7.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 203/31


Artikolu 75

Id-disposizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu m'għandhomx ikunu applikabbli għall-intrapriżi f'dak li għandu x'jaqsam mat-trattament, it-trasformazzjoni tal-ipproċessar ta' minerali, ta' materji primi jew materjali speċjali fissili li jsiru bejn:

(a)

diversi persuni jew intrapriżi, f'każijiet meta l-materjali wara li jkunu ittrattati, ittrasformati jew ipproċessati jkunu ser jintbgħatu lura sussegwentament lill-persuna jew intrapriża oriġinali;

(b)

persuna jew intrapriża u organizzazzjoni internazzjonali jew ċittadin ta' pajjiż terz, f'każijiet meta l-materjali, wara li jkunu ttrattati, ittrasformati jew ipproċessati l-barra mill-Komunità, ikunu mibgħuta lura sussegwentement lill-persuna jew intrapriża ta' l-oriġini;

(ċ)

persuna jew intrapriża u organizzazzjoni internazzjonali jew ċittadin ta' pajjiż terz, f'każijiet meta l-materjali, wara li jkunu ttrattati, ittrasformati jew ipproċessati fil-Komunità jkunu jew għandhom jintbgħatu lura sussegwentement lill-organizzazzjonijiet jew ċittadin oriġinali jew mibgħuta lil xi kunsinnatarju, ukoll il-barra mill-Komunità, li jkun ġie nnominat minn dik l-organizzazzjoni jew ċittadin.

Il-persuni jew intrapriżi kkonċernati għandhom, b'dana kollu, jinnotifikaw lill-Aġenzija bl-eżistenza ta' l-impriżi bħal dawn u wkoll, mal-firma tal-kuntratt, bl-ammonti tal-materjali involuti. Il-Kummissjoni tista' tagħmel oppożizzjoni għall-intrapriżi li hemm referenza għalihom fis-sub-paragrafu (b) t'hawn fuq jekk hi tikkonsidra li t-trasformazzjoni jew proċessar involut ma jkunx jista jiġi mwettaq b'effiċjenza, b'sigurtà u mingħajr telf ta' materjal għad-dettriment tal-Komunità.

Il-materjali kollha koperti b'dawn l-impriżi għandhom, sakemm ikunu fit-territorji ta' Stati Membri, jkunu suġġetti għall-miżuri ta' kontroll kif previst fil-Kapitolu 7. Id-disposizzjonijiet tal-Kapitolu 8 m'għandhomx ikunu applikabbli għal xi materjali speċjali fissili koperti minn impriżi li hemm referenza għalihom fis-sub-paragrafu (ċ) t'hawn fuq.