12008E/PRO/24

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea - PROTOKOLLI - Protokoll (nru 24) dwar l-asil għal ċittadini ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea

Official Journal 115 , 09/05/2008 P. 0305 - 0306


PROTOKOLL (Nru 24)

DWAR L-ASIL GĦAL ĊITTADINI TA' L-ISTATI MEMBRI TA' L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

BILLI skond l-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

BILLI skond l-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, id-drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jikkostitwixxu parti mil-liġi ta' l-Unjoni bħala prinċipji ġenerali,

BILLI l-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni li tassigura li fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(1) u (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-liġi tiġi osservata mill-Unjoni,

BILLI skond l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kull Stat Ewropew, meta japplika sabiex isir Membru ta' l-Unjoni, għandu jirrispetta l-valuri kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

WAQT LI JŻOMMU KONT li l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi mekkaniżmu għas-sospensjoni ta' ċerti drittijiet fil-każ ta' ksur serju u persistenti minn Stat Membru ta' dawk il-valuri,

WAQT LI JFAKKRU li kull ċittadin ta' Stat Membru, bħala ċittadin ta' l-Unjoni, igawdi minn status speċjali u protezzjoni li għandhom ikunu garantiti mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea,

WAQT LI JIEĦDU KONT li t-Trattati jistabbilixxu żona mingħajr fruntieri interni u jagħti lil kull ċittadin ta' l-Unjoni id-dritt li jiċċaqlaq u jabita b'libertà fit-territorju ta' l-Istati Membri,

WAQT LI JIXTIEQU li jevitaw li l-istituzzjoni ta' l-asil tkun użata għal għanijiet li jmorru l-barra minn dawk li għalihom hija intenzjonata,

BILLI dan il-Protokoll jirrispetta il-finalità u l-objettivi tal-Konvenzjoni ta' Ġeneva tat- 28 ta' Lulju 1951 li għandha x'taqsam ma' l-istatus tar-refuġjati,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu Uniku

Meta wieħed iqis l-livell ta' protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet fundamentali mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu reċiprokament pajjiżi ta' oriġini ta' sigurta' għall-finijiet legali u prattiċi kollha f'dak li għandu x'jaqsam ma' materji ta' asil. Għalhekk, kull applikazzjoni għal asil magħmula minn ċittadin ta' xi Stat Membru tista' tiġi kkunsidrata jew dikjarata ammissibli għal proċessar minn Stat Membru ieħor biss f'dawn il-każijiet:

a) jekk l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikunu ċittadin ikompli, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam, billi jagħmel użu mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jieħu miżuri li jidderogaw fit-territorju tiegħu mill-obbligi skond dik il-Konvenzjoni;

b) jekk il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tkun ġiet mibdija u sakemm il-Kunsill, jew jekk ikun il-każ il-Kunsill Ewropew, jieħu deċiżjoni dwarha fil-konfront ta' l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin;

ċ) jekk il-Kunsill ikun adotta deċiżjoni skond l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin jew jekk il-Kunsill Ewropew ikun adotta deċiżjoni skond l-Artikolu 7(2) ta' l-imsemmi Trattat fir-rigward ta' l-Istat Membru li tiegħu l-applikant ikun ċittadin;

d) jekk Stat Membru jiddeċiedi hekk unilateralment rigward l-applikazzjoni ta' ċittadin ta' Stat Membru ieħor; f'dak il-każ il-Kunsill għandu jiġi informat immedjatament; l-applikazzjoni għandha tiġi trattata fuq il-bażi tal-preżunzjoni li tkun manifestament bla bażi mingħajr ma taffettwa bl-ebda mod, irrispettivament ikun xi jkun il-każ, il-poter deċiżjonali ta' l-Istat Membru.

--------------------------------------------------