MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/295


PROTOKOLL (Nru 21)

DWAR IL-POŻIZZJONI TAR-RENJU UNIT U L-IRLANDA FIR-RIGWARD TA' L-ISPAZJU TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIXTIEQU li jsolvu ċerti kwistjonijiet dwar ir-Renju Unit u l-Irlanda,

WARA LI KKONSIDRAW il-Protokoll dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ l-Artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea għar-Renju Unit u għall-Irlanda,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Suġġett għall-Artikolu 3, ir-Renju Unit u l-Irlanda m’għandomx jieħdu parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandhom ikunu meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li jkunu jeħtieġu li jiġu adottati unanimament.

Għall-finijiet ta' l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

B’konsegwenza ta’ l-Artikolu 1 u suġġett għall-Artikoli 3, 4 u 6, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea li tinterpreta xi dispożizzjoni jew miżuri bħal dawn m’għandhom ikunu jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda jew japplikaw għalihom; u l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b'xi mod taffettwa l-kompetenza, id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk l-Istati; u l-ebda waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b' xi mod taffettwa la l-acquis communautaire, u lanqas dak ta' l-Unjoni u lanqas tifforma parti mil-liġijiet ta' l-Unjoni kif dawn japplikaw għar-Renju Unit jew l-Irlanda.

Artikolu 3

1.   Ir-Renju Unit jew l-Irlanda jistgħu jinnotifikaw lill-President tal-Kunsill bil-miktub, fi żmien tlett xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet ippreżentata lill-Kunsill skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, li huma jkunu jixtiequ li jieħdu parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ xi uħud minn dawk il-miżuri proposti, meta allura dak l-Istat ikun intitolat li jagħmel hekk.

L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni ta’ xi membru li ma jkunx wassal dik in-notifika, tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandu jaddotta b' unanimità. Miżura adottata skond dan il-paragrafu torbot lill-Istati Membri kollha li jkunu ħadu parti fl-adozzjoni tagħha.

Il-miżuri adottati f'applikazzjoni ta' l-Artikolu 70 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda fil-valutazzjonijiet dwar l-oqsma koperti mit-Titolu V tat-Tielet Parti ta' l-imsemmi Trattat.

Għall-finijiet ta' l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

2.   Jekk wara perijodu ta’ żmien raġonevoli xi miżura msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx tista' tiġi adottata bil-parteċipazzjoni tar-Renju Unit jew ta' l-Irlanda, il-Kunsill jista' jadotta dawk il-miżuri skond l-Artikolu 1 mingħajr il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit jew ta' l-Irlanda. F’dak il-każ japplika l-Artikolu 2.

Artikolu 4

Ir-Renju Unit jew l-Irlanda jistgħu f’kull żmien wara l-adozzjoni ta’ xi miżura mill-Kunsill skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni l-intenzjoni tagħhom li jaċċettaw dik il-miżura. F’dak il-każ, il-proċedura prevista fl-Artikolu 331(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea tapplika mutatis mutandis.

Artikolu 4a

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll japplikaw għar-Renju Unit u l-Irlanda anke għal miżuri proposti jew adottati skond it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jemendaw miżura eżistenti li biha jkunu marbuta.

2.   Madankollu, f'każijiet fejn il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddetermina li n-nuqqas ta' parteċipazzjoni tar-Renju Unit jew ta' l-Irlanda fil-verżjoni emendata ta' miżura eżistenti tagħmel mod li l-applikazzjoni ta' dik il-miżura tkun inpratikabbli għal Stati Membri oħra jew għall-Unjoni, huwa jista' jħeġġiġhom jagħmlu notifika skond l-Artikolu 3 jew 4. Għall-finijiet ta' l-Artikolu 3, perijodu ulterjuri ta' xahrejn jibda jgħodd mid-data ta' tali determinazzjoni mill-Kunsill.

Jekk, ma' l-iskadenza ta' dak il-perijodu ta' xahrejn mid-determinazzjoni tal-Kunsill, ir-Renju Unit jew l-Irlanda ma jkunux għamlu notifika skond l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4, il-miżura eżistenti ma tibqax torbot u ma tibqax applikabbli għalih, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx għamel notifika skond l-Artikolu 4 qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura emendatorja. Dan għandu jieħu effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura emendatorja jew ta' l-iskadenza tal-perijodu ta' xahrejn, skond liema tkun l-aktar tard.

Għall-fini ta' dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu, wara diskussjoni sħiħa tal-kwistjoni, jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jipparteċipaw jew li jkunu pparteċipaw fl-adozzjoni tal-miżura emendatorja. Maġġoranza kwalifikata tal-Kunsill għandha tiġi definita skond l-Artikolu 238(3)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddetermina li r-Renju Unit jew l-Irlanda għandhom ikunu responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji diretti, jekk ikun hemm, li jirriżultaw neċessarjament u inevitabbilment mill-waqfien tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-miżura eżistenti.

4.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4.

Artikolu 5

Stat Membru li ma jkunx marbut b’xi miżura adottata skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea ma jkunx tenut li jerfa' xi konsegwenzi finanzjarji ta’ dawk il-miżuri barra mill-ispejjeż amministrattivi meħtieġa għall-istituzzjonijiet, sakemm il-Kunsill, li jaġixxi bl-unanimità tal-membri kollha tiegħu u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, ma jiddeċidix mod ieħor.

Artikolu 6

Meta, fil-każijiet imsemmija f’dan il-Protokoll, ir-Renju Unit jew l-Irlanda ikunu marbuta b’xi miżura adottata mill-Kunsill skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet pertinenti tat-Trattati, għandhom japplikaw għal dak l-Istat f’dak li jirrigwarda dik il-miżura.

Artikolu 6a

Ir-Renju Unit jew l-Irlanda m'għandhomx ikunu marbuta minn regoli stabbiliti abbażi ta' l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw it-trattament ta' data personali mill-Istati Membri fl-eżerċiżżju ta' attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta' l-imsemmi Trattat, meta r-Renju Unit jew l-Irlanda ma jkunux marbuta b'regoli ta' l-Unjoni li jirregolaw forom ta' koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali jew ta' koperazzjoni tal-pulizija li fil-qafas tagħhom għandhom jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet stabbiliti abbażi ta' l-Artikolu 16.

Artikolu 7

L-Artikoli 3, 4 u 4a għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

L-Irlanda tista' tinnotifika bil-mitkub lill-Kunsill li hi ma tkunx aktar tixtieq li tkun marbuta bil-kondizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll. F’dak il-każ, id-dispożizzjonijiet normali tat-trattat għandhom japplikaw għall-Irlanda.

Artikolu 9

Fir-rigward ta' l-Irlanda, dan il-Protokoll m'għandux japplika għall-Artikolu 75 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.