7.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea |
C 202/195 |
Artikolu 349
(ex Artikolu 299(2), it-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafi, TKE)
B'kont meħud tas-sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika tal-Gwadelup, tal-Gujana Franċiża, tal-Martinique, tal-Majott, ta' Réunion, ta' Saint Martin, l-Azores, il-Madejra u l-Gżejjer Kanarji, li hija aktar ikkumplikata bid-distanza u l-insularità tagħhom, bid-daqs żgħir, bit-topografija u l-klima diffiċli, bid-dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti, li l-permanenza u l-kumbinazzjoni tagħhom jirrestrinġu bi kbir l-iżvilupp tagħhom, il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, għandu jadotta miżuri speċifiċi bl-għan li, partikolarment, jistabbilixxu l-kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati presenti għal dawk ir-Reġjuni, inklużi l-politiki komuni. Meta jiġu adottati l-miżuri speċifiċi in kwistjoni mill-Kunsill skond il-proċedura leġislattiva speċjali, dan għandu jiddeċiedi wkoll fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.
Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu jikkonċernaw b'mod partikolari oqsma bħalma huma l-politika doganali u tal-kummerċ, il-politika fiskali, iż-żoni liberi, il-politika dwar l-agrikoltura u s-sajd, il-kondizzjonijiet għall-fornitura ta’ materja prima u oġġetti essenzjali għall-konsumatur, l-għajnuniet ta' l-Istat u l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-fondi strutturali u għal programmi oriżżontali ta' l-Unjoni.
Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu billi jieħu kont tal-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi mingħajr ma jnaqqas l-integrità u l-koerenza ta' l-ordni legali ta' l-Unjoni, inklużi s-suq intern u l-politika komuni.