MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/203


PROTOKOLL (NRU 1)

DWAR IR-RWOL TAL-PARLAMENTI NAZZJONALI FL-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JFAKKRU li l-mod li bih il-Parlamenti nazzjonali jeżerċitaw il-kontroll fuq il-gvern tagħhom f'dak li jolqot l-attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea jiddependi mill-organizzazzjoni u l-prattika kostituzzjonali partikolari ta' kull Stat Membru,

BIX-XEWQA li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni akbar tal-Parlamenti nazzjonali fl-attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea u li jkabbru l-kapaċità tagħhom li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar abbozzi ta' atti leġislattivi ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll dwar materji oħra li jistgħu jkunu ta' interess partikolari għalihom,

FTIEHMU dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika:

TITOLU I

INFORMAZZJONI GĦALL-PARLAMENTI NAZZJONALI

Artikolu 1

Id-dokumenti ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni (green papers, white papers u komunikazzjonijiet) għandhom jintbagħtu direttament mill-Kummissjoni lill-Parlamenti nazzjonali hekk kif jiġu pubblikati. Il-Kummissjoni għandha wkoll tibgħat lill-Parlamenti nazzjonali l-programm leġislattiv annwali kif ukoll kwalunkwe strument ieħor ta' ppjanar leġislattiv jew ta' strateġija politika fl-istess ħin li tibgħathom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 2

L-abbozzi ta' atti leġislattivi mibgħuta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandhom jintbagħtu lill-Parlamenti nazzjonali.

Għall-finijiet ta' dan il-Protokoll, “abbozz ta' att leġislattiv”, għandha tfisser il-proposti mill-Kummissjoni, l-inizjattivi ta' grupp ta' Stati Membri, l-inizjattivi tal-Parlament Ewropew, it-talbiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew u t-talbiet mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, għall-adozzjoni ta' att leġislattiv.

L-abbozzi ta' atti leġislattivi li jiġu mill-Kummissjoni għandhom jintbagħtu direttament lill-Parlamenti nazzjonali mill-Kummissjoni, fl-istess ħin li jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

L-abbozzi ta' atti leġislattivi li jiġu mill-Parlament Ewropew għandhom jintbagħtu direttament lill-Parlamenti nazzjonali mill-Parlament Ewropew.

L-abbozzi ta' atti leġislattivi li jiġu minn grupp ta' Stati Membri, mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandhom jintbagħtu lill-Parlamenti nazzjonali mill-Kunsill.

Artikolu 3

Il-Parlamenti nazzjonali jistgħu jibgħatu opinjoni motivata lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, dwar il-konformità ta' abbozz ta' att leġislattiv mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, skond il-proċedura stabbilita fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv jiġi minn grupp ta' Stati Membri, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni jew l-opinjonijiet motivati lill-gvernijiet ta' dawk l-Istati Membri.

Jekk l-abbozz ta' att leġislattiv jiġi mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Bank Ċentrali Ewropew jew mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment, il-President tal-Kunsill għandu jibgħat l-opinjoni jew l-opinjonijiet motivati lill-istituzzjoni jew il-korp konċernat.

Artikolu 4

Għandu jgħaddi perijodu ta' tmien ġimgħat bejn id-data ta' meta abbozz ta' att leġislattiv ikun disponibbli għall-Parlamenti nazzjonali fil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni u d-data meta jitpoġġa fuq l-aġenda provviżorja tal-Kunsill sabiex jiġi adottat jew sabiex tiġi adottata pożizzjoni skond proċedura leġislattiva. Għandu jkun possibbli li jsiru eċċezzjonijiet f'każijiet ta' urġenza, li r-raġunijiet għalihom għandhom jiġu dikjarati fl-att jew fil-pożizzjoni tal-Kunsill. Ħlief f'każijiet urġenti li għalihom ikunu ngħataw raġunijiet xierqa, ma jista' jintlaħaq l-ebda ftehim fuq abbozz ta' att leġislattiv matul dawk it-tmien ġimgħat. Ħlief f'każijiet urġenti li għalihom ikunu ngħataw raġunijiet xierqa, għandu jgħaddi perijodu ta' għaxar t' ijiem bejn meta jitpoġġa abbozz ta' att leġislattiv fuq l-aġenda provviżorja tal-Kunsill u l-adozzjoni ta' pożizzjoni.

Artikolu 5

L-aġendi u r-riżultati tal-laqgħat tal-Kunsill, inklużi l-minuti tal-laqgħat li fihom il-Kunsill jiddiskuti abbozzi ta' atti leġislattivi, għandhom jintbagħtu direttament lill-Parlamenti nazzjonali, fl-istess ħin li jintbagħtu lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

Artikolu 6

Meta l-Kunsill Ewropew ikollu l-intenzjoni li jagħmel użu mill-ewwel jew it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 48(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Parlamenti nazzjonali għandhom ikunu informati dwar l-inizjattiva tal-Kunsill Ewropew mill-inqas sitt xhur qabel ma tkun adottata deċiżjoni.

Artikolu 7

Il-Qorti ta' l-Awdituri għandha tibgħat ir-rapport annwali tagħha lill-Parlamenti nazzjonali għall-informazzjoni, fl-istess ħin li tibagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 8

Fejn is-sistema parlamentari nazzjonali ma tkunx b' kamra waħda, l-Artikoli 1 sa 7 għandhom japplikaw għall-kmamar li jikkomponuha.

TITOLU II

KOPERAZZJONI INTERPARLAMENTARI

Artikolu 9

Il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali għandhom jiddeterminaw flimkien l-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' koperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari fi ħdan l-Unjoni.

Artikolu 10

Konferenza tal-kumitati parlamentari speċjalizzati fl-affarijiet ta' l-Unjoni tista' tippreżenta kull kontribuzzjoni li jidhrilha xierqa għall-attenzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Din il-konferenza għandha tippromwovi, fost affarijiet oħra, l-iskambju ta' informazzjoni u ta' l-aħjar prattika bejn il-Parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, inklużi il-kumitati speċjali tagħhom. Din tista' wkoll torganizza konferenzi interparlamentari fuq suġġetti speċifiċi, partikolarment sabiex tiddibatti dwar il-kwistjonijiet ta' politika estera u ta' sigurtà komuni, inkluża l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni. Il-kontribuzzjonijiet tal-konferenza m'għandhomx jorbtu lill-Parlamenti nazzjonali u m'għandhomx jippreġudikaw il-pożizzjonijiet tagħhom.