02022R1032 — MT — 30.06.2022 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2022/1032 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ Ġunju 2022

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 173 30.6.2022, p. 17)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 245, 22.9.2022, p.  70 (2022/1032)




▼B

REGOLAMENT (UE) 2022/1032 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ Ġunju 2022

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2017/1938

Ir-Regolament (UE) 2017/1938 huwa emendat kif ġej:

(1) 

fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"(27)  
"trajettorja għall-mili" tfisser serje ta' miri intermedji għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art ta' kull Stat Membru, kif elenkati fl-Anness Ia għall-2022 u, għas-snin ta' wara, stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 6a;
(28)  
"mira tal-mili" tfisser mira vinkolanti għal-livell tal-mili tal-kapaċità aggregata tal-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass taħt l-art;
(29)  

"ħżin strateġiku" tfisser ħżin taħt l-art jew parti minn ħżin taħt l-art ta’ gass naturali mhux likwifikat li jinxtara, jiġi mmaniġġat u maħżun minn operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni, entità nnominata mill-Istati Membri jew impriża, u li jista’ jiġi rilaxxat biss wara notifika minn qabel jew awtorizzazzjoni ta' awtorità pubblika għar-rilaxx, u li jkun ġeneralment rilaxxat f'każ ta':

(a) 

skarsezza kbira fil-provvista;

(b) 

interruzzjoni fil-provvista; jew,

(c) 

id-dikjarazzjoni ta’ emerġenza kif imsemmi fl-Artikolu 11(1), il-punt (c);

(30)  

"stokk ta' bilanċ" tfisser gass naturali mhux likwifikat li jkun:

(a) 

inxtara, ġie mmaniġġat u maħżun taħt l-art minn operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni jew minn entità nnominata mill-Istat Membru, għall-finijiet biss ta’ twettiq tal-funzjonijiet ta' operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni u tas-sigurtà tal-provvista tal-gass; u

(b) 

fornut biss meta jkun meħtieġ sabiex iżomm is-sistema taħdem taħt kundizzjonijiet siguri u affidabbli f'konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/73/KE u mal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament (UE) Nru 312/2014;

(31)  
"faċilità ta' ħżin ta' gass taħt l-art" tfisser faċilità ta' ħżin kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (9), tad-Direttiva 2009/73/KE, li tintuża bħala stokk ta' gass naturali, inkluż stokk ta' bilanċ, u li tkun konnessa ma' sistema ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni, li teskludi ħżin sferiku jew linepack 'il fuq mill-art.".
(2) 

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

"Artikolu 6a

Miri tal-mili u trajettorji għall-mili

(1)  

Soġġett għall-paragrafi 2 sa 5, l-Istati Membri għandhom jilħqu l-mira tal-mili li ġejjin għall-kapaċità aggregata tal-faċilitajiet kollha tal-ħżin tal-gass taħt l-art li jinsabu fit-territorju tagħhom u li huma interkonnessi direttament ma' żona tas-suq fit-territorju tagħhom u għall-faċilitajiet ta’ ħżin elenkati fl-Anness 1b sal-1 ta' Novembru ta' kull sena:

(a) 

għall-2022: 80%

(b) 

mill 2023: 90%

Għall-finijiet ta’ konformità ma’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom iqisu l-objettiv li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass fl-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 1.

(2)  
Minkejja l-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' Stati Membri oħra li jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art ikkonċernati, il-mira tal-mili għal kull Stat Membru li fih ikunu jinsabu l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għandha titnaqqas għal volum li jikkorrispondi għal 35 % tal-konsum annwali medju tal-gass matul il- ħames snin preċedenti għal dak l-Istat Membru.
(3)  
Minkejja l-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' Stati Membri oħra li jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art ikkonċernati, il-mira tal-mili għal kull Stat Membru li fih ikunu jinsabu l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għandha titnaqqas bil-volum li kien fornut lil pajjiżi terzi ta' matul il-perjodu ta' referenza 2016 sa 2021 jekk il-volum medju fornut kien aktar minn 15 TWh fis-sena matul il-perjodu tal-irtirar mill-ħażna tal-gass (Ottubru - April).
(4)  
Għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art elenkati fl-Anness Ib, għandhom japplikaw il-miri tal-mili skont il-paragrafu i u t-trajettorji għall-mili skont il-paragrafu 7. Id-dettalji tal-obbligi ta’ kull Stat Membru ser jiġu ddeterminati fi ftehim bilaterali f’konformità mal-Anness Ib.
(5)  

Stat Membru jista’ jilħaq parzjalment il-mira tal-mili billi jgħodd l-LNG maħżun fiżikament u li jkun disponibbli fil-faċilitajiet tal-LNG tiegħu jekk jiġu ssodisfati ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

is-sistema tal-gass tinkludi kapaċità sinifikanti ta' ħżin tal-LNG, li kull sena tammonta għal aktar minn 4 % tal-konsum nazzjonali medju matul il- ħames snin preċedenti;

(b) 

l-Istat Membru jkun impona obbligu fuq il-fornituri tal-gass biex jaħżnu volumi minimi ta' gass f'faċilitajiet ta' ħżin tal-gass taħt l-art u/jew f’faċilitajiet LNG f’konformità mal-Artikolu 6b(1), il-punt (a).

(6)  

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jilħqu –l-miri intermedji jew jiżguraw li huma jintlaħqu kif ġej:

(a) 

għall-2022: kif stabbiliti fl-Anness Ia u,

(b) 

mill-2023: f’konformità mal-paragrafu 7.

(7)  
Għall-2023 u għas-snin ta' wara, kull Stat Membru b'faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għandu jibgħat lill-Kummissjoni, sal-15 ta' Settembru tas-sena ta' qabel, abbozz ta' trajettorja għall-mili b'miri intermedji għall-Frar, Mejju, Lulju u Settembru, inkluż informazzjoni teknika, għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fit-territorju tiegħu u li jkunu interkonnessi direttament maż-żona tas-suq tiegħu f'forma aggregata. It-trajettorja għall-mili u l-miri intermedji għandhom ikunu bbażati fuq ir-rata medja tal-mili matul il-ħames snin preċedenti.

Għall-Istati Membri li għalihom l-mira tal-mili titnaqqas għal 35 % tal-konsum annwali medju tagħhom ta’ gass skont il-paragrafu 2, il-miri intermedji tat-trajettorja għall-mili għandhom jitnaqqsu skont dan.

Abbażi tal-informazzjoni teknika pprovduta minn kull Stat Membru u b'kont meħud tal-valutazzjoni tal-GCG, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu t-trajettorja għall-mili għal kull Stat Membru. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 18a (2). Huma għandhom jiġu adottati sal-15 ta' Novembru tas-sena preċedenti, fejn meħtieġ u inkluż meta Stat Membru jkun ippreżenta abbozz ta’ trajettorja aġġornata għall-mili. Huma għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tas-sigurtà ġenerali tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-gass u fuq l-iżvilupp tad-domanda u l-provvista tal-gass fl-Unjoni u fl-Istati Membri individwali, u stabbiliti b'mod li jissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-gass, filwaqt li jiġu evitati piżijiet bla bżonn fuq l-Istati Membri, il-parteċipanti fis-suq tal-gass, l-operaturi tas-sistemi ta' ħżin jew il-klijenti u ma jwasslux għal distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni bejn il-faċilitajiet ta' ħżin li jinsabu fi Stati Membri viċini.

(8)  
Meta, fi kwalunkwe sena partikolari, Stat Membru ma jkunx jista' jilħaq il-mira tiegħu tal-mili sal-1 ta' Novembru minħabba l-karatteristiċi tekniċi speċifiċi ta' faċilità tal-ħżin tal-gass taħt l-art waħda jew aktar fit-territorju tiegħu, bħal rati ta' injezzjoni eċċezzjonalment baxxi huwa għandu jitħalla jilħaqha sal-1 ta' Diċembru. L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni sal-1 ta' Novembru, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għad-dewmien.
(9)  
Il-mira tal-mili ma għandhiex tapplika fejn, u sakemm, il-Kummissjoni tkun iddikjarat emerġenza reġjonali jew tal-Unjoni skont l-Artikolu 12 fuq talba, skont il-każ, ta' Stat Membru wieħed jew aktar li jkunu ddikjaraw emerġenza nazzjonali.
(10)  
L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha timmonitorja kontinwament il-konformità mat-trajettorja għall-mili u għandha tirrapporta regolarment lill-GCG. Jekk il-livell tal-mili ta' Stat Membru partikolari jkun aktar minn ħames punti perċentwali taħt il-livell tat-trajettorja għall-mili, l-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri effettivi mingħajr dewmien biex iżżidu. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill- GCG bil-miżuri li jkunu ttieħdu.
(11)  
F’każ ta’ devjazzjoni sostanzjali u sostnuta minn Stat Membru mit-trajettorja għall-mili, li tikkomprometti l-laqgħa tal-mira tal-mili, jew f’każ ta’ devjazzjoni mill-mira tal-mili, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta l-GCG u l-Istati Membri kkonċernati, toħroġ rakkomandazzjoni lil dak l-Istat Membru jew lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu immedjatament.

Fejn id-devjazzjoni ma titnaqqasx b'mod sinifikanti fi żmien xahar minn meta tkun waslet ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat mal-GCG u mal-Istat Membru konċernat, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni bħala miżura tal-aħħar istanza biex teżiġi li l-Istat Membru kkonċernat jieħu miżuri li effettivament ikunu ta’ rimedju għad-diskrepanza, inkluż fejn xieraq miżura waħda jew aktar minn dawk previsti fl-Artikolu 6b(1), jew kwalunkwe miżura oħra biex jiġi żgurat li l-mira obbligatorja tal-mili skont dan l-Artikolu tintlaħaq.

Meta tiddeċiedi liema miżuri għandha tieħu skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tqis is-sitwazzjoni speċifika tal- Istati Membri kkonċernati, bħad-daqs tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fir-rigward tal-konsum domestiku tal-gass, l-importanza tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għas-sigurtà tal-provvista tal-gass fir-reġjun u kwalunkwe faċilità eżistenti għall-ħżin tal-LNG.

Kwalunkwe miżura meħuda mill-Kummissjoni biex tindirizza devjazzjonijiet mit-trajettorja għall-mili jew mill-mira tal-mili għall- 2022 għandha tqis il-perjodu ta' żmien qasir għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu fil-livell nazzjonali li seta' kkontribwixxa għad-devjazzjoni mit-trajettorja għall-mili jew mill-mira tal-mili għall-2022.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri meħuda skont dan il-paragrafu:

(a) 

ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass,

(b) 

ma jqiegħdux piż sproporzjonat fuq l-Istati Membri, il-parteċipanti fis-suq tal-gass, l-operaturi tas-sistemi tal-ħżin jew il-klijenti.

Artikolu 6b

Implimentazzjoni tal-miri tal-mili

1  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, inkluż jipprevedu inċentivi finanzjarji jew kumpens għall-parteċipanti fis-suq, biex jintlaħqu l-miri tal-mili stabbiliti skont l-Artikolu 6a. Meta jiżguraw li l-miri tal-mili jkunu intlaħqu, l l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità, meta possibbli, lil miżuri bbażati fuq is-suq.

Sa fejn kwalunkwe miżura prevista f'dan l-Artikolu tkun dmir u-setgħa tal-awtorità regolatorja nazzjonali, skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73/KE, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu responsabbli għat-teħid ta' dawk il-miżuri.

B'mod partikolari, il-miżuri meħuda skont dan il-paragrafu jistgħu jinkludu li:

(a) 

il-fornituri tal-gass jiġu rikjesti jaħżnu volumi minimi ta' gass fil-faċilitajiet tal-ħżin, inkluż fil-faċilitajiet tal-ħżin ta’ gass taħt l-art u/jew f’faċilitajiet tal-ħżin tal-LNG, filwaqt li dawk il-volumi għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-ammont ta' gass fornut mill-fornituri tal-gass lil klijenti protetti;

(b) 

l-operaturi tas-sistemi tal-ħżin jiġu rikjesti jiftħu l-kapaċitajiet tagħhom għal offerti minn parteċipanti fis-suq;

(c) 

l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jew entitajiet innominati mill-Istat Membru jiġu rikjesti jixtru u jimmaniġġaw stokk ta' bilanċ esklużivament biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom ta' operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni u, fejn meħtieġ, jimponu obbligu fuq entitajiet innominati oħra għal fini ta' salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-każ ta' xi emerġenza kif imsemmi fl-Artikolu 11(1), il-punt (c);

(d) 

jintużaw strumenti kkoordinati, bħal pjattaformi għax-xiri tal-LNG, ma' Stati Membri oħra biex jimmassimizzaw l-użu tal-LNG u jnaqqsu l-ostakli tal-infrastruttura u dawk regolatorji għall-użu kondiviż tal-LNG biex jimtlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art;

(e) 

jintuża mekkaniżmi volontarji għall-akkwist konġunt tal-gass naturali, li għall-applikazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni tista' toħroġ, jekk ikun meħtieġ, gwida sal-1 ta' Awwissu 2022;

(f) 

jingħataw inċentivi finanzjarji għall-parteċipanti fis-suq, inkluż għall-operaturi ta’ sistema ta’ ħżin, bħal kuntratti għal differenza jew jingħata kumpens lill-parteċipanti fis-suq għat- telf fl-introjtu jew għall-ispejjeż imġarrba minnhom b'riżultat tal-obbligi fuq il-parteċipanti fis-suq, inkluż l-operaturi ta' sistemi ta' ħżin li ma jistgħux jiġu koperti mill-introjtu;

(g) 

id-detenturi tal-kapaċitajiet ta' ħżin jiġu rikjesti jużaw jew jirrilaxxaw kapaċitajiet riżervati li ma ntużawx, filwaqt li d-detentur tal-kapaċità tal-ħżin li ma jużax il-kapaċità tal-ħżin xorta jiġi obbligat iħallas il-prezz maqbul għat-terminu sħiħ tal-kuntratt tal-ħżin;

(h) 

jiġu adottati strumenti effettivi għax-xiri u l-immaniġġar tal-kapaċità tal-ħżin strateġiku minn entitajiet pubbliċi jew privati, dment li tali strumenti ma jfixklux il-kompetizzjoni jew il-funzjonament tajjeb tas-suq intern;

(i) 

tinħatar entità ddedikata li tingħata l-kompitu li tilħaq il-mira tal-mili f'każ li l-mira tal-mili ma tintlaħaqx mod ieħor;

(j) 

jingħataw skontijiet fuq tariffi tal-ħżin;

(k) 

jinġabar l-introjtu meħtieġ biex jiġi rkuprat l-infiq kapitali u operazzjonali relatat mal-faċilitajiet tal-ħżin regolati bħala tariffi tal-ħżin u bħala imposta ddedikata inkorporata fit-tariffi tat-trażmissjoni li jinġabru biss minn punti ta' ħruġ għall-klijenti finali li jinsabu fl-istess Stati Membri dment li l-introjtu miġbur permezz tat-tariffi ma jkunx akbar mill-introjtu permess.

2  
Il-miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri skont il-paragrafu 1 għandu jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu t-trajettorji għall-mili u l-miri tal-mili. Għandhom ikunu definiti b'mod ċar, trasparenti, proporzjonati, nondiskriminatorji u verifikabbli. Ma għandhomx jfixklu bla bżonn il-kompetizzjoni jew il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass jew jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass ta' Stati Membri oħrajn jew tal-Unjoni.
3  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-użu tal-infrastruttura eżistenti fil-livell nazzjonali u reġjonali għall-benefiċċju tas-sigurtà tal-provvista tal-gass b'mod effiċjenti. Dawk il-miżuri ma għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jimblukkaw jew jirrestrinġu l-użu transfruntier tal-faċilitajiet ta' ħżin jew tal-faċilitajiet tal-LNG u ma għandhomx jillimitaw il-kapaċitajiet ta' trażmissjoni transfruntiera f'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 ( *1 ).
4  
Meta jieħdu miżuri skont dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-prinċipju li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiġi l-ewwel filwaqt li xorta jiksbu l-objettivi tal-miżuri rispettivi tagħhom, f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *2 ).

Artikolu 6c

Arranġamenti ta' ħżin u mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-piżijiet

1  
Stati Membru mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għandu jiżgura li l-parteċipanti fis-suq jkollhom fis-seħħ arranġamenti ma' operaturi tas-sistema tal-ħżin taħt l-art jew ma' parteċipanti oħra fis-suq fl-Istati Membri b’faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art. Dawk l-arranġamenti għandhom jipprevedu l-użu, sal-1 ta' Novembru, tal-volumi tal-ħżin li jikkorrispondu għal mill-inqas 15 % tal-konsum annwali medju tal-gass matul il-ħames snin preċedenti tal-Istat Membru mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art. Madanakollu, meta l-kapaċità ta' trażmissjoni transfruntiera jew limitazzjonijiet tekniċi oħra jipprevjenu lil Stat Membru mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art milli juża bis-sħiħ 15 % ta’ dawk il-volumi tal-ħżin, dak l-Istat Membru għandu jaħżen biss dawk il-volumi li huma teknikament possibbli.

F'każ li l-limitazzjonijiet tekniċi jħallux lil Stat Membru jikkonforma mal-obbligu stabbilit fl-ewwel subparagrafu, u dak l-Istat Membru jkollu fis-seħħ obbligu li jaħżen fjuwils oħra biex jissostitwixxi l-gass, l-obbligu stipulat fl-ewwel subparagrafu jista' eċċezzjonalment jiġi ssodisfat b'obbligu ekwivalenti li jinħażnu fjuwils minbarra l-gass. Il-limitazzjonijiet tekniċi u l-ekwivalenza tal-miżura għandhom jintwerew mill-Istat Membru kkonċernat.

2  
B'deroga mill-paragrafu 1, Stat Membru mingħajr faċilitajiet tal-ħżin taħt l-art jista' jiżviluppa mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-piżijiet ma' Stat Membru wieħed jew aktar b'faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art (il-mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-piżijiet).

Il-mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-piżijiet għandu jkun ibbażat fuq id-data rilevanti mill-aħħar valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 7 u għandu jqis il-parametri kollha li ġejjin:

(a) 

il-kost tal-appoġġ finanzjarju biex tintlaħaq il-mira tal-mili bl-esklużjoni tal-ispejjeż biex jintlaħaq kwalunkwe obbligu ta’ ħżin strateġiku;

(b) 

il-volumi ta' gass meħtieġa biex jissodisfaw id-domanda tal-klijenti protetti f'konformità mal-Artikolu 6(1);

(c) 

kwalunkwe limitazzjonijiet teknika, inkluż il-kapaċità ta' ħżin disponibbli taħt l-art, il-kapaċità teknika ta’ trażmissjoni transfruntiera, u r-rati tal-irtirar.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-kondiviżjoni tal-piżijiet lill-Kummissjoni sat-2 ta’ Settembru 2022. Fin-nuqqas ta' ftehim dwar mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-piżijiet sa dik id-data, l-Istati Membri mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art għandhom juru li jikkonformaw mal-paragrafu 1 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan.

(3)  
Bħala miżura tranżitorja, Stati Membri mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art iżda li jkollhom faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art inklużi fl-aħħar lista ta' proġetti ta' interess komuni imsemmija fir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *3 ), jistgħu jikkonformaw parzjalment mal-paragrafu 1 billi jgħoddu l-istokkijiet tal-LNG fl-Unitajiet Galleġġjanti tal-Ħażna eżistenti, sal-mument meta l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art tagħhom ikunu operattivi.
(4)  
L-Istati Membri mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art jistgħu jipprovdu inċentivi jew kumpens finanzjarju lill-parteċipanti fis-suq jew operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, kif rilevanti, għan-nuqqas fid-dħul, jew għall-kostijiet imġarrba minnhom, b'riżultat tal-konformità tagħhom mal-obbligi ta’ ħżin tagħhom skont dan l-Artikolu, fejn tali nuqqas jew tali kost, li ma jistgħux jiġu koperti minn dħul, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligu tagħhom li jaħżnu l-gass fi Stati Membri oħra skont il-paragrafu 1 jew l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet. Jekk l-inċentiv jew il-kumpens finanzjarju ikun iffinanzjat permezz ta' imposta, dik l-imposta ma għandhiex tiġi applikata għall-punti ta' interkonnessjoni transfruntiera.
(5)  

Minkejja l-paragrafu 1, fejn Stat Membru għandu faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art li jkunu jinsabu fit-territorju tiegħu u l-kapaċità aggregata ta’ dawk il-faċilitajiet tkun akbar mill-konsum annwali tal-gass ta’ dak l-Istat Membru, l-Istati Membri mingħajr faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass taħt l-art li jkollhom aċċess għal dawk il-faċilitajiet għandhom:

(a) 

jiżguraw li, sal-1 ta' Novembru, il-volumi tal-ħżin jikkorrispondu mill-inqas għall-użu medju tal-kapaċità ta' ħżin matul il-ħames snin preċedenti, determinati, inter alia, billi jitqiesu l-flussi matul l-istaġun tal-irtirar matul il-ħames snin preċedenti mill-Istati Membri fejn ikunu jinsabu l-faċilitajiet tal-ħżin; jew

(b) 

juru li kapaċità ta' ħżin ekwivalenti għall-volum kopert mill-obbligu taħt il-punt (a) tkun ġiet riżervata.

Jekk l-Istat Membru mingħajr faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art jkun jista' juri li l-kapaċità ta' ħżin ekwivalenti għall-volum kopert mill-obbligu taħt il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ġiet riżervata, għandu japplika l-paragrafu 1.

L-obbligu taħt dan il-paragrafu għandu jkun limitat għal 15 % tal-konsum annwali medju tal-gass matul iil-ħames snin preċedenti fl-Istat Membru kkonċernat.

(6)  
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-Anness Ib, fil-każ ta' faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art li jinsabu fi Stat Membru wieħed li ma jkunux koperti mill-paragrafu 5 iżda li jkunu konnessi direttament maż-żona tas-suq ta' Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jiżgura li, sal-1 ta' Novembru, il-volumi tal-ħżin jikkorrispondu ma’ tal-inqas il-medja tal-kapaċità ta' ħżin riżervata fil-punt transfruntier rilevanti matul il-ħames snin preċedenti.

Artikolu 6d

Monitoraġġ u infurzar

1.  

L-operaturi tas-sistema ta' ħżin għandhom jirrapportaw il-livell ta' mili lill-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru fejn ikunu jinsabu l-faċilitajiet tal-ħżin ta’ gass taħt l-art ikkonċernati u, jekk applikabbli, lil entità nominata minn dak l-Istat Membru (“l-entità nominata”) kif ġej:

(a) 

għall-2022: dwar kull waħda mill-miri intermedji stabbiliti fl-Anness Ia; u

▼C1

(b) 

mill-2023: kif stabbilit skont l-Artikolu 6a(7).

▼B

2.  
L-awtorità kompetenti, u jekk applikabbli, l-entità nominata minn kull Stat Membru għandhom jimmonitorjaw il-livelli tal-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fit-territorju tagħhom fl-aħħar ta' kull xahar u jirrapportaw ir-riżultati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista' tistieden lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) biex tassisti b’tali monitoraġġ.

3.  
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti u, jekk applikabbli, l-entità nominata ta’ kull Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-GCG.
4.  
Il-GCG għandu jassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tat-trajettorji għall-mili u l-miri tal-mili, u għandu jiżviluppa gwida għall-Kummissjoni dwar miżuri adegwati biex tiġi żgurata l-konformità f'każ li l-Istati Membri jiddevjaw mit-trajettorji għall-mili jew ma jilħqux il-miri tal-mili.
5.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jilħqu t-trajettorji għall-mili u l-miri tal-mili u biex jinfurzaw fuq il-parteċipanti fis-suq l-obbligi tal-ħżin li huma meħtieġa biex jilħquhom, inkluż billi jimponu sanzjonijiet u multi deterrenti biżżejjed fuq dawk il-parteċipanti fis-suq.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni dwar il-miżuri tal-infurzar meħuda skont dan il-paragrafu.

6.  
Meta tkun ser tiġi skambjata informazzjoni kummerċjalment sensittiva, il-Kummissjoni tista' ssejjaħ laqgħat tal-GCG li jkunu ristretti għaliha u għall-Istati Membri.
7.  
Kwalunkwe informazzjoni skambjata għandha tkun limitata għal dak li jkun neċessarju għall-fini tal-monitoraġġ tal-konformità ma' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Istati Membri għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva riċevuta għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi tagħhom.

(3) 

l-Artikolu 7, huwa emendat kif ġej:

(a) 

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.  
Sal-1 ta' Settembru 2022, l-ENTSOG għandu jwettaq simulazzjoni mal-Unjoni kollha ta' xenarji ta' interruzzjoni tal-provvista tal-gass u tal-infrastruttura inkluż xenarji ta' interruzzjoni fit-tul ta' sors uniku ta' provvista. Is-simulazzjoni għandha tinkludi l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-kurituri tal-provvista tal-gass ta' emerġenza u għandha wkoll tidentifika liema Stati Membri jistgħu jindirizzaw ir-riskji identifikati, inkluż fir-rigward tal-LNG. Ix-xenarji ta' interruzzjoni tal-provvista tal-gass u tal-infrastruttura u l-metodoloġija tas-simulazzjoni għandhom jiġu definiti mill-ENTSOG f'kooperazzjoni mal-GCG. L-ENTSOG għandu jiżgura livell adatt ta' trasparenza u aċċess għall-preżunzjonijiet tal-mudell tiegħu li jintużaw fix-xenarji tiegħu. Is-simulazzjoni mal-Unjoni kollha tax-xenarji ta' interruzzjoni tal-provvista tal-gass u fl-infrastruttura għandha tiġi ripetuta kull erba' snin sakemm iċ-ċirkostanzi ma jkunux jeħtieġu aġġornamenti aktar frekwenti. ";
(b) 

fil-paragrafu 4, jiżdied il-punt li ġej:

"(g) 

b'kont meħud tax-xenarji ta' interruzzjoni fit-tul ta' sors uniku ta' provvista.";

(4) 

fl-Artikolu 16, jiżdied il-paragrafu li ġej:

"3  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligi ta’ ħżin skont dan ir-Regolament jintlaħqu billi jużaw il-faċilitajiet tal-ħżin fl-Unjoni. Madanakollu, il-kooperazzjoni tal-Istati Membri u tal-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija tista' tinkludi arranġamenti volontarji biex tintuża l-kapaċità ta' ħżin ipprovduta mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija biex jinħażnu volumi addizzjonali ta' gass għall-Istati Membri.";
(5) 

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

"Artikolu 17a

Rapportar mill-Kummissjoni

1.  

Sat-28 ta' Frar 2023, u annwalment minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jkun fihom:

(a) 

ħarsa ġenerali lejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tal-ħżin;

(b) 

ħarsa ġenerali lejn iż-żmien meħtieġ għall-proċedura ta' ċertifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 3a tar-Regolament (KE) Nru 715/2009;,

(c) 

ħarsa ġenerali lejn il-miżuri mitluba mill-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-trajettorji għall-mili u l-miri tal-mili;

(d) 

analiżi tal-effetti potenzjali ta' dan ir-Regolament fuq il-prezzijiet tal-gass u l-iffrankar potenzjali tal-gass fir-rigward tal-Artikolu 6b(4).";

(6) 

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 18a

Proċedura ta' kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *4 ).
2.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”.
(7) 

fl-Artikolu 20, jiżdied il-paragrafu li ġej:

"4  
L-Artikoli 6a sa 6d ma għandhomx japplikaw għall-Irlanda, Ċipru Malta sakemm ma jkunux interkonnessi direttament mas-sistema interkonnessa tal-gass ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor.".
(8) 

fl-Artikolu 22, jiżdied il-paragrafu li ġej:

"L-Artikolu 2, il-punti (27) sa (31), l-Artikoli 6a sa 6d, l-Artikolu 16(3), l-Artikolu 17a, l-Artikolu 18a, l-Artikolu 20(4), u l-Annessi Ia u Ib għandhom japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2025.";

(9) 

It-test li jidher fl-Anness ta' dan ir-Regolament huwa mdaħħal bħala Annessi Ia u Ib.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 715/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 huwa emendat kif ġej:

(1) 

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 3a

Ċertifikazzjoni tal-operaturi tas-sistema tal-ħżin

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull operatur tas-sistema tal-ħżin, inkluż kwalunkwe operatur tas-sistema tal-ħżin ikkontrollat minn operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, ikun iċċertifikat, f'konformità mal-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu, jew mill-awtorità regolatorja nazzjonali, jew minn awtorità kompetenti oħra nominata mill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *5 ), (fi kwalunkwe każ, "awtorità ta' ċertifikazzjoni").

Dan l-Artikolu japplika wkoll għall-operaturi tas-sistema tal-ħżin ikkontrollati minn operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li diġà ġew iċċertifikati skont ir-regoli ta' separazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9, 10 u 11 tad-Direttiva 2009/73/KE.

2.  
L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha toħroġ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni fir-rigward tal-operaturi tas-sistemi tal-ħżin li joperaw faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art b'kapaċità ta' aktar minn 3,5 TWh meta, irrispettivament mill-għadd ta' operaturi tas-sistema tal-ħżin, il-faċilitajiet tal-ħżin totali jkunu mtlew fil-31 ta' Marzu 2021 u fil-31 ta' Marzu 2022 f'livell li, bħala medja, kien inqas minn 30 % tal-kapaċità massima tagħhom sal-1 ta’ Frar 2023 jew fi żmien 150 jum ta' xogħol mid-data tal-wasla ta' notifika skont il-paragrafu 9.

Fir-rigward tal-operaturi tas-sistema tal-ħżin, kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu, l- awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tagħmel l-almu tagħha biex toħroġ abbozz ta' deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni qabel l-1 ta' Novembru 2022.

Fir-rigward tal-operaturi l-oħra kollha tas-sistema tal-ħżin, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni għandha toħroġ abbozz ta' deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni sat-2 ta’ Jannar 2024 jew fi żmien 18-il xahar mid-data tal-wasla ta' notifika skont il-paragrafi 8 jew 9.

3.  

Meta jitqies ir-riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni, l-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tqis kwalunkwe riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-livell nazzjonali, reġjonali jew tal-Unjoni kollha kif ukoll kwalunkwe mitigazzjoni ta' tali riskju, li jirriżulta, fost oħrajn, minn:

(a) 

sjieda, provvista jew relazzjonijiet kummerċjali oħra li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv l-inċentivi u l-ħila tal-operatur tas-sistema tal-ħżin li jimla l-faċilità tal-ħżin tal-gass taħt l-art;

(b) 

id-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni fir-rigward ta' pajjiż terz li jirriżultaw skont id-dritt internazzjonali, inkluż kull ftehim konkluż ma' xi pajjiż terz wieħed jew aktar li l-Unjoni tagħmel parti minnu u li jindirizza l-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

(c) 

id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri kkonċernati fir-rigward ta' pajjiż terz li joħorġu skont ftehimiet konklużi mill-Istati Membri kkonċernati ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, sakemm dawk il-ftehimiet ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni; jew

(d) 

kwalunkwe fatt u ċirkostanza speċifiċi oħra tal-każ.

4.  
Jekk l-awtorità ta' ċertifikazzjoni tikkonkludi li persuna li direttament jew indirettament tikkontrolla, jew teżerċita kwalunkwe dritt fuq, l-operatur tas-sistema tal-ħżin skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73/KE tista' tipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni jew ta' kwalunkwe Stat Membru, l-awtorità regolatorja għandha tirrifjuta ċ-ċertifikazzjoni. Alternattivament, l-awtorità ta' ċertifikazzjoni tista' toħroġ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni soġġetta għal kondizzjonijiet li jiżguraw il-mitigazzjoni suffiċjenti tar-riskji li jistgħu jinfluwenzaw b'mod negattiv il-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art, dment li l-prattikkabbiltà tal-kundizzjonijiet tista' tiġi żgurata bis-sħiħ permezz ta' implimentazzjoni u ta' monitoraġġ effettivi. Tali kondizzjonijiet jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, rekwiżit li s-sid tas-sistema tal-ħżin jew l-operatur tas-sistema tal-ħżin jittrasferixxi l-ġestjoni tas-sistema tal-ħżin.
5.  

Meta l-awtorità ta' ċertifikazzjoni, tikkonkludi li r-riskji tal-provvista tal-gass ma jistgħux jiġu mitigati bil-kondizzjonijiet skont il-paragrafu 4, inkluż permezz tar-rekwiżit li s-sid tas-sistema tal-ħżin jew l-operatur tas-sistema tal-ħżin jittrasferixxi l-ġestjoni tas-sistema tal-ħżin, u għalhekk tirrifjuta ċ-ċertifikazzjoni, hija għandha:

(a) 

tirrikjedi li s-sid tas-sistema tal-ħżin jew l-operatur tas-sistema tal-ħżin jew kwalunkwe persuna li tqis li tista’ tipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni jew ta' kwalunkwe Stat Membru jċedu l-parteċipazzjoni azzjonarja jew id-drittijiet li jkollhom fuq is-sjieda tas-sistema tal-ħżin jew is-sjieda tal-operatur tas-sistema tal-ħżin, u tistabbilixxi limitu ta' żmien għal ċessjoni bħal din;

(b) 

tordna, fejn xieraq, miżuri interim, biex jiżguraw li persuna bħal din ma tkun tista’ teżerċita ebda kontroll jew dritt fuq is-sid tas-sistema tal-ħżin jew l-operatur tas-sistema tal-ħżin sakemm isir iċ-ċessjoni tal-parteċipazzjoni azzjonarja jew tad-drittijiet; u

(c) 

tipprevedi miżuri ta' kumpens xierqa f'konformità mal-liġi nazzjonali.

6.  
L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tinnotifika lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bl-abbozz ta' deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha.

Il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni lill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni fi żmien 25 jum ta' xogħol minn tali notifikazzjoni. L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tqis l-opinjoni tal-Kummissjoni bir-reqqa.

7.  
L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha toħroġ id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni fi żmien 25 jum ta' xogħol mill-wasla tal-opinjoni tal-Kummissjoni.
8.  
Qabel ma tibda titħaddem faċilità tal-ħżin tal-gass taħt l-art mibnija ġdida, l-operatur tas-sistema tal-ħżin għandu jiġi ċċertifikat f'konformità mal-paragrafi 1 sa 7. L-operatur tas-sistema tal-ħżin għandu jinnotifika lill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni bl-intenzjoni tiegħu li jħaddem il-faċilità tal-ħżin.
9.  
L-operaturi tas-sistema tal-ħżin għandhom jinnotifikaw lill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni rilevanti bi kwalunkwe tranżazzjoni ppjanata li tkun teħtieġ valutazzjoni mill-ġdid tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4.
10.  

L-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni għandhom jimmonitorjaw kontinwament l-operaturi tas-sistema tal-ħżin fir-rigward tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4. Huma għandhom jiftħu proċedura ta' ċertifikazzjoni sabiex jivvalutaw mill-ġdid il-konformità fi kwalunkwe waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi:

(a) 

malli jirċievu notifika mill-operatur tas-sistema tal-ħżin skont il-paragrafi 8 u 9;

(b) 

fuq l-inizjattiva tagħhom stess fejn ikollhom għarfien li bidla ppjanata fid-drittijiet jew fl-influwenza fuq operatur tas-sistema tal-ħżin tista' twassal għal nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-paragrafi 1, 2 u 3;

(c) 

fuq talba motivata mill-Kummissjoni.

11.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw it-tħaddim kontinwu tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fit-territorji rispettivi tagħhom. Dawk il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art jistgħu jieqfu joperaw biss meta ma jiġux sodisfatti r-rekwiżiti tekniċi u tas-sikurezza jew meta l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni tikkonkludi, wara li tkun wettqet valutazzjoni u wara li titqies l-opinjoni tal-ENTSO għall-Gass, li tali waqfien ma jdgħajjifx is-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali.

Għandhom jittieħdu miżuri kompensatorji xierqa, fejn xieraq, jekk il-waqfien tal-operazzjonijiet ma jkunx permess.

12.  
Il-Kummissjoni tista' toħroġ gwida dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.
13.  

Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-partijiet tal-faċilitajiet tal-LNG li jintużaw għall-ħżin.".

(2) 

fl-Artikolu 13, jiżdied il-paragrafu li ġej:

"3.  
L-awtorità regolatorja nazzjonali tista' tapplika skont sa massimu ta' 100 % għat-tariffi ta' trażmissjoni u distribuzzjoni bbażati fuq il-kapaċità fil-punti ta' dħul mill-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art u l-faċilitajiet tal-LNG, u fil-punti ta' ħruġ lejhom, sakemm u sa fejn ikun possibbli li tintuża tali faċilità li tkun konnessa ma' aktar minn network wieħed ta' trażmissjoni jew ta' distribuzzjoni biex tikkompeti ma' punt ta' interkonnessjoni..

Dan il-paragrafu għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2025.".

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS




"ANNESS Ia ( 1 )

Trajettorja għall-mili b'miri intermedji u mira ta’ mili għall-2022 għall-Istati Membri b'faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art



Stat Membru

mira intermedja tal-1 ta' Awwissu

mira intermedja tal-1 ta' Settembru

mira intermedja tal-1 ta’ Ottubru

mira tal-mili tal-1 ta' Novembru

AT

49 %

60 %

70 %

80 %

BE

49 %

62 %

75 %

80 %

BG

49 %

61 %

75 %

80 %

CZ

60 %

67 %

74 %

80 %

DE

45 %

53 %

80 %

80 %

DK

61 %

68 %

74 %

80 %

ES

71 %

74 %

77 %

80 %

FR

52 %

65 %

72 %

80 %

HR

49 %

60 %

70 %

80 %

HU

51 %

60 %

70 %

80 %

IT

58 %

66 %

73 %

80 %

LV

57 %

65 %

72 %

80 %

NL

54 %

62 %

71 %

80 %

PL

80 %

80 %

80 %

80 %

PT

72 %

75 %

77 %

80 %

RO

46 %

57 %

66 %

80 %

SE

40 %

53 %

67 %

80 %

SK

49 %

60 %

70 %

80 %




ANNESS Ib

Responsabbiltà kondiviża għall-mira tal-mili u t-trajettorja għall-mili

Fir-rigward tal-mira tal-mili u t-trajettorja għall-mili skont l-Artikolu 6a, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija jaqsmu r-responsabbiltà fir-rigward tal-faċilitajiet tal-ħżin Haidach u 7Fields. Il-proporzjon eżatt u l-firxa ta' din ir-responsabbiltà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija huma soġġetti għal ftehim bilaterali ta' dawn l-Istati Membri."



( *1 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/459 tas-16 ta' Marzu 2017 li jistabbilixxi Kodiċi tan-Netwerk dwar il-Mekkaniżmi ta' Allokazzjoni tal-Kapaċità fis-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 984/2013 (ĠU L 72, 17.3.2017, p. 1).

( *2 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

( *3 ) Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 45).";

( *4 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).";

( *5 ) Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).".

( 1 ) Dan l-Anness huwa soġġett għall-obbligi pro rata ta' kull Stat Membru skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-Artikoli 6a, 6b u 6c.

Għall-Istati Membri li jaqgħu taħt l-Artikolu 6a(2), il-mira intermedja pro rata għandha tiġi kkalkulata billi l-valur indikat fit-tabella jiġi mmultiplikat bil-limitu ta' 35 % u billi r-riżultat jiġi diviż bi 80 %.