02024L1760 — MT — 18.03.2026 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

►C1   DIRETTIVA (UE) 2024/1760 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Ġunju 2024

dwar id-diliġenza dovuta korporattiva dwar is-sostenibbiltà u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859 ◄

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 1760 5.7.2024, p. 1)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

DIRETTIVA (UE) 2025/794 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tal-14 ta’ April 2025

  L 794

1

16.4.2025

►M2

DIRETTIVA (UE) 2026/470 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tal-24 ta’ Frar 2026

  L 470

1

26.2.2026


Ikkoreġuta bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 90894, 10.11.2025, p.  1 (2024/1760)




▼B

▼C1

DIRETTIVA (UE) 2024/1760 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Ġunju 2024

dwar id-diliġenza dovuta korporattiva dwar is-sostenibbiltà u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859

▼B

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett

▼M2

1.  

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar:

(a) 

l-obbligi għall-kumpaniji rigward impatti negattivi reali u potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u impatti ambjentali negattivi, fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom stess, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom, u l-operazzjonijiet imwettqa mis-sħab kummerċjali tagħhom fil-ktajjen ta’ attivitajiet ta’ dawk il-kumpaniji; u

(b) 

ir-responsabbiltà għall-ksur tal-obbligi kif imsemmi fil-punt (a).

2.  
Din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni għat-tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u dawk soċjali, jew tal-ħarsien tal-ambjent jew tal-protezzjoni tal-klima previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri jew mill-ftehimiet kollettivi applikabbli fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva. Madankollu, l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jaġġustaw kwalunkwe liġi nazzjonali dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva, b’mod partikolari l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, bil-ħsieb li jallinjawha ma’ din id-Direttiva.

▼B

3.  
Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u dawk soċjali, u tal-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima skont atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni. Jekk dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva tkun f’kunflitt ma’ dispożizzjoni ta’ att leġiżlattiv ieħor tal-Unjoni li jkollu l-istess objettivi u li jipprevedi obbligi aktar estensivi jew aktar speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ dak l-att leġiżlattiv l-ieħor tal-Unjoni għandu jipprevali sal-punt tal-kunflitt u għandu japplika fir-rigward ta’ dawk l-obbligi speċifiċi.

▼M2

4.  
Din id-Direttiva ma taffettwax il-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet għajr dawk stabbiliti fil-paragrafu 1. B’mod partikolari, ir-regoli msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ma jaffettwawx id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, tal-impjieg jew soċjali, jew il-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima għajr l-obbligi ġenerali ta’ diliġenza dovuta.

▼B

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.  

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-kumpaniji ffurmati f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

▼M2

(a) 

il-kumpanija kellha medja ta’ aktar minn 5 000 impjegat u kellha fatturat nett dinji ta’ aktar minn EUR 1 500 000 000  fl-aħħar sena finanzjarja li għaliha ġew adottati jew kellhom jiġu adottati dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali;

▼B

(b) 

il-kumpanija ma laħqitx il-livelli limitu kif imsemmija fil-punt (a) iżda hija l-kumpanija omm apikali ta’ grupp li laħaq dawk il-livelli limitu fl-aħħar sena finanzjarja li għaliha ġew adottati jew kellhom jiġu adottati dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali konsolidati;

▼M2

(c) 

il-kumpanija daħlet fi grupp jew hija l-kumpanija omm apikali ta’ grupp li daħal fi ftehimiet ta’ franchising jew ta’ liċenzjar fl-Unjoni bi skambju għal royalties ma’ kumpaniji terzi indipendenti, meta dawk il-ftehimiet jiżguraw identità komuni, kunċett ta’ negozju komuni u l-applikazzjoni ta’ metodi kummerċjali uniformi, u meta dawk ir-royalties ammontaw għal aktar minn EUR 75 000 000 fl-aħħar sena finanzjarja li għaliha ġew adottati jew kellhom jiġu adottati dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, u dment li l-kumpanija kellha jew hija l-kumpanija omm apikali ta’ grupp li kellu fatturat nett dinji ta’ aktar minn EUR 275 000 000 fl-aħħar sena finanzjarja li għaliha ġew adottati jew kellhom jiġu adottati dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali.

▼B

2.  

Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għall-kumpaniji ffurmati f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz u li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

▼M2

(a) 

il-kumpanija ġġenerat fatturat nett ta’ aktar minn EUR 1 500 000 000 fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja;

▼B

(b) 

il-kumpanija ma laħqitx il-livell limitu kif imsemmi fil-punt (a) iżda hija l-kumpanija omm apikali ta’ grupp li fuq bażi konsolidata laħaq dak il-livell limitu fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja;

▼M2

(c) 

il-kumpanija daħlet fi grupp jew hija l-kumpanija omm apikali ta’ grupp li daħal fi ftehimiet ta’ franchising jew ta’ liċenzjar fl-Unjoni bi skambju għal royalties ma’ kumpaniji terzi indipendenti, meta dawk il-ftehimiet jiżguraw identità komuni, kunċett ta’ negozju komuni u l-applikazzjoni ta’ metodi kummerċjali uniformi, u meta dawk ir-royalties ammontaw għal aktar minn EUR 75 000 000 fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja; u dment li l-kumpanija tkun iġġenerat, jew tkun il-kumpanija omm apikali ta’ grupp li ġġenera fatturat nett ta’ aktar minn EUR 275 000 000 fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja.

3.  
Meta l-kumpanija omm apikali jkollha bħala l-attività ewlenija tagħha ż-żamma ta’ ishma f’sussidjarji operazzjonali u ma tinvolvix ruħha fit-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali, operazzjonali jew finanzjarji li jaffettwaw il-grupp jew waħda mis-sussidjarji jew aktar tagħha, hija tista’ tiġi eżentata milli twettaq l-obbligi skont din id-Direttiva. Dik l-eżenzjoni hija soġġetta għall-kundizzjoni li waħda mis-sussidjarji tal-kumpanija prinċipali apikali stabbilita fl-Unjoni tiġi ddeżinjata biex tissodisfa l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 16 f’isem il-kumpanija omm apikali, inklużi l-obbligi tal-kumpanija omm apikali fir-rigward tal-attivitajiet tas-sussidjarji tagħha. F’tali każ, is-sussidjarja ddeżinjata tingħata l-mezzi u l-awtorità legali kollha meħtieġa biex tissodisfa dawk l-obbligi b’mod effettiv, b’mod partikolari biex tiżgura li s-sussidjarja ddeżinjata tikseb mingħand il-kumpaniji tal-grupp l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti biex tissodisfa l-obbligi tal-kumpanija omm apikali skont din id-Direttiva.

▼B

Il-kumpanija omm apikali għandha tapplika għall-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għand l-awtorità superviżorja kompetenti, f’konformità mal-Artikolu 24, biex tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu humiex issodisfati. Meta l-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati l-awtorità għandha tagħti l-eżenzjoni. Meta applikabbli, tali awtorità għandha tinforma kif xieraq lill-awtorità superviżorja kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita s-sussidjarja deżinjata bl-applikazzjoni u mbagħad bid-deċiżjoni tagħha.

Il-kumpanija omm apikali għandha tibqa’ responsabbli b’mod konġunt mas-sussidjarja deżinjata għal nuqqas min-naħa ta’ din tal-aħħar li tikkonforma mal-obbligi tagħha f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

4.  
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-għadd ta’ impjegati part-time għandu jiġi kkalkolat fuq bażi ekwivalenti għal full-time. Il-ħaddiema temporanji tal-aġenzija u ħaddiema oħra f’forom ta’ impjieg mhux standard, dment li jissodisfaw il-kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ ħaddiem kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu tal-għadd ta’ impjegati bl-istess mod daqslikieku kienu ħaddiema impjegati direttament għall-istess perjodu ta’ żmien mill-kumpanija.
5.  
Meta kumpanija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 2, din id-Direttiva għandha tapplika biss jekk dawk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati f’sentejn finanzjarji konsekuttivi. Din id-Direttiva ma għandhiex tibqa’ tapplika għal kumpanija msemmija fil-paragrafu 1 jew 2 meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 2 ma jibqgħux jiġu ssodisfati għal kull waħda mill-aħħar sentejn finanzjarji rilevanti.
6.  
Fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kompetenti biex jirregola kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva għandu jkun l-Istat Membru li fih il-kumpanija jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha.
7.  
Fir-rigward ta’ kumpanija kif imsemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kompetenti biex jirregola kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva għandu jkun l-Istat Membru li fih dik il-kumpanija jkollha fergħa. Jekk kumpanija ma jkollha fergħa fl-ebda Stat Membru, jew ikollha fergħat li jinsabu fi Stati Membri differenti, l-Istat Membru kompetenti biex jirregola kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva għandu jkun dak li fih dik il-kumpanija tkun iġġenerat l-ogħla fatturat nett tagħha fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja.
8.  
Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-AIFs, kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) jew għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.  

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“kumpanija” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i) 

persuna ġuridika kkostitwita bħala waħda mill-forom ġuridiċi elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2013/34/UE;

(ii) 

persuna ġuridika kostitwita f’konformità mad-dritt ta’ pajjiż terz f’forma komparabbli ma’ dawk elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2013/34/UE;

(iii) 

impriża finanzjarja regolata, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li tkun:

— 
istituzzjoni ta’ kreditu, kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ►C1    ( 3 )  ◄ ;
— 
ditta tal-investiment, kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (1), tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );
— 
maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv (AIFM), kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2011/61/UE, inkluż maniġer ta’ fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (EuVECA), kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), maniġer ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (EuSEF), kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ), u maniġer ta’ fondi ta’ investiment Ewropej fuq terminu twil (ELTIF), kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 );
— 
kumpanija tal-maniġment, kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2009/65/KE;
— 
impriża tal-assigurazzjoni, kif definit fl-Artikolu 13, il-punt (1), tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 );
— 
impriża tar-riassigurazzjoni, kif definit fl-Artikolu 13, il-punt (4), tad-Direttiva 2009/138/KE;
— 
istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/2341 f’konformità mal-Artikolu 2 tagħha, dment li Stat Membru ma jkunx għażel li ma japplikax dik id-Direttiva fl-intier tagħha jew parzjalment għal dawk l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva;
— 
kontroparti ċentrali, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 );
— 
depożitorju ċentrali tat-titoli, kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 );
— 
strument ta’ għan speċjali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni awtorizzat f’konformità mal-Artikolu 211 tad-Direttiva 2009/138/KE;
— 
entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 );
— 
kumpanija holding finanzjarja, kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (20), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kumpanija holding tal-assigurazzjoni, kif definit fl-Artikolu 212(1), il-punt (f), tad-Direttiva 2009/138/KE, jew kumpanija holding finanzjarja mħallta, kif definit fl-Artikolu 212(1), il-punt (h), tad-Direttiva 2009/138/KE, li tkun parti minn grupp tal-assigurazzjoni li jkun soġġett għal superviżjoni fil-livell tal-grupp skont l-Artikolu 213 ta’ dik id-Direttiva u li ma jkunx eżentat mis-superviżjoni tal-grupp skont l-Artikolu 214(2) tad-Direttiva 2009/138/KE;
— 
istituzzjoni ta’ pagament, kif imsemmi fl-Artikolu 1(1), il-punt (d), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 12 );
— 
istituzzjoni tal-flus elettroniċi, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 13 );
— 
fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 14 );
— 
fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (15), tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 15 ), meta jwettaq servizz wieħed jew aktar tal-kriptoassi, kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (16), ta’ dak ir-Regolament;
(b) 

“impatt ambjentali negattiv” tfisser impatt negattiv fuq l-ambjent li jirriżulta mill-ksur tal-projbizzjonijiet u tal-obbligi elenkati fil-Parti I, it-Taqsima 1, il-punti 15 u 16, u fil-Parti II tal-Anness ta’ din id-Direttiva, filwaqt li titqies il-leġiżlazzjoni nazzjonali marbuta mad-dispożizzjonijiet tal-istrumenti elenkati fih;

(c) 

“impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem” tfisser impatt fuq il-persuni li jirriżulta minn:

(i) 

abbuż ta’ wieħed mid-drittijiet tal-bniedem elenkati fil-Parti I, it-Taqsima 1, tal-Anness ta’ din id-Direttiva, billi dawk id-drittijiet tal-bniedem huma minquxa fl-istrumenti internazzjonali elenkati fil-Parti I, it-Taqsima 2, tal-Anness ta’ din id-Direttiva;

(ii) 

abbuż ta’ dritt tal-bniedem mhux elenkat fil-Parti I, it-Taqsima 1, tal-Anness ta’ din id-Direttiva, iżda minqux fl-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem elenkati fil-Parti I, it-Taqsima 2, tal-Anness ta’ din id-Direttiva, dment li:

— 
id-dritt tal-bniedem jista’ jiġi abbużat minn kumpanija jew entità ġuridika;
— 
l-abbuż tad-dritt tal-bniedem ifixkel direttament interess legali protett fl-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem elenkati fil-Parti I, it-Taqsima 2, tal-Anness ta’ din id-Direttiva; u
— 
il-kumpanija setgħet ipprevediet b’mod raġonevoli r-riskju li tali dritt tal-bniedem jista’ jiġi affettwat, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku, inklużi n-natura u l-firxa tal-operazzjonijiet kummerċjali tal-kumpanija u l-katina ta’ attivitajiet tagħha, il-karatteristiċi tas-settur ekonomiku u l-kuntest ġeografiku u operazzjonali;
(d) 

“impatt negattiv” tfisser impatt ambjentali negattiv jew impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem;

(e) 

“sussidjarja” tfisser persuna ġuridika, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tad-Direttiva 2013/34/UE, u persuna ġuridika li permezz tagħha tiġi eżerċitata l-attività ta’ impriża kontrollata, kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (f), tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 16 );

(f) 

“sieħeb kummerċjali” tfisser entità:

(i) 

li magħha l-kumpanija jkollha ftehim kummerċjali relatat mal-operazzjonijiet, mal-prodotti jew mas-servizzi tal-kumpanija jew li lilha l-kumpanija tipprovdi servizzi skont il-punt (g) (“sieħeb kummerċjali dirett”); jew

(ii) 

li mhijiex sieħeb kummerċjali dirett iżda li twettaq operazzjonijiet kummerċjali relatati mal-operazzjonijiet, il-prodotti jew is-servizzi tal-kumpanija (“sieħeb kummerċjali indirett”);

(g) 

“katina ta’ attivitajiet” tfisser:

(i) 

l-attivitajiet tas-sħab kummerċjali upstream ta’ kumpanija relatati mal-produzzjoni ta’ oġġetti jew il-forniment ta’ servizzi minn dik il-kumpanija, inklużi d-disinn, l-estrazzjoni, it-tiftix ta’ sorsi ta’ provvista, il-manifattura, it-trasport, il-ħżin u l-provvista ta’ materja prima, prodotti jew partijiet ta’ prodotti u l-iżvilupp tal-prodott jew tas-servizz; u

(ii) 

l-attivitajiet tas-sħab kummerċjali downstream ta’ kumpanija relatati mad-distribuzzjoni, mat-trasport u mal-ħżin ta’ prodott ta’ dik il-kumpanija, meta s-sħab kummerċjali jwettqu dawk l-attivitajiet għall-kumpanija jew f’isem il-kumpanija, u li jeskludu d-distribuzzjoni, it-trasport u l-ħżin ta’ prodott li jkun soġġett għall-kontrolli tal-esportazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821 jew għall-kontrolli tal-esportazzjoni relatati ma’ armi, munizzjon jew materjali tal-gwerra, ladarba tkun awtorizzata l-esportazzjoni tal-prodott;

(h) 

“verifika indipendenti minn parti terza” tfisser verifika tal-konformità minn kumpanija, jew partijiet mill-katina ta’ attivitajiet tagħha, mar-rekwiżiti tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali li jirriżultaw minn din id-Direttiva minn espert li jkun oġġettiv, kompletament indipendenti mill-kumpanija, ħieles minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess u minn influwenza esterna, li jkollu esperjenza u kompetenza fi kwistjonijiet ambjentali jew tad-drittijiet tal-bniedem, skont in-natura tal-impatt negattiv, u li jkun responsabbli għall-kwalità u għall-affidabbiltà tal-verifika;

(i) 

“SME” tfisser intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li ma tkunx parti minn grupp kbir, peress li dawk it-termini huma definiti skont l-Artikolu 3(1), (2), (3) u (7) tad-Direttiva 2013/34/UE;

(j) 

“inizjattiva tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati” tfisser kombinazzjoni ta’ proċeduri, għodod u mekkaniżmi volontarji ta’ diliġenza dovuta, żviluppati u ssorveljati minn gvernijiet, assoċjazzjonijiet tal-industrija, organizzazzjonijiet interessati, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jew raggruppamenti jew kombinazzjonijiet tagħhom, li l-kumpaniji jistgħu jipparteċipaw fihom sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta;

(k) 

“rappreżentant awtorizzat” tfisser persuna fiżika jew ġuridika residenti jew stabbilita fl-Unjoni li jkollha mandat minn kumpanija fis-sens tal-punt (a)(ii) li taġixxi f’isimha fir-rigward tal-konformità mal-obbligi ta’ dik il-kumpanija skont din id-Direttiva;

(l) 

“impatt negattiv sever” tfisser impatt negattiv li jkun speċjalment sinifikanti minħabba n-natura tiegħu, bħal impatt li jinvolvi ħsara għall-ħajja, għas-saħħa jew għal-libertà tal-bniedem, jew minħabba l-iskala, l-ambitu jew in-natura irrimedjabbli tiegħu, b’kont meħud tal-gravità tiegħu, inkluż l-għadd ta’ individwi li jkunu jew li jistgħu jkunu affettwati, il-livell tad-dannu li jkun sar jew li seta’ sar lill-ambjent jew ta’ kif ġie affettwat mod ieħor, l-irriversibbiltà tiegħu u l-limiti fuq il-kapaċità li l-individwi affettwati jew l-ambjent jiġu restawrati għal sitwazzjoni ekwivalenti għas-sitwazzjoni tagħhom qabel l-impatt f’perjodu ta’ żmien raġonevoli;

(m) 

“fatturat nett” tfisser:

(i) 

il-“fatturat nett” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (5), tad-Direttiva 2013/34/UE; jew

(ii) 

meta l-kumpanija tapplika standards internazzjonali tal-kontabilità adottati abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 17 ) jew tkun kumpanija fis-sens tal-punt (a)(ii), id-dħul kif definit mill-qafas ta’ rapportar finanzjarju, jew fis-sens tiegħu, li abbażi tiegħu jitħejjew id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-kumpanija;

▼M2

(n) 

“partijiet ikkonċernati” tfisser l-impjegati tal-kumpanija, l-impjegati tas-sussidjarji tagħha u tas-sħab kummerċjali tagħha, u t-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom, u l-individwi jew il-komunitajiet li d-drittijiet jew l-interessi tagħhom huma jew jistgħu jiġu affettwati direttament mill-prodotti, mis-servizzi u mill-operazzjonijiet tal-kumpanija, tas-sussidjarji tagħha u tas-sħab kummerċjali tagħha u r-rappreżentanti leġittimi ta’ dawk l-individwi jew il-komunitajiet;

▼B

(o) 

“miżuri xierqa” tfisser miżuri li jkunu kapaċi jilħqu l-objettivi tad-diliġenza dovuta, billi jindirizzaw b’mod effettiv l-impatti negattivi b’mod proporzjonat mal-grad ta’ severità u mal-probabbiltà tal-impatt negattiv, u raġonevolment disponibbli għall-kumpanija, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku, inklużi n-natura u l-firxa tal-impatt negattiv u tal-fatturi ta’ riskju rilevanti;

(p) 

“relazzjoni kummerċjali” tfisser ir-relazzjoni ta’ kumpanija ma’ sieħeb kummerċjali;

(q) 

“kumpanija omm” tfisser kumpanija li tikkontrolla sussidjarja waħda jew aktar;

(r) 

“kumpanija omm apikali” tfisser kumpanija omm li tikkontrolla, jew direttament inkella indirettament f’konformità mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 22(1) sa (5) tad-Direttiva 2013/34/UE, sussidjarja waħda jew aktar u li ma tkunx ikkontrollata minn kumpanija oħra;

(s) 

“grupp ta’ kumpaniji” jew “grupp” tfisser kumpanija omm u s-sussidjarji kollha tagħha;

(t) 

“rimedju” tfisser li l-persuna jew il-persuni, il-komunitajiet jew l-ambjent affettwati jiġu restawrati għal sitwazzjoni ekwivalenti jew qrib kemm jista’ jkun għas-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku l-impatt negattiv reali ma seħħx, b’mod proporzjonat għall-implikazzjoni tal-kumpanija fl-impatt negattiv, inkluż kumpens finanzjarju jew mhux finanzjarju pprovdut mill-kumpanija lil persuna jew persuni affettwati mill-impatt negattiv reali u, meta applikabbli, ir-rimborż tal-kostijiet imġarrba mill-awtoritajiet pubbliċi għal kwalunkwe miżura ta’ rimedju meħtieġa;

▼M2

(u) 

“fatturi ta’ riskju” tfisser fatti, sitwazzjonijiet jew ċirkostanzi relatati mas-severità u l-probabbiltà ta’ impatt negattiv, inklużi fatti, sitwazzjonijiet jew ċirkostanzi fil-livell tas-sieħeb kummerċjali, bħal jekk is-sieħeb kummerċjali mhuwiex kumpanija koperta b’din id-Direttiva jew b’atti legali obbligatorji komparabbli oħra dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà; fil-livell tal-ġeografija u tal-kuntest, bħal-livell tal-infurzar tal-liġi fir-rigward tat-tip ta’ impatt negattiv; u fil-livell tas-setturi, tal-operazzjonijiet tan-negozju, u tal-prodotti u s-servizzi;

▼B

(v) 

“severità ta’ impatt negattiv” tfisser l-iskala, l-ambitu jew in-natura irrimedjabbli tal-impatt negattiv, b’kont meħud tal-gravità ta’ impatt negattiv, inkluż l-għadd ta’ individwi li jkunu jew li jistgħu jkunu affettwati, il-livell tad-dannu li jkun sar jew li seta’ sar lill-ambjent jew ta’ kif ġie affettwat mod ieħor, l-irriversibbiltà tiegħu u l-limiti fuq il-kapaċità li l-individwi affettwati jew l-ambjent jiġu restawrati għal sitwazzjoni ekwivalenti għas-sitwazzjoni tagħhom qabel l-impatt f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

2.  

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 34 sabiex temenda l-Anness ta’ din id-Direttiva billi:

(a) 

iżżid referenzi għall-artikoli ta’ strumenti internazzjonali ratifikati mill-Istati Membri kollha u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dritt, projbizzjoni jew obbligu speċifiċi relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tal-ambjent elenkati fl-Anness ta’ din id-Direttiva;

(b) 

timmodifika, meta xieraq, ir-referenzi għall-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Anness ta’ din id-Direttiva, fid-dawl tal-modifika, tas-sostituzzjoni jew tal-abrogazzjoni ta’ tali strumenti;

(c) 

f’konformità mal-iżviluppi fil-fora internazzjonali rilevanti li jikkonċernaw l-istrumenti elenkati fil-Parti 1, it-Taqsima 2, tal-Anness ta’ din id-Direttiva:

(i) 

tissostitwixxi r-referenzi għall-istrumenti elenkati b’referenzi għal strumenti ġodda li jkopru l-istess suġġett u ratifikati mill-Istati Membri kollha; jew

(ii) 

iżżid referenzi għal strumenti ġodda li jkopru l-istess suġġett bħall-istrumenti elenkati u ratifikati mill-Istati Membri kollha.

▼M2

Artikolu 4

Livell ta’ armonizzazzjoni

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(2) u (3), l-Istati Membri ma għandhomx jintroduċu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet fil-qasam kopert minn din id-Direttiva li jistabbilixxu obbligi ta’ diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem u obbligi ta’ diliġenza dovuta ambjentali li jiddevjaw minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 6, 8 u 9, fl-Artikolu 10(1) sa (5), fl-Artikolu 11(1) sa (6) u fl-Artikoli 14 sa 16.
2.  
Minkejja l-paragrafu 1, din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jintroduċu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet aktar stretti li jiddevjaw minn dawk stabbiliti fid-dispożizzjonijiet għajr l-Artikoli 6, 8 u 9, l-Artikolu 10(1) sa (5), l-Artikolu 11(1) sa (6) u l-Artikoli 14 sa 16, jew dispożizzjonijiet li jkunu aktar speċifiċi f’termini tal-objettiv jew tal-qasam kopert, inkluż billi jirregolaw prodotti, servizzi jew sitwazzjonijiet speċifiċi, sabiex jinkiseb livell differenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-impjiegi u dawk soċjali, tal-ambjent jew tal-klima.

▼B

Artikolu 5

Diliġenza dovuta

1.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jwettqu diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem u diliġenza dovuta ambjentali bbażati fuq ir-riskji kif stabbilit fl-Artikoli 7 sa 16 (“diliġenza dovuta”) billi jwettqu l-azzjonijiet li ġejjin:

(a) 

jintegraw id-diliġenza dovuta fil-politiki u fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom f’konformità mal-Artikolu 7;

(b) 

jidentifikaw u jivvalutaw impatti negattivi reali jew potenzjali f’konformità mal-Artikolu 8 u, meta meħtieġ, jipprijoritizzaw l-impatti negattivi reali u potenzjali f’konformità mal-Artikolu 9;

(c) 

jipprevjenu u jimmitigaw l-impatti negattivi potenzjali, u jtemmu l-impatti negattivi reali u jimminimizzaw il-firxa tagħhom f’konformità mal-Artikoli 10 u 11;

(d) 

jipprovdu rimedju għal impatti negattivi reali f’konformità mal-Artikolu 12;

(e) 

iwettqu komunikazzjoni sinifikattiva mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 13;

(f) 

jistabbilixxu u jżommu mekkaniżmu ta’ notifika u proċedura għall-ilmenti f’konformità mal-Artikolu 14;

(g) 

jimmonitorjaw l-effettività tal-politika u tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta tagħhom f’konformità mal-Artikolu 15;

(h) 

jikkomunikaw pubblikament dwar id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 16.

2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-finijiet tad-diliġenza dovuta, il-kumpaniji jkunu intitolati li jikkondividu r-riżorsi u l-informazzjoni mal-gruppi ta’ kumpaniji rispettivi tagħhom u ma’ entitajiet ġuridiċi oħra.
3.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sieħeb kummerċjali ma jkunx obbligat jiddivulga lil kumpanija li tkun qed tikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva informazzjoni li tkun sigriet kummerċjali, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/943, mingħajr preġudizzju għad-divulgazzjoni tal-identità ta’ sħab kummerċjali diretti u indiretti, jew informazzjoni essenzjali meħtieġa biex jiġu identifikati impatti negattivi reali jew potenzjali, meta meħtieġ u b’mod debitament ġustifikat għall-konformità tal-kumpanija mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li s-sħab kummerċjali jipproteġu s-sigrieti kummerċjali tagħhom permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/943. Is-sħab kummerċjali qatt ma għandhom ikunu obbligati jiddivulgaw informazzjoni klassifikata jew informazzjoni oħra li d-divulgazzjoni tagħha tista’ tikkawża riskju għall-interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ stat.
4.  
L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-kumpaniji jżommu dokumentazzjoni dwar l-azzjonijiet imwettaq biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta għall-fini li tintwera l-konformità, inkluż evidenza ta’ sostenn, għal mill-anqas ħames snin mill-mument meta tali dokumentazzjoni tkun ġiet prodotta jew miksuba.

Meta, mal-iskadenza tal-perjodu ta’ żamma previst fl-ewwel subparagrafu, ikun hemm għaddejin proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi skont din id-Direttiva, il-perjodu ta’ żamma għandu jiġi estiż sal-konklużjoni tal-kwistjoni.

Artikolu 6

Appoġġ għad-diliġenza dovuta fil-livell ta’ grupp

▼M2

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji omm li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 16 f’isem kumpaniji li jkunu sussidjarji ta’ dawk il-kumpaniji omm u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jekk dan jiżgura konformità effettiva. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li tali sussidjarji jkunu soġġetti għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-awtorità superviżorja f’konformità mal-Artikolu 25 u għar-responsabbiltà ċivili tagħhom f’konformità mal-Artikolu 29.

▼B

2.  

L-issodisfar tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta stipulati fl-Artikoli 7 sa 16 minn kumpanija omm f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

is-sussidjarja u l-kumpanija omm jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni kollha meħtieġa u jikkooperaw biex jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva;

(b) 

is-sussidjarja tirrispetta l-politika ta’ diliġenza dovuta tal-kumpanija omm tagħha adattata kif xieraq biex tiżgura li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7(1) jiġu ssodisfati fir-rigward tas-sussidjarja;

(c) 

is-sussidjarja tintegra d-diliġenza dovuta fil-politiki u fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju kollha tagħha f’konformità mal-Artikolu 7, filwaqt li tiddeskrivi b’mod ċar liema obbligi jridu jiġu ssodisfati mill-kumpanija omm, u, meta meħtieġ, lill-partijiet ikkonċernati rilevanti tinformahom dwar dan;

(d) 

meta meħtieġ, is-sussidjarja tkompli tieħu miżuri xierqa f’konformità mal-Artikoli 10 u 11 u biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 12 u 13;

▼M2

(e) 

fejn rilevanti, is-sussidjarja tfittex assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali dirett f’konformità mal-Artikolu 10(2), il-punt (b), jew mal-Artikolu 11(3), il-punt (c), tfittex assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali indirett f’konformità mal-Artikolu 10(4) jew mal-Artikolu 11(5) u tissospendi r-relazzjoni kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 10(6) jew mal-Artikolu 11(7).

▼M2 —————

▼B

Artikolu 7

L-integrazzjoni tad-diliġenza dovuta fil-politiki u fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju tal-kumpaniji

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jintegraw id-diliġenza dovuta fil-politiki u fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju rilevanti kollha tagħhom u li jkollhom stabbilita politika ta’ diliġenza dovuta li tiżgura diliġenza dovuta bbażata fuq ir-riskji.
2.  

Il-politika ta’ diliġenza dovuta msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi żviluppata f’konsultazzjoni minn qabel mal-impjegati tal-kumpanija u mar-rappreżentanti tagħhom, u tinkludi dan kollu li ġej:

(a) 

deskrizzjoni tal-approċċ tal-kumpanija, inkluż fuq terminu twil, għad-diliġenza dovuta;

(b) 

kodiċi ta’ kondotta li jiddeskrivi r-regoli u l-prinċipji li jridu jiġu segwiti mill-kumpanija kollha kemm hi u mis-sussidjarji tagħha, u mis-sħab kummerċjali diretti jew indiretti tal-kumpanija f’konformità mal-Artikolu 10(2), il-punt (b), mal-Artikolu 10(4), mal-Artikolu 11(3), il-punt (c), jew mal-Artikolu 11(5); u

(c) 

deskrizzjoni tal-proċessi stabbilit biex tiġi integrata d-diliġenza dovuta fil-politiki rilevanti tal-kumpanija u biex tiġi implimentata d-diliġenza dovuta, inklużi l-miżuri meħuda biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta msemmi fil-punt (b) u biex tiġi estiża l-applikazzjoni ta’ dak il-kodiċi għas-sħab kummerċjali.

3.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jaġġornaw il-politiki ta’ diliġenza dovuta tagħhom mingħajr dewmien żejjed wara li sseħħ bidla sinifikanti, u jirrieżaminaw, u meta meħtieġ, jaġġornaw tali politiki mill-inqas kull 24 xahar.

Għall-finijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-kumpaniji għandhom iqisu l-impatti negattivi diġà identifikati f’konformità mal-Artikolu 8, kif ukoll il-miżuri xierqa meħuda biex jindirizzaw tali impatti negattivi f’konformità mal-Artikoli 10 u 11 u l-eżitu tal-valutazzjonijiet imwettqa f’konformità mal-Artikolu 15.

Artikolu 8

Identifikazzjoni u valutazzjoni tal-impatti negattivi reali u potenzjali

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa biex jidentifikaw u jivvalutaw impatti negattivi reali u potenzjali li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tagħhom stess jew minn dawk tas-sussidjarji tagħhom u, meta jkunu relatati mal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, dawk tas-sħab kummerċjali tagħhom, f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

▼M2

2.  

Bħala parti mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1, il-kumpaniji għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jagħmlu dan li ġej, filwaqt li jqisu l-fatturi ta’ riskju rilevanti, inklużi l-fatti, is-sitwazzjonijiet jew iċ-ċirkostanzi fil-livell tas-sieħeb kummerċjali, bħal jekk is-sieħeb kummerċjali huwiex kumpanija koperta b’din id-Direttiva jew b’atti legali obbligatorji komparabbli oħra dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà; fil-livell tal-ġeografija u tal-kuntest, bħal-livell tal-infurzar tal-liġi fir-rigward tat-tip ta’ impatt negattiv; u fil-livell tas-setturi, tal-operazzjonijiet kummerċjali, u tal-prodotti u s-servizzi:

(a) 

iwettqu eżerċizzju ta’ identifikazzjoni bikrija, abbażi biss ta’ informazzjoni raġonevolment disponibbli, biex jidentifikaw oqsma ġenerali fl-operazzjonijiet tagħhom stess, dawk tas-sussidjarji tagħhom u, meta jkunu relatati mal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, dawk tas-sħab kummerċjali tagħhom, fejn x’aktarx l-aktar li jseħħu l-impatti negattivi u li jkunu l-aktar severi;

(b) 

abbażi tar-riżultati tal-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija imsemmija fil-punt (a), iwettqu valutazzjoni fil-fond fl-oqsma fejn l-impatti negattivi ġew identifikati li huma l-aktar probabbli li jseħħu u jkunu l-aktar severi.

▼M2

2a.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-finijiet tal-valutazzjoni fil-fond imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b):

(a) 

il-kumpaniji jistgħu jitolbu informazzjoni mingħand is-sħab kummerċjali biss meta dik l-informazzjoni tkun meħtieġa, u, fil-każ ta’ sħab kummerċjali b’anqas minn 5 000 impjegat, biss meta l-informazzjoni ma tkunx tista’ tinkiseb b’mod raġonevoli b’mezzi oħra;

(b) 

meta l-informazzjoni meħtieġa tkun tista’ tinkiseb minn sħab kummerċjali differenti, il-kumpaniji jagħtu prijorità lill-għoti ta’ informazzjoni, meta jkun raġonevoli, direttament mis-sieħeb jew mis-sħab kummerċjali meta l-impatti negattivi jkunu l-aktar probabbli li jseħħu;

(c) 

meta l-impatti negattivi jiġu identifikati bħala ugwalment probabbli li jseħħu jew li jkunu ugwalment severi f’diversi oqsma, il-kumpaniji jistgħu jagħtu prijorità lill-valutazzjoni ta’ tali oqsma li jinvolvu sħab kummerċjali diretti.

▼M2

3.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-valutazzjoni tal-impatti negattivi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu abbażi ta’, meta jkun xieraq, informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva, il-kumpaniji jkunu intitolati li jagħmlu użu minn riżorsi xierqa, inklużi rapporti indipendenti, soluzzjonijiet diġitali, inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati, u informazzjoni miġbura permezz tal-mekkaniżmu ta’ notifika u tal-proċedura tal-ilmenti previsti fl-Artikolu 14.

▼M2 —————

▼B

Artikolu 9

Prijoritizzazzjoni tal-impatti negattivi reali u potenzjali identifikati

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta ma jkunux fattibbli l-prevenzjoni, il-mitigazzjoni, it-tmiem jew il-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi identifikati kollha fl-istess ħin u b’mod sħiħ, il-kumpaniji jagħtu prijorità lill-impatti negattivi identifikati skont l-Artikolu 8 sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 10 jew 11.
2.  
Il-prijoritizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq is-severità u l-probabbiltà tal-impatti negattivi.
3.  
Ladarba l-impatti negattivi l-aktar severi u li x’aktarx l-aktar li jseħħu jiġu indirizzati f’konformità mal-Artikolu 10 jew 11 fi żmien raġonevoli, il-kumpanija għandha tindirizza impatti negattivi anqas severi u li x’aktarx jseħħu anqas.

▼M2

4.  
Meta jittieħdu deċiżjonijiet ta’ prijoritizzazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu, is-sempliċi fatt li ma jkunx ġie indirizzat impatt negattiv anqas sinifikanti ma għandux jesponi lill-kumpanija għal penali skont l-Artikolu 27.

▼B

Artikolu 10

Prevenzjoni ta’ impatti negattivi potenzjali

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu, jew meta l-prevenzjoni ma tkunx possibbli jew ma tkunx possibbli minnufih, jimmitigaw b’mod adegwat, l-impatti negattivi potenzjali li jkunu ġew identifikati, jew kellhom jiġu identifikati, skont l-Artikolu 8, f’konformità mal-Artikolu 9 u ma’ dan l-Artikolu.

Biex jiġu ddeterminati l-miżuri xierqa msemmija fl-ewwel subparagrafu, għandu jittieħed kont debitu ta’:

(a) 

jekk l-impatt negattiv potenzjali jistax jiġi kkawżat biss mill-kumpanija; jekk jistax jiġi kkawżat b’mod konġunt mill-kumpanija u sussidjarja jew sieħeb kummerċjali, permezz ta’ atti jew ommissjonijiet; jew jekk jistax jiġi kkawżat biss mis-sieħeb kummerċjali ta’ kumpanija fil-katina ta’ attivitajiet;

(b) 

jekk l-impatt negattiv potenzjali jistax iseħħ fl-operazzjonijiet ta’ sussidjarja, sieħeb kummerċjali dirett jew sieħeb kummerċjali indirett; u

(c) 

il-kapaċità tal-kumpanija li tinfluwenza lis-sieħeb kummerċjali li jista’ jikkawża jew jikkawża b’mod konġunt l-impatt negattiv potenzjali.

2.  

Il-kumpaniji għandhom ikunu meħtieġa jieħdu l-miżuri xierqa li ġejjin, meta rilevanti:

(a) 

meta jkun meħtieġ minħabba n-natura jew il-kumplessità tal-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni, jiżviluppaw u jimplimentaw, mingħajr dewmien żejjed pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni, bi skedi ta’ żmien raġonevoli u definiti b’mod ċar għall-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa u indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi għall-kejl tat-titjib; il-kumpaniji jistgħu jiżviluppaw il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom f’kooperazzjoni mal-inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati; il-pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni għandu jiġi adattat għall-operazzjonijiet u għall-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji;

(b) 

ifittxu li jiksbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali dirett li jkun se jiżgura konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija u, kif meħtieġ, ma’ pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni, inkluż billi jistabbilixxi assigurazzjonijiet kuntrattwali korrispondenti mingħand is-sħab tiegħu, sal-punt li l-attivitajiet tagħhom ikunu parti mill-katina ta’ attivitajiet tal-kumpanija; meta jinkisbu tali assigurazzjonijiet kuntrattwali, għandu japplika l-paragrafu 5;

(c) 

jagħmlu l-investimenti finanzjarji jew mhux finanzjarji, l-aġġustamenti jew it-titjib meħtieġa, pereżempju, fil-faċilitajiet, fil-produzzjoni jew fi proċessi u infrastrutturi operazzjonali oħra;

(d) 

jagħmlu l-modifiki jew it-titjib meħtieġa fil-pjan kummerċjali, fl-istrateġiji u fl-operazzjonijiet ġenerali tal-kumpanija stess, inklużi prattiki ta’ xiri, disinn u prattiki ta’ distribuzzjoni;

(e) 

jipprovdu appoġġ immirat u proporzjonat lil SME li tkun sieħeb kummerċjali tal-kumpanija, meta meħtieġ fid-dawl tar-riżorsi, tal-għarfien u tal-limitazzjonijiet tal-SME, inkluż billi jipprovdu jew jippermettu aċċess għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, għat-taħriġ jew għat-titjib tas-sistemi ta’ ġestjoni, u, meta l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta jew mal-pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni tipperikola l-vijabbiltà tal-SME, billi jipprovdu appoġġ finanzjarju mmirat u proporzjonat, bħal finanzjament dirett, self b’imgħax baxx, garanziji ta’ akkwist kontinwu, jew assistenza fl-iżgurar tal-finanzjament;

(f) 

f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt tal-kompetizzjoni, jikkollaboraw ma’ entitajiet oħra, inkluż, meta rilevanti, sabiex tiżdied il-kapaċità tal-kumpanija li tipprevjeni jew timmitiga l-impatt negattiv, b’mod partikolari meta l-ebda miżura oħra ma tkun xierqa jew effettiva.

3.  
Il-kumpaniji jistgħu jieħdu, meta rilevanti, miżuri xierqa flimkien mal-miżuri elenkati fil-paragrafu 2, bħall-involviment ma’ sieħeb kummerċjali dwar l-aspettattivi tal-kumpanija fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-mitigazzjoni ta’ impatti negattivi potenzjali, jew billi jipprovdu jew jippermettu l-aċċess għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, gwida, appoġġ amministrattiv u finanzjarju bħal self jew finanzjament, filwaqt li jqisu r-riżorsi, l-għarfien u l-limitazzjonijiet tas-sieħeb kummerċjali.
4.  
Fir-rigward tal-impatti negattivi potenzjali li ma setgħux jiġu prevenuti jew mitigati b’mod adegwat mill-miżuri xierqa elenkati fil-paragrafu 2, il-kumpanija tista’ tfittex li tikseb assigurazzjonijiet kuntrattwali mingħand sieħeb kummerċjali indirett, bl-għan li tinkiseb konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija jew ma’ pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni. Meta jinkisbu tali assigurazzjonijiet kuntrattwali, għandu japplika l-paragrafu 5;
5.  
L-assigurazzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), u fil-paragrafu 4, għandhom ikunu akkumpanjati mill-miżuri xierqa biex tiġi vverifikata l-konformità. Għall-finijiet tal-verifika tal-konformità, il-kumpanija tista’ tirreferi għal verifika minn parti terza indipendenti, inkluż permezz ta’ inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati.

Meta jinkisbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn SME, jew jiġi konkluż kuntratt ma’ SME, it-termini użati għandhom ikunu ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. Il-kumpanija għandha tivvaluta wkoll jekk l-assigurazzjonijiet kuntrattwali ta’ SME għandhomx ikunu akkumpanjati minn kwalunkwe miżura xierqa għall-SMEs imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (e). Meta jitwettqu miżuri għall-verifika tal-konformità fir-rigward tal-SMEs, il-kumpanija għandha ġġarrab il-kost tal-verifika minn parti terza indipendenti. Meta l-SME titlob li tħallas tal-anqas parti mill-kost tal-verifika minn parti terza indipendenti, jew bi ftehim mal-kumpanija, dik l-SME tista’ taqsam ir-riżultati ta’ tali verifika ma’ kumpaniji oħra.

▼M2

6.  

Fir-rigward tal-impatti negattivi potenzjali kif imsemmi fil-paragrafu 1 li ma setgħux jiġu evitati jew mitigati b’mod adegwat mill-miżuri stabbiliti fil-paragrafi 2, 4 u 5, il-kumpanija għandha, bħala l-aħħar soluzzjoni u sakemm l-impatt jiġi indirizzat:

(a) 

toqgħod lura milli tidħol f’relazzjonijiet ġodda, jew milli testendi relazzjonijiet eżistenti ma’ sieħeb kummerċjali li b’rabta miegħu, jew li fil-katina ta’ attivitajiet tiegħu, ikun inħoloq l-impatt;

(b) 

meta l-liġi li tirregola r-relazzjoni tagħha mas-sieħeb kummerċjali kkonċernat tkun tippermettilha, tissospendi r-relazzjoni kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati, inkluż bil-ħsieb li tuża jew iżżid l-ingranaġġ tagħha, u

(c) 

tadotta u timplimenta pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni msaħħaħ għall-impatt negattiv speċifiku mingħajr dewmien żejjed, dment li jkun hemm aspettattiva raġonevoli li tali sforzi se jirnexxu.

Sakemm ikun hemm aspettattiva raġonevoli li l-pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni msaħħaħ se jirnexxi, is-sempliċi fatt li titkompla l-interazzjoni mas-sieħeb kummerċjali ma għandux jesponi lill-kumpanija għal penali skont l-Artikolu 27 jew għal responsabbiltà skont l-Artikolu 29.

Qabel ma tissospendi relazzjoni kummerċjali, il-kumpanija għandha tivvaluta jekk l-impatti negattivi meta tagħmel dan jistgħux ikunu raġonevolment mistennija li jkunu manifestament aktar severi mill-impatt negattiv li ma setax jiġi prevenut jew mitigat b’mod adegwat. Jekk dak ikun il-każ, il-kumpanija ma għandhiex tkun meħtieġa tissospendi r-relazzjoni kummerċjali, u għandha tkun f’pożizzjoni li tirrapporta lura lill-awtorità superviżorja kompetenti dwar ir-raġunijiet debitament ġustifikati għal tali deċiżjoni.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu opzjoni biex tiġi sospiża r-relazzjoni kummerċjali f’kuntratti rregolati mil-liġijiet tagħhom f’konformità mal-ewwel subparagrafu, ħlief għal kuntratti fejn il-partijiet ikunu obbligati bil-liġi li jidħlu fihom.

Meta l-kumpanija tiddeċiedi li tissospendi r-relazzjoni kummerċjali, għandha tieħu passi biex tipprevjeni, timmitiga jew ittemm l-impatti tas-sospensjoni, għandha tipprovdi avviż raġonevoli lis-sieħeb kummerċjali kkonċernat u għandha żżomm dik id-deċiżjoni taħt rieżami.

Meta l-kumpanija tiddeċiedi li ma tissospendix ir-relazzjoni kummerċjali skont dan l-Artikolu, għandha timmonitorja l-impatt negattiv potenzjali u perjodikament tivvaluta d-deċiżjoni tagħha u jekk humiex disponibbli aktar miżuri xierqa.

▼B

Artikolu 11

Temm tal-impatti negattivi reali

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa biex itemmu l-impatti negattivi reali li ġew, jew li kellhom jiġu, identifikati skont l-Artikolu 8, f’konformità mal-Artikolu 9 u ma’ dan l-Artikolu.

Biex jiġu ddeterminati l-miżuri xierqa msemmija fl-ewwel subparagrafu, għandu jittieħed kont debitu ta’:

(a) 

jekk l-impatt negattiv reali huwiex ikkawżat biss mill-kumpanija; jekk huwiex ikkawżat b’mod konġunt mill-kumpanija u minn sussidjarja jew sieħeb kummerċjali, permezz ta’ atti jew ommissjonijiet; jew jekk huwiex ikkawżat biss minn sieħeb kummerċjali tal-kumpanija fil-katina ta’ attivitajiet;

(b) 

jekk l-impatt negattiv reali seħħx fl-operazzjonijiet ta’ sussidjarja, sieħeb kummerċjali dirett jew sieħeb kummerċjali indirett; u

(c) 

il-kapaċità tal-kumpanija li tinfluwenza lis-sieħeb kummerċjali li kkawża jew ikkawża b’mod konġunt l-impatt negattiv reali.

2.  
Meta l-impatt negattiv ma jkunx jista’ jintemm immedjatament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jimminimizzaw il-firxa ta’ dak l-impatt.
3.  

Il-kumpaniji għandhom ikunu meħtieġa jieħdu l-miżuri xierqa li ġejjin, fejn rilevanti:

(a) 

jinnewtralizzaw l-impatt negattiv jew jimminimizzaw il-firxa tiegħu; tali miżuri għandhom ikunu proporzjonati għas-severità tal-impatt negattiv u għall-implikazzjoni tal-kumpanija fl-impatt negattiv;

(b) 

meta jkun meħtieġ minħabba l-fatt li l-impatt negattiv ma jkunx jista’ jintemm minnufih, mingħajr dewmien żejjed, jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni korrettiva bi skedi ta’ żmien raġonevoli u definiti b’mod ċar għall-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa u indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi għall-kejl tat-titjib; il-kumpaniji jistgħu jiżviluppaw il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom f’kooperazzjoni mal-inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati; il-pjan ta’ azzjoni korrettiva għandu jkun adattat għall-operazzjonijiet u l-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji;

(c) 

ifittxu li jiksbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali dirett li jkun se jiżgura konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija u, kif meħtieġ, ma’ pjan ta’ azzjoni korrettiva, inkluż billi jistabbilixxi assigurazzjonijiet kuntrattwali korrispondenti mingħand is-sħab tiegħu, sal-punt li l-attivitajiet tagħhom ikunu parti mill-katina ta’ attivitajiet tal-kumpanija; meta jinkisbu tali assigurazzjonijiet kuntrattwali bħal dawn, għandu japplika l-paragrafu 6;

(d) 

jagħmlu l-investimenti finanzjarji jew mhux finanzjarji, l-aġġustamenti jew it-titjib meħtieġa, pereżempju tal-faċilitajiet, il-produzzjoni jew proċessi u infrastrutturi operazzjonali oħra;

(e) 

jagħmlu l-modifiki jew it-titjib meħtieġ tal-pjan kummerċjali, l-istrateġiji u l-operazzjonijiet ġenerali tal-kumpanija stess, inkluż il-prattiki ta’ xiri, id-disinn u l-prattiki ta’ distribuzzjoni;

(f) 

jipprovdu appoġġ immirat u proporzjonat lil SME li tkun sieħeb kummerċjali tal-kumpanija, fejn meħtieġ fid-dawl tar-riżorsi, l-għarfien u l-limitazzjonijiet tal-SME, inkluż billi jipprovdu jew jippermettu aċċess għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, għat-taħriġ jew għat-titjib tas-sistemi ta’ ġestjoni, u, meta l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta jew mal-pjan ta’ azzjoni korrettiva tipperikola l-vijabbiltà tal-SME, billi jipprovdu appoġġ finanzjarju mmirat u proporzjonat, bħal finanzjament dirett, self b’imgħax baxx, garanziji ta’ akkwist kontinwu, jew assistenza fl-iżgurar tal-finanzjament;

(g) 

f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt tal-kompetizzjoni, jikkollaboraw ma’ entitajiet oħrajn, inkluż, meta rilevanti, sabiex tiżdied il-kapaċità tal-kumpanija li ġġib fi tmiemu l-impatt negattiv jew timminimizza l-firxa tiegħu, b’mod partikolari meta l-ebda miżura oħra ma tkun xierqa jew effettiva;

(h) 

jipprovdu rimedju f’konformità mal-Artikolu 12.

4.  
Il-kumpaniji jistgħu jieħdu, meta rilevanti, miżuri xierqa flimkien mal-miżuri elenkati fil-paragrafu 3, bħall-involviment ma’ sieħeb kummerċjali dwar l-aspettattivi tal-kumpanija fir-rigward tat-temma tal-impatti negattivi reali jew tal-minimizzazzjoni tal-firxa tagħhom, jew billi jipprovdu jew jippermettu aċċess għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, gwida, appoġġ amministrattiv u finanzjarju bħal self jew finanzjament, filwaqt li jqisu r-riżorsi, l-għarfien u l-limitazzjonijiet tas-sieħeb kummerċjali.
5.  
Fir-rigward tal-impatti negattivi reali li ma setgħux jintemmu jew li l-firxa tagħhom ma setgħetx tiġi minimizzata b’mod adegwat mill-miżuri xierqa elenkati fil-paragrafu 3, il-kumpanija tista’ tfittex li tikseb assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali indirett, bil-għan li tinkiseb konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija jew ma’ pjan ta’ azzjoni korrettiva. Meta jinkisbu tali assigurazzjonijiet kuntrattwali, għandu japplika l-paragrafu 6.
6.  
L-assigurazzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (c), u fil-paragrafu 5, għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri xierqa biex tiġi vverifikata l-konformità. Għall-finijiet tal-verifika tal-konformità, il-kumpanija tista’ tirreferi għal verifika minn parti terza indipendenti, inkluż permezz ta’ inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati.

Meta jinkisbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn SME, jew jiġi konkluż kuntratt ma’ SME, it-termini użati għandhom ikunu ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. Il-kumpanija għandha tivvaluta wkoll jekk l-assigurazzjonijiet kuntrattwali ta’ SME għandhomx ikunu akkumpanjati minn kwalunkwe waħda mill-miżuri xierqa għall-SMEs imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (f). Meta jitwettqu miżuri għall-verifika tal-konformità fir-rigward tal-SMEs, il-kumpanija għandha ġġarrab il-kost tal-verifika minn parti terza indipendenti. Meta l-SME titlob li tħallas mill-anqas parti mill-kost tal-verifika minn parti terza indipendenti, jew bi ftehim mal-kumpanija, l-SME tista’ taqsam ir-riżultati ta’ tali verifika ma’ kumpaniji oħra.

▼M2

7.  

Fir-rigward tal-impatti negattivi reali kif imsemmi fil-paragrafu 1 li ma setgħux jiġu mitmuma jew li l-effett tagħhom ma setax jiġi minimizzat mill-miżuri stabbiliti fil-paragrafi 3, 5 u 6, il-kumpanija għandha, bħala l-aħħar soluzzjoni u sakemm l-impatt jiġi indirizzat:

(a) 

toqgħod lura milli tidħol f’relazzjonijiet ġodda, jew milli testendi relazzjonijiet eżistenti ma’ sieħeb kummerċjali li b’rabta miegħu, jew li fil-katina ta’ attivitajiet tiegħu, ikun inħoloq l-impatt;

(b) 

meta l-liġi li tirregola r-relazzjoni tagħha mas-sieħeb kummerċjali kkonċernat tkun tippermettilha, tissospendi r-relazzjoni kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati, inkluż bil-ħsieb li tuża jew iżżid l-ingranaġġ tagħha, u

(c) 

tadotta u timplimenta pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni msaħħaħ għall-impatt negattiv speċifiku mingħajr dewmien żejjed, dment li jkun hemm aspettattiva raġonevoli li tali sforzi se jirnexxu.

Sakemm ikun hemm aspettattiva raġonevoli li l-pjan ta’ azzjoni korrettiv imsaħħaħ se jirnexxi, is-sempliċi fatt li titkompla l-interazzjoni mas-sieħeb kummerċjali ma għandux jesponi lill-kumpanija għal penali skont l-Artikolu 27 jew għal responsabbiltà skont l-Artikolu 29.

Qabel ma tissospendi relazzjoni kummerċjali, il-kumpanija għandha tivvaluta jekk l-impatti negattivi meta tagħmel dan jistgħux ikunu raġonevolment mistennija li jkunu manifestament aktar severi mill-impatt negattiv li ma setax jiġi mitmum jew l-effett tiegħu ma setax jiġi minimizzat b’mod adegwat. Jekk dak ikun il-każ, il-kumpanija ma għandhiex tkun meħtieġa tissospendi r-relazzjoni kummerċjali, u għandha tkun f’pożizzjoni li tirrapporta lura lill-awtorità superviżorja kompetenti dwar ir-raġunijiet debitament ġustifikati għal tali deċiżjoni.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu opzjoni biex tiġi sospiża r-relazzjoni kummerċjali f’kuntratti rregolati mil-liġijiet tagħhom f’konformità mal-ewwel subparagrafu, ħlief għal kuntratti fejn il-partijiet ikunu obbligati bil-liġi li jidħlu fihom.

Meta l-kumpanija tiddeċiedi li tissospendi r-relazzjoni kummerċjali, għandha tieħu passi biex tipprevjeni, timmitiga jew ittemm l-impatti tas-sospensjoni, għandha tipprovdi avviż raġonevoli lis-sieħeb kummerċjali kkonċernat u għandha żżomm dik id-deċiżjoni taħt rieżami.

Meta l-kumpanija tiddeċiedi li ma tissospendix ir-relazzjoni kummerċjali skont dan l-Artikolu, għandha timmonitorja l-impatt negattiv potenzjali reali u perjodikament tivvaluta d-deċiżjoni tagħha u jekk humiex disponibbli aktar miżuri xierqa.

▼B

Artikolu 12

Rimedju għall-impatti negattivi reali

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta kumpanija tkun ikkawżat jew ikkawżat b’mod konġunt impatt negattiv reali, il-kumpanija tipprovdi rimedju.
2.  
Meta l-impatt negattiv reali jiġi kkawżat biss mis-sieħeb kummerċjali tal-kumpanija, il-kumpanija tista’ tipprovdi rimedju volontarju. Il-kumpanija tista’ tuża wkoll il-kapaċità tagħha li tinfluwenza lis-sieħeb kummerċjali li jikkawża l-impatt negattiv biex jipprovdi rimedju.

Artikolu 13

Komunikazzjoni sinifikattiva mal-partijiet ikkonċernati

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa biex issir komunikazzjoni effettiva mal-partijiet ikkonċernati, f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
2.  
Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943, meta jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati, il-kumpaniji għandhom, kif xieraq, jipprovdulhom informazzjoni rilevanti u komprensiva, sabiex iwettqu konsultazzjonijiet effettivi u trasparenti. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943, il-partijiet ikkonċernati kkonsultati għandhom jitħallew jagħmlu talba motivata għal informazzjoni addizzjonali rilevanti, li għandha tiġi pprovduta mill-kumpanija f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u f’format xieraq u li jinftiehem. Jekk il-kumpanija tirrifjuta talba għal informazzjoni addizzjonali, il-partijiet ikkonċernati kkonsultati għandhom ikunu intitolati għal ġustifikazzjoni bil-miktub għal dak ir-rifjut.
3.  

►M2  Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti għandha ssir fl-istadji li ġejjin tal-proċess ta’ diliġenza dovuta: ◄

(a) 

meta tinġabar l-informazzjoni meħtieġa dwar l-impatti negattivi reali jew potenzjali, sabiex jiġu identifikati, ivvalutati u pprijoritizzati l-impatti negattivi skont l-Artikoli 8 u 9;

(b) 

meta jiġu żviluppati pjanijiet ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni u pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva skont l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 11(3), u meta jiġu żviluppati pjanijiet ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni u pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva msaħħa skont l-Artikolu 10(6) u l-Artikolu 11(7);

▼M2 —————

▼B

(d) 

meta jiġu adottati miżuri xierqa biex jiġu rrimedjati l-impatti negattivi skont l-Artikolu 12.

▼M2 —————

▼B

4.  
Meta ma jkunx raġonevolment possibbli li ssir komunikazzjoni effettiva mal-partijiet ikkonċernati sa fejn ikun meħtieġ biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, il-kumpaniji għandhom jikkonsultaw ukoll ma’ esperti li jistgħu jipprovdu għarfien kredibbli dwar l-impatti negattivi reali jew potenzjali.
5.  
Meta jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati, il-kumpaniji għandhom jidentifikaw u jindirizzaw l-ostakli għall-komunikazzjoni u għandhom jiżguraw li l-parteċipanti ma jkunux soġġetti għal ritaljazzjoni jew retribuzzjoni, inkluż billi jżommu l-kunfidenzjalità jew l-anonimità.
6.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jitħallew jissodisfaw l-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu permezz ta’ inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati, kif xieraq, dment li l-proċeduri ta’ konsultazzjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan l-Artikolu. L-użu ta’ inizjattivi tal-industrija u ta’ diversi partijiet ikkonċernati ma għandux ikun biżżejjed biex jissodisfa l-obbligu li jiġu kkonsultati l-impjegati tal-kumpanija stess u r-rappreżentanti tagħhom.
7.  
Il-komunikazzjoni mal-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt rilevanti tal-Unjoni u dak nazzjonali fil-qasam tal-impjiegi u d-drittijiet soċjali kif ukoll għall-ftehimiet kollettivi applikabbli.

Artikolu 14

Mekkaniżmu ta’ notifika u proċedura tal-ilmenti

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jippermettu lill-persuni u l-entitajiet elenkati fil-paragrafu 2 jippreżentawlhom ilmenti meta dawk il-persuni jew l-entitajiet ikollhom tħassib leġittimu dwar l-impatti negattivi reali jew potenzjali fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-kumpaniji tagħhom stess, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom jew l-operazzjonijiet tas-sħab kummerċjali tagħhom fil-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji.
2.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilmenti jistgħu jiġu ppreżentati minn:

(a) 

persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma affettwati jew li għandhom raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li jistgħu jiġu affettwati minn impatt negattiv, u r-rappreżentanti leġittimi ta’ tali persuni f’isimhom, bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

(b) 

trade unions u rappreżentanti oħrajn tal-ħaddiema li jirrappreżentaw persuni fiżiċi li jaħdmu fil-katina ta’ attivitajiet kkonċernata; u

(c) 

organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma attivi u b’esperjenza f’oqsma relatati meta impatt ambjentali negattiv ikun is-suġġett tal-ilment.

3.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jistabbilixxu proċedura ġusta, disponibbli għall-pubbliku, aċċessibbli, prevedibbli u trasparenti għat-trattament tal-ilmenti msemmija fil-paragrafu 1, inkluża proċedura li fiha kumpanija tqis li lment ikun infondat, u jinfurmaw lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u lit-trade unions rilevanti b’dik il-proċedura. Il-kumpaniji għandhom jieħdu miżuri raġonevolment disponibbli biex jipprevjenu kwalunkwe forma ta’ ritaljazzjoni billi jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-identità tal-persuna jew tal-organizzazzjoni li tressaq l-ilment, f’konformità mad-dritt nazzjonali. Meta jkun jeħtieġ li l-informazzjoni tiġi kondiviża, dan għandu jsir b’mod li ma jipperikolax is-sikurezza tal-ilmentatur, inkluż billi ma tiġix divulgata l-identità ta’ dak l-ilmentatur.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-ilment ikun fondat sew, l-impatt negattiv li jkun is-suġġett tal-ilment jitqies li jkun identifikat fis-sens tal-Artikolu 8 u l-kumpanija għandha tieħu miżuri xierqa f’konformità mal-Artikoli 10, 11 u 12.

4.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilmentaturi jkunu intitolati:

(a) 

jitolbu segwitu xieraq dwar l-ilment mill-kumpanija li jkunu ppreżentawlha lment skont il-paragrafu 1;

(b) 

jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-kumpanija f’livell xieraq biex jiġu diskussi l-impatti negattivi severi reali jew potenzjali jkunu s-suġġett tal-ilment, u r-rimedju potenzjali f’konformità mal-Artikolu 12;

(c) 

li jiġu pprovduti mill-kumpanija bir-raġunijiet għaliex ilment ġie kkunsidrat fondat jew infondat u, meta jiġi kkunsidrat fondat, li jiġu pprovduti b’informazzjoni dwar il-passi u l-azzjonijiet meħuda jew li għandhom jittieħdu.

5.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jistabbilixxu mekkaniżmu aċċessibbli għas-sottomissjoni ta’ notifiki minn persuni jew entitajiet meta jkollhom informazzjoni jew tħassib dwar l-impatti negattivi reali jew potenzjali fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom stess, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom u l-operazzjonijiet tas-sħab kummerċjali tagħhom fil-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji.

Il-mekkaniżmu għandu jiżgura li n-notifiki jkunu jistgħu jsiru b’mod anonimu jew b’mod kunfidenzjali f’konformità mad-dritt nazzjonali. Il-kumpaniji għandhom jieħdu miżuri raġonevolment disponibbli biex jipprevjenu kwalunkwe forma ta’ ritaljazzjoni billi jiżguraw li l-identità tal-persuni jew tal-entitajiet li jressqu notifiki tibqa’ kunfidenzjali, f’konformità mad-dritt nazzjonali. Il-kumpanija tista’ tinforma lill-persuni jew lill-entitajiet li jressqu notifiki dwar il-passi u l-azzjonijiet meħuda jew li għandhom jittieħdu, meta rilevanti.

6.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jitħallew jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, u fil-paragrafu 5, permezz ta’ parteċipazzjoni fi proċeduri kollaborattivi u mekkaniżmi ta’ notifika għall-ilmenti, inkluż dawk stabbiliti b’mod konġunt mill-kumpaniji, permezz ta’ assoċjazzjonijiet tal-industrija, inizjattivi ta’ diversi partijiet ikkonċernati jew ftehimiet qafas globali, dment li tali proċeduri u mekkaniżmi kollaborattivi jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan l-Artikolu.
7.  
Is-sottomissjoni ta’ notifika jew ilment skont dan l-Artikolu ma għandhiex tkun prerekwiżit għal, jew tipprekludi lill-persuni li jressquhom minn, aċċess għall-proċeduri skont l-Artikoli 26 u 29 jew għal mekkaniżmi oħra mhux ġudizzjarji.

▼M2

Artikolu 15

Monitoraġġ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jwettqu valutazzjonijiet perjodiċi tal-operazzjonijiet u l-miżuri tagħhom stess, dawk tas-sussidjarji tagħhom u, meta relatati mal-katina tal-attivitajiet tal-kumpanija, dawk tas-sħab kummerċjali tagħhom, biex jivvalutaw l-implimentazzjoni u biex jimmonitorjaw l-adegwatezza u l-effettività tal-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-mitigazzjoni, it-tmiem u l-minimizzazzjoni tal-firxa tal-impatti negattivi. Tali valutazzjonijiet għandhom ikunu bbażati, meta jkun xieraq, fuq indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi u għandhom jitwettqu mingħajr dewmien żejjed wara li sseħħ bidla sinifikanti, iżda mill-inqas kull 5 snin u kull meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li l-miżuri ma għadhomx adegwati jew effettivi jew li nħolqu jew jistgħu jinħolqu riskji ġodda tal-okkorrenza ta’ dawk l-impatti negattivi. Meta jkun xieraq, il-politika tad-diliġenza dovuta, l-impatti negattivi identifikati u l-miżuri xierqa derivati għandhom jiġu aġġornati f’konformità mal-eżitu ta’ tali valutazzjonijiet u b’kunsiderazzjoni xierqa tal-informazzjoni rilevanti mill-partijiet ikkonċernati.

▼B

Artikolu 16

Komunikazzjoni

1.  

Mingħajr preġudizzju għall-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jirrapportaw dwar il-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva billi jippubblikaw dikjarazzjoni annwali fuq is-sit web tagħhom. Dik id-dikjarazzjoni annwali għandha tiġi ppubblikata:

(a) 

b’mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni użata fl-Istat Membru tal-awtorità superviżorja deżinjata skont l-Artikolu 24 u, meta differenti, b’lingwa abitwali fl-isfera tan-negozju internazzjonali;

(b) 

f’perjodu raġonevoli ta’ żmien, iżda mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-data tal-karta bilanċjali tas-sena finanzjarja li għaliha tkun tfasslet id-dikjarazzjoni, jew, għall-kumpaniji li jirrapportaw volontarjament f’konformità mad-Direttiva 2013/34/UE, sad-data tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali.

Fil-każ ta’ kumpanija ffurmata f’konformità mad-dritt ta’ pajjiż terz, id-dikjarazzjoni għandha tinkludi wkoll l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 23(2) rigward ir-rappreżentant awtorizzat tal-kumpanija.

2.  
Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għal kumpaniji li huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà f’konformità mal-Artikoli 19a, 29a jew 40a tad-Direttiva 2013/34/UE, inkluż dawk li huma eżentati f’konformità mal-Artikolu 19a(9) jew l-Artikolu 29a(8) ta’ dik id-Direttiva.

▼M2

3.  
Sal-31 ta’ Marzu 2029, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 34 sabiex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi l-kontenut u l-kriterji għar-rapportar skont il-paragrafu 1, li jispeċifikaw, b’mod partikolari, informazzjoni dettaljata biżżejjed dwar id-deskrizzjoni tad-diliġenza dovuta, l-impatti negattivi reali u potenzjali identifikati, u l-miżuri xierqa meħuda fir-rigward ta’ dawk l-impatti. Fit-tħejjija għal dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tieħu kont debitu tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont l-Artikoli 29b u 40b tad-Direttiva 2013/34/UE, u tallinjahom kif xieraq magħhom.

Meta tadotta l-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni fir-rekwiżiti ta’ rapportar għall-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 3(1), il-punt (a)(iii), li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/2088, filwaqt li żżomm bis-sħiħ l-obbligi minimi stipulati f’din id-Direttiva.

▼B

Artikolu 17

Aċċessibbiltà tal-informazzjoni dwar il-punt ta’ aċċess uniku Ewropew

1.  
►M2  Mill-1 ta’ Jannar 2031, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jippubblikaw id-dikjarazzjoni annwali msemmija fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-Direttiva, il-kumpaniji jissottomettu dik id-dikjarazzjoni fl-istess ħin lill-korp ta’ ġbir imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għall-fini li jagħmluha aċċessibbli fuq il-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ESAP), kif stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/2859. ◄

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni annwali msemmija fl-ewwel subparagrafu tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

tiġi sottomessa f’format li minnu tista’ tiġi estratta d-data, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2023/2859, jew, meta meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali, f’format li jinqara mill-magni, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4), ta’ dak ir-Regolament;

(b) 

tkun akkumpanjata mill-metadata li ġejja:

(i) 

l-ismijiet kollha tal-kumpanija li magħha hija relatata l-informazzjoni;

(ii) 

l-identifikatur ta’ entità ġuridika tal-kumpanija, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(iii) 

id-daqs tal-kumpanija skont il-kategorija, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(iv) 

is-settur(i) industrijali tal-attivitajiet ekonomiċi tal-kumpanija, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(v) 

it-tip ta’ informazzjoni, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(vi) 

indikazzjoni dwar jekk l-informazzjoni tinkludix data personali.

2.  
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (b)(ii), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jiksbu identifikatur ta’ entità ġuridika.

▼M2

3.  
Sal-31 ta’ Diċembru 2030, għall-fini li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ssir aċċessibbli fuq l-ESAP, l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw mill-inqas korp ta’ ġbir wieħed, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2023/2859, u jinnotifikaw lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq dwar dan.

▼B

4.  

Għall-finijiet li jiġu żgurati l-ġbir u l-ġestjoni effiċjenti tal-informazzjoni sottomessa f’konformità mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika:

(a) 

kwalunkwe metadata oħra meħtieġa biex takkumpanja l-informazzjoni;

(b) 

l-istrutturar tad-data fl-informazzjoni; u

(c) 

għal liema informazzjoni huwa meħtieġ format li jinqara mill-magni u, f’tali każijiet, liema format li jinqara mill-magni għandu jintuża.

▼M2

Artikolu 18

Mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali

Sabiex tipprovdi appoġġ lill-kumpaniji u tiffaċilita l-konformità tagħhom mal-Artikolu 10(2), il-punt (b), u l-Artikolu 11(3), il-punt (c), il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, għandha tadotta gwida dwar mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali volontarji, sas-26 ta’ Lulju 2027.

▼B

Artikolu 19

Linji gwida

1.  
Sabiex tipprovdi appoġġ lill-kumpaniji jew lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar kif jenħtieġ li l-kumpaniji jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta b’mod prattiku, u biex tipprovdi appoġġ lill-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, u meta jkun xieraq ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi oħra li jkollhom għarfien espert fid-diliġenza dovuta, għandha toħroġ linji gwida, inklużi linji gwida ġenerali u linji gwida għal setturi speċifiċi jew linji gwida għal impatti negattivi speċifiċi.
2.  

Il-linji gwida li jinħarġu skont il-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

(a) 

gwida u l-aħjar prattiki dwar kif titwettaq id-diliġenza dovuta f’konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 16, b’mod partikolari, il-proċess ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 8, il-prijoritizzazzjoni tal-impatti skont l-Artikolu 9, miżuri xierqa biex jiġu adattati l-prattiki tax-xiri skont l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 11(3), id-diżimpenn responsabbli skont l-Artikolu 10(6) u l-Artikolu 11(7), miżuri xierqa għar-rimedju skont l-Artikolu 12, u dwar kif jiġu identifikati l-partijiet ikkonċernati u ssir komunikazzjoni magħhom skont l-Artikolu 13, inkluż permezz tal-mekkaniżmu ta’ notifika u l-proċedura tal-ilmenti stabbiliti fl-Artikolu 14;

▼M2 —————

▼B

(c) 

gwida speċifika għas-settur;

(d) 

gwida dwar il-valutazzjoni fil-livell tal-kumpanija, l-operazzjonijiet kummerċjali, ġeografiċi u kuntestwali, il-prodotti u s-servizzi, u l-fatturi ta’ riskju settorjali, inkluż dawk assoċjati ma’ żoni affettwati minn kunflitti u żoni ta’ riskju għoli;

(e) 

referenzi għal data u sorsi ta’ informazzjoni disponibbli għall-konformità mal-obbligi previsti f’din id-Direttiva, u għal għodod u teknoloġiji diġitali li jistgħu jiffaċilitaw u jappoġġaw il-konformità;

(f) 

informazzjoni dwar kif għandhom jiġu kondiviżi r-riżorsi u l-informazzjoni fost il-kumpaniji u entitajiet ġuridiċi oħra għall-fini ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, b’mod li jkun konformi mal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali skont l-Artikolu 5(3) u l-protezzjoni minn ritaljazzjoni u retribuzzjoni potenzjali kif previst fl-Artikolu 13(5);

(g) 

informazzjoni għall-partijiet ikkonċernati u r-rappreżentanti tagħhom dwar kif jikkomunikaw matul il-proċess ta’ diliġenza dovuta.

▼M2

3.  
Il-linji gwida msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a), (d) u (e), għandhom jiġu adottati sas-26 ta’ Lulju 2027. Il-linji gwida msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (f) u (g), għandhom jiġu adottati sas-26 ta’ Lulju 2028.

▼B

4.  
Il-linji gwida msemmija f’dan l-Artikolu għandhom isiru disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina perjodikament il-linji gwida u tadattahom meta xieraq.

Artikolu 20

Miżuri ta’ akkumpanjament

1.  

L-Istati Membri għandhom, sabiex jipprovdu informazzjoni u appoġġ lill-kumpaniji u lis-sħab kummerċjali tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati, jistabbilixxu u joperaw siti web, pjattaformi jew portali ddedikati individwalment jew b’mod konġunt. F’dak ir-rigward, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċifika lill-SMEs li huma preżenti fil-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji. Dawk is-siti web, il-pjattaformi jew il-portali għandhom, b’mod partikolari, jagħtu aċċess għal:

(a) 

il-kontenut u l-kriterji għar-rapportar kif stabbiliti mill-Kummissjoni fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 16(3);

(b) 

il-gwida tal-Kummissjoni dwar mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali volontarji kif previsti fl-Artikolu 18 l-linji gwida li toħroġ skont l-Artikolu 19;

(c) 

il-helpdesk uniku previst fl-Artikolu 21; u

(d) 

informazzjoni għall-partijiet ikkonċernati u r-rappreżentanti tagħhom dwar kif jikkomunikaw matul il-proċess ta’ diliġenza dovuta.

2.  
Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw finanzjarjament lill-SMEs. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll appoġġ lill-partijiet ikkonċernati bl-għan li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva.
3.  
Il-Kummissjoni tista’ tikkomplementa l-miżuri ta’ appoġġ tal-Istati Membri, abbażi ta’ azzjoni eżistenti tal-Unjoni biex tiġi appoġġata d-diliġenza dovuta fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi, u tista’ tfassal miżuri ġodda, inkluż l-iffaċilitar ta’ inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati biex jgħinu lill-kumpaniji jissodisfaw l-obbligi tagħhom.
4.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 25, 26 u 29, il-kumpaniji jistgħu jipparteċipaw f’inizjattivi tal-industrija u ta’ diversi partijiet ikkonċernati biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-obbligi msemmija fl-Artikoli 7 sa 16 sal-punt li tali inizjattivi kunu xierqa biex jappoġġaw it-twettiq ta’ dawk l-obbligi. B’mod partikolari, il-kumpaniji jistgħu, wara li jkunu vvalutaw l-adegwatezza tagħhom, jagħmlu użu minn jew jingħaqdu ma’ analiżi tar-riskju rilevanti mwettqa minn inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati jew minn membri ta’ dawk l-inizjattivi u jistgħu jieħdu jew jingħaqdu ma’ miżuri xierqa effettivi permezz ta’ tali inizjattivi. Meta jagħmlu dan, il-kumpaniji għandhom jimmonitorjaw l-effettività ta’ tali miżuri u jkomplu jieħdu miżuri xierqa meta meħtieġ biex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi tagħhom.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw it-tixrid ta’ informazzjoni dwar tali inizjattivi u l-eżitu tagħhom. Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, għandha toħroġ gwida li tistipula kriterji tal-idoneità u metodoloġija għall-kumpaniji għall-valutazzjoni tal-idoneità tal-inizjattivi tal-industrija u ta’ diversi partijiet ikkonċernati.

5.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 25, 26 u 29, il-kumpaniji jistgħu jużaw verifika minn parti terza indipendenti dwar u mill-kumpaniji fil-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-obbligi tad-diliġenza dovuta sa fejn tali verifika tkun xierqa biex tappoġġa t-twettiq tal-obbligi rilevanti. Verifika minn parti terza indipendenti tista’ titwettaq minn kumpaniji oħra jew minn inizjattiva tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati. Il-verifikaturi terzi indipendenti għandhom jaġixxu b’oġġettività u indipendenza sħiħa mill-kumpanija, ikunu ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess, jibqgħu ħielsa minn influwenza esterna, kemm jekk diretta kif ukoll indiretta, u għandhom iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li ma tkunx kompatibbli mal-indipendenza tagħhom. Skont in-natura tal-impatt negattiv, għandu jkollhom esperjenza u kompetenza fi kwistjonijiet ambjentali jew tad-drittijiet tal-bniedem u għandhom ikunu responsabbli għall-kwalità u l-affidabbiltà tal-verifika li jwettqu.

Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, għandha toħroġ gwida li tistipula l-kriterji tal-idoneità u metodoloġija għall-kumpaniji biex jivvalutaw l-idoneità tal-verifikaturi terzi, u gwida għall-monitoraġġ tal-akkuratezza, l-effettività u l-integrità tal-verifika minn parti terza.

Artikolu 21

Helpdesk uniku

1.  
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi helpdesk uniku li permezz tiegħu l-kumpaniji jistgħu jfittxu informazzjoni, gwida u appoġġ fir-rigward tal-issodisfar tal-obbligi tagħhom previsti f’din id-Direttiva.
2.  
L-awtoritajiet nazzjonali rilevanti f’kull Stat Membru għandhom jikkollaboraw mal-helpdesk uniku sabiex jassistu fit-tfassil tal-informazzjoni u l-gwida għall-kuntesti nazzjonali u fit-tixrid tagħhom ta’ dik l-informazzjoni u dik il-gwida.

▼M2 —————

▼B

Artikolu 23

Rappreżentant awtorizzat

1.  
L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(2) li topera fi Stat Membru tiddeżinja bħala r-rappreżentant awtorizzat tagħha persuna fiżika jew ġuridika li tkun stabbilita jew domiċiljata f’wieħed mill-Istati Membri fejn topera. Id-deżinjazzjoni għandha tkun valida meta tiġi kkonfermata bħala aċċettata mir-rappreżentant awtorizzat.
2.  
L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li r-rappreżentant awtorizzat jew il-kumpanija jinnotifikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-email u n-numru tat-telefown tar-rappreżentant awtorizzat lil awtorità superviżorja fl-Istat Membru fejn ir-rappreżentant awtorizzat ikun domiċiljat jew stabbilit u, meta jkun differenti, l-awtorità superviżorja kompetenti, kif speċifikat fl-Artikolu 24(3). L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentant awtorizzat ikun obbligat jipprovdi, fuq talba, kopja tad-deżinjazzjoni b’lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru lil kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet superviżorji.
3.  
L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li r-rappreżentant awtorizzat jew il-kumpanija jinformaw lil awtorità superviżorja fl-Istat Membru fejn ir-rappreżentant awtorizzat ikun domiċiljat jew stabbilit u, meta jkun differenti, lill-awtorità superviżorja kompetenti kif speċifikat fl-Artikolu 24(3), li l-kumpanija hija kumpanija kif imsemmi fl-Artikolu 2(2).
4.  
L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li kull kumpanija tagħti s-setgħa lir-rappreżentant awtorizzat tagħha li jirċievi komunikazzjonijiet mingħand l-awtoritajiet superviżorji dwar il-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u l-infurzar tagħhom. Il-kumpaniji għandhom ikunu meħtieġa jipprovdu s-setgħat u r-riżorsi meħtieġa lir-rappreżentant awtorizzat tagħhom biex jikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji.
5.  
Meta kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(2) tonqos milli tikkonforma mal-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu, l-Istati Membri kollha li fihom topera dik il-kumpanija għandhom ikunu kompetenti biex jinfurzaw it-twettiq ta’ tali obbligi f’konformità mad-dritt nazzjonali tagħhom. Stat Membru li jkun beħsiebu jinforza l-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu għandu jinnotifika lill-awtoritajiet superviżorji permezz tan-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji stabbilit fl-ambitu tal-Artikolu 28 sabiex ma jiġux infurzati minn Stati Membri oħra.

Artikolu 24

Awtoritajiet superviżorji

▼M2

1.  
Kull Stat Membru għandu jiddeżinja awtorità superviżorja waħda jew aktar biex jissorveljaw il-konformità mal-obbligi stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont l-Artikoli 7 sa 16.

▼B

2.  
Fir-rigward ta’ kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(1), l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tkun dik tal-Istat Membru li l-kumpanija jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fih.
3.  
Fir-rigward ta’ kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(2), l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tkun dik tal-Istat Membru li l-kumpanija jkollha fergħa fih. Jekk il-kumpanija ma jkollha fergħa fl-ebda Stat Membru, jew ikollha fergħat li jinsabu fi Stati Membri differenti, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tkun l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru li fih il-kumpanija ġġenerat il-biċċa l-kbira tal-fatturat nett tagħha fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja qabel id-data indikata fl-Artikolu 37 jew id-data ta’ meta l-kumpanija tissodisfa għall-ewwel darba l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(2), skont liema tiġi l-aħħar.

Kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(2) tista’, abbażi ta’ bidla fiċ-ċirkostanzi li twassal biex tiġġenera l-biċċa l-kbira tal-fatturat tagħha fl-Unjoni fi Stat Membru differenti, tagħmel talba debitament motivata biex tinbidel l-awtorità superviżorja li tkun kompetenti biex tirregola kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva fir-rigward ta’ dik il-kumpanija.

4.  
Meta kumpanija omm tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva f’isem is-sussidjarji tagħha f’konformità mal-Artikolu 6, l-awtorità superviżorja kompetenti tal-kumpanija omm għandha tikkoopera mal-awtorità superviżorja kompetenti tas-sussidjarja, li se tibqa’ kompetenti biex tiżgura li s-sussidjarja tkun soġġetta għall-eżerċizzju tas-setgħat f’konformità mal-Artikolu 25. F’dan ir-rigward, in-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji stabbilit skont l-Artikolu 28 għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-għoti tal-assistenza reċiproka meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 28.
5.  
Meta Stat Membru jiddeżinja aktar minn awtorità superviżorja waħda, huwa għandu jiżgura li l-kompetenzi rispettivi ta’ dawk l-awtoritajiet superviżorji jkunu definiti b’mod ċar u li jikkooperaw mill-qrib u b’mod effettiv ma’ xulxin.
6.  
L-Istati Membri jistgħu jiddeżinjaw l-awtoritajiet għas-superviżjoni tal-impriżi finanzjarji regolati wkoll bħala awtoritajiet superviżorji għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

▼M2

7.  
Sas-26 ta’ Lulju 2028, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet superviżorji deżinjati skont dan l-Artikolu, kif ukoll bil-kompetenzi rispettivi tagħhom meta jkun hemm diversi awtoritajiet superviżorji deżinjati. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla dwar dan.

▼B

8.  
Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku, inkluż fuq is-sit web tagħha, lista tal-awtoritajiet superviżorji, u, meta Stat Membru jkollu diversi awtoritajiet superviżorji, il-kompetenzi rispettivi ta’ dawk l-awtoritajiet fir-rigward ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha taġġorna regolarment il-lista abbażi tal-informazzjoni li tirċievi mingħand l-Istati Membri.
9.  
L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtoritajiet superviżorji u jiżguraw li huma, u l-persuni kollha li jaħdmu għalihom jew li ħadmu għalihom, u l-awdituri, l-esperti u kwalunkwe persuna oħra li taġixxi f’isimhom, jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u bir-rispett dovut għall-obbligi tas-segretezza professjonali. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkunu legalment u funzjonalment indipendenti, ħielsa minn influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta, inkluż mill-kumpaniji koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew minn interessi oħra tas-suq, li l-persunal tagħhom u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni jkunu ħielsa minn kunflitti ta’ interess, soġġetti għal rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità, u jżommu lura minn kwalunkwe azzjoni inkompatibbli mad-dmirijiet tagħhom.
10.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jippubblikaw u jagħmlu aċċessibbli online rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħhom skont din id-Direttiva.

Artikolu 25

Setgħat tal-awtoritajiet superviżorji

▼M2

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom setgħat u riżorsi adegwati biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom skont din id-Direttiva, inkluża s-setgħa li jirrikjedu li l-kumpaniji jipprovdu informazzjoni u jwettqu investigazzjonijiet relatati mal-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 16.

▼B

2.  
Awtorità superviżorja tista’ tibda investigazzjoni fuq inizjattiva proprja jew b’riżultat ta’ tħassib sostanzjat ikkomunikat lilha skont l-Artikolu 26, meta tqis li jkollha biżżejjed informazzjoni li tindika ksur possibbli minn kumpanija tal-obbligi previsti fid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva.
3.  
L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu f’konformità mad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih titwettaq l-ispezzjoni u wara li jkun ingħata avviż minn qabel lill-kumpanija, ħlief meta avviż minn qabel ifixkel l-effettività tal-ispezzjoni. Meta, bħala parti mill-investigazzjoni tagħha, awtorità superviżorja tkun tixtieq twettaq spezzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru għajr tagħha stess, hija għandha titlob l-assistenza tal-awtorità superviżorja f’dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 28(3).
4.  
Jekk, b’riżultat tal-azzjonijiet meħuda skont il-paragrafi 1 u 2, awtorità superviżorja tidentifika nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, hija għandha tagħti lill-kumpanija kkonċernata perjodu ta’ żmien xieraq sabiex tieħu azzjoni ta’ rimedju, jekk tali azzjoni tkun possibbli.

It-teħid ta’ azzjoni ta’ rimedju ma għandux jipprekludi l-impożizzjoni ta’ penali jew l-iskattar ta’ responsabbiltà ċivili, f’konformità mal-Artikoli 27 u 29, rispettivament.

5.  

Meta jwettqu l-kompiti tagħhom, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom mill-inqas is-setgħa li:

(a) 

jordnaw lill-kumpanija biex:

(i) 

twaqqaf il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva billi titwettaq azzjoni jew titwaqqaf imġiba;

(ii) 

tibqa’ lura minn kwalunkwe ripetizzjoni tal-imġiba rilevanti; u

(iii) 

meta xieraq, tipprovdi rimedju proporzjonat għall-ksur u dak meħtieġ biex dan il-ksur jintemm;

(b) 

jimponu penali f’konformità mal-Artikolu 27; u

(c) 

jadottaw miżuri interim fil-każ ta’ riskju imminenti ta’ ħsara severa u irreparabbli.

6.  

L-awtoritajiet superviżorji għandhom jeżerċitaw is-setgħat imsemmija f’dan l-Artikolu f’konformità mad-dritt nazzjonali:

(a) 

direttament;

(b) 

f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra; jew

(c) 

bl-applikazzjoni għall-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, li għandhom jiżguraw li r-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għall-penali imposti direttament mill-awtoritajiet superviżorji.

7.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna fiżika jew ġuridika jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti minn awtorità superviżorja dwarhom, f’konformità mad-dritt nazzjonali.
8.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jżommu rekords tal-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, u jindikaw, b’mod partikolari, in-natura u r-riżultat tagħhom, kif ukoll rekords ta’ kwalunkwe azzjoni ta’ infurzar meħuda skont il-paragrafu 5.
9.  
Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji rigward il-konformità ta’ kumpanija mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ċivili tal-kumpanija skont l-Artikolu 29.

Artikolu 26

Tħassib sostanzjat

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jkunu intitolati li jippreżentaw tħassib sostanzjat, permezz ta’ kanali aċċessibbli faċilment, lil kwalunkwe awtorità superviżorja meta jkollhom raġunijiet biex jemmnu, abbażi ta’ ċirkostanzi oġġettivi, li kumpanija qed tonqos milli tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva.
2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-persuni li jippreżentaw tħassib sostanzjat jitolbu hekk, l-awtorità superviżorja tieħu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni xierqa tal-identità ta’ dik il-persuna u l-informazzjoni personali tagħha, li, jekk tiġi divulgata, tkun ta’ ħsara għal dik il-persuna.
3.  
Meta tħassib sostanzjat jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ awtorità superviżorja oħra, l-awtorità li tirċievi t-tħassib sostanzjat għandha tibagħtu lil dik l-awtorità.
4.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jivvalutaw it-tħassib sostanzjat f’perjodu ta’ żmien xieraq u, meta jkun xieraq, jeżerċitaw is-setgħat tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 25.
5.  
L-awtorità superviżorja għandha, mill-aktar fis possibbli u f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, tinforma lill-persuni msemmija fil-paragrafu 1 bir-riżultat tal-valutazzjoni tat-tħassib sostanzjat tagħhom u għandha tipprovdi r-raġunament għal dak ir-riżultat. L-awtorità superviżorja għandha tinforma wkoll lill-persuni li jippreżentaw tali tħassib sostanzjat li għandhom, f’konformità mad-dritt nazzjonali, interess leġittimu fil-kwistjoni, bid-deċiżjoni tagħha li taċċetta jew tirrifjuta kwalunkwe talba għal azzjoni, kif ukoll b’deskrizzjoni tal-passi u l-miżuri ulterjuri, u informazzjoni prattika dwar l-aċċess għal proċeduri ta’ rieżami amministrattiv u ġudizzjarju.
6.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jippreżentaw tħassib sostanzjat f’konformità ma’ dan l-Artikolu u li jkollhom, f’konformità mad-dritt nazzjonali, interess leġittimu fil-kwistjoni, ikollhom aċċess għal qorti jew għal korp pubbliku indipendenti u imparzjali ieħor kompetenti biex jirrieżamina l-legalità proċedurali u sostantiva tad-deċiżjonijiet, tal-atti jew tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtorità superviżorja.

Artikolu 27

Penali

1.  
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali, inklużi penali pekunjarji, applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2.  

Fid-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu imposti penali u, jekk tali penali jiġu imposti, fid-determinazzjoni tan-natura u tal-livell xieraq tagħhom, għandu jittieħed kont debitu ta’:

(a) 

in-natura, il-gravità u d-durata tal-ksur, u s-severità tal-impatti li jirriżultaw minn dak il-ksur;

(b) 

kwalunkwe investiment li jkun sar u kwalunkwe appoġġ immirat ipprovdut skont l-Artikoli 10 u 11;

(c) 

kwalunkwe kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra biex jiġu indirizzati l-impatti kkonċernati;

(d) 

meta rilevanti, il-punt sa fejn id-deċiżjonijiet ta’ prijoritizzazzjoni ttieħdu f’konformità mal-Artikolu 9;

(e) 

kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti mill-kumpanija tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva kkonstatat b’deċiżjoni finali;

(f) 

il-punt sa fejn il-kumpanija wettqet kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju fir-rigward tas-suġġett ikkonċernat;

(g) 

il-benefiċċji finanzjarji miksuba jew it-telf evitat mill-kumpanija minħabba l-ksur;

(h) 

kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ ikkonċernat.

3.  

L-Istati Membri għandhom jipprevedu tal-inqas il-penali li ġejjin:

(a) 

penali pekunjarji;

(b) 

jekk kumpanija tonqos milli tikkonforma ma’ deċiżjoni li timponi penali pekunjarja fil-limitu ta’ żmien applikabbli, dikjarazzjoni pubblika li tindika l-kumpanija responsabbli għall-ksur u n-natura tal-ksur.

▼M2

4.  
Il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, għandha toħroġ gwida biex tassisti lill-awtoritajiet superviżorji fid-determinazzjoni tal-livell ta’ penali f’konformità ma’ dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-limitu massimu ta’ penali pekunarji jiġi stabbilit għal 3 % tal-fatturat nett dinji tal-kumpanija fis-sena finanzjarja ta' qabel dik li fiha ttieħdet id-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa jew, fil-każ tal-kumpaniji omm apikali kif msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (b) u (c), u fl-Artikolu 2(2), il-punti (b) u (c), 3 % tal-fatturat nett dinji konsolidat ikkalkolat fil-livell tal-kumpanija omm apikali, fis-sena finanzjarja ta’ qabel dik tad-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa.

▼B

5.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni tal-awtoritajiet superviżorji li tikkonċerna penali relatati mal-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, tiġi ppubblikata, tibqa’ disponibbli għall-pubbliku għal mill-inqas ħames snin u tintbagħat lin-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji stabbilit skont l-Artikolu 28. Id-deċiżjoni ppubblikata ma għandu jkun fiha l-ebda data personali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 28

Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji

1.  
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji, magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet superviżorji. In-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet superviżorji u l-koordinazzjoni u l-allinjament ta’ prattiki regolatorji, investigattivi, ta’ sanzjonar u superviżorji tal-awtoritajiet superviżorji u, kif xieraq, il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejniethom.

Il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-aġenziji tal-Unjoni b’għarfien espert rilevanti fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva biex jissieħbu fin-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji.

2.  
L-Istati Membri għandhom jikkooperaw man-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji sabiex jidentifikaw il-kumpaniji fil-ġuriżdizzjoni tagħhom, b’mod partikolari billi jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiġi vvalutat jekk kumpanija ta’ pajjiż terz tissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema sigura għall-iskambju ta’ informazzjoni rigward il-fatturat nett iġġenerat fl-Unjoni minn kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(2), li ma jkollha fergħa fl-ebda Stat Membru jew li jkollha fergħat li jinsabu fi Stati Membri differenti, li permezz tagħha l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw b’mod regolari l-informazzjoni li jkollhom rigward il-fatturat nett iġġenerat minn tali kumpaniji. Il-Kummissjoni għandha tanalizza dik l-informazzjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u tinnotifika lill-Istat Membru meta l-kumpanija tkun iġġenerat il-biċċa l-kbira tal-fatturat nett tagħha fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja, li l-kumpanija hija kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(2) u li l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru hija kompetenti f’konformità mal-Artikolu 24(3).
3.  
L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni u l-assistenza reċiproka rilevanti fit-twettiq ta’ dmirijiethom u għandhom jistabbilixxu miżuri għall-kooperazzjoni effettiva ma’ xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tinkludi kollaborazzjoni bil-għan li jiġu eżerċitati s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 25, inkluż fir-rigward ta’ spezzjonijiet u talbiet għal informazzjoni.
4.  
L-awtoritajiet superviżorji għandhom jieħdu l-passi xierqa kollha meħtieġa sabiex iwieġbu għal talba għall-assistenza minn awtorità superviżorja oħra mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar wara li jirċievu t-talba. Meta jkun meħtieġ minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ, il-perjodu jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ xahrejn abbażi ta’ ġustifikazzjoni xierqa. Tali passi jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni rilevanti dwar it-twettiq ta’ investigazzjoni.
5.  
It-talbiet għall-assistenza għandu jkun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż l-iskop tat-talba u r-raġunijiet għaliha. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jużaw biss l-informazzjoni li jirċievu permezz ta’ talba għall-assistenza għall-fini li tkun intalbet għalih.
6.  
L-awtorità superviżorja rikjesta għandha tinforma lill-awtorità superviżorja rikjedenti bir-riżultati jew, skont il-każ, bil-progress rigward il-miżuri li jridu jittieħdu biex twieġeb it-talba għall-assistenza.
7.  
L-awtoritajiet superviżorji ma għandhomx jitolbu tariffi lil xulxin għal azzjonijiet u miżuri meħuda b’segwitu ta’ talba għall-assistenza.

Madankollu, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jaqblu dwar regoli sabiex jikkumpensaw lil xulxin għal nefqa speċifika li tirriżulta mill-għoti ta’ assistenza f’każijiet eċċezzjonali.

8.  
L-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 24(3) għandha tinforma lin-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji b’dak il-fatt u bi kwalunkwe talba biex tinbidel l-awtorità superviżorja kompetenti.
9.  
Meta jkun hemm dubji dwar l-attribuzzjoni tal-kompetenza, l-informazzjoni li dik l-attribuzzjoni tkun ibbażata fuqha tiġi kondiviża man-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji, li jista’ jikkoordina l-isforzi biex tinstab soluzzjoni.
10.  

In-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji għandu jippubblika:

(a) 

id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji li jkun fihom penali, kif imsemmi fl-Artikolu 27(5); u

(b) 

lista indikattiva ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal din id-Direttiva.

Artikolu 29

Responsabbiltà ċivili tal-kumpaniji u d-dritt għal kumpens sħiħ

▼M2 —————

▼M2

2.  
Meta kumpanija tinżamm responsabbli skont id-dritt nazzjonali għal dannu kkawżat lil persuna fiżika jew ġuridika minħabba nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni jkollhom dritt għal kumpens sħiħ. Kumpens sħiħ ma għandux iwassal għal kumpens żejjed, sew jekk permezz ta’ danni punittivi, multipli jew ta’ tip ieħor.

▼B

3.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) 

ir-regoli nazzjonali dwar il-bidu, id-durata, is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perjodi ta’ preskrizzjoni ma jfixklux bla bżonn it-tressiq ta’ azzjonijiet għal danni u, fi kwalunkwe każ, ma jkunux iktar restrittivi mir-regoli dwar ir-reġimi nazzjonali ġenerali tar-responsabbiltà ċivili;

il-perjodu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ azzjonijiet għal danni skont din id-Direttiva għandu jkun ta’ mill-inqas ħames snin u, fi kwalunkwe każ, mhux inqas mill-perjodu ta’ preskrizzjoni stabbilit skont ir-reġimi nazzjonali ġenerali tar-responsabbiltà ċivili;

il-perjodi ta’ preskrizzjoni ma għandhomx jibdew jiddekorru qabel ma jkun waqaf il-ksur u r-rikorrent ikun jaf, jew jista’ jkun raġonevolment mistenni li jkun jaf:

(i) 

bl-imġiba u bil-fatt li din tikkostitwixxi ksur;

(ii) 

bil-fatt li l-ksur ikkawża dannu lilhom; u

(iii) 

bl-identità tal-kontraventur;

(b) 

il-kost tal-proċedimenti ma jkunx għali b’mod projbittiv għar-rikorrenti biex ifittxu ġustizzja;

(c) 

li r-rikorrenti jistgħu jfittxu miżuri ta’ inġunzjoni, inkluż permezz ta’ proċeduri sommarji; tali miżuri ta’ inġunzjoni għandhom ikunu fil-forma ta’ miżura definittiva jew proviżorja biex jitwaqqaf il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva billi jwettqu azzjoni jew iwaqqfu mġiba;

▼M2 —————

▼B

(e) 

meta titressaq talba, u rikorrent jippreżenta ġustifikazzjoni motivata li jkun fiha fatti u biżżejjed evidenza raġonevolment disponibbli biex tiġi appoġġata l-plawżibbiltà tat-talba tiegħu għad-danni u jindika li l-kumpanija għandha evidenza addizzjonali fil-kontroll tagħha, il-qrati jkunu jistgħu jordnaw li tali evidenza tiġi divulgata mill-kumpanija f’konformità mal-liġi proċedurali nazzjonali;

il-qrati nazzjonali għandhom jillimitaw id-divulgazzjoni tal-evidenza mitluba għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex tiġi appoġġata talba potenzjali jew talba għad-danni u l-preservazzjoni tal-evidenza għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex tiġi appoġġata tali talba għad-danni; meta jiddeterminaw jekk ordni għad-divulgazzjoni jew għall-preservazzjoni ta’ evidenza tkunx proporzjonata, il-qrati nazzjonali għandhom jikkunsidraw il-punt sa fejn it-talba jew id-difiża tkun appoġġata mill-fatti u l-evidenza disponibbli li jiġġustifikaw it-talba għad-divulgazzjoni tal-evidenza; l-ambitu u l-kost tad-divulgazzjoni kif ukoll l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha, inkluża kwalunkwe parti terza kkonċernata, inkluż biex jiġi evitat tiftix mhux speċifiku għal informazzjoni li x’aktarx ma tkunx ta’ rilevanza għall-partijiet fil-proċedura; jekk l-evidenza li qed tintalab id-divulgazzjoni tagħha fihiex informazzjoni kunfidenzjali, speċjalment li tikkonċerna xi parti terza, u x’arranġamenti hemm fis-seħħ għall-protezzjoni ta’ tali informazzjoni kunfidenzjali;

l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li jordnaw id-divulgazzjoni ta’ evidenza li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali meta jikkunsidrawha rilevanti għall-azzjoni għad-danni; l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jordnaw id-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni, il-qrati nazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom miżuri effettivi għall-protezzjoni ta’ tali informazzjoni.

▼M2

4.  
Il-kumpaniji li pparteċipaw f’inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati, jew li użaw verifika minn parti terza indipendenti jew klawżoli kuntrattwali biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta tagħhom xorta jistgħu madankollu jinżammu responsabbli f’konformità mad-dritt nazzjonali.

▼B

5.  
►M2  Ir-responsabbiltà ċivili ta’ kumpanija għad-danni kif imsemmi f’dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ċivili tas-sussidjarji tagħha jew ta’ kwalunkwe sieħeb kummerċjali dirett u indirett fil-katina ta’ attivitajiet tal-kumpanija. ◄

Meta d-dannu jkun ġie kkawżat b’mod konġunt mill-kumpanija u s-sussidjarja, jew is-sieħeb kummerċjali dirett jew indirett tagħha, huma għandhom ikunu responsabbli in solidum, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-kondizzjonijiet tar-responsabbiltà in solidum u d-drittijiet ta’ rikors.

6.  
Ir-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili skont din id-Direttiva ma għandhomx jillimitaw ir-responsabbiltà tal-kumpaniji skont is-sistema legali tal-Unjoni jew dik nazzjonali u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem jew tal-impatti ambjentali negattivi li jipprevedu responsabbiltà f’sitwazzjonijiet mhux koperti minn din id-Direttiva jew li jipprevedu responsabbiltà aktar stretta minnha.

▼M2 —————

▼B

Artikolu 30

Rapportar ta’ ksur u protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-Direttiva (UE) 2019/1937 tapplika għar-rapportar ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u għall-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw tali ksur.

Artikolu 31

Appoġġ pubbliku, akkwist pubbliku u konċessjonijiet pubbliċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jew l-implimentazzjoni volontarja tagħhom, tikkwalifika bħala aspett ambjentali jew soċjali li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu, f’konformità mad-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE, iqisu bħala parti mill-kriterji għall-aġġudikazzjoni għal kuntratti pubbliċi u ta’ konċessjoni, u bħala kundizzjoni ambjentali jew soċjali li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu, f’konformità ma’ dawk id-Direttivi, jistabbilixxu fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kuntratti pubbliċi u ta’ konċessjoni.

Artikolu 32

Emenda tad-Direttiva (UE) 2019/1937

Fid-Direttiva (UE) 2019/1937, il-punt E.2 tal-Parti I tal-Anness, jiżdied il-punt li ġej:

“(vii) 

id-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2024 dwar id- ►C1  diliġenza dovuta korporattiva dwar is-sostenibbiltà ◄ u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859 (ĠU L, 2024/1760, 5.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1760/oj).”.

Artikolu 33

Emenda tar-Regolament (UE) 2023/2859

Fir-Regolament (UE) 2023/2859, il-parti B tal-Anness, jiżdied il-punt li ġej:

“17. id-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2024 dwar id- ►C1  diliġenza dovuta korporattiva dwar is-sostenibbiltà ◄ u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859 (ĠU L, 2024/1760, 5.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1760/oj).”.

Artikolu 34

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 16 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mill-25 ta’ Lulju 2024.
3.  
Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 16 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(2) jew l-Artikolu 16 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 35

Proċedura ta’ kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 18 ).
2.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 36

Rieżami u rapportar

▼M2 —————

▼B

2.  

►M2  Sas-26 ta’ Lulju 2031, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-effettività u l-effiċjenza tagħha fl-ilħuq tal-objettivi tagħha, b’mod partikolari fl-indirizzar tal-impatti negattivi. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva. L-ewwel rapport għandu, fost l-oħrajn, jivvaluta l-kwistjonijiet li ġejjin: ◄

(a) 

l-impatti ta’ din id-Direttiva fuq l-SMEs, flimkien ma’ valutazzjoni tal-effettività tal-miżuri u l-għodod differenti għall-appoġġ ipprovduti lill-SMEs mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri;

(b) 

il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-kumpaniji koperti, jekk din tiżgurax l-effettività ta’ din id-Direttiva fid-dawl tal-objettivi tagħha, kundizzjonijiet ekwi bejn l-entitajiet koperti u li l-kumpaniji ma jistgħux jevitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż:

— 
jekk l-Artikolu 3(1), il-punt (a), jeħtieġx jiġi rivedut sabiex l-entitajiet kostitwiti bħala forom legali differenti minn dawk elenkati fl-Anness I jew l-Anness II tad-Direttiva 2013/34/UE ikunu koperti minn din id-Direttiva;
— 
jekk il-mudelli tan-negozju jew il-forom ta’ kooperazzjoni ekonomika ma’ kumpaniji terzi għajr dawk koperti mill-Artikolu 2 jeħtieġx jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva;

▼M2

— 
jekk il-livelli limitu rigward il-fatturat rilevanti u, għal kumpaniji li huma ffurmati f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, l-għadd ta’ impjegati stipulat fl-Artikolu 2 jeħtieġx li jiġi rivedut u jekk jeħtieġx jiġi introdott approċċ speċifiku għas-settur f’setturi b’riskju għoli, u, b’mod partikolari, jekk il-kumpaniji b’fatturat rilevanti ta’ aktar minn EUR 450 000 000 u, għall-kumpaniji li huma ffurmati f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, aktar minn medja ta’ 1 000 impjegat matul is-sena finanzjarja u, barra minn hekk, il-kumpaniji li joperaw f’setturi b’impatt għoli għandhomx ikunu koperti b’din id-Direttiva

▼B

— 
jekk il-kriterju tal-fatturat nett iġġenerat fl-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2(2) jeħtieġx jiġi rivedut;
(c) 

jekk id-definizzjoni tat-terminu “katina ta’ attivitajiet” jeħtieġx tiġi riveduta;

(d) 

jekk l-Anness ta’ din id-Direttiva jeħtieġx jiġi modifikat, inkluż fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali, u jekk jenħtieġx li jiġi estiż biex ikopri impatti negattivi addizzjonali, b’mod partikolari impatti negattivi fuq il-governanza tajba;

▼M2 —————

▼M2

(f) 

l-effettività tal-mekkaniżmi ta’ infurzar stabbiliti fil-livell nazzjonali, inklużi l-effetti protettivi tagħhom fuq id-detenturi tad-drittijiet;

▼B

(g) 

jekk humiex meħtieġa bidliet fil-livell ta’ armonizzazzjoni previsti f’din id-Direttiva biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji fis-suq intern, inkluż il-konverġenza u d-diverġenza bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

Artikolu 37

Traspożizzjoni

▼M2

1.  
L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sas-26 ta’ Lulju 2028, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mis-26 ta’ Lulju 2029 bl-eċċezzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 16, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2030 jew wara dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppublikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza.

▼B

2.  
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tad-dritt nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 38

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 39

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS

Parti I

1.    DRITTIJIET U PROJBIZZJONIJIET INKLUŻI FI STRUMENTI INTERNAZZJONALI DWAR ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM

1. Id-dritt għall-ħajja, interpretat skont l-Artikolu 6(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi. L-abbuż ta’ dak id-dritt jinkludi, iżda mhuwiex ristrett għal, gwardji tas-sigurtà privati jew pubbliċi li jipproteġu r-riżorsi, il-faċilitajiet jew il-persunal tal-kumpanija li jikkawżaw il-mewt ta’ persuna minħabba nuqqas ta’ struzzjoni jew kontroll mill-kumpanija;

2. Il-projbizzjoni tat-tortura, it-trattament krudili, inuman jew degradanti, interpretata skont l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi. Din tinkludi, iżda mhijiex ristretta għal, gwardji tas-sigurtà privati jew pubbliċi li jipproteġu r-riżorsi, il-faċilitajiet jew il-persunal tal-kumpanija li jissoġġettaw persuna għal tortura jew trattament krudili, inuman jew degradanti minħabba nuqqas ta’ struzzjoni jew kontroll mill-kumpanija;

3. Id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, interpretat skont l-Artikolu 9(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

4. Il-projbizzjoni ta’ interferenza arbitrarja jew illegali fil-privatezza, il-familja, id-dar jew il-korrispondenza ta’ persuna u attakki illegali fuq l-unur jew ir-reputazzjoni tagħha, interpretat skont l-Artikolu 17 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

5. Il-projbizzjoni ta’ interferenza mal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, interpretata skont l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

6. Id-dritt li jgawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli, inkluż paga ġusta u paga adegwata li tiggarantixxi l-għajxien għall-ħaddiema impjegati u introjtu adegwat għall-għajxien għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u għal sidien żgħar, li jaqilgħu lura mix-xogħol u l-produzzjoni tagħhom, għajxien deċenti, kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u tajbin għas-saħħa u limitazzjoni raġonevoli tas-sigħat tax-xogħol, interpretat skont l-Artikoli 7 u 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

7. Il-projbizzjoni li jiġi ristrett l-aċċess tal-ħaddiema għal akkomodazzjoni adegwata, jekk il-ħaddiema jkunu joqogħdu f’akkomodazzjoni pprovduta mill-kumpanija, u li jiġi ristrett l-aċċess tal-ħaddiema għal ikel, ħwejjeġ u ilma u sanitazzjoni adegwati fuq il-post tax-xogħol, interpretata skont l-Artikolu 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

8. Id-dritt tat-tfal għall-ogħla standard ta’ saħħa li jista’ jintlaħaq interpretat skont l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; id-dritt għall-edukazzjoni interpretat skont l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; id-dritt għal standard ta’ għajxien adegwat, interpretat skont l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; id-dritt tat-tfal li jkunu protetti mill-isfruttament ekonomiku u milli jwettqu kwalunkwe xogħol li x’aktarx ikun perikoluż jew li jinterferixxi mal-edukazzjoni tat-tfal, jew li jkun ta’ ħsara għas-saħħa jew għall-iżvilupp fiżiku, mentali, spiritwali, morali jew soċjali tat-tfal, interpretat skont l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; id-dritt tat-tfal li jkunu protetti minn kull forma ta’ sfruttament sesswali u abbuż sesswali u li jkunu protetti milli jiġu maħtufa, mibjugħa jew spostati illegalment lejn post differenti fil-pajjiż tagħhom jew barra mill-pajjiż għall-fini ta’ sfruttament, interpretat skont l-Artikoli 34 u 35 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

9. Il-projbizzjoni tal-impjegar ta’ tfal taħt l-età tat-tmiem tal-iskola obbligatorja u, fi kwalunkwe każ, ta’ taħt il-15-il sena, ħlief meta l-liġi tal-post tal-impjieg tipprevedi hekk skont l-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-Età Minima, 1973 (Nru 138), interpretata skont l-Artikoli 4 sa 8 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-Età Minima, 1973 (Nru 138);

10. Il-projbizzjoni tal-agħar forom ta’ tħaddim tat-tfal (persuni taħt it-18-il sena), interpretata skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-Agħar Forom ta’ Xogħol tat-Tfal, 1999 (Nru 182). Dan jinkludi:

(a) 

il-forom kollha ta’ skjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, bħall-bejgħ u t-traffikar tat-tfal, il-jasar tad-dejn u s-servitù, kif ukoll ix-xogħol furzat jew obbligatorju, inkluż ir-reklutaġġ furzat jew obbligatorju tat-tfal għall-użu f’kunflitti armati;

(b) 

l-użu, l-akkwist jew l-offerta ta’ tfal għall-prostituzzjoni, għall-produzzjoni ta’ pornografija jew għal spettakli pornografiċi;

(c) 

l-użu, l-akkwist jew l-offerta ta’ tfal għal attivitajiet illeċiti, b’mod partikolari għall-produzzjoni jew it-traffikar ta’ drogi;

(d) 

xogħol li, min-natura tiegħu jew miċ-ċirkostanzi li jitwettaq fihom, x’aktarx li jagħmel ħsara lis-saħħa, lis-sikurezza jew lill-morali tat-tfal;

11. Il-projbizzjoni ta’ xogħol furzat jew obbligatorju, jiġifieri x-xogħol jew is-servizz kollu li kwalunkwe persuna tiġi mġiegħla tagħmel taħt theddida ta’ kwalunkwe penali u li għalih il-persuna msemmija ma tkunx offriet lilha nnifisha b’mod volontarju, pereżempju bħala riżultat tal-jasar tad-dejn jew tat-traffikar ta’ bnedmin, interpretata skont l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29). Xogħol furzat jew obbligatorju ma għandux ifisser kwalunkwe xogħol jew servizz li jikkonforma mal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29) jew mal-Artikolu 8(3), il-punti (b) u (c) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

12. Il-projbizzjoni ta’ kull forma ta’ skjavitù u ta’ kummerċ tal-iskjavi, inkluż prattiki simili għall-iskjavitù, servitù jew forom oħra ta’ dominazzjoni jew oppressjoni fuq il-post tax-xogħol, bħal sfruttament u umiljazzjoni ekonomiċi jew sesswali estremi, jew traffikar ta’ bnedmin, interpretata skont l-Artikolu 8 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

13. Id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta’ għaqda, id-drittijiet ta’ organizzazzjoni u tan-negozjar kollettiv, interpretat skont l-Artikoli 21 u 22 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, l-Artikolu 8 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, 1948 (Nru 87), u l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, 1949 (Nru 98). Dawk id-drittijiet jinkludu dawn li ġejjin:

(a) 

il-ħaddiema huma liberi li jiffurmaw trade unions jew li jingħaqdu magħhom;

(b) 

il-formazzjoni ta’ trade union u li wieħed jingħaqad jew jissieħeb ma’ trade union ma għandhomx jintużaw bħala raġuni għal diskriminazzjoni jew ritaljazzjoni inġustifikata;

(c) 

it-trade unions huma liberi li joperaw skont il-kostituzzjonijiet u r-regoli tagħhom, mingħajr indħil mill-awtoritajiet; u

(d) 

id-dritt tal-istrajkjar u d-dritt ta’ negozjar kollettiv;

14. Il-projbizzjoni ta’ trattament inugwali fl-impjieg, sakemm dan ma jkunx ġustifikat mir-rekwiżiti tal-impjieg, interpretata skont l-Artikoli 2 u 3 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ir-Rimunerazzjoni Indaqs, 1951 (Nru 100), l-Artikoli 1 u 2 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol), 1958 (Nru 111), u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali. B’mod partikolari, dan jinkludi:

(a) 

il-ħlas ta’ rimunerazzjoni inugwali għal xogħol ta’ valur ugwali;

(b) 

id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ estrazzjoni nazzjonali jew oriġini soċjali, razza, kulur, sess, reliġjon, opinjoni politika;

15. Il-projbizzjoni mill-ikkawżar ta’ kwalunkwe degradazzjoni ambjentali li tista’ titkejjel, bħal tibdil dannuż tal-ħamrija, tniġġis tal-ilma jew tal-arja, emissjonijiet dannużi, konsum eċċessiv tal-ilma, degradazzjoni tal-art, jew impatt ieħor fuq ir-riżorsi naturali, bħad-deforestazzjoni, li:

(a) 

tfixkel b’mod sostanzjali l-bażijiet naturali għall-preservazzjoni u l-produzzjoni tal-ikel;

(b) 

iċċaħħad lil persuna milli jkollha aċċess għal ilma tax-xorb sikur u nadif;

(c) 

tagħmilha diffiċli għal persuna biex taċċessa faċilitajiet sanitarji jew jeqridhom;

(d) 

tagħmel ħsara lis-saħħa, lis-sikurezza, lill-użu normali tal-art jew lill-beni akkwistati legalment ta’ persuna;

(e) 

taffettwa b’mod negattiv b’mod sostanzjali s-servizzi tal-ekosistema li permezz tagħhom ekosistema tikkontribwixxi direttament jew indirettament għall-benesseri tal-bniedem;

interpretata skont l-Artikolu 6(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikoli 11 u 12 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

16. Id-dritt ta’ individwi, gruppi u komunitajiet għal artijiet u riżorsi u d-dritt li ma jiġux imċaħħda minn mezzi ta’ sussistenza, li jinvolvi l-projbizzjoni ta’ evakwazzjoni jew teħid ta’ art, foresti u ilmijiet b’mod illegali meta jiġu akkwistati, żviluppati jew inkella jintużaw art, foresti u ilmijiet, inkluż permezz tad-deforestazzjoni, li l-użu tagħhom jiżgura l-għajxien ta’ persuna interpretata skont l-Artikoli 1 u 27 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikoli 1, 2 u 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali.

2.    STRUMENTI DWAR ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM U L-LIBERTAJIET FUNDAMENTALI

— 
Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;
— 
Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;
— 
Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
— 
Il-konvenzjonijiet ewlenin/fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol:
— 
Il-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, 1948 (Nru 87);
— 
Il-Konvenzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, 1949 (Nru 98);
— 
Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29) u l-Protokoll tal-2014 tagħha;
— 
Il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, 1957 (Nru 105);
— 
Il-Konvenzjoni dwar l-Età Minima, 1973 (Nru 138);
— 
Il-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal, 1999 (Nru 182);
— 
Il-Konvenzjoni dwar ir-Rimunerazzjoni Indaqs, 1951 (Nru 100);
— 
Il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol), 1958 (Nru 111).

Parti II

PROJBIZZJONIJIET U OBBLIGI INKLUŻI FI STRUMENTI AMBJENTALI

1. L-obbligu li jiġu evitati jew minimizzati l-impatti negattivi fuq id-diversità bijoloġika, interpretat skont l-Artikolu 10, il-punt (b), tal-Konvenzjoni tal-1992 dwar id-Diversità Bijoloġika u l-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti, inkluż l-obbligi tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar l-iżvilupp, it-trattament, it-trasport, l-użu, it-trasferiment u r-rilaxx ta’ organiżmi modifikati ħajjin u tal-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tat-12 ta’ Ottubru 2014.

2. Il-projbizzjoni tal-importazzjoni, l-esportazzjoni, ir-riesportazzjoni jew l-introduzzjoni bil-baħar ta’ kwalunkwe eżemplar inkluż fl-Appendiċi I sa III tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) tat-3 ta’ Marzu 1973 mingħajr permess, interpretata skont l-Artikoli III, IV u V tal-Konvenzjoni;

3. Il-projbizzjoni tal-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju elenkati fl-Anness A, il-Parti I, tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, tal-10 ta’ Ottubru 2013 (il-Konvenzjoni ta’ Minamata), interpretata skont l-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni;

4. Il-projbizzjoni tal-użu tal-merkurju jew tal-komposti tal-merkurju fil-proċessi tal-manifattura elenkati fl-Anness B, il-Parti I, tal-Konvenzjoni ta’ Minamata wara d-data tal-eliminazzjoni gradwali speċifikata fil-Konvenzjoni għall-proċessi individwali, interpretata skont l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni;

5. Il-projbizzjoni tat-trattament illegali tal-iskart tal-merkurju, interpretata skont l-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni ta’ Minamata u l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 19 );

6. Il-projbizzjoni tal-produzzjoni u l-użu ta’ sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (il-Konvenzjoni dwar il-POPs), tat-22 ta’ Mejju 2001, interpretata skont l-Artikolu 3(1), il-punt (a), il-punt (i), tal-Konvenzjoni u r-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 20 );

7. Il-projbizzjoni tat-trattament, il-ġbir, il-ħżin u r-rimi illegali tal-iskart, interpretata skont l-Artikolu 6(1), il-punt (d), il-punti (i) u (ii), tal-Konvenzjoni dwar il-POPs u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/1021;

8. Il-projbizzjoni tal-importazzjoni jew l-esportazzjonita’ sustanza kimika elenkata fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (UNEP/FAO), tal-10 ta’ Settembru 1998, interpretata skont l-Artikolu 10(1), l-Artikolu 11(1), il-punt (b), u l-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni u indikazzjoni mill-Parti importatriċi jew esportatriċi fil-Konvenzjoni skont il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-quddiem (PIC);

9. Il-projbizzjoni tal-produzzjoni, il-konsum, l-importazzjoni u l-esportazzjoni illegali tas-sustanzi kontrollati elenkati fl-Annessi A, B, C u E tal-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna għall-Ħarsien tas-Saff tal-Ożonu, interpretata skont l-Artikolu 4B tal-Protokoll ta’ Montreal u d-dispożizzjonijiet dwar il-liċenzjar skont il-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti;

10. Il-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta’ skart perikoluż jew skart ieħor, interpretata skont l-Artikolu 1(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment barra l-konfini ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi tiegħu, tat-22 ta’ Marzu 1989, (il-Konvenzjoni ta’ Basel) u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 21 ):

(a) 

lil parti għall-Konvenzjoni li pprojbiet l-importazzjoni ta’ tali skart perikoluż u skart ieħor, interpretata skont l-Artikolu 4(1), il-punt (b), tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

(b) 

lil stat ta’ importazzjoni li ma jagħtix il-kunsens bil-miktub għall-importazzjoni speċifika, f’każ li dak l-istat ta’ importazzjoni ma jkunx ipprojbixxa l-importazzjoni ta’ tali skart perikoluż, interpretata skont l-Artikolu 4(1), il-punt (c), tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

(c) 

lil non-parti għall-Konvenzjoni ta’ Basel, interpretata skont l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

(d) 

lil stat ta’ importazzjoni jekk tali skart perikoluż jew skart ieħor ma jiġix ġestit b’mod ambjentalment korrett f’dak l-istat jew xi mkien ieħor, interpretata skont l-Artikolu 4(8), l-ewwel sentenza, tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

11. Il-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta’ skart perikoluż mill-pajjiżi elenkati fl-Anness VII tal-Konvenzjoni ta’ Basel lejn pajjiżi mhux elenkati fl-Anness VII għall-operazzjonijiet elenkati fl-Anness IV tal-Konvenzjoni ta’ Basel, interpretata skont l-Artikolu 4 A tal-Konvenzjoni ta’ Basel u l-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006;

12. Il-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ skart perikoluż u skart ieħor mingħand non-Parti li ma rratifikatx il-Konvenzjoni ta’ Basel, interpretata skont l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

13. L-obbligu li jiġu evitati jew minimizzati l-impatti negattivi fuq il-proprjetajiet delineati bħala wirt naturali kif definit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali tas-16 ta’ Novembru 1972 (il-Konvenzjoni dwar il-Patrimonju Dinji), interpretat skont l-Artikolu 5, il-punt (d), tal-Konvenzjoni dwar il-Patrimonju Dinji u l-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti;

14. L-obbligu li jiġu evitati jew minimizzati l-impatti negattivi fuq l-artijiet mistagħdra kif definit fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Artijiet Mistagħdra ta’ Importanza Internazzjonali speċjalment bħala l-Ħabitat għall-Għasafar tal-Ilma tat-2 ta’ Frar 1971 (il-Konvenzjoni ta’ Ramsar), interpretat skont l-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ramsar u l-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti;

15. L-obbligu li jiġi prevenut it-tniġġis mill-vapuri, interpretat skont il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri tat-2 ta’ Novembru 1973, kif emendata mill-Protokoll tal-1978 (MARPOL 73/78). Dan jinkludi:

(a) 

il-projbizzjoni tal-iskariku fil-baħar ta’:

(i) 

żejt jew taħlitiet ta’ żejt kif definiti fir-Regolament 1 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 9 sa 11 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78;

(ii) 

sustanzi likwidi noċivi kif definiti fir-Regolament 1(6) tal-Anness II tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 5 u 6 tal-Anness II tal-MARPOL 73/78; u

(iii) 

dranaġġ kif definit fir-Regolament 1(3) tal-Anness IV tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 8 u 9 tal-Anness IV tal-MARPOL 73/78;

(b) 

il-projbizzjoni ta’ tniġġis illegali minn sustanzi perikolużi trasportati bil-baħar f’forma ppakkjata kif definiti fir-Regolament 1 tal-Anness III tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 1 sa 7 tal-Anness III tal-MARPOL 73/78; u

(c) 

il-projbizzjoni ta’ tniġġis illegali minn żibel minn bastimenti kif definit fir-Regolament 1 tal-Anness V tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 3 sa 6 tal-Anness V tal-MARPOL 73/78;

16. L-obbligu tal-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġis tal-ambjent tal-baħar permezz tar-rimi, interpretat skont l-Artikolu 210 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (UNCLOS) u l-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti.



( ) Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1);

( ) Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

►C1  ( ) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1). ◄

( ) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

( ) Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).

( ) Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).

( ) Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98).

( ) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

( ) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

( ) Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

( ) Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).

( ) Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

( ) Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

( ) Ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1).

( ) Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40).

( ) Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

( ) Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

( ) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

( ) Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1).

( ) Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45).

( ) Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).