblu li dawn il-valuri huma prerekwiżit essenzjali għall-kooperazzjoni prevista f’dan il-qafas. Il-Partijiet jirriaffermaw ukoll l-impenn tagħhom għall-promozzjoni ta’ multilateraliżmu effettiv.

7.

Ir-relazzjoni futura għandha tinkorpora l-impenn kontinwu tar-Renju Unit lejn ir-rispett għall-qafas tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), filwaqt li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser jibqgħu marbuta bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tirriafferma d-drittijiet kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-KEDB.

B.   Protezzjoni tad-data

8.

Fid-dawl tal-importanza tal-flussi u l-iskambji tad-data fir-relazzjoni futura, il-Partijiet għandhom l-impenn li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali għall-faċilitazzjoni ta’ tali flussi bejniethom.

9.

Ir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data jipprevedu qafas li jippermetti lill-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-istandards tal-protezzjoni tad-data ta’ pajjiż terz bħala li jipprovdu livell adegwat ta’ protezzjoni, biex b’hekk jiġu ffaċilitati t-trasferimenti tad-data personali lil dak il-pajjiż terz. Abbażi ta’ dan il-qafas, il-Kummissjoni Ewropea ser tibda l-valutazzjonijiet fir-rigward tar-Renju Unit mill-aktar fis possibbli wara l-ħruġ tar-Renju Unit, u tagħmel l-almu tagħha biex tadotta deċiżjonijiet sa tmiem l-2020, jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet applikabbli. Filwaqt li jinnota li r-Renju Unit ser ikun qed jistabbilixxi r-reġim ta’ trasferiment internazzjonali tiegħu stess, fl-istess perijodu ta’ żmien ir-Renju Unit ser jieħu passi biex jiżgura l-faċilitazzjoni komparabbli tat-trasferimenti ta’ data personali lill-Unjoni, jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet applikabbli. Ir-relazzjoni futura mhix ser taffettwa l-awtonomija tal-Partijiet fuq ir-regoli rispettivi tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data personali.

10.

F’dan il-kuntest, il-Partijiet għandhom ukoll jagħmlu arranġamenti għal kooperazzjoni adatta bejn ir-regolaturi.

II.   Oqsma ta’ interess komuni

A.   Parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni

11.

Filwaqt li jinnutaw il-wisa’ u l-profondità maħsuba tar-relazzjoni futura u r-rabta mill-qrib bejn iċ-ċittadini tagħhom, il-Partijiet ser jistabbilixxu prinċipji ġenerali, termini u kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-Unjoni, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-istrumenti korrispondenti tal-Unjoni, f’oqsma bħax-xjenza u l-innovazzjoni, iż-żgħażagħ, il-kultura u l-edukazzjoni, l-iżvilupp barrani u l-azzjoni esterna, il-kapaċitajiet ta’ difiża, il-protezzjoni ċivili u l-ispazju. Dawn għandhom jinkludu kontribuzzjoni finanzjarja ġusta u adatta, dispożizzjonijiet li jippermettu ġestjoni finanzjarja soda miż-żewġ Partijiet, it-trattament ġust tal-parteċipanti, u l-ġestjoni u l-konsultazzjoni adatti għan-natura tal-kooperazzjoni bejn il-Partijiet.

12.

Il-Partijiet ser jesploraw ukoll il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-Konsorzji għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (KIER), soġġett għall-kondizzjonijiet tal-istrumenti legali tal-Unjoni u l-istatuti individwali tal-KIER, u b’kont meħud tal-livell ta’ parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi tal-Unjoni dwar ix-xjenza u l-innovazzjoni.

13.

Il-Partijiet ifakkru fl-impenn komuni tagħhom li jistabbilixxu programm PEACE PLUS futur biex jappoġġa l-ħidma fuq ir-rikonċiljazzjoni u l-futur komuni fl-Irlanda ta’ Fuq, waqt li jinżammu l-proporzjonijiet ta’ finanzjament attwali għall-programm futur.

B.   Djalogi

14.

Il-Partijiet għandhom jinvolvu ruħhom fi djalogi u skambji fl-oqsma ta’ interess komuni, bil-ħsieb li jiġu identifikati opportunitajiet għall-kooperazzjoni, jiġu kondiviżi l-aħjar prassi u għarfien espert, u jaħdmu flimkien, inkluż f’oqsma bħall-kultura, l-edukazzjoni, ix-xjenza u l-innovazzjoni. F’dawn l-oqsma, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-mobbiltà u l-moviment temporanju tal-oġġetti u t-tagħmir sabiex tkun possibbli l-kooperazzjoni. Il-Partijiet ser jesploraw ukoll il-kooperazzjoni li għaddejja bejn il-gruppi b’rabta mal-kultura u l-edukazzjoni.

15.

Barra minn hekk, il-Partijiet jinnutaw l-intenzjoni tar-Renju Unit li janalizza xi għażliet għal relazzjoni futura mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

PARTI II: SĦUBIJA EKONOMIKA

I.   Objettivi u prinċipji

16.

Il-Partijiet jirrikonoxxu li għandhom relazzjoni kummerċjali u ta’ investiment partikolarment importanti, li tirrifletti iżjed minn 45 sena ta’ integrazzjoni ekonomika matul is-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni, id-daqs taż-żewġ ekonomiji u l-prossimità ġeografika tagħhom, li wasslu għal katini ta’ provvista kumplessi u integrati.

17.

F’dan l-isfond, il-Partijiet jaqblu li jiżviluppaw sħubija ekonomika ambizzjuża, mifruxa u bbilanċjata. Din is-sħubija ser tkun komprensiva, u tħaddan fiha Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, kif ukoll kooperazzjoni settorjali usa’ fejn ikun ta’ interess reċiproku għaż-żewġ Partijiet. Hija ser tkun mirfuda minn dispożizzjonijiet li jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta, kif stabbilit fit-Taqsima XIV ta’ din il-Parti. Hija għandha tiffaċilita l-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet sa fejn ikun possibbli, filwaqt li tirrispetta l-integrità tas-Suq Uniku u l-Unjoni Doganali tal-Unjoni kif ukoll is-suq intern tar-Renju Unit, u tirrikonoxxi l-iżvilupp ta’ politika kummerċjali indipendenti mir-Renju Unit.

18.

Il-Partijiet ser iżommu l-awtonomija u l-kapaċità tagħhom li jirregolaw l-attività ekonomika skont il-livelli ta’ protezzjoni li kull wieħed iqis adatt sabiex jinkisbu l-objettivi leġittimi ta’ politika pubblika, bħas-saħħa pubblika, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent inkluż it-tibdil fil-klima, il-morali pubbliċi, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur, il-protezzjoni tal-privatezza u d-data, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali. Is-sħubija ekonomika ser tirrikonoxxi li l-iżvilupp sostenibbli huwa objettiv ġenerali tal-Partijiet. Is-sħubija ekonomika ser tipprevedi wkoll eċċezzjonijiet ġenerali adatti, inkluż b’rabta mas-sigurtà.

II.   Prodotti

A.   Objettivi u prinċipji

19.

Il-Partijiet jipprevedu li jkollhom relazzjoni kummerċjali ambizzjuża dwar il-prodotti abbażi ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, bil-ħsieb tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ leġittimu.

20.

Dawn l-arranġamenti ser jieħdu kont tal-fatt li wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, il-Partijiet ser jistabbilixxu swieq separati u ordnijiet ġuridiċi distinti. Iċ-ċaqliq tal-prodotti bejn il-fruntieri jista’ joħloq riskji għall-integrità u l-funzjonament tajjeb ta’ dawn is-swieq, li jitmexxew permezz ta’ proċeduri u verifiki doganali.

21.

Madankollu, bil-ħsieb tal-faċilitazzjoni tal-moviment tal-prodotti bejn il-fruntieri, il-Partijiet jipprevedu arranġamenti komprensivi li ser joħolqu żona ta’ kummerċ ħieles, li jgħaqqdu kooperazzjoni regolatorja u doganali profonda, mirfuda minn dispożizzjonijiet li jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni miftuħa u ġusta, kif stabbilit fit-Taqsima XIV ta’ din il-Parti.

B.   Tariffi

22.

Permezz ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, is-sħubija ekonomika għandha tiżgura li ma jkunx hemm tariffi, miżati, imposti jew restirzzjonijiet kwantitattivi fis-setturi kollha b’regoli tal-oriġini adatti u moderni li jakkumpanjawhom, u b’arranġamenti doganali ambizzjużi li huma konformi mal-objettivi u l-prinċipji tal-Partijiet msemmijin hawn fuq.

C.   Aspetti regolatorji

23.

Filwaqt li jippreservaw l-awtonomija regolatorja, il-Partijiet ser jimplimentaw dispożizzjonijiet għall-promozzjoni ta’ approċċi regolatorji li jkunu trasparenti, effiċjenti, li jħeġġu l-evitar ta’ ostakli mhux meħtieġa għall-kummerċ tal-prodotti u li jkunu kemm jista’ jkun kompatibbli. Id-dixxiplini dwar l-ostakli tekniċi għall-kummerċ (OTK) u l-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) għandhom jibbażaw fuq l-arranġamenti rispettivi tad-WTO u jmorru lil hinn minnhom. Speċifikament, id-dixxiplini dwar l-OTK għandhom jistabbilixxu prinċipji komuni fl-oqsma tal-istandardizzazzjoni, ir-regolamenti tekniċi, il-valutazzjoni tal-konformità, l-akkreditazzjoni, is-sorveljanza tas-suq, il-metroloġija u t-tikkettar. Il-Partijiet għandhom jittrattaw lil xulxin bħala entitajiet uniċi fir-rigward tal-miżuri SPS, inkluż għal finijiet ta’ ċertifikazzjoni, u jirrikonoxxu r-reġjonalizzazzjoni abbażi ta’ informazzjoni epidemjoloġika adatta pprovduta mill-parti li tesporta. Il-Partijiet ser jesploraw ukoll il-possibbiltà ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit ma’ aġenziji tal-Unjoni bħall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA).

D.   Dwana

24.

Il-Partijiet ser jimplimentaw arranġamenti doganali ambizzjużi, biex jilħqu l-objettivi ġenerali tagħhom. B’hekk, il-Partijiet jipprevedu li jużaw l-arranġamenti u t-teknoloġiji faċilitattivi disponibbli kollha, b’rispett sħiħ tal-ordnijiet ġuridiċi tagħhom u billi jiġi żgurat li l-awtoritajiet doganali jkunu kapaċi jipproteġu l-interessi finanzjarji rispettivi tal-Partijiet u jinfurzaw il-politiki pubbliċi. Għal dan il-għan, huma beħsiebhom iqisu r-rikonoxximent reċiproku tal-programmi tan-negozjanti fdati, il-kooperazzjoni amministrattiva fi kwistjonijiet doganali u ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u fl-assistenza reċiproka, inkluż għall-irkupru ta’ talbiet b’rabta mat-taxxi u d-dazji, u permezz tal-iskambju tal-informazzjoni għall-ġlieda kontra l-frodi doganali u tal-VAT u attività illegali oħra.

25.

Tali arranġamenti u teknoloġiji faċilitattivi ser jitqiesu wkoll f’arranġamenti alternattivi biex ikun żgurat li ma jkunx hemm fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda.

E.   Implikazzjonijiet għal verifiki u kontrolli

26.

Il-Partijiet jipprevedu li l-punt sa fejn jaslu l-impenji tar-Renju Unit għall-kooperazzjoni doganali u regolatorja jitqies bl-applikazzjoni tal-verifiki u l-kontrolli relatati, b’kont meħud li dan huwa fattur li jnaqqas ir-riskju. Dan, flimkien mal-użu tal-arranġamenti faċilitattivi disponibbli kollha kif deskritt hawn fuq, jista’ jippermetti l-faċilitazzjoni tal-proċessi amministrattivi kif ukoll verifiki u kontrolli, u l-Partijiet jinnutaw f’dan il-kuntest ix-xewqa tagħhom li jkunu kemm jista’ jkun ambizzjużi, filwaqt li jirrispettaw l-integrità tas-swieq u l-ordnijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom.

III.   Servizzi u investiment

A.   Objettivi u prinċipji

27.

Il-Partijiet għandhom jikkonkludu arranġamenti ambizzjużi, komprensivi u bbilanċjati dwar il-kummerċ fis-servizzi u l-investiment fis-settur tas-servizzi u dak mhux tas-servizzi, li jirrispettaw id-dritt ta’ kull Parti li tirregola. Il-Partijiet għandhom jimmiraw li joħolqu livell ta’ liberalizzazzjoni kummerċjali fis-servizzi li jmur lil hinn ferm mill-impenji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-Partijiet u jibbażaw fuq il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTAs) reċenti tal-Unjoni.

28.

Skont l-Artikolu V tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, il-Partijiet għandhom jimmiraw lejn kopertura settorjali sostanzjali, li tkopri l-modi kollha ta’ provvista u jipprevedu għan-nuqqas ta’ sostanzjalment kull diskriminazzjoni fis-setturi koperti, b’eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet kif adatt. L-arranġamenti għandhom għalhekk ikopru s-setturi inkluż is-servizzi professjonali u tan-negozju, is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, is-servizzi tal-kurrier u tal-posta, is-servizzi tad-distribuzzjoni, is-servizzi ambjentali, is-servizzi finanzjarji, is-servizzi tat-trasport u servizzi oħra ta’ interess reċiproku.

B.   Aċċess għas-suq u nondiskriminazzjoni

29.

Jenħtieġ li l-arranġamenti jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali skont ir-regoli tal-istat ospitanti għall-fornituri tas-servizzi u l-investituri tal-Partijiet, kif ukoll li jindirizzaw ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni imposti fuq l-investituri. Dan jiżgura li l-fornituri tas-servizzi u l-investituri tal-Partijiet jiġu trattati b’mod nondiskriminatorju, inkluż fir-rigward tal-istabbiliment.

30.

Jenħtieġ li l-arranġamenti jippermettu d-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi għal finijiet ta’ negozju f’żoni definiti.

C.   Aspetti regolatorji

31.

Filwaqt li jippreservaw l-awtonomija regolatorja, jenħtieġ li l-arranġamenti jinkludu dispożizzjonijiet għall-promozzjoni ta’ approċċi regolatorji li jkunu trasparenti, effiċjenti, kompatibbli sa fejn possibbli, u li jippromwovu l-evitar ta’ rekwiżiti regolatorji mhux meħtieġa.

32.

F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Partijiet japprovaw dixxiplini dwar ir-regolamentazzjoni domestika. Jenħtieġ li dawn jinkludu dispożizzjonijiet orizzontali bħal fir-rigward ta’ proċeduri ta’ liċenzjar, u dispożizzjonijiet regolatorji speċifiċi f’setturi ta’ interess reċiproku bħas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, is-servizzi finanzjarji, is-servizzi ta’ forniment, u s-servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali. Jenħtieġ li jkun hemm ukoll dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni domestika li tirrifletti prattiki regolatorji tajbin.

33.

F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Partijiet jistabbilixxu qafas għal kooperazzjoni regolatorja volontarja f’oqsma ta’ interess reċiproku, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

34.

Jenħtieġ li l-Partijiet jiżviluppaw ukoll arranġamenti adatti dwar dawk il-kwalifiki professjonali li huma neċessarji għall-prattika ta’ professjonijiet regolati, meta dan ikun fl-interess reċiproku tal-Partijiet.

IV.   Servizzi finanzjarji

35.

Il-Partijiet huma impenjati li jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri u l-konsumaturi u l-kompetizzjoni ġusta, filwaqt li tiġi rispettata l-awtonomija regolatorja u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Partijiet, u l-kapaċità tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet ekwivalenti fl-interess tagħhom stess. Dan huwa mingħajr ħsara għall-kapaċità tal-Partijiet li jadottaw jew iżommu kwalunkwe miżura fejn din tkun neċessarja għal raġunijiet prudenzjali. Il-Partijiet jaqblu li jinvolvu ruħhom f’kooperazzjoni mill-qrib fir-rigward ta’ kwistjonijiet regolatorji u superviżorji f’korpi internazzjonali.

36.

Filwaqt li jinnutaw li ż-żewġ Partijiet ser ikollhom fis-seħħ oqfsa ta’ ekwivalenza li jippermettulhom jiddikjaraw ir-reġimi regolatorji u superviżorji ta’ pajjiż terz bħala ekwivalenti għal finijiet rilevanti, jenħtieġ li l-Partijiet jibdew jivvalutaw l-ekwivalenza fir-rigward ta’ xulxin skont dawn l-oqfsa mill-aktar fis possibbli wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, filwaqt li jagħmlu kull sforz biex jikkonkludu dawn il-valutazzjonijiet qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2020. Il-Partijiet ser iżommu l-oqfsa rispettivi ta’ ekwivalenza tagħhom soġġetti għal rieżami.

37.

Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni mill-qrib u strutturata fir-rigward ta’ kwistjonijiet regolatorji u superviżorji hija fl-interess reċiproku tagħhom. Din il-kooperazzjoni jenħtieġ li tkun imsejsa fuq is-sħubija ekonomika u bbażata fuq il-prinċipji tal-awtonomija regolatorja, tat-trasparenza u tal-istabbiltà. Jenħtieġ li tinkludi trasparenza u konsultazzjoni adatta fil-proċess tal-adozzjoni, is-sospensjoni u l-irtirar ta’ deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza, l-iskambju tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni fir-rigward ta’ inizjattivi regolatorji u kwistjonijiet oħra ta’ interess reċiproku, kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak tekniku.

V.   Diġitali

38.

Fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni dejjem akbar tan-negozju li tkopri kemm is-servizzi kif ukoll il-prodotti, jenħtieġ li l-Partijiet jistabbilixxu dispożizzjonijiet biex jiffaċilitaw il-kummerċ elettroniku, jindirizzaw ostakli mhux ġustifikati għan-negozju permezz ta’ mezzi elettroniċi, u jiżguraw ambjent online miftuħ, sigur u affidabbli għan-negozji u l-konsumaturi, bħal fir-rigward tal-fiduċja elettronika u s-servizzi ta’ awtentikazzjoni jew li ma tiġix rikjesta awtorizzazzjoni minn qabel sempliċiment minħabba li s-servizz huwa fornut permezz ta’ mezzi elettroniċi. Jenħtieġ li dawn id-dispożizzjonijiet jiffaċilitaw ukoll il-flussi transkonfinali ta’ data u jindirizzaw ir-rekwiżiti mhux ġustifikati ta’ lokalizzazzjoni ta’ data, filwaqt li jiġi nnutat li din il-faċilitazzjoni mhix ser taffettwa r-regoli tal-Partijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali.

39.

Jenħtieġ li l-Partijiet jipprevedu, permezz ta’ dispożizzjonijiet settorjali fis-servizzi tat-telekomunikazzjoni, l-aċċess ġust u ekwu għan-netwerks u s-servizzi tat-telekomunikazzjoni pubblika għall-fornituri tas-servizzi ta’ xulxin, u jindirizzaw prattiki antikompetittivi.

40.

Jenħtieġ li l-Partijiet jaħdmu flimkien permezz ta’ fora multilaterali u ta’ diversi partijiet interessati, u jistabbilixxu djalogu għall-iskambju ta’ informazzjoni, esperjenza u l-aħjar prattika b’rabta mat-teknoloġiji emerġenti.

VI.   Movimenti tal-kapital u pagamenti

41.

Jenħtieġ li l-Partijiet jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu l-moviment liberu tal-kapital u l-pagamenti relatati ma’ transazzjonijiet liberalizzati fil-qafas tas-sħubija ekonomika, soġġett għal eċċezzjonijiet rilevanti.

VII.   Proprjetà intellettwali

42.

Jenħtieġ li l-Partijiet jipprevedu l-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali biex jistimolaw l-innovazzjoni, il-kreattività u l-attività ekonomika, b’tali mod li jmorru lil hinn mill-istandards tal-Ftehim tad-WDO dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ u l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali fejn rilevanti.

43.

Jenħtieġ li dan jippreserva l-livelli għoljin attwali tal-Partijiet fir-rigward tal-protezzjoni, fost oħrajn, ta’ ċertu drittijiet skont il-liġi tad-drittijiet tal-awtur, bħal pereżempju d-dritt sui generis dwar il-bażijiet tad-data u d-dritt tal-artisti fir-rigward tal-bejgħ mill-ġdid. Filwaqt li jinnutaw il-protezzjoni mogħtija lill-indikazzjonijiet ġeografiċi eżistenti fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, jenħtieġ li l-Partijiet ifittxu li jdaħħlu fis-seħħ arranġamenti biex jipprovdu protezzjoni adatta għall-indikazzjonijiet ġeografiċi tagħhom.

44.

Jenħtieġ li l-Partijiet iżommu l-libertà li jistabbilixxu r-reġimi tagħhom stess għall-eżawriment tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

45.

Jenħtieġ li l-Partijiet jistabbilixxu mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ interess reċiproku, bħal approċċi u proċessi rispettivi fir-rigward tat-trademarks, id-disinji u l-privattivi.

VIII.   Akkwist pubbliku

46.

Filwaqt li jinnutaw l-intenzjoni tar-Renju Unit li jaderixxi mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) tad-WTO, jenħtieġ li l-Partijiet jipprevedu opportunitajiet reċiproċi fis-swieq tal-akkwist pubbliku rispettivi tal-Partijiet lil hinn mill-impenji tagħhom fil-qafas tal-GPA f’oqsma ta’ interess reċiproku, mingħajr preġudizzju għar-regoli domestiċi tagħhom biex jipproteġu l-interessi essenzjali tagħhom b’rabta mas-sigurtà.

47.

Jenħtieġ li l-Partijiet jintrabtu bi standards ibbażati fuq dawk tal-GPA b’tali mod li jiżguraw it-trasparenza tal-opportunitajiet tas-suq, ir-regoli, il-proċeduri u l-prattiki fir-rigward tal-akkwist pubbliku. Abbażi ta’ dawn l-istandards, jenħtieġ li l-Partijiet jindirizzaw ir-riskju ta’ mġiba arbitrarja fl-għoti ta’ kuntratti, u li jagħmlu disponibbli proċeduri ta’ rimedju u rieżami, inkluż quddiem awtoritajiet ġudizzjarji.

IX.   Mobbiltà

48.

Filwaqt li jinnutaw li r-Renju Unit iddeċieda li l-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit mhux ser jibqa’ japplika, jenħtieġ li l-Partijiet jistabbilixxu arranġamenti fir-rigward tal-mobbiltà, kif stabbilit hawn taħt.

49.

L-arranġamenti fir-rigward tal-mobbiltà ser ikunu bbażati fuq in-nondiskriminazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u r-reċiproċità sħiħa.

50.

F’dan il-kuntest, il-Partijiet għandhom l-għan li jipprevedu, permezz tal-liġijiet domestiċi tagħhom, vjaġġar mingħajr viża għal żjarat qosra.

51.

Il-Partijiet jaqblu li jikkunsidraw kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn għall-finijiet ta’ riċerka, studju, taħriġ u skambji taż-żgħażagħ.

52.

Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkunsidraw li jindirizzaw il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fid-dawl tal-moviment futur tal-persuni.

53.

Fid-dawl tal-liġijiet applikabbli tagħhom, il-Partijiet ser jesploraw il-possibilità li jiffaċilitaw il-qsim tal-fruntieri rispettivi tagħhom għal vjaġġar leġittimu.

54.

Kwalunkwe dispożizzjoni ser tkun mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti b’rabta maż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar (CTA) kif japplikaw bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda.

55.

Biex jappoġġaw il-mobbiltà, il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom għall-applikazzjoni effettiva tal-istrumenti eżistenti tal-liġi internazzjonali tal-familja li huma partijiet għaliha. L-Unjoni tieħu nota tal-intenzjoni tar-Renju Unit li jaderixxi mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-2007 dwar il-Manteniment li attwalment huwa marbut biha permezz tas-sħubija tiegħu fl-Unjoni.

56.

Il-Partijiet ser jesploraw għażliet għall-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet matrimonjali, dawk marbutin mar-responsabbiltà tal-ġenituri u kwistjonijiet relatati oħrajn.

57.

Dawn l-arranġamenti jkunu b’żieda mal-impenji dwar id-dħul u s-soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi għal finijiet ta’ negozju f’żoni definiti kif imsemmi fit-Taqsima III ta’ din il-Parti. Jenħtieġ li dawk l-impenji ma jiġux annullati bid-dritt tal-Partijiet li japplikaw il-liġijiet, regolamenti jew rekwiżiti rispettivi tagħhom fir-rigward tad-dħul, is-soġġorn u x-xogħol.

X.   Trasport

A.   Avjazzjoni

58.

Jenħtieġ li l-Partijiet jiżguraw il-konnettività bl-ajru tal-passiġġieri u l-merkanzija permezz ta’ Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru (CATA). Jenħtieġ li l-CATA jkopri l-aċċess għas-suq u l-investiment, is-sigurtà u s-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, u d-dispożizzjonijiet biex tiġi żgurat l-kompetizzjoni trasparenti u ġusta, inkluż rekwiżiti adatti u rilevanti għall-protezzjoni tal-konsumatur u l-istandards soċjali.

59.

Jenħtieġ li l-Partijiet jagħmlu arranġamenti ulterjuri biex tkun tista’ ssir kooperazzjoni bil-ħsieb tal-istandards tal-livell għoli tas-sigurtà u s-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni, inkluż permezz tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-EASA u l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili (CCA) tar-Renju Unit.

B.   Trasport bit-triq

60.

Jenħtieġ li l-Partijiet jiżguraw aċċess għas-suq komparabbli għall-operaturi fil-qasam tat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq, mirfud minn rekwiżiti adatti u rilevanti għall-protezzjoni tal-konsumatur u l-istandards soċjali għat-trasport internazzjonali bit-triq, u l-obbligi li joriġinaw mill-ftehimiet internazzjonali fil-qasam tat-trasport bit-triq li kemm ir-Renju unit kif ukoll l-Unjoni u/jew l-Istati Membri tagħha huma firmatarji tagħhom, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw kondizzjonijiet għall-prattika tal-professjoni ta’ operatur fil-qasam tat-trasport bit-triq, ċerti kondizzjonijiet tal-impjieg fil-qasam tat-trasport internazzjonali bit-triq, ir-regoli tat-triq, il-ġarr tal-passiġġieri bit-triq u l-ġarr ta’ prodotti perikolużi bit-triq. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Partijiet jikkunsidraw arranġamenti komplementari biex jindirizzaw l-ivvjaġġar mis-sewwieqa privati.

C.   Trasport bil-ferrovija

61.

Il-Partijiet jaqblu li jeħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti bilaterali, kif adatt, għal servizzi ferrovjarji transkonfinali, inkluż biex jiġu ffaċilitati l-funzjonament u l-operazzjoni mingħajr xkiel u kontinwi tas-servizzi ferrovjarji, bħal-Linja Belfast-Dublin tal-Enterprise u s-servizzi li jużaw il-Mina taħt il-Kanal Ingliż.

D.   Trasport marittimu

62.

Il-Partijiet jinnutaw li l-konnettività tal-passiġġieri u l-merkanzija fis-settur tat-trasport marittimu ser tkun mirfuda bil-qafas legali internazzjonali. Jenħtieġ li l-Partijiet jagħmlu wkoll arranġamenti adatti dwar l-aċċess għas-suq għas-servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali.

63.

Jenħtieġ li r-relazzjoni futura tiffaċilita l-kooperazzjoni fir-rigward tas-sigurtà u s-sikurezza fil-qasam marittimu, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u l-Aġenzija Marittima u tal-Gwardja tal-Kosta (MCA) tar-Renju Unit, b’mod konsistenti mal-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz.

XI.   Enerġija

A.   Elettriku u Gass

64.

Jenħtieġ li l-Partijiet jikkooperaw biex jappoġġaw il-forniment ta’ provvisti kosteffiċjenti, nodfa u siguri ta’ elettriku u gass, abbażi ta’ swieq kompetittivi u aċċess nondiskriminatorju għan-netwerks.

65.

Jenħtieġ li l-Partijiet jistabbilixxu qafas biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni teknika bejn l-operaturi u l-organizzazzjonijiet tan-netwerks tal-elettriku u l-gass, bħan-Netwerks Ewropej tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni għall-Elettriku u l-Gass, fl-ippjanar u l-użu tal-infrastruttura tal-enerġija li tikkollega s-sistemi tagħhom. Jenħtieġ li l-qafas jinkludi wkoll mekkaniżmi biex kemm jista’ jkun tiġi żgurata s-sigurtà tal-forniment u n-negozju effiċjenti permezz ta’ interkonnetturi fuq perijodi ta’ żmien differenti.

B.   Qasam Nukleari Ċivili

66.

Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tas-sikurezza u n-nonproliferazzjoni fil-qasam nukleari, jenħtieġ li r-relazzjoni futura tinkludi Ftehim ta’ Kooperazzjoni Nukleari mifrux bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u r-Renju Unit dwar l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari, mirfud mill-impenji lejn l-istandards ta’ livell għoli eżistenti tagħhom fir-rigward tas-sikurezza fil-qasam nukleari. Jenħtieġ li l-ftehim jagħti lok għall-kooperazzjoni bejn il-Euratom u r-Renju Unit u l-awtoritajiet nazzjonali tiegħu. Jenħtieġ li dan jinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni fl-oqsma ta’ interess reċiproku bħas-salvagwardji, is-sikurezza u l-kooperazzjoni mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA). Jenħtieġ li dan jiffaċilita n-negozju f’materjali u tagħmir nukleari, u jipprevedi l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit bħala pajjiż terz fis-sistemi tal-Unjoni għall-monitoraġġ u l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-livelli ta’ radjuattività fl-ambjent, b’mod partikolari s-Sistema tal-Komunità Ewropea ta’ Skambju ta’ Informazzjoni Radjoloġika Urġenti u l-Pjattaforma Ewropea għall-Iskambju ta’ Data Radjoloġika.

67.

Il-Partijiet jinnutaw l-intenzjoni tar-Renju Unit li jassoċja ruħu mal-programmi ta’ riċerka u taħriġ tal-Euratom kif previst fit-Taqsima II tal-Parti I.

68.

Il-Partijiet jinnutaw li l-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom beħsiebha tivvaluta mill-ġdid u fil-waqt l-awtorizzazzjonijiet u l-approvazzjonijiet tal-kuntratti għall-forniment ta’ materjal nukleari bejn impriżi tal-Unjoni u tar-Renju Unit li hija ffirmat konġuntament.

69.

Il-Partijiet ser jikkooperaw ukoll permezz tal-iskambju tal-informazzjoni fir-rigward tal-forniment ta’ radjuisotopi mediċi.

C.   Ipprezzar tal-karbonju

70.

Jenħtieġ li l-Partijiet jikkunsidraw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ipprezzar tal-karbonju billi jikkollegaw is-sistema nazzjonali tar-Renju Unit għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mal-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Unjoni.

XII.   Opportunitajiet tas-sajd

71.

Jenħtieġ li l-Partijiet jikkooperaw b’mod bilaterali u internazzjonali biex jiżguraw sajd f’livelli sostenibbli, jippromwovu l-konservazzjoni tar-riżorsi u jrawmu ambjent marin nadif, b’saħħtu u produttiv, filwaqt li jinnutaw li r-Renju Unit ser ikun stat kostali indipendenti.

72.

Waqt li tiġi ppreservata l-awtonomija regolatorja, jenħtieġ li l-Partijiet jikkooperaw fl-iżvilupp ta’ miżuri għall-konservazzjoni, il-ġestjoni razzjonali u r-regolazzjoni tas-sajd, b’mod nondiskriminatorju. Huma ser jaħdmu mill-qrib ma’ stati kostali oħrajn u fil-fora internazzjonali, inkluż għall-ġestjoni ta’ stokkijiet kondiviżi.

73.

Fil-kuntest tas-sħubija ekonomika ġenerali, jenħtieġ li l-Partijiet jistabbilixxu ftehim ġdid dwar is-sajd rigward, fost l-oħrajn, l-aċċess għall-ilmijiet u l-ishma tal-kwoti.

74.

Il-Partijiet ser jagħmlu l-almu tagħhom biex sal-1 ta’ Lulju 2020 jikkonkludu u jirratifikaw il-ftehim il-ġdid tagħhom dwar is-sajd sabiex dan ikun fis-seħħ fil-ħin sabiex jintuża biex jiġu determinati l-opportunitajiet tas-sajd għall-ewwel sena wara l-perijodu ta’ transizzjoni.

XIII.   Kooperazzjoni globali

75.

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-kooperazzjoni globali fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ interess ekonomiku, ambjentali u soċjali kondiviż. Għaldaqstant, filwaqt li jippreservaw l-awtonomija tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet, jenħtieġ li l-Partijiet jikkooperaw fil-fora internazzjonali, bħall-G7 u l-G20, fejn ikun fl-interess reċiproku tagħhom, inkluż fl-oqsma ta’:

(a)

it-tibdil fil-klima;

(b)

l-iżvilupp sostenibbli;

(c)

it-tniġġis transkonfinali;

(d)

is-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur;

(e)

l-istabbiltà finanzjarja; u

(f)

l-ġlieda kontra l-protezzjoniżmu kummerċjali.

76.

Ir-relazzjoni futura għandha tafferma mill-ġdid l-impenji tal-Partijiet għall-ftehimiet internazzjonali li jindirizzaw it-tibdil fil-klima, inkluż dawk li jimplimentaw il-Konvenzjonijiet Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, bħall-Ftehim ta’ Pariġi.

XIV.   Kondizzjonijiet ekwivalenti għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta

77.

Minħabba l-prossimità ġeografika u l-interdipendenza ekonomika tal-Unjoni u tar-Renju Unit, ir-relazzjoni futura trid tiżgura kompetizzjoni miftuħa u ġusta, li tiġbor fiha impenji robusti biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti. In-natura preċiża tal-impenji għandha tkun proporzjonata mal-ambitu u l-profondità tar-relazzjoni futura u l-konnessjoni ekonomika tal-Partijiet. Dawn l-impenji għandhom jipprevjenu distorsjonijiet tal-kummerċ u vantaġġi kompetittivi inġusti. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jibqgħu jirrispettaw l-istandards għoljin komuni applikabbli fl-Unjoni u fir-Renju Unit fi tmiem il-perijodu ta’ transizzjoni fl-oqsma tal-għajnuna mill-istat, il-kompetizzjoni, l-istandards soċjali u tal-impjieg, l-ambjent, it-tibdil fil-klima u kwistjonijiet rilevanti ta’ taxxa. Il-Partijiet għandhom iżommu b’mod partikolari qafas robust u komprensiv għall-kompetizzjoni u l-kontroll tal-għajnuna mill-istat li jipprevjeni distorsjoni żejda tal-kummerċ u l-kompetizzjoni; jimpenjaw ruħhom lejn il-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-tassazzjoni u għat-trażżin ta’ prattiki fiskali dannużi; u jżommu l-istandards ambjentali, soċjali u tal-impjieg fil-livelli għoljin attwali pprovduti mill-istandards komuni eżistenti. Meta jagħmlu dan, għandhom jiddependu fuq standards tal-Unjoni u internazzjonali xierqa u rilevanti, u jinkludu mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw implimentazzjoni effettiva domestikament, infurzar u soluzzjoni ta’ tilwim. Ir-relazzjoni futura għandha wkoll tippromwovi l-aderenza mal-prinċipji u r-regoli rilevanti miftiehma internazzjonalment f’dawn l-oqsma, inkluż il-Ftehim ta’ Pariġi, u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom.

PARTI III: SĦUBIJA TA’ SIGURTÀ

I.   Objettivi u prinċipji

78.

Bil-ħsieb tas-sigurtà tal-Ewropa u s-sikurezza taċ-ċittadini rispettivi tagħhom, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu sħubija ta’ sigurtà wiesgħa, komprensiva u bbilanċjata. Din is-sħubija ser tqis il-prossimità ġeografika u t-theddidiet li jkunu qed jevolvu, inkluż il-kriminalità internazzjonali serja, it-terroriżmu, l-attakki ċibernetiċi, il-kampanji ta’ diżinformazzjoni, it-theddidiet ibridi, l-erożjoni tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u l-qawmien mill-ġdid tat-theddidiet ibbażati fl-istat. Is-sħubija ser tirrispetta s-sovranità tar-Renju Unit u l-awtonomija tal-Unjoni.

79.

Il-Partijiet ser jippromwovu s-sigurtà globali, il-prosperità u l-multilateraliżmu effettiv, li jkunu mirfuda mill-prinċipji, il-valuri u l-interessi kondiviżi tagħhom. Is-sħubija ta’ sigurtà għandha tinkludi l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, il-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża, kif ukoll il-kooperazzjoni tematika f’oqsma ta’ interess komuni.

II.   L-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

80.

Ir-relazzjoni futura ser tipprevedi infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali li jkunu komprensivi, mill-qrib, ibbilanċjati u reċiproċi, bil-ħsieb li jwasslu kapaċitajiet operazzjonali b’saħħithom għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, detezzjoni u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, filwaqt li tqis il-prossimità ġeografika, it-theddidiet kondiviżi u li jkunu qed jevolvu li jiffaċċaw il-Partijiet, il-benefiċċji reċiproċi għas-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini tagħhom, u l-fatt li r-Renju Unit ser ikun pajjiż terz mhux f’Schengen li ma jipprevedix il-moviment liberu tal-persuni.

81.

Il-Partijiet jaqblu li l-livell u l-ambitu tal-arranġamenti futuri għandhom jilħqu bilanċ adatt bejn id-drittijiet u l-obbligi — aktar kemm tkun mill-qrib u approfondita s-sħubija, aktar ikunu b’saħħithom l-obbligi li jiġu magħha. Għandha tirrifletti l-impenji li jkun lest jieħu r-Renju Unit li jirrispettaw l-integrità tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni, bħal fir-rigward tal-allinjament tar-regoli u l-mekkaniżmi fir-rigward ta’ tilwim u infurzar previsti fil-paragrafi 129 sa 132. Għandha tkun mirfuda wkoll minn impenji fit-tul fir-rigward tad-drittijiet fundamentali tal-individwi, inkluż l-aderenza kontinwa u li jingħata effett lill-KEDB, u l-protezzjoni adegwata tad-data personali, li huma t-tnejn prerekwiżiti essenzjali li jippermettu l-kooperazzjoni prevista mill-Partijiet, u għall-prinċipju transnazzjonali ne bis in idem u d-drittijiet proċedurali. Għandha tirrifletti wkoll l-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha lejn il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

82.

Filwaqt li tieħu nota ta’ dawn l-impenji, ir-relazzjoni futura għandha tkopri l-arranġamenti fost it-tliet oqsma ta’ kooperazzjoni: l-iskambju tad-data; il-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali; u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

A.   Skambju ta’ data

83.

Filwaqt li jirrikonoxxu li l-kondiviżjoni u l-analiżi effettivi u rapidi tad-data huma essenzjali għal infurzar tal-liġi modern, il-Partijiet jaqblu li jpoġġu fis-seħħ arranġamenti li jirriflettu dan, sabiex jirrispondu għat-theddidiet li jkunu qed jevolvu, ifixklu t-terroriżmu u l-kriminalità serja, jiffaċilitaw l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet, u jiżguraw is-sigurtà tal-pubbliku.

84.

Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu arranġamenti reċiproċi għal skambji f’waqthom, effettivi u effiċjenti ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) u r-riżultati mill-ipproċessar tat-tali data maħżuna fis-sistemi nazzjonali rispettivi tal-ipproċessar tal-PNR, u tad-DNA, tal-marki tas-swaba’ u d-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi (Prüm).

85.

Il-Partijiet għandhom iqisu aktar arranġamenti li jkunu adatti għall-istatus futur tar-Renju Unit rigward l-iskambju tad-data, bħall-iskambju ta’ informazzjoni dwar persuni u oġġetti mfittxija jew nieqsa u rekords kriminali, bil-ħsieb li jirriżultaw kapaċitajiet li, sa fejn ikun teknikament u legalment possibbli, u meqjus meħtieġ u fl-interess taż-żewġ Partijiet, japprossimaw dawk abilitati mill-mekkaniżmi rilevanti tal-Unjoni.

B.   Kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

86.

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-valur fl-iffaċilitar tal-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji tar-Renju Unit u tal-Istati Membri, u għaldaqstant ser jaħdmu flimkien biex jidentifikaw it-termini għall-kooperazzjoni tar-Renju Unit permezz tal-Europol u l-Eurojust.

87.

Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu arranġamenti effettivi bbażati fuq proċeduri simplifikati u skadenzi ta’ żmien li jippermettu lir-Renju Unit u lill-Istati Membri jirrilaxxaw persuni suspettati u kkundannati b’mod effiċjenti u bil-ħeffa, bil-possibilitajiet li jiġi rinunzjat ir-rekwiżit ta’ kriminalità doppja, u sabiex tiġi determinata l-applikabbiltà ta’ dawn l-arranġamenti għaċ-ċittadini proprji u għar-reati politiċi.

88.

Il-Partijiet għandhom iqisu aktar arranġamenti li jkunu adatti għall-istatus futur tar-Renju Unit rigward kooperazzjoni prattika bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji f’materji kriminali, bħal skwadri ta’ investigazzjonijiet konġunti, bil-ħsieb li jkun hemm kapaċitajiet li, sa fejn ikun teknikament u legalment possibbli, u meqjus meħtieġ u fl-interess taż-żewġ Partijiet, japprossimaw dawk abilitati mill-mekkaniżmi rilevanti tal-Unjoni.

C.   Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu

89.

Il-Partijiet jaqblu li jappoġġaw l-isforzi internazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b’mod partikolari permezz tal-konformità mal-istandards tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) u l-kooperazzjoni assoċjata. Il-Partijiet jaqblu li jmorru lil hinn mill-istandards tal-FATF fir-rigward tat-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja u jtemmu l-anonimità assoċjata mal-użu ta’ muniti virtwali, inkluż bl-obbligu li l-kambji ta’ muniti virtwali u l-fornituri tal-portafolli ta’ kustodja japplikaw kontrolli tad-diliġenza dovuta tal-klijenti.

III.   Politika barranija, sigurtà u difiża

90.

Il-Partijiet jappoġġaw kooperazzjoni ambizzjuża, mill-qrib u dejjiema dwar l-azzjoni esterna għall-protezzjoni taċ-ċittadini minn theddidiet esterni, inkluż theddidiet emerġenti ġodda, il-prevenzjoni ta’ konflitti, it-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, inkluż permezz tan-Nazzjonijiet Uniti u n-NATO, u l-indirizzar tal-kawżi prinċipali tal-isfidi globali bħat-terroriżmu jew il-migrazzjoni illegali. Huma ser jissalvagwardaw l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u jippromwovu l-valuri komuni tagħhom madwar id-dinja.

91.

Il-Partijiet ser jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli u l-eradikazzjoni tal-faqar. F’dan ir-rigward, ser ikomplu jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp.

92.

Il-Partijiet ser isawru u jsegwu l-linji politiċi tagħhom għall-affarijiet barranin skont l-interessi strateġiċi u ta’ sigurtà rispettivi tagħhom, u l-ordnijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom. Fejn u meta dawn l-interessi jkunu kondiviżi, il-Partijiet għandhom jikkooperaw mill-qrib fil-livell bilaterali u fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Partijiet għandhom ifasslu kooperazzjoni flessibbli u skalabbli li jiżguraw li r-Renju Unit ikun jista’ jikkombina l-isforzi mal-Unjoni bl-akbar effett, inkluż fi żminijiet ta’ kriżi jew meta jseħħu inċidenti serji.

93.

Għal dan il-għan, ir-relazzjoni futura għandha tipprevedi mekkaniżmi adatti ta’ djalogu, konsultazzjoni, koordinazzjoni, skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni. Għandha tippermetti wkoll l-issekondar ta’ esperti fejn adatt u fl-interess reċiproku tal-Partijiet.

A.   Konsultazzjoni u kooperazzjoni

94.

Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu konsultazzjoni strutturata u djalogi tematiċi regolari li jidentifikaw oqsma u attivitajiet fejn il-kooperazzjoni mill-qrib tkun tista’ tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-objettivi komuni.

95.

F’dan ir-rigward, id-Djalogu Politiku dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) kif ukoll id-djalogi settorjali għandhom jippermettu konsultazzjoni flessibbli bejn il-Partijiet fil-livelli differenti (ministerjali, uffiċjali għolja, livell ta’ ħidma). Ir-Rappreżentant Għoli jista’, fejn adatt, jistieden lir-Renju Unit għal-laqgħat Ministerjali informali tal-Istati Membri tal-Unjoni.

96.

Il-Partijiet għandhom ifittxu li jikkooperaw mill-qrib f’pajjiżi terzi, inkluż dwar is-sigurtà, l-għoti tas-servizzi u l-protezzjoni konsolari, u l-proġetti ta’ żvilupp, kif ukoll f’organizzazzjonijiet u fora internazzjonali, b’mod partikolari fin-Nazzjonijiet Uniti. Dan għandu jippermetti li l-Partijiet, fejn rilevanti, jappoġġaw il-pożizzjonijiet ta’ xulxin, iwettqu azzjoni esterna u jamministraw l-isfidi globali b’mod koerenti, inkluż permezz ta’ dikjarazzjonijiet maqbula, démarches u pożizzjonijiet kondiviżi.

B.   Sanzjonijiet

97.

Filwaqt li jsegwu politiki indipendenti dwar sanzjonijiet li jkunu xprunati mill-politiki rispettivi tagħhom għall-affarijiet barranin, il-Partijiet jirrikonoxxu s-sanzjonijiet bħala għodda multilaterali tal-politika għall-affarijiet barranin u l-benefiċċji ta’ konsultazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib.

98.

Il-konsultazzjoni dwar sanzjonijiet għandha tinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-elenkar u l-ġustifikazzjoni, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħhom, kif ukoll l-appoġġ tekniku tagħhom, u d-djalogu dwar deżinjazzjonijiet u reġimi futuri. Fejn l-objettivi tal-politika għall-affarijiet barranin li jirfdu reġim futur speċifiku ta’ sanzjonijiet ikunu allinjati bejn il-Partijiet, ser ikun hemm l-iskambju intensifikat ta’ informazzjoni fl-istadji adatti taċ-ċiklu tal-politika ta’ dan ir-reġim ta’ sanzjonijiet, bil-possibbiltà li jiġu adottati sanzjonijiet li jkunu ta’ rinforz reċiproku.

C.   Operazzjonijiet u missjonijiet

99.

Il-Partijiet jilqgħu l-kooperazzjoni mill-qrib fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, kemm ċivili kif ukoll militari, immexxija mill-Unjoni. Għaldaqstant, ir-relazzjoni futura għandha tippermetti lir-Renju Unit jipparteċipa skont il-każ fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK permezz ta’ Ftehim Qafas ta’ Parteċipazzjoni. Tali ftehim ikun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni jew is-sovranità tar-Renju Unit, u r-Renju Unit għandu jżomm id-dritt li jiddetermina kif iwieġeb għal kwalunkwe stedina jew għażla biex jipparteċipa f’operazzjonijiet jew missjonijiet.

100.

Fejn, wara konsultazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bikrija permezz tad-Djalogu Politiku, ir-Renju Unit jindika l-intenzjoni tiegħu li jagħti kontribut f’missjoni jew operazzjoni ppjanata tal-PSDK li tkun miftuħa għal pajjiżi terzi, il-Partijiet għandhom jintensifikaw l-interazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fl-istadji rilevanti tal-proċess tal-ippjanar u b’mod proporzjonat mal-livell tal-kontribut tar-Renju Unit. Dan għandu jippermetti lir-Renju Unit ifassal bl-aħjar mod il-kontribut tiegħu u jipprovdi għarfien espert f’waqtu.

101.

Bħala kontributur għal missjoni jew operazzjoni speċifika tal-PSDK, ir-Renju Unit għandu jipparteċipa fil-konferenza għall-Ġenerazzjoni tal-Forzi, is-Sejħa għal Kontribuzzjonijiet, u l-laqgħa tal-Kumitat ta’ Kontributuri sabiex jippermetti l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-missjoni jew l-operazzjoni. Għandu jkollu wkoll il-possibbiltà, fil-każ ta’ operazzjonijiet militari tal-PSDK, li jissekonda persunal fil-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjonijiet deżinjati li jkun proporzjonat mal-livell tal-kontribut tiegħu.

D.   Żvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ difiża

102.

Ir-relazzjoni futura għandha tibbenefika minn kooperazzjoni fir-riċerka u dik industrijali bejn entitajiet tal-Partijiet fi proġetti speċifiċi Ewropej ta’ kollaborazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà u tiġi promossa l-effikaċja konġunta tal-Forzi Armati. F’dan ir-rigward, filwaqt li ż-żewġ Partijiet għandhom jippreservaw l-awtonomija strateġika rispettiva tagħhom u l-libertà ta’ azzjoni mirfudin mill-bażijiet industrijali robusti tad-difiża domestika rispettivi tagħhom, il-Partijiet jaqblu li jikkunsidraw dan li ġej sa fejn possibbli skont il-kondizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni:

(a)

il-kollaborazzjoni tar-Renju Unit fi proġetti rilevanti eżistenti u futuri tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) permezz ta’ Arranġament Amministrattiv;

(b)

il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet eliġibbli tar-Renju Unit fi proġetti kollaborattivi ta’ difiża li jgħaqqdu entitajiet tal-Unjoni appoġġati mill-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF); u

(c)

il-kollaborazzjoni tar-Renju Unit fi proġetti fil-qafas tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), meta jkun mistieden biex jipparteċipa fuq bażi eċċezzjonali mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-konfigurazzjoni PESCO.

E.   Skambji ta’ intelligence

103.

Il-Partijiet għandhom jiskambjaw intelligence fuq bażi puntwali u volontarja kif adatt, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-theddidiet ibridi u t-theddidiet ċibernetiċi, u b’appoġġ għal dawk il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK fejn ikun ser jagħti kontribut ir-Renju Unit. Filwaqt li l-Partijiet ser jipproduċu prodotti ta’ intelligence b’mod awtonomu, dan l-iskambju ta’ intelligence għandu jikkontribwixxi għal fehim kondiviż tal-ambjent tas-sigurtà tal-Ewropa.

104.

Ir-relazzjoni futura għandha tippermetti l-iskambju puntwali ta’ intelligence u informazzjoni sensittiva bejn il-korpi rilevanti tal-Unjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit. Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (EUSC) u r-Renju Unit għandhom jikkooperaw fil-qasam tal-immaġni mill-ispazju.

F.   Spazju

105.

Il-Partijiet għandhom jikkunsidraw arranġamenti adatti għal kooperazzjoni dwar l-ispazju.

G.   Kooperazzjoni għall-iżvilupp

106.

Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogu li jippermetti strateġiji fl-ipprogrammar u t-twassil ta’ żvilupp li jkunu jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku.

107.

Abbażi tal-interess reċiproku tagħhom, il-Partijiet għandhom iqisu kif ir-Renju Unit ikun jista’ jikkontribwixxi għall-istrumenti u l-mekkaniżmi tal-Unjoni, inkluż il-koordinazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni f’pajjiżi terzi.

IV.   Kooperazzjoni tematika

A.   Sigurtà ċibernetika

108.

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jippromwovu s-sigurtà u l-istabbiltà fiċ-ċiberspazju permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali akbar. Il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw informazzjoni fuq bażi volontarja, puntwali u reċiproka, inkluż dwar l-inċidenti ċibernetiċi, it-tekniki u l-oriġini tal-aggressuri, analiżi tat-theddida, u l-aħjar prattiki li jgħinu fil-protezzjoni tar-Renju Unit u l-Unjoni minn theddidiet komuni.

109.

B’mod partikolari, ir-Renju Unit għandu jikkoopera mill-qrib mal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters – Unjoni Ewropea (CERT-UE) u, soġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim kif previst mid-dritt tal-Unjoni, jipparteċipa f’ċerti attivitajiet tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit bid-Direttiva tal-Unjoni dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni u tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA).

110.

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jippromwovu prattiki globali effettivi dwar is-sigurtà ċibernetika fil-korpi internazzjonali rilevanti.

111.

Ir-Renju Unit u l-Unjoni ser jistabbilixxu djalogu ċibernetiku biex jippromwovu l-kooperazzjoni u jidentifikaw opportunitajiet għal kooperazzjoni futura hekk kif jitfaċċaw theddidiet, opportunitajiet u sħubijiet ġodda.

B.   Protezzjoni ċivili

112.

Jenħtieġ li l-partijiet jikkooperaw fil-qasam tal-protezzjoni ċivili fir-rigward tad-diżastri naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem. Din il-kooperazzjoni tkun possibbli bil-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili bħala Stat Parteċipanti.

C.   Sigurtà tas-saħħa

113.

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw f’kwistjonijiet tas-sigurtà tas-saħħa skont arranġamenti eżistenti tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi. Il-Partijiet ser ikollhom l-għan li jikkooperaw b’mod konsistenti f’fora internazzjonali dwar il-prevenzjoni, id-detezzjoni ta’ theddidiet stabbiliti u emerġenti għas-sigurtà tas-saħħa kif ukoll it-tħejjija u reazzjoni għalihom.

D.   Migrazzjoni illegali

114.

Il-Partijiet ser jikkooperaw biex jindirizzaw il-migrazzjoni illegali, inkluż il-muturi u l-konsegwenzi tagħha, filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jkunu protetti dawk l-aktar vulnerabbli. Din il-kooperazzjoni ser tkopri:

(a)

kooperazzjoni operazzjonali mal-Europol biex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata fil-kuntest tal-immigrazzjoni;

(b)

ħidma mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tiġi msaħħa l-fruntiera esterna tal-Unjoni; u

(c)

djalogu dwar objettivi u kooperazzjoni kondiviżi, inkluż f’pajjiżi terzi u f’fora internazzjonali, biex il-migrazzjoni illegali tiġi indirizzata iktar ’il fuq fil-katina ta’ attivitajiet.

E.   Ġlieda kontra t-terroriżmu u ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti

115.

Jenħtieġ li l-Partijiet jikkooperaw dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u theddidiet emerġenti biex javvanzaw is-sigurtà komuni u l-interessi kondiviżi tagħhom. Filwaqt li tirrikonoxxi l-vantaġġ reċiproku ta’ djalogu kollettiv u kooperazzjoni operazzjonali, jenħtieġ li s-sħubija tappoġġa:

(a)

il-kondiviżjoni tal-aħjar prassi u għarfien espert dwar kwistjonijiet u temi ewlenin

(b)

il-kooperazzjoni mal-korpi adatti ta’ analiżi ta’ intelligence biex tkun żgurata kondiviżjoni effettiva ta’ valutazzjoni bejn il-Partijiet, inkluż dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu; u

(c)

djalogu mill-qrib dwar theddidiet emerġenti u kapaċitajiet ġodda.

V.   Informazzjoni klassifikata u sensittiva mhux klassifikata

116.

Il-Partijiet jaqblu li jikkonkludu Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni, flimkien ma’ Arranġamenti ta’ Implimentazzjoni, li għandhom jipprevedu garanziji reċiproċi għat-trattament u l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-Partijiet.

117.

Fejn neċessarju, jenħtieġ li l-Partijiet jistabbilixxu t-termini għall-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata pprovduta u skambjata bejniethom

PARTI IV: ARRANĠAMENTI ISTITUZZJONALI U OĦRAJN ORIZZONTALI

I.   Struttura

118.

Jenħtieġ li r-relazzjoni futura tkun ibbażata fuq qafas istituzzjonali ġenerali li jkopri kapitoli u ftehimiet marbutin relatati ma’ oqsma speċifiċi ta’ kooperazzjoni, filwaqt li tirrikonoxxi li l-forma legali preċiża ta’ din ir-relazzjoni futura ser tkun determinata bħala parti min-negozjati formali. Fejn adatt, il-Partijiet jistgħu jistabbilixxu arranġamenti ta’ governanza speċifiċi f’oqsma individwali.

119.

Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu wkoll li jenħtieġ li ftehim ma jkunx parti mill-qafas istituzzjonali ġenerali, u li f’dawk il-każijiet jenħtieġ li jkunu previsti arranġamenti ta’ governanza adatti.

120.

Il-Partijiet jinnutaw li l-qafas istituzzjonali ġenerali jista’ jieħu l-forma ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

121.

Jenħtieġ li l-Partijiet jipprevedu l-possibbiltà li jirrieżaminaw ir-relazzjoni futura.

II.   Governanza

122.

Sabiex ikun żgurat il-funzjonament xieraq tar-relazzjoni futura, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jidħlu f’djalogu regolari u jistabbilixxu arranġamenti robusti, effiċjenti u effettivi għall-ġestjoni, is-superviżjoni, l-implimentazzjoni, ir-rieżami u l-iżvilupp tagħha tul iż-żmien, u għas-soluzzjoni ta’ tilwim u l-infurzar, b’rispett sħiħ għall-awtonomija tal-ordnijiet legali tagħhom.

A.   Direzzjoni u djalogu strateġiċi

123.

Ir-relazzjoni futura għandha tinkludi djalogu bejn il-Partijiet f’livelli xierqa sabiex tingħata direzzjoni strateġika u jiġu diskussi opportunitajiet għal kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess reċiproku.

124.

Jenħtieġ li jkun hemm ukoll djalogi tematiċi fil-livell xieraq, stabbiliti bħala parti mis-sħubijiet ekonomiċi u ta’ sigurtà, li jenħtieġ li jseħħu kull meta jkun meħtieġ għall-operat effettiv tar-relazzjoni futura.

125.

Il-Partijiet jappoġġaw l-istabbiliment ta’ djalogu bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tar-Renju Unit, fejn iqisu li dan ikun adatt, sabiex il-leġislaturi jkunu jistgħu jikkondividu fehmiet u għarfien espert dwar kwistjonijiet relatati mar-relazzjoni futura. Jenħtieġ li l-Partijiet jinkoraġġixxu djalogu mas-soċjetà ċivili.

B.   Ġestjoni, amministrazzjoni u superviżjoni

126.

Il-Partijiet jenħtieġ li jistabbilixxu Kumitat Konġunt responsabbli għall-ġestjoni u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni u l-operat tar-relazzjoni futura, li jaġevola s-soluzzjoni ta’ tilwim kif stabbilit hawn taħt, u jagħti rakkomandazzjonijiet dwar l-evoluzzjoni tiegħu.

127.

Il-Kumitat Konġunt jenħtieġ li jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet f’livell adatt, jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess, jasal għal deċiżjonijiet permezz ta’ approvazzjoni reċiproka, u jiltaqa’ kull meta jkun meħtieġ biex jissodisfa l-kompiti tiegħu. Kif neċessarju, huwa jista’ jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati biex jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

C.   Interpretazzjoni

128.

B’rispett sħiħ tal-awtonomija tal-ordnijiet legali tal-Partijiet, l-Unjoni u r-Renju Unit ser ifittxu li jiżguraw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti tar-relazzjoni futura.

D.   Soluzzjoni ta’ tilwim

129.

Il-Partijiet għandhom l-ewwel jagħmlu kull tentattiv biex isolvu kwalunkwe kwistjoni li tirrigwarda l-operat tar-relazzjoni futura permezz ta’ diskussjoni u konsultazzjoni, inkluż permezz tal-Kumitat Konġunt, jekk meħtieġ għal soluzzjoni formali. Il-Ftehim għandu jinkludi arranġamenti xierqa għas-soluzzjoni ta’ tilwim u l-infurzar, inkluż dispożizzjonijiet għal soluzzjoni rapida tal-problemi bħal, f’ċerti oqsma, mekkaniżmu ta’ medjazzjoni flessibbli. Tali mekkaniżmu ta’ medjazzjoni jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet jew għas-soluzzjoni ta’ tilwim previsti skont il-Ftehim.

130.

Sakemm mhux previst mod ieħor, il-Kumitat Konġunt jista’ jaqbel li jirreferi t-tilwima lil bord indipendenti ta’ arbitraġġ fi kwalunkwe mument, u jenħtieġ li ż-żewġ Partijiet ikunu jistgħu jagħmlu dan meta l-Kumitat Konġunt ma jkunx wasal għal soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti f’perijodu ta’ żmien definit. Id-deċiżjonijiet tal-bord indipendenti ta’ arbitraġġ ser ikunu vinkolanti għall-Partijiet.

131.

Il-Partijiet jindikaw li f’każ li tilwima tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti tad-dritt tal-Unjoni, li tista’ tiġi indikata wkoll minn Parti jew l-oħra, il-bord ta’ arbitraġġ jenħtieġ li jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) bħala l-uniku arbitru tad-dritt tal-Unjoni, għal deċiżjoni vinkolanti fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju ta’ dan, ma għandu jkun hemm l-ebda referenza għall-QĠUE meta tilwima ma tqajjimx tali kwistjoni.

132.

Ir-relazzjoni futura ser tistabbilixxi wkoll il-kondizzjonijiet li skonthom jistgħu jsiru rimedji temporanji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, b’mod partikolari l-obbligi li jirriżultaw minn partijiet ta’ kwalunkwe ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit jistgħu jiġu sospiżi bi tweġiba għal ksur mill-Parti l-oħra, inkluż kif previst fl-Artikoli 178 u 179 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

III.   Eċċezzjonijiet u Salvagwardji

133.

Jenħtieġ li r-relazzjoni futura tipprevedi eċċezzjonijiet adatti rigward is-sigurtà; is-sigurtà nazzjonali hija r-responsabbiltà unika tal-Istati Membri tal-Unjoni u r-Renju Unit rispettivament.

134.

Ir-relazzjoni futura jenħtieġ li tindirizza l-possibbiltà għal Parti biex tattiva miżuri temporanji ta’ salvagwardja li altrimenti jiksru l-impenji tagħha f’każ ta’ ċirkostanzi ta’ diffikultajiet sinifikanti ekonomiċi, ambjentali u dawk tas-soċjetà. Din il-possibbiltà jenħtieġ li tkun soġġetta għal kondizzjonijiet stretti u tinkludi d-dritt għall-Parti l-oħra li tibbilanċja mill-ġdid il-miżuri. Il-proporzjonalità tal-miżuri meħuda ser tkun soġġetta għal arbitraġġ indipendenti.

PARTI V: IL-PASSI LI JMISS

135.

Bl-istabbiliment tal-qafas tar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, din id-dikjarazzjoni tikkonferma, kif stabbilit fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, li hija l-intenzjoni ċara taż-żewġ Partijiet li jiżviluppaw ftehimiet ta’ bona fede li jagħtu effett lil din ir-relazzjoni u biex jinbeda l-proċess formali tan-negozjati mill-aktar fis possibbli wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, b’tali mod li dawn jidħlu fis-seħħ sa tmiem is-sena 2020.

136.

Iż-żewġ Partijiet jaffermaw li l-kisbiet, benefiċċji u impenji tal-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq ser jibqgħu ta’ importanza kbira għall-paċi, l-istabbiltà u r-rikonċiljazzjoni. Huma jaqblu li Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jew ta’ Belfast li ntlaħaq qbil dwaru fl-10 ta’ April 1998 mill-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Irlandiż u l-parteċipanti l-oħra fin-negozjati multipartitiċi (il-“Ftehim tal-1998”) irid ikun protett fl-intier tiegħu, u li dan jestendi għall-applikazzjoni prattika tal-Ftehim tal-1998 dwar il-gżira tal-Irlanda u t-totalità tar-relazzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim tal-1998.

137.

Wara li l-Unjoni tkun ħadet il-passi neċessarji biex tibda n-negozjati formali skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), huwa maħsub li l-Partijiet ser jinnegozjaw b’mod parallel il-ftehimiet meħtieġa biex ir-relazzjoni futura tingħata forma legali.

138.

Eżatt wara l-ħruġ tar-Renju Unit, u abbażi tal-ħidma ta’ tħejjija tagħhom, il-Partijiet ser jaqblu dwar programm inkluż:

(a)

l-istruttura u l-format taċ-ċikli ta’ negozjati, inkluż fir-rigward ta’ perkorsi paralleli; u

(b)

skeda formali ta’ ċikli ta’ negozjati.

139.

Dan il-programm ser jitfassal biex jissodisfa l-intenzjoni komuni tal-Partijiet li jikkonkludu ftehimiet li jistabbilixxu r-relazzjoni futura sa tmiem l-2020 kif stipulat fil-paragrafu 135. Il-Kummissjoni Ewropea hija lesta li tipproponi li tapplika fuq bażi proviżorja aspetti rilevanti tar-relazzjoni futura, f’konformità mal-oqfsa legali applikabbli u l-prattika eżistenti.

140.

Bil-ħsieb li jipprovdu pedament sod għat-taħdidiet dwar ir-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, iż-żewġ Partijiet ser iħaffu biex:

(a)

jidentifikaw dawk iż-żoni li x’aktarx li jeħtieġu l-ikbar konsiderazzjoni u l-kwistjonijiet legali u tekniċi assoċjati li ser ikollhom jiġu indirizzati, sabiex ikunu jistgħu jsiru t-tħejjijiet tekniċi meħtieġa miż-żewġ naħat;

(b)

ifasslu skeda sħiħa għan-negozjati, b’kont meħud tal-proċessi interni rilevanti; u

(c)

jqisu wkoll ir-rekwiżiti loġistiċi tan-negozjati formali.

141.

Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, il-Partijiet ser jiltaqgħu biex jevalwaw il-progress bil-għan li jaqblu dwar azzjonijiet biex jimxu ’l quddiem fin-negozjati dwar ir-relazzjoni futura. B’mod partikolari, il-Partijiet ser jiltaqgħu f’livell għoli għal dan il-għan f’Ġunju 2020.