Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - IT-TIELET PARTI: POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI - TITOLU XII: EDUKAZZJONI, FORMAZZJONI VOKAZZJONALI, ŻGĦAŻAGĦ U SPORT - Artikolu 165 (ex Artikolu 149 TKE)
Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0120 - 0121
Artikolu 165 (ex Artikolu 149 TKE) 1. L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni ta' kwalità billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta' tagħlim u l-organizzazzjoni ta' sistemi ta' edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom. L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija l-quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej ta' l-Isports, waqt li tieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu ibbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu. 2. L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha tkun immirata lejn: - l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, partikolarment permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi ta' l-Istati Membri; - l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema, inter alia billi tinkoraġġixxi ir-rikonoxximnet akkademiku ta' diplomi u perjodi ta' studju; - il-promozzjoni ta' koperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi; - l-iżvilupp ta' skambji ta' informazzjoni u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi ta' edukazzjoni fl-Istati Membri; - l-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp ta' skambji fost iż-żgħażagħ u skambji ta' edukaturi soċjo-edukattivi u l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika ta' l-Ewropa; - l-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp ta' edukazzjoni mill-bogħod; - l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi tkun promossa l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-koperazzjoni bejn il-korpi responsabbli mill-isport, u billi tkun protetta l-integrità fiżika u morali ta' l-isportivi, speċjalment ta' dawk l-aktar żgħażagħ fosthom. 3. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam ta' l-edukazzjoni u l-isport, partikolarment il-Kunsill ta' l-Ewropa. 4. Sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq ta' l-għanijiet imsemmija f'dan l-Artikolu: - il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jadottaw inċentivi li ma jinkludux l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta' l-Istati Membri; - il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjonijiet fuq proposta mill-Kummissjoni. --------------------------------------------------