7.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea |
C 202/182 |
Artikolu 312
1. Il-qafas finanzjarju pluriennali għandu jassigura li l-infiq ta' l-Unjoni jiżviluppa b'mod ordnat u fil-limiti tar-riżorsi proprji tagħha.
Dan għandu jiġi stabbilit għall-perijodu ta' mill-inqas ħames snin.
Il-baġit annwali ta' l-Unjoni għandu jirrispetta l-qafas finanzjarju pluriennali.
2. Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandu jadotta regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali. Dan għandu jaġixxi b'mod unanimu wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li għandha tingħata b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.
Il-Kunsill Ewropew jista' jadotta, b'mod unanimu, deċiżjoni li tawtorizza l-Kunsill jaġixxi bil-maġġoranza kwalifikata meta jadotta r-regolament previst fl-ewwel subparagrafu.
3. Il-qafas finanzjarju għandu jistabbilixxi l-ammonti tal-limiti massimi annwali ta' approprjazzjonijiet għal impenji skond il-kategorija ta' l-infiq u tal-limitu massimu annwali ta' approprjazzjonijiet għall-pagamenti. Il-kategoriji ta' l-infiq, ta' numru limitat, għandhom jikkorrispondu għas-setturi prinċipali ta' attività ta' l-Unjoni.
Il-qafas finanzjarju għandu jistabbilixxi kwalunkwe dispożizzjoni oħra meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tal-proċedura annwali tal-baġit.
4. Meta r-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas finanzjarju ġdid ma jkunx ġie adottat sa l-iskadenza tal-qafas finanzjarju preċedenti, il-limiti massimi u dispożizzjonijiet oħra li jikkorrispondu għall-aħħar sena ta' dak il-qafas għandhom jiġu estiżi sa l-adozzjoni ta' dak l-att.
5. Tul il-proċedura kollha li twassal għall-adozzjoni tal-qafas finanzjarju, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiffaċilitaw din l-adozzjoni.