12008E263

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - IS-SITT PARTI DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINANZJARJI - TITOLU I: DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ISTITUZZJONIJIET - Kapitolu 1: L-istituzzjonijiet - Taqsima 5: Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea - Artikolu 263 (ex Artikolu 230 TKE)

Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0162 - 0162


Artikolu 263

(ex Artikolu 230 TKE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha teżamina l-legalità ta' atti leġislattivi, ta' l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minbarra ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta' atti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta' terzi. Din għandha tikkontrolla wkoll il-legalità ta' l-atti ta' korpi jew organi ta' l-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta' partijiet terzi.

Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq rikorsi magħmula minn Stat Membru, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, dwar in-nuqqas ta' kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattati jew ta' xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew dwar l-użu skorrett tas-setgħat tagħhom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti taħt l-istess kondizzjonijiet sabiex tiddeċiedi rikorsi mill-Qorti ta' l-Awdituri, mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Kumitat tar-Reġjuni bil-għan li jipproteġu l-prerogattivi tagħhom.

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista', taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta' implimentazzjoni.

Atti li jistabbilixxu korpi u organi ta' l-Unjoni jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari dwar rikorsi mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta' dawn il-korpi jew organi maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom.

Il-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta' dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ.

--------------------------------------------------