12003TN13/05/A



Official Journal L 236 , 23/09/2003 P. 0909 - 0909


A. IL-LEĠISLAZZJONI DWAR L-AGRIKOLTURA

1. 31966 R 0136: Ir- Regolament tal-Kunsill Nru. 136/66/KEE tat- 22 ta' Settembru 1966 dwar l-istabbiliment ta' organizzazzjoni komuni tas-suq għaż-żjut u x-xaħmijiet (ĠU P 172, 30.9.1966, p. 3025), kif l-aħħar emendat bi:

- 32001 R 1513: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1513/2001 tat- 23.7.2001 (ĠU L 201, 26.7.2001, p. 4).

B'deroga mill-Artikolu 33 tar-Regolament Nru. 136/66/KEE, is-Slovenja tista' għal perijodu ta' ħames snin mid-data ta' l-adeżjoni tagħti għajnuna mogħtija mill-Istat għall-produzzjoni ta' qargħa taż-żejt skond ir-rati digressivi li ġejjin: 100 % għall-ewwel tliet snin, 80 % għar-raba' sena, 50 % għall-ħames sena.

Is-Slovenja għandha tissottometti rapport kull sena lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' għajnuna mogħtija mill-Istat, fejn tindika x-xorta u l-ammonti ta' l-għajnuna.

2. 31999 R 1493: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1493/1999 tas- 17 ta' Mejju 1999dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1), kif l-aħħar emendat bi:

- 32001 R 2585: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2585/2001 tad- 19.12.2001 (ĠU L 345, 29.12.2001, p. 10).

(a) B'deroga mill-Anness V, punt Ċ(2)(e), u l-Anness VI, punt E(3)(e), tar-Regolament (KE) Nru. 1493/1999, jista' jkun hemm deroga mill-qawwa alkoħolika naturali minima skond il-volum stabbilit għaż-żona ĊII għall-inbejjed tal-mejda u għall-inbejjed ta' kwalità prodotti f'reġjun speċifiku fit-tliet snin konsekuttivi ta' l-inbid 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007 għall-area ta' l-inbid ta' Primorska meta l-kondizzjonijiet tat-temp jew tat-tkabbir tad-dwieli huma eċċezzjonalment ħżiena u jagħmluha impossibbli biex tintlaħaq il-qawwa alkoħolika naturali minima mitluba fiż-żona ĊII. Madankollu, il-qawwa alkoħolika naturali minima ma tistax tkun anqas minn dik stabbilita għaż-żona ĊIa għall-inbejjed tal-mejda u għall-inbejjed ta' kwalità prodotti f'reġjun speċifiku.

(b) Is-Slovenja għandha tissottometti rapport dettaljat lill-Kummissjoni dwar il-qawwa alkoħolika naturali minima tad-dwieli ta' l-għeneb użati fir-reġjun ta' Primorska mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-aħħar tat-tielet sena ta' l-inbid, 2006/2007. Abbażi ta' dan ir-rapport, qabel l-aħħar tat-tielet sena ta' l-inbid, 2006/2007, il-Kummissjoni għandha tqis jekk l-area ta' l-inbid ta' Primorska hix lesta sabiex tilħaq il-qawwa alkoħolika naturali minima taż-żona ĊII u, fejn ikun il-każ, tieħu l-miżuri xierqa.

(ċ) Il-Kummissjoni tista' testendi l-arranġamenti stipulati fil-paragrafu (a) b'sentejn ta' l-inbid oħra, b'mod partikolari jekk il-perijodu mhux twil biżżejjed biex ikollha informazzjoni rappreżentattiva biex jintlaħaq dak li hu meħtieġ fiż-żona ĊII.

(d) Fir-rigward tat-Teran PTP Kras, il-Kummissjoni għandha twettaq stima speċifika dwar jekk l-areas imħawla għall-produzzjoni tat-Teran PTP Kras humiex lesti biex jilħqu l-qawwa alkoħolika naturali minima ĊII ta' 9,5 % vol.

(e) Is-Slovenja għandha tippreżenta rapport dettaljat lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-aħħar tat-tielet sena ta' l-inbid, 2006/2007, dwar il-qawwa alkoħolika naturali minima tad-dwieli ta' l-inbid użati fil-produzzjoni tat-Teran PTP Kras. Qabel l-aħħar tal-perijodu transitorju, abbażi ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tagħmel stima jekk it-Teran PTP Kras hux lest sabiex jilħaq il-qawwa alkoħolika naturali minima taż-żona ĊII u, fejn ikun il-każ, tieħu l-miżuri xierqa.

(f) Il-Kummissjoni għandha tapplika il-kriterji oġġettivi għall-għajnuna ta' ristrutturar ta' l-għelieqi tad-dwieli li hemm fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru. 1493/1999, fl-area ta' l-inbid ta' Primorska fir-Repubblika tas-Slovenja, filwaqt li tieħu in konsiderazzjoni is-sitwazzjoni u l-bżonnijiet partikolari. Is-Slovenja għandha tibbenefika mill-għajnuna għar-ristrutturar mis-sena ta' l-inbid 2004-2005 'il quddiem.

--------------------------------------------------