12008M003

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni ewropea - TITOLU I: DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI - Artikolu 3 (ex Artikolu 2 TUE)

Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0017 - 0017


Artikolu 3

(ex Artikolu 2 TUE)

1. Il-mira ta' l-Unjoni hija li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha.

2. L-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma' miżuri xierqa f'dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-asil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.

3. L-Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern. Hija għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli ta' l-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta' mpjieg u progress soċjali, u livell għoli ta' protezzjoni u ta' titjib tal-kwalità ta' l-ambjent. Hija għandha tippromwovi l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku.

Hija għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

Hija għandha tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

Hija għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew.

4. L-Unjoni għandha tistabbilixxi unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tagħha tkun l-euro.

5. Fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha tafferma u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha. Hija għandha tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b'mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

6. L-Unjoni għandha tfittex li tikseb l-objettivi tagħha b'mezzi xierqa, skond il-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati.

--------------------------------------------------