26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

TITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 5

(ex Artikolu 3b TKE)

1.   Il-limiti tal-kompetenzi ta' l-Unjoni huma regolati mill-prinċipju ta' l-għoti tal-kompetenzi. L-eżerċizzju ta' dawn il-kompetenzi huwa regolat mill-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

2.   Skond il-prinċipju ta' l-għoti tal-kompetenzi, l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minn dawn it-Trattati. Il-kompetenzi kollha li ma jingħatawx lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri.

3.   Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklussiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn, l-objettivi ta' l-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali, iżda jkunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell ta' l-Unjoni.

L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom japplikaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà skond il-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Il-Parlamenti nazzjonali għandhom jaraw li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jiġi rispettat skond il-proċedura prevista fil-Protokoll imsemmi.

4.   Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni m'għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati.

L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni għandhom japplikaw il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.