26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR L-AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI U DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI

KAPITOLU 2

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI

TAQSIMA 2

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-POLITIKA TA' SIGURTÀ U TA' DIFIŻA KOMUNI

Artikolu 42

(ex Artikolu 17 TUE)

1.   Il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni għandha tkun parti integrali mill-politika estera u ta' sigurtà komuni. Din għandha tipprovdi lill-Unjoni b'kapaċità operattiva billi tagħmel użu minn riżorsi ċivili u militari. L-Unjoni tista' tużahom f'missjonijiet barra mill-Unjoni għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni ta' konflitti u sabiex tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Dawn il-kompiti għandhom jitwettqu permezz tal-kapaċitajiet provduti mill-Istati Membri.

2.   Il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni għandha tinkludi t-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni ta' l-Unjoni. Din sejra twassal għal difiża komuni, meta l-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu, jiddeċiedi hekk. F'dak il-każ dan għandu jirrakkomanda lill-Istati Membri li jadottaw deċiżjoni f' dan is-sens skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Il-politika ta’ l-Unjoni skond din it-taqsima m’ għandhiex tolqot il-karattru speċifiku tal-politika ta’ sigurta' u difiża ta’ ċerti Stati Membri, u għandha tirrispetta l-obbligazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri, li jqisu li d-difiża komuni tagħhom hija koperta mill-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku (NATO), taħt it-trattat tan-Nord Atlantiku u li tkun kompatibbli mal-politika komuni ta’ sigurta' u difiża stabbilita f’dan il-kuntest.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Unjoni l-kapaċitajiet ċivili u militari għall-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti mill-Kunsill. Dawk l-Istati Membri li jistabbilixxu forzi multinazzjonali flimkien jistgħu wkoll jagħmluhom disponibbli għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni.

L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex itejbu progressivament il-kapaċitajiet militari tagħhom. L-Aġenzija fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, tar-riċerka, ta' l-akkwist u ta' l-armamenti (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża”) tidentifika l-ħtiġijiet operattivi, tippromwovi l-miżuri li jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet, tikkontribwixxi sabiex tidentifika u, fejn ikun meħtieġ, timplimenta kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex issaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża, tipparteċipa sabiex tidentifika politika Ewropea dwar kapaċitajiet u armamenti u tassisti lill-Kunsill fil-valutazzjoni tat-titjib tal-kapaċitajiet militari.

4.   Id-deċiżjonijiet dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, inklużi dawk li jibdew missjoni kif previst f'dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati mill-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jew fuq inizjattiva minn Stat Membru. Ir-Rappreżentant Għoli jista' jipproponi li juża kemm riżorsi nazzjonali kif ukoll strumenti ta' l-Unjoni, flimkien mal-Kummissjoni fejn xieraq.

5.   Il-Kunsill jista' jafda l-eżekuzzjoni ta' missjoni fil-qafas ta' l-Unjoni lil grupp ta' Stati Membri sabiex jiġu protetti l-valuri ta' l-Unjoni u jinqdew l-interessi tagħha. L-eżekuzzjoni ta' din il-missjoni għandha tkun regolata mill-Artikolu 44.

6.   Dawk l-Istati Membri li l-kapaċitajiet militari tagħhom jissodisfaw kriterji ogħla u li jkunu ħadu impenji aktar vinkolanti ma' xulxin fil-qasam bil-ħsieb tat-twettiq tal-missjonijiet l-aktar impenjattivi għandhom jistabbilixxu koperazzjoni strutturata permanenti fil-qafas ta' l-Unjoni. Din il-koperazzjoni għandha tkun regolata mill-Artikolu 46. Din m'għandhiex tolqot d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 43.

7.   Jekk Stat Membru jkun il-vittma ta' aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu, l-Istati Membri l-oħra jkunu obbligati jtuh l-għajnuna u l-assistenza permezz tal-mezzi kollha li jista' jkollhom, skond l-Artikolu 51 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan m'għandux jippreġudika l-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri.

L-impenji u l-koperazzjoni f'dan il-qasam għandhom ikunu konsistenti ma' l-impenji meħuda fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, li, għal dawk l-Istati Membri li huma membri tagħha, tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tagħhom u l-forum għall-implimentazzjoni tagħha.