7.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea |
C 202/22 |
Artikolu 14
1. Il-Parlament Ewropew għandu, flimkien mal-Kunsill, jeżerċita funzjonijiet leġislattivi u baġitarji. Huwa għandu jeżerċita funzjonijiet ta' kontroll politiku u ta' konsultazzjoni skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati. Huwa għandu jeleġġi l-President tal-Kummissjoni.
2. Il-Parlament Ewropew għandu jkun magħmul minn rappreżentanti taċ-ċittadini ta' l-Unjoni.Dawn m'għandhomx jaqbżu l-għadd ta' seba' mija u ħamsin, minbarra l-President. Ir-rappreżentanza taċ-ċittadini għandha tkun digressivament proporzjonali, b'mhux anqas minn sitt membri għal kull Stat Membru. Ebda Stat Membru m'għandu jkun allokat aktar minn sitta u disgħin siġġu.
Il-Kunsill Ewropew għandu jadotta b'unanimità, fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew u bl-approvazzjoni tiegħu, deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, li tirrispetta l-prinċipji previsti fl-ewwel subparagrafu.
3. Il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti għal mandat ta' ħames snin b'vot universali dirett, liberu u sigriet.
4. Il-Parlament Ewropew għandu jeleġġi l-President u l-uffiċjali tiegħu minn fost il-membri tiegħu.