Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - IT-TIELET PARTI: POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI - TITOLU X: POLITIKA SOĊJALI - Artikolu 153 (ex Artikolu 137 TKE)
Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0114 - 0116
Artikolu 153 (ex Artikolu 137 TKE) 1. Bl-għan li jinkisbu l-għanijiet ta' l-Artikolu 151, l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet ta' l-Istati Membri f’dawn l-oqsma: a) it-titjib in partikolari ta' l-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-siġurtà tal-ħaddiema; b) il-kondizzjonijiet tax-xogħol; ċ) is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema; d) il-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ li jintemmilhom il-kuntratt ta' l-impjieg; e) l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema; f) ir-rappreżentanza u d-difiża kollettiva ta' l-interessi tal-ħaddiema u s-sidien, inkluża it-tmexxija konġunta, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5; g) il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta' l-Unjoni; h) l-integrazzjoni ta' persuni esklużi mis-suq tax-xogħol, bla preġudizzju għall-Artikolu 166; i) l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa rigward l-opportunitajiet u t-trattament fis-suq tax-xogħol; j) il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali; k) il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali bla preġudizzju għall-punt c). 2. Għal dan l-għan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill: a) jistgħu jadottaw miżuri intiżi sabiex iħajjru koperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz ta' inizjattivi mmirati sabiex jameljoraw l-għarfien, jiżviluppaw skambji ta' informazzjoni u l-aħjar prattiċi, jippromwovu affronti innovattivi u jivvalutaw l-esperjenzi, b’esklużjoni ta' kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti ta' l-Istati Membri; b) jistgħu jadottaw fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (i), permezz ta' direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament, meħud qies tal-kondizzjonijiet tekniċi li jkunu jinsabu f’kull wieħed mill-Istati Membri. Direttivi bħal dawn għandhom jevitaw li jdaħħlu rabtiet amministrattivi finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u medji. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, għandhom jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u tal-Kumitat tar-Reġjuni. Fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1 c), d), f) u g), il-Kunsill għandu jaġixxi skond il-proċedura leġislattiva speċjali, b' mod unanimu, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitati msemmija. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, u wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew, jista’ jiddeċiedi li l-proċedura leġislattiva ordinarja tkun applikabbli għall-paragrafu l d), f) u g). 3. Stat Membru jista’ jafda f’idejn il-partijiet soċjali, fuq talba konġunta, l-implimentazzjoni tad-direttivi adottati skond il-paragrafu 2 jew, jekk ikun xieraq, l-implimentazzjoni ta' deċiżjoni tal-Kunsill adottata skond l-Artikolu 155. F’dan il-każ għandu jiżgura li, mhux aktar tard mid-data li fiha d-direttiva jew deċiżjoni għandha tiġi trasposta jew implimentata, il-partijiet soċjali jkunu ntroduċew bi ftehim il-miżuri meħtieġa waqt li l-Istat Membru jkun obbligat jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex ikun jista’ f’kull ħin ikun f’pożizzjoni li jiggarantixxi r-riżultati imposti b’dik id-direttiva jew dik id-deċiżjoni. 4. Id-dispożizzjonijiet adottatti skond dan l-Artikolu: - ma jaffettwawx id-dritt ta' l-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u ma jaffettwawx b’mod sinifikanti l-ewilibriju finanzjarju tagħhom. - ma jipprekludu ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri iktar stretti ta' protezzjoni kompatibbli mat-Trattati. 5. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu la japplikaw għall-pagi, la għad-dritt ta' assoċjazzjoni, la għad-dritt ta' l-istrike u lanqas għad dritt li jiġi mpost lock out. --------------------------------------------------