MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/251


PROTOKOLL (Nru 5)

DWAR L-ISTATUT TAL-BANK EWROPEW TA' L-INVESTIMENT

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIXTIEQU li jistabbilixxu l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment previst fl-Artikolu 308 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea;

Artikolu 1

Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment stabbilit bl-Artikolu 308 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ “il-Bank”) qiegħed b' dan jiġi kostitwit; dan għandu jwettaq il-funzjonijiet u l-attivitajiet tiegħu skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u dan l-Istatut.

Artikolu 2

Il-kompitu tal-Bank għandu jkun dak definit fl-Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Skond l-Artikolu 308 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri huma l-membri tal-Bank.

Artikolu 4

1.   Il-kapital tal-Bank għandu jkun ta' EUR 233 247 390 000, sottoskritti mill-Istati Membri kif ġej:

Ġermanja

37 578 019 000

Franza

37 578 019 000

Italja

37 578 019 000

Renju Unit

37 578 019 000

Spanja

22 546 811 500

Belġju

10 416 365 500

Olanda

10 416 365 500

Svezja

6 910 226 000

Danimarka

5 274 105 000

Awstrija

5 170 732 500

Polonja

4 810 160 500

Finlandja

2 970 783 000

Greċja

2 825 416 500

Portugall

1 820 820 000

Repubblika Ċeka

1 774 990 500

Ungerija

1 679 222 000

Irlanda

1 318 525 000

Rumanija

1 217 626 000

Kroazja

854 400 000

Slovakkja

604 206 500

Slovenja

560 951 500

Bulgarija

410 217 500

Litwanja

351 981 000

Lussemburgu

263 707 000

Ċipru

258 583 500

Latvja

214 805 000

Estonja

165 882 000

Malta

98 429 500

L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biss sa l-ammont tas-sehem tagħhom tal-kapital sottoskritt imma mhux imħallas.

2.   L-ammissjoni ta’ membru ġdid għandu jinvolvi żieda fil-kapital sottoskritt li tkun jikkorrispondi għal kapital li jinġieb mill-membru l-ġdid.

3.   Il-Bord tal-Gvernaturi jista', waqt li jaġixxi unanimament, jiddeċiedi żieda fil-kapital sottoskritt.

4.   Is-sehem ta’ membru fil-kapital sottoskritt ma jistax jiġi trasferit, mirhun jew sekwestrat.

Artikolu 5

1.   Il-kapital sottoskritt għandu jitħallas mill-Istati Membri sa’ 5 % ta' l-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 4(1).

2.   F’każ ta’ żieda fil-kapital sottoskritt, il-Bord tal-Gvernaturi, waqt li jaġixxu unanimament, għandu jiffissa l-perċentwali li trid tiġi mħallsa u l-arranġamenti għall-ħlas. Il-ħlas f'kontanti għandu jsir esklużivament f'euro.

3.   Il-Bord tad-Diretturi jista’ jeħtieġ il-ħlas tal-bilanċ tal-kapital sottoskritt, sal-limitu li jista' jkun meħtieġ sabiex il-bank jissodisfa l-obbligi tiegħu.

Kull Stat Membru għandu jagħmel dan il-ħlas a proporzjon tas-sehem tiegħu tal-kapital sottoskritt.

Artikolu 6

(ex Artikolu 8)

Il-Bank għandu jkun immexxi u amministrat minn Bord ta’ Gvernaturi, Bord tad-Diretturi u Kumitat ta’ Tmexxija.

Artikolu 7

(ex Artikolu 9)

1.   Il-Bord ta’ Gvernaturi għandu jkun kompost mill-Ministri innominati mill-Istati Membri.

2.   Il-Bord ta’ Gvernaturi għandu jistabbilixxi d-direttivi ġenerali għall-politika ta’ kreditu tal-Bank, skond l-objettivi ta' l-Unjoni. Il-Bord ta’ Gvernaturi għandu jassigura li dawn id-direttivi jiġu implementati.

3.   Il-Bord ta’ Gvernaturi minbarra dan għandu:

a)

jiddeċiedi jekk iżidx il-kapital sottoskritt skond l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 5(2),

b)

għall-finijiet ta' l-Artikolu 9(1) jiddetermina l-prinċipji applikabbli għall-operazzjoni ta' finanzjament fil-qafas tal-missjoni tal-Bank,

c)

jeserċita l-poteri previsti fl-Artikoli 9 u 11 fir-rigward tal-ħatra u l-irtirar furzat tal-Membri tal-Bord tad-Diretturi u tal-Kumitati Amministrattivi, u dawk il-poteri previsti fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 11(1),

d)

jiddeċiedi dwar l-għoti ta' finanzjament għal operazzjonijiet ta' investiment li għandhom jitwettqu interament jew parzjalment barra mit-territorji ta' l-Istati Membri, skond l-Artikolu 16(1),

e)

japprova r-rapport annwali tal-Bord tad-Diretturi,

f)

japprova l-balance sheet annwali u l-kont ta’ qligħ u telf,

g)

jeżerċita s-setgħat l-oħra u l-funzjonijiet mogħtija minn dan l-Istatut,

h)

japprova r-regoli tal-proċedura tal-Bank.

4.   Fil-qafas tat-Trattati u ta' dan l-Istatut, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jkun kompetenti sabiex, waqt li jaġixxi unanimament, jiddeċiedi dwar sospensjoni ta’ l-operazzjonijiet tal-Bank u, jekk jinqala dan il-każ, il-likwidazzjoni tiegħu.

Artikolu 8

(ex Artikolu 10)

Ħlief fejn provdut xort' oħra f’dan l-Istatut, id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Gvernaturi għandhom jittieħdu b’maġġoranza tal-membri tiegħu. Din il-maġġoranza għandha tirrapreżenta mill-anqas 50 % tal-kapital sottoskritt.

Maġġoranza kwalifikata għandha teħtieġ tmintax-il vot favur u 68 % tal-kapital sottoskritt.

L-astensjoni mill-membri preżenti jew tar-rappreżentanti tagħhom m'għandhiex iżżomm l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet li jeħtieġu l-unanimità.

Artikolu 9

(ex Artikolu 11)

1.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jiddeċiedi dwar l-għoti ta' finanzjament, speċjalment fil-forma ta' self jew garanziji u faċilitajiet ta' self; għandu jiffissa r-rati ta' imgħax fuq self mogħti kif ukoll il-kummissjoni u piżijiet oħra. Dan jista', fuq il-bażi ta' deċiżjoni meħuda b'maġġoranza kwalifikata, jiddelega xi wħud mill-funzjonijiet tiegħu lill-Kumitat tat-Tmexxija. Għandu jiffissa l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet ta' din id-delega u għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni tagħha.

Il-Bord tad-Diretturi għandu jassigura li l-Bank jitmexxa sewwa u għandu jassigura li l-Bank jitmexxa skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u ta' l-Istatut u d-direttivi ġenerali stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi.”»

Fit-tmiem tas-sena finanzjarja, il-Bord tad- Diretturi għandu jippreżenta rapport lil Bord ta’ Gvernaturi u jippubblikah meta dan ikun approvat.

2.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jikkonsisti minn disgħa u għoxrin direttur u dsatax-il direttur alternat.

Id-Diretturi għandhom jinħatru mill-Bord ta' Gvernaturi għal ħames snin, wieħed innominat minn kull Stat Membru, u wieħed innominat mill-Kummissjoni.

Id-diretturi alternati għandhom jiġu maħtura mill-Bord tal-Gvernaturi għal ħames snin kif jidher hawn taħt:

żewġ diretturi alternati nominati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

żewġ diretturi alternati nominati mir-Repubblika Franċiza,

żewġ diretturi alternati nominati mir-Repubblika Taljana,

diretturi alternati nominati mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq,

direttur alternat nominat bi qbil komuni bejn ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża,

direttur alternat nominat bi qbil komuni bejn ir-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal- Lussemburgu u r-Renju ta' l-Olanda,

żewġ diretturi alternati nominati bi qbil komuni bejn ir-Renju tad-Danimarka, ir- Repubblika Ellenika, l-Irlanda u r-Rumanija,

żewġ diretturi alternati nominati bi qbil komuni bejn ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja,

erba' diretturi alternati nominati bi qbil komuni bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka,

direttur alternat nominat mill-Kummissjoni.

Il-Bord tad-Diretturi għandu jagħżel sitt esperti li ma jivvutawx: tlieta bħala membri u tlieta bħala sostituti.

Il-ħatriet tad-Diretturi u s-sostituti ikunu jistgħu jiġġeddu.

Ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi u d-dispożizzjonijiet applikabbli għas-supplenti u għall-esperti maħtura b'għażla.

Il-President tal-Kumitat ta’ Tmexxija jew, fin-nuqqas tiegħu, wieħed mill-Viċi Presidenti, għandu jippresedi fuq il-laqgħat tal-Bord tad- Diretturi imma m’għandux jivvota.

Il-Membri tal-Bord tad- Diretturi għandhom jintgħażlu minn fost persuni li l-independenza u l-kompetenza tagħhom jkunu mingħajr ebda dubbju; huma għandhom ikunu responsabbli biss lejn il-Bank.

3.   Direttur jista' jkun obbligat li jirtira mill-Bord ta’ Gvernaturi biss jekk dan ma jkunx jissodisfa aktar il-kondizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tiegħu; il-Bord għandi jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

Jekk ir-rapport annwali ma jkunx approvat, il-Bord tad- Diretturi għandu jirreżenja.

4.   Kull post battal li jirriżulta bħala riżultat ta' mewt, riżenja voluntarja, irtirar obbligatorju jew riżenja kollettiva għandu jimtela skond il-paragrafu 2. Membru għandu jiġi sostitwit għal bqija tat-terminu tal-mandat tiegħu, ħlief meta l-Bord tad- Diretturi jkun qed jiġi sostitwit.

5.   Il-Bord ta’ Gvernaturi għandu jiddetermina r-remunerazzjoni ta’ membri tal-Bord tad- Diretturi. Il-Bord ta’ Gvernaturi għandu jistabbilixxi liema attivitajiet huma inkompatibbli mad-doveri ta’ direttur jew sostitut.

Artikolu 10

(ex Artikolu 12)

1.   Kull Direttur għandu jkollu vot wieħed fuq il-Bord tad-Diretturi. Huwa jista' jiddelega dan il-vot fil-każijiet kollha, skond il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli ta' proċedura tal-bank.

2.   Ħlief fejn provdut xort'oħra f'dan l-Istatut, id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi għandhom jittieħdu minn ta' l-anqas terz (1/3) tal-membri li jistgħu jivvotaw u li jirrappreżentaw mill-anqas ħamsin fil-mija (50 %) tal-kapital sottoskritt. Maġġoranza kwalifikata għandha teħtieġ tmintax (18)-il vot favur u tmienja w sittin fil-mija (68 %) tal-kapital sottoskritt. Ir-regoli ta' proċedura tal-Bank għandhom jistipulaw il-quorum meħtieġ sabiex id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi jkunu validi.

Artikolu 11

(ex Artikolu 13)

1.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkun jikkonsisti fi President u tmien Vici-Presidenti maħtura għal sitt snin mill-Bord ta' Gvernaturi fuq proposta mill-Bord tad-Diretturi. Il-ħatriet tagħhom għandhom ikunu rinnovabbli.

Il-Bord tal-Gvernaturi, waqt li jaġixxi unanimament, jista’ jvarja n-numru tal-membri fuq il-Kumitat Amministrattiv.

2.   Fuq proposta mill-Bord tad-Diretturi addottata b’maġġoranza kkwalifikata, il-Bord ta’ Gvernaturi jista', waqt li jaġixxi da parti tiegħu b’maġġoranza kkwalifikata, jobbliga l-irtirar ta’ membru tal-Kumitat ta' Tmexxija.

3.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkun responsabbli għan-negozju kurrenti tal-Bank, taħt l-awtorità tal-President u s-sorveljanza tal-Bord tad-Diretturi.

Għandu jipprepara d-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi, partikolarment deċiżjonijiet dwar il-konkluzjoni ta’ self u l-għoti ta' finanzjament, b'mod partikolari fil-forma ta' self u garanziji; għandu jassigura li dawn id-deċiżjonijiet ikunu implementati.

4.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jaġixxi b’maġġoranza meta jwassal l-opinjonijiet tiegħu dwar proposti dwar konkluzjonijiet ta' self u ta' għoti ta' finanzjament, b'mod partikolari fil-forma ta' self u ta' garanziji.

5.   Il-Bord ta’ Gvernaturi għandu jiddetermina r-remunerazzjoni ta’ membri tal-Kumitat ta' Tmexxija u għandu jistabbilixxi liema attivitajiet huma inkompattibli mad-doveri tagħhom.

6.   Il-President jew, jekk ma jkunx jista', Viċi-President, għandu jirrapreżenta lill-Bank f’materji ġudizzjarji u materji oħrajn.

7.   Il-membri tal-persunal oħrajn tal-Bank għandhom ikunu taħt l-awtorità tal-President. Huma għandhom ikunu maħtura u rilaxxati minnu. Fl-għażla ta’ l-impjegati, għandu jittieħed kont mhux biss tal-kapaċità u l-kwalifiki personali imma wkoll ta’ rappreżentazjoni ekwa ta’ ċittadini ta’ Stati Membri. Ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jistabbilixxu liema organu jkun kompetenti sabiex jadotta d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-persunal.

8.   Il-Kumitat ta' Tmexxija u l-impjegati tal-Bank għandhom ikunu responsabbli biss lejn il-Bank u għandhom ikunu kompletament independenti fit-twettiq tad-doveri tagħhom.

Artikolu 12

(ex Artikolu 14)

1.   Kumitat kompost minn sitt membri, maħtur fuq il-bażi tal-kompetenza tagħhom mill-Bord ta’ Gvernaturi, għandu jivverifika li l-attivitajiet tal-Bank ikunu konformi ma' l-aħjar prattika bankarja u għandu jkun responsabbli mill-verifika tal-kontijiet tal-Bank.

2.   Il-Kumitat previst fil-paragrafu 1 għandu, kull sena, jassigura li l-operazzjonijiet tal-Bank tmexxew sew u l-kotba tiegħu nżammu b'mod xieraq. Għal dan l-għan, għandu jivverifika li l-operazzjonijiet tal-Bank saru skond il-formalitajiet u l-proċeduri previsti minn dan l-Istatut u r-Regoli ta' Proċedura.

3.   Il-Kumitat previst fil-paragrafu 1 għandu jikkonferma li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji, kif ukoll kull informazzjoni finanzjarja oħra fil-kontijiet annwali mogħtija mill-Bord tad-Diretturi, jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Bank f'dak li jirrigwarda l-kapital u d-djun tiegħu, u f'dak li jirrigwarda r-riżultati ta' l-operazzjonijiet tiegħu u l-cash flows għas-sena finanzjarja konċernata.

4.   Ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jispeċifikaw il-kwalifiki meħtieġa għall-membri tal-Kumitat u jistabbilixxu l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet għall-attività tal-Kumitat.

Artikolu 13

(ex Artikolu 15)

Il-Bank għandu jitratta ma' kull Stat Membru permezz ta’ l-awtorità innominata minn dak l-Istat. Fit-twettiq ta’ l-operazzjonijiet finanzjari il-Bank għandu jkollu rikors għall-bank ċentrali nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat jew għal istituzzjonijiet finanzjarji oħra approvati minn dak l-Istat.

Artikolu 14

(ex Artikolu 16)

1.   Il-Bank għandu jikkopera ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha li huma attivi f’oqsma simili għal dawk tiegħu.

2.   Il-Bank għandu jfittex li jistabbilixxi kuntatti kollha xierqa fl-interessi ta’ koperazjoni ma' istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji fil-pajjiżi li għalihom jestendu l-operazzjonijiet tiegħu.

Artikolu 15

(ex Artikolu 17)

Fuq talba ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni, jew fuq l-inizjattivà tiegħu stess, il-Bord ta’ Gvernaturi għandu, skond l-istess dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni tagħhom, jinterpreta jew jissuplimenta d-direttivi stabbiliti minnu permezz ta’ Artikolu 7 ta’ dan l-Istatut.

Artikolu 16

(ex Artikolu 18)

1.   Fil-qafas tal-kompitu stabbilit fl-Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Bank għandu jagħti finanzjamenti, b'mod partikolari fil-forma ta' self u ta' garanziji lill-membri tiegħu jew lill-impriżi privati jew pubbliċi għal investiment li għandhom jitwettqu fit-territorji ta’ Stati Membri, sal-limitu li l-fondi ma jkunux disponibbli minn fonti oħrajn b’termini raġjonevoli.

Madanakollu b'deċiżjoni b'maġġoranza kwalifikata tal-Bord ta' Gvernaturi, fuq proposta mill-Bord tad-Diretturi, il-Bank jista' jagħti finanzjament għal investimenti, kompletament jew in parti, barra t-territorji Ewropej ta’ Stati Membri.

2.   Sakemm ikun possibli, self għandu jingħata biss bil-kondizzjoni li fonti oħrajn ta’ finanzjament ikunu wkoll użati.

3.   Meta jingħata self lil impriża jew korp barra Stat Membru, il-Bank għandu jagħmel is-self kondizzjonali jew fuq garanzija mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jitwettaq l-investiment jew fuq garanziji adegwati oħra, jew fuq il-pożizzjoni finanzjarja soda tad-debitur.

Barra minn hekk, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Bord ta' Gvernaturi skond l-Artikolu 7(3)(b) u meta l-implimentazzjoni ta' l-operazzjonijiet previsti fl-Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea tkun teħtieġ, il-Bord tad-Diretturi għandu, b'maġġoranza kwalifikata, jistabbilixxi l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet ta' kull operazzjoni finanzjarja li fiha riskju speċifiku u li b'hekk tkun ikkunsidrata bħala attività speċjali.

4.   Il-Bank jista' jiggarantixxi self ikkuntrattat minn impriżi pubbliċi jew privati jew korpi oħra bl-għan li jitwettqu proġetti previsti fl-Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

5.   L-ammont totali ta' self u garanziji mogħti mill-Bank m'għandux jaqbeż il-250 % tal-kapital sottoskritt, tar-riservi, ta' l-ammonti mhux allokati u ta' l-eċċess fil-kont ta' qligħ u telf tiegħu. Dan l-ammont totali għandu jitnaqqas b'ammont daqs l-ammont sottoskritt,imħallas jew mhux, ta' kull parteċipazzjoni fil-kapital mill-Bank.

L-ammont tal-parteċipazzjonijiet fil-kapital imħallsa mill-Bank m'għandu qatt jaqbeż l-ammont imħallas tal-kapital sottoskritt, tar-riżervi tiegħu, ta' l-ammonti mhux allokati u ta' l-eċċess fil-kont ta' qligħ u telf.

B'eċċezzjoni għal dan, għall-attivitajiet speċjali tal-Bank, kif deċiżi mill-Bord ta' Gvernaturi u l-Bord tad-Diretturi skond il-paragrafu 3 għandu jkun hemm allokazzjoni speċifika ta' riżerva.

Dan il-paragrafu japplika wkoll għall-kontijiet konsolidati tal-Bank.

6.   Il-Bank għandu jipprotieġi lilu nnifsu kontra riskji ta’ kambju billi jinkludi f’kuntratti għal self u garanziji dawk il-klawsoli li hu jikkunsidra xierqa.

Artikolu 17

(ex Artikolu 19)

1.   Rati ta’ imgħax fuq self li li għandhom jingħataw mill-Bank u l- kummissjoni u piżijiet oħra għandhom ikunu aġġustati għall-kondizzjonijiet prevalenti fis-suq kapitali u għandhom jiġu kkalkolati b’tali mod li d-dħul li jkun iġġenerat minnhom għandu jippermetti li l-Bank jissodisfa l-obbligi tiegħu, sabiex ikopri l-ispejjeż tiegħu u r-riskji u jibni fond ta’ riserva kif previst fl-Artikolu 22.

2.   Il-Bank m'għandu jagħti ebda tnaqqis fir-rati ta’ l-imgħax. Meta tnaqqis fir-rata ta’ l-imgħax jidher mixtieq in vista tan-natura ta' l-investiment li għandu jkun iffinanzjat, l-Istat Membri kkonċernat jew xi aġenzija oħra jistgħu jgħinu l-pagamenti ta’ imgħax safejn dan ikunu kompattibli ma' l-Artikolu 107 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18

(ex Artikolu 20)

Fl-operazzjoni tiegħu dwar finanzjament, il-Bank għandu josserva dawn il-prinċipji:

1.

Għandu jassigura li l-fondi tiegħu ikunu wżati b'mod razzjonali kemm jista' jkun fl-interessi ta' l-Unjoni.

Jista' jagħti self jew garanziji biss:

a)

meta, fil-każ ta' investimenti mwettqa minn impriżi fis-settur tal-produzzjoni, jew fil-każ ta' investimenti oħra pagamenti ta’ imgħax u amortizzazzjoni jkunu koperti mill-profitti ta' l-operat jew, f’każijiet oħrajn, jew b’impenn li jidħol għalih l-Istat li fih jitwettaq l-investiment, u,

b)

meta l-eżekuzzjoni ta' l-investiment tikkontribwixxi għal żieda fil-produttività ekonomika in ġenerali u tippromwovi l-kisba tas-suq komuni.

2.

Hu m’għandu la jakkwista interess f' impriża u lanqas jassumi xi responsabbilità fit-tmexxija tagħha sakemm dan ma jkunx meħtieġ sabiex jissalvagwarda d-drittijiet tal-Bank sabiex jiżgura l-irkupru ta' fondi mislufa.

Madankollu, taħt il-prinċipji stabbiliti mill-Bord ta' Gvernaturi skond l-Artikolu 7(3)(b), jekk l-implimentazzjoni ta' l-operazzjonijiet previsti fl-Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea hekk teħtieġ, il-Bord tad-Diretturi għandu, b'maġġoranza kwalifikata, jistabbilixxi l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-kapital ta' intrapriża kummerċjali, normalment bħala komplement għal self jew garanzija, sakemm dan ikun meħtieġ sabiex jiġi ffinanzjat investiment jew programm.

3.

Jista' jiddisponi mill-pretensjonijiet tiegħu fis-suq kapitali u jista', b'dan l-għan, jeħtieġ li d-debituri tiegħu joħorġu bonds jew sigurtajiet oħra.

4.

La l-Bank u lanqas l-Istati Membri m’għandhom jimponu kondizzjonijiet li jeħtieġu li fondi mislufa mill-Bank jintefqu fi Stat Membru speċifikat.

5.

Il-Bank jista' jagħmel is-self tiegħu kondizzjonali fuq li jkunu organizzati stediniet internazzjonali għal offerti.

6.

Il-Bank m’għandux jiffinanzja, kompletament jew in parti, xi investiment li jopponi għalih l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ikun sejjer jiġi mwettaq.

7.

Bħala komplement għall-attività ta' self tiegħu, il-Bank jista' jipprovdi servizzi ta' għajnuna teknika skond il-modalitajiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Bord ta' Gvernaturi, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, u konformement ma' dan l-Istatut.

Artikolu 19

(ex Artikolu 21)

1.   Kull intrapriża jew entità pubblika jew privata tista' tapplika għal finanzjament direttament mingħand il-Bank. Applikazzjonijiet lill-Bank jistgħu jsiru wkoll jew permezz tal-Kummissjoni jew permezz ta' Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu jkun ser isir l-investiment.

2.   Applikazzjonijiet magħmula permezz tal-Kummissjoni għandhom jiġu preżentati għall-opinjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-investiment ikun sejjer jitwettaq. Applikazzjonijiet magħmula permezz ta’ Stat Membru għandhom jiġu preżentati lill-Kummissjoni għal opinjoni. Applikazzjonijiet magħmula direttament minn impriża għandhom jiġu preżentati lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni.

L-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-opinjonijiet tagħhom fi żmien xahrejn. Jekk ma jirċievi l-ebda tweġiba f'dan il-perjodu, il-Bank jista' jassumi li ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għal proġett in kwistjoni.

3.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jirregola fuq operazzjonijiet ta' finanzjament preżentati lilu mill-Kumitat ta' Tmexxija.

4.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jeżamina jekk l-operazzjonijiet ta' finanzjament kif preżentati lilu jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Istatut, b'mod partikolari ma' l-Artikolu 16 u 18. Meta l-Kumitat ta' Tmexxija jkun favur il-finanzjament, għandu jippreżenta l-proposta kkonċernata lill-Bord tad-Diretturi; il-Kumitat jista' jagħmel l-opinjoni favorevoli tiegħu suġġetta għal dawn il-kondizzjonijiet li hu jikkonsidra essenzjali. Meta l-Kumitat ta' Tmexxija jkun kontra l-għoti ta’ finanzjament, għandu jippreżenta d-dokumenti rilevanti flimkien ma' l-opinjoni tiegħu lill-Bord tad-Diretturi.

5.   Meta l-Kumitat ta' Tmexxija jagħti opinjoni sfavorevoli, il-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament konċernat sakemm id-deċiżjoni tiegħu ma tkunx unanima.

6.   Meta l-Kummissjoni tagħti opinjoni sfavorevoli, il-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament konċernat sakemm id-deċiżjoni tiegħu ma tkunx unanima, u d-direttur innominat mill-Kummissjoni jastjeni.

7.   Meta kemm il-Kumitat ta' Tmexxija kif ukoll il-Kummissjoni jagħtu opinjoni sfavorevoli, il-Bord tad-Diretturi ma jistax jagħti l-finanzjament.

8.   Meta operazzjoni ta' finanzjament li għandha x'taqsam ma' investiment approvat trid tiġi ristrutturata sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet u l-interessi tal-Bank, il-Kumitat ta' Tmexxija għandu bla telf ta' żmien jieħu l-miżuri ta' emerġenza li jidhrulu xierqa, u għandu jirrapporta dan minnufih lill-Bord tad-Diretturi.

Artikolu 20

(ex Artikolu 22)

1.   Il-Bank għandu jissellef minn fuq is-swieq kapitali l-fondi neċessarji għat-twettiq tad-doveri tiegħu.

2.   Il-Bank jista' jissellef fis-swieq tal-kapital ta' l-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet legali li japplikaw għal dawk is-swieq.

L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru li jkollhom deroga fit-tifsira ta' l-Artikolu 139(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistgħu jopponu dan biss jekk ikun hemm biża' ta' disturbi serji fis-suq tal-kapital ta' dak l-Istat.

Artikolu 21

(ex Artikolu 23)

1.   Il-Bank jista' juża' l-fondi disponibbli li hu ma jeħtieġx immedjetament sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu bil-modi li ġejjin:

a)

jista' jinvesti fi swieq monetarji;

b)

jista', suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18(2), jixtri u jbiegħ sigurtajiet;

c)

jista' jwettaq kull operazzjoni finanzjarja oħrajn marbuta ma' l-objettivi tiegħu.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 23, il-Bank m’għandux, fl-amministrazzjoni ta’ l-investimenti tiegħu, jinvolvi ruħu f’arbitraġġ tal-munita li ma jkunx direttament meħtieġ fit-twettiq ta' l-operazzjonijiet tiegħu ta’ self jew li jissodisfa impenni li joriġinaw minn self jew garanziji mogħtija minnu.

3.   Il-Bank għandu, fl-oqsma koperti minn dan l-Artikolu, jaġixxi bi ftehim ma' l-awtoritajiet kompetenti jew mal-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 22

(ex Artikolu 24)

1.   Fond ta’ riserva sa 10 % tal-kapital sottoskritt għandu jinbena progressivament. Jekk l-istat tal-passiv tal-Bank jiġġustifika hekk, il-Bord tad-Diretturi jista' jiddeċiedi li jwarrab riservi addizzjonali. Sa dak iż-żmien li l-fond ta’ riserva jkun inbena kompletament, dan għandu jiġi fornut minn:

a)

imgħax li jidħol minn self mogħti mill-Bank fuq somom li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri skond l-Artikolu 5;

b)

imgħax li jidħol minn self mogħti mill-Bank minn fondi derivati mill-ħlas lura ta’ self imsemmi fil-punt (a);

safejn dan id-dħul m' huwiex meħtieġ sabiex jissodisfa l-obbligi tal-Bank jew ikopri l-ispejjeż tiegħu.

2.   Ir-riżorsi tal-fond ta’ riserva għandhom ikunu hekk investiti li jkunu disponibbli fi kwalunkwe ħin sabiex jissodisfaw l-għan ta’ dan il-fond.

Artikolu 23

(ex Artikolu 25)

1.   Il-Bank għandu fil-ħinijiet kollha jkun intitolat li jitrasferixxi l-assi tiegħu fil-munita ta’ Stat Membru wieħed li l-munita tiegħu mhijiex l-euro sabiex iwettaq l-operazzjonijiet finanzjarji li jikkorrispondu għad-dmir stabilit fl-Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 21 ta’ dan l-Istatut. Il-Bank għandu, sa fejn ikun possibli, jevita li jagħmel dawn it-trasferimenti jekk ikollu flus jew assi likwidi fil-munita meħtieġa.

2.   Il-Bank ma jistax jikkonverti l-assi tiegħu fil-munita ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro għall-munita ta’ pajjiż terz mingħajr il-kunsens ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

3.   Il-Bank jista' liberament jiddisponi minn dik il-parti tal-kapital li tkun imħallsa u minn kull munita mislufa fuq is-swieq barra l-Unjoni.

4.   L-Istati Membri jintrabtu li jagħmlu disponibbli għad-debituri tal-Bank il-munita meħtieġa sabiex iħallsu lura l-kapital u jħallsu l-imgħax fuq self jew kommissjoni mogħtija mill-Bank għal investimenti li għandhom jitwettqu fit-territorju tagħhom.

Artikolu 24

(ex Artikolu 26)

Jekk Stat Membru jonqos milli jissodisfa l-obbligi ta’ sħubija li joriġinaw minn dan l-Istatut, b'mod partikolari l-obbligu li jħallas is-sehem tiegħu tal-kapital sottoskritt, jew li jgħin is-self tiegħu, l-għoti ta’ self jew garanziji lil dak l-Istat Membru jew liċ-ċittadini tiegħu jista' jkun sospiż b’deċiżjoni tal-Bord ta’ Gvernaturi, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Din id-deċiżjoni ma għandha teħles la lill-Istat u lanqas liċ-ċittadini tiegħu mill-obbligi tagħhom lejn il-Bank.

Artikolu 25

(ex Artikolu 27)

1.   Jekk il-Bord ta’ Gvernaturi jiddeċiedi li jissospendi l-operazzjonijiet tal-Bank, l-attivitajiet kollha tiegħu għandhom jieqfu minnufih, ħlief dawk meħtieġa sabiex jassiguraw ir-realizzazzjoni, l-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-assi tiegħu u t-twettiq tar-responsabbilltajiet tiegħu.

2.   Fil-każ ta’ likwidazzjoni, il-Bord ta’ Gvernaturi għandu jaħtar il-likwidaturi u jagħtihom istruzzjonijiet sabiex iwettqu l-likwidazzjoni. Għandu jassigura li d-drittijiet tal-persunal jiġu mħarsa.

Artikolu 26

(ex Artikolu 28)

1.   F’kull wieħed mill-Istati Membri, il-Bank għandu jgawdi l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom; hu jista', b'mod partikolari, jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u jista' jkun parti minn proċeduri legali.

2.   Il-proprjetà tal-Bank għandha tkun eżentata minn kull forma ta’ rekwiżizzjoni jew esproprjazzjoni.

Artikolu 27

(ex Artikolu 29)

Kwestjonijiet bejn il-Bank minn naħa waħda, u l-kredituri tiegħu, id-debituri jew xi persuna oħra minn naħa l-oħra, għandhom jiġu deċiżi mill-qrati nazzjonali kompetenti, ħlief meta l-ġurisdizzjoni tkun għaddiet lill-Qorti ta’ Ġustizja ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Bank, f'kuntratt, jista' jipprevedi proċedura ta' arbitraġġ.

Il-Bank għandu jkollu indirizz f’kull Stat Membru. Jista', madanakollu, f’kull kuntratt, jispeċifika indirizz partikolari għal servizz jew jipprovdi għal arbitraġġ.

Il-proprjetà u l-assi tal-Bank ma jistgħux ikunu suġġetti għal sekwestru jew qbid bħala eżekuzzjoni ħlief b’deċiżjoni ta’ qorti.

Artikolu 28

(ex Artikolu 30)

1.   Il-Bord ta' Gvernaturi jista', b'mod unanimu, jiddeċiedi li jistabbilixxi sussidjarji jew entitajiet oħra li għandu jkollhom personalità ġuridika u awtonomija finanzjarja.

2.   Il-Bord ta' Gvernaturi għandu jadotta l-istatut tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 b'unanimità. L-istatut għandu jiddefinixxi, b'mod partikolari, l-objettivi, l-istruttura, il-kapital, is-sħubija, is-sede, ir-riżorsi finanzjarji, il-mezzi ta' intervenzjoni, l-arranġamenti ta' verifika kif ukoll ir-relazzjoni tagħhom ma' l-organi tal-Bank.

3.   Il-Bank għandu l-kompetenza li jieħu sehem fit-tmexxija ta' dawn il-korpi u jikkontribwixxi għall-kapital sottoskritt tagħhom sa ammont determinat mill-Bord tal-Gvernaturi, li jaġixxi b'mod unanimu.

4.   Il-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-korpi previsti fil-paragrafu 1, sakemm dawn ikunu inkorporati taħt il-liġi ta' l-Unjoni, għall-membri ta' l-organi tagħhom fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom bħala tali u għall-persunal tagħhom bil-modalitajiet u kondizzjonijiet identiċi għal dawk li japplikaw għall-Bank.

Dawk id-dividendi, il-qligħ kapitali jew forom oħra ta' dħul li jiġu minn dawn il-korpi li għalihom huma intitolati l-membri, minbarra l-Unjoni Ewropea u l-Bank, għandhom madankollu jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet fiskali tal-leġislazzjoni applikabbli.

5.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza, fil-limiti stabbiliti hawn taħt, li tisma' kwistjonijiet dwar miżuri adottati minn organi ta' xi korp suġġett għad-dritt ta' l-Unjoni. Ir-rikorsi kontra dawn il-miżuri jistgħu jitressqu minn kull membru ta' tali korp fil-kapacità tiegħu bħala tali jew mill-Istati Membri skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

6.   Il-Bord ta' Gvernaturi jista', b'mod unanimu, jiddeċiedi li jdaħħal persunal ta' korpi suġġetti għad-dritt ta' l-Unjoni fi skemi konġunti mal-Bank, f'rispett tal-proċeduri interni rispettivi.