Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - IT-TIELET PARTI: POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI - TITOLU V: L-ISPAZJU TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA - Kapitolu 4: Koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali - Artikolu 82 (ex Artikolu 31 TUE)
Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0079 - 0080
Artikolu 82 (ex Artikolu 31 TUE) 1. Il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u għandha tinkludi l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri fl-oqsma previsti fil-paragrafu 2 u fl-Artikolu 83. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li: a) jistabbilixxu regoli u proċeduri sabiex jassiguraw ir-rikonoxximent fl-Unjoni kollha tal-forom kollha ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji; b) jipprevjenu u jsolvu konflitti ta' ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri; ċ) jappoġġaw it-taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju; d) jiffaċilitaw il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' proċedimenti f'materji kriminali u l-infurzar tad-deċiżjonijiet. 2. Fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali ta' natura transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' direttivi skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu regoli minimi. Dawn ir-regoli minimi għandhom jieħdu kont tad-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali ta' l-Istati Membri. Dawn għandhom jikkonċernaw: a) l-ammissibbiltà reċiproka tal-provi bejn l-Istati Membri; b) id-drittijiet ta' l-individwi fil-proċedura kriminali; ċ) id-drittijiet ta' vittmi tal-kriminalità; d) aspetti speċifiċi oħra tal-proċedura kriminali li l-Kunsill ikun identifika minn qabel b'deċiżjoni; għall-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. L-adozzjoni tar-regoli minimi previsti f'dan il-paragrafu m'għandhiex iżomm lill-Istati Membri milli jżommu fis-seħħ jew idaħħlu livell ogħla ta' protezzjoni għall-individwi. 3. Fejn membru tal-Kunsill jikkunsidra li abbozz ta' direttiva kif previst fil-paragrafu 2 jkun ta' ħsara għal aspetti fundamentali tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tiegħu, jista' jitlob li l-abbozz tad-direttiva jitressaq quddiem il-Kunsill Ewropew. F'dan il-każ, il-proċedura leġislattiva ordinarja għandha tiġi sospiża. Wara diskussjoni, u fil-każ ta' konsensus, il-Kunsill Ewropew għandu, fi żmien erba' xhur minn din is-sospensjoni, jirriferi l-abbozz lura lill-Kunsill, li għandu jtemm is-sospensjoni tal-proċedura leġislattiva ordinarja. Fl-istess perijodu ta' żmien, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, u jekk mill-inqas 9 Stati Membri jixtiequ jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa abbażi ta' l-abbozz tad-direttiva konċernata, dawn għandhom jinnotifikaw b'dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. F'dan il-każ, l-awtorizzazzjoni sabiex jipproċedu bil-koperazzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 20(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 329(1) ta' dan it-Trattat għandha titqies li ngħatat u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni msaħħa. --------------------------------------------------