12008E238

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - IS-SITT PARTI DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINANZJARJI - TITOLU I: DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ISTITUZZJONIJIET - Kapitolu 1: L-istituzzjonijiet - Taqsima 3: Il-Kunsill - Artikolu 238 (ex Artikolu 205 (1) sa (2), TKE)

Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0153 - 0154


Artikolu 238

(ex Artikolu 205 (1) sa (2), TKE)

1. Meta jkun meħtieġ jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu.

2. B'deroga mill-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mill- 1 ta' Novembru 2014 u suġġett għad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni jew tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill, li jirrappreżentaw l-Istati Membri li jiġbru mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' l-Unjoni.

3. Mill- 1 ta' Novembru 2014, u suġġett għad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, fil-każijiet fejn, skond it-Trattati, mhux il-membri kollha tal-Kunsill jieħdu sehem fil-vot, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita kif ġej:

a) Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti li flimkien jiġbru mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet.

b) b'deroga minn a), meta l-Kunsill ma jkunx qed jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jew fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala ugwali għal mill-inqas 72 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jiġbru mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati.

4. L-astensjonijiet minn membri sew jekk presenti personalment sew jekk rappreżentati ma għandhomx jimpedixxu l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill li jeħtieġu unanimità.

--------------------------------------------------