02021R1275 — MT — 13.04.2022 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/1275

tat-30 ta’ Lulju 2021

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libanu

(ĠU L 277I 2.8.2021, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/595 tal-11 ta’ April 2022

  L 114

60

12.4.2022




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/1275

tat-30 ta’ Lulju 2021

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libanu



Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“pretensjoni” tfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk iddikjarata bi proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li ssir qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta magħhom, u b’mod partikolari:

(i) 

pretensjoni għall-adempiment ta’ kwalunkwe obbligu li jirriżulta minn kuntratt jew tranżazzjoni, jew b’rabta magħhom;

(ii) 

pretensjoni għall-estensjoni jew pagament ta’ bond, garanzija finanzjarja jew indennizz fi kwalunkwe forma;

(iii) 

pretensjoni għal kumpens fir-rigward ta’ kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv) 

kontropretensjoni;

(v) 

pretensjoni għar-rikonoxximent jew għall-eżekuzzjoni, inkluż permezz tal-proċedura ta’ exequatur, ta’ sentenza, ta’ deċiżjoni arbitrali jew ta’ deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tkun saret jew ingħatat;

(b) 

“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni ta' liema forma hi u tkun xi tkun il-liġi applikabbli, sew jekk tikkonsisti f'kuntratt wieħed jew aktar jew obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew differenti; għal dak l-iskop, “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennità, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennità finanzjarja, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti kif ukoll jekk le, kif ukoll kull dispożizzjoni relatata li taqa' taħt it-tranżazzjoni jew b'konnessjoni magħha;

(c) 

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II;

(d) 

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull tip, kemm jekk tanġibbli kif ukoll jekk intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

(e) 

“iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi b’kull mod, inklużi, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar tagħhom;

(f) 

“iffriżar ta’ fondi” tfisser il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, alterazzjoni, użu, aċċess, jew trattar ta’ fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta f’kull bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fis-sjieda, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew fi bdil ieħor li jippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż ġestjoni ta’ portafolli;

(g) 

“fondi” tfisser assi u benefiċċji finanzjarji ta' kull xorta, li jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

(i) 

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta’ pagament;

(ii) 

depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, djun u obbligi ta’ dejn;

(iii) 

titoli u strumenti ta’ dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi stokks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti ta’ derivattivi;

(iv) 

imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

(v) 

kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji ta’ adempiment jew impenji finanzjarji oħrajn;

(vi) 

ittri ta’ kreditu, poloz ta’ kargu, poloz ta’ bejgħ;

(vii) 

dokumenti li jagħtu prova ta’ xi interess f’fondi jew f’riżorsi finanzjarji;

(h) 

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.  
Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I, jew li huma l-proprjetà, jew fil-pussess jew fil-kontroll tagħha għandhom jiġu ffriżati.
2.  
L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, jew għall-benefiċċju tagħhom.
3.  

L-Anness I għandu jinkludi l-ismijiet, kif identifikati mill-Kunsill skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/1277, ta’:

(a) 

persuni fiżiċi responsabbli għall-imminar tad-demokrazija jew tal-istat tad-dritt fil-Libanu permezz ta’ xi waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(i) 

jostakolaw jew jimminaw il-proċess politiku demokratiku billi jfixklu b’mod persistenti l-formazzjoni ta’ gvern jew billi jostakolaw jew jimminaw serjament it-twettiq ta’ elezzjonijiet;

(ii) 

jostakolaw jew jimminaw l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet approvati minn awtoritajiet Libaniżi u appoġġati mill-atturi internazzjonali rilevanti, inkluża l-Unjoni, biex itejbu r-responsabbiltà u l-governanza tajba fis-settur pubbliku jew biex jimplimentaw riformi ekonomiċi kritiċi, inkluż fis-setturi bankarji u finanzjarji u inkluż dwar l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni trasparenti u non-diskriminatorja dwar l-esportazzjoni tal-kapital;

(iii) 

imġiba finanzjarja ħażina serja fir-rigward ta’ fondi pubbliċi, sa fejn l-atti kkonċernati jaqgħu taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni, u l-esportazzjoni mhux awtorizzata tal-kapital;

(b) 

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati ma’ persuni deżinjati taħt il-punt (a).

Artikolu 3

1.  

B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont dawk il-kondizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a) 

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlasijiet għall-ikel, għall-kera jew għall-ipotekar, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għall-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

(b) 

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c) 

maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d) 

neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, għall-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e) 

se jitħallsu f’kont, jew jinħarġu minn kont, ta’ missjoni diplomatika jew konsulari, jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsubin biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari, jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.  
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’kull awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 4

1.  
B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li tingħata disponibbiltà għal ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huwa neċessarju għal skopijiet umanitarji, bħall-għoti jew il-faċilitazzjoni tal-għoti ta’ assistenza, inklużi provvisti mediċinali, ikel jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għall-evakwazzjonijiet mil-Libanu.
2.  
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’kull awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 5

1.  

B’deroga mill-Artikolu 2(1), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi fl-Artikolu 2 ġew elenkati fl-Anness I, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b) 

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu se jintużaw esklużivament biex jiġu ssodisfati pretensjonijiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c) 

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; kif ukoll

(d) 

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jkunx imur kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.  
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’kull awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 6

1.  

B’deroga mill-Artikolu 2(1) u bil-kondizzjoni li jkun dovut pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I skont kuntratt jew ftehim li jkun ġie konkluż minn, jew skont obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat qabel id-data ta’ meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness I, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, skont il-kondizzjonijiet li jqisu li jkunu adattati, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a) 

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu se jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I; kif ukoll

(b) 

il-pagament ma jkunx bi ksur tal-Artikolu 2(2);

2.  
L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’kull awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 7

1.  
L-Artikolu 2(2) ma għandux iwaqqaf milli jiġu kkreditati kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn terzi fil-kont ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, dejjem jekk kull żieda f’dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti b’kull tranżazzjoni ta’ dan it-tip, mingħajr dewmien.
2.  

L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta':

(a) 

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b) 

pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 2 jkunu ġew inklużi fl-Anness I; jew

(c) 

pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fi Stat Membru jew eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat,

dment li kull tali mgħax, dħul u pagament ieħor jibqa’ soġġett għall-miżuri previsti fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 8

1.  

Bla preġudizzju għar-regoli applikabbli li jikkonċernaw ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a) 

ifornu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni dwar il-kontijiet u l-ammonti ffriżati skont l-Artikolu 2(1), lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membr fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; kif ukoll

(b) 

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti f’kull verifika tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

2.  
Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.
3.  
Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta.

Artikolu 9

Il-parteċipazzjoni, konsapevolment u intenzjonalment, f'attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikoli 2 u 8 għandha tkun ipprojbita.

Artikolu 10

1.  
L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li tingħata disponibbiltà għal fondi jew riżorsi ekonomiċi, imwettqa bona fide abbażi li tali azzjoni tkun konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandhom joħolqu ebda tip ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawhom, jew tad-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b’riżultat ta’ negliġenza.
2.  
L-azzjonijiet ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom joħolqu ebda tip ta’ responsabbiltà fuqhom jekk ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom ikunu jiksru l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 11

1.  

Ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni, li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, partikolarment pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

(a) 

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness;

(b) 

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punt (a) jew f’isimhom.

2.  
F’kull proċediment għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni, l-oneru tal-prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhuwiex ipprojbit mill-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed jitolbu l-eżekuzzjoni ta’ dik il-pretensjoni.
3.  
Dan l-Artikolu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-nonadempiment ta’ obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12

1.  

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-miżuri li jkunu ħadu skont dan ir-Regolament u jikkondividu kull informazzjoni relevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari informazzjoni dwar:

(a) 

il-fondi ffriżati skont l-Artikolu 2 u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 3, 4, 5 u 6;

(b) 

il-problemi ta’ ksur u eżekuzzjoni u s-sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali.

2.  
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni b’kull informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom li tista’ taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

1.  
Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, għandu jemenda l-Anness I kif xieraq.
2.  
Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li jipprovdi lil tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp b’opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.
3.  
Fejn jitressqu osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati skont il-każ.
4.  
Il-lista fl-Anness I għandha tiġi rieżaminata f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.
5.  
Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tat-tagħrif mogħti mill-Istati Membri.

Artikolu 14

1.  
L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet jew tal-korpi kkonċernati.
2.  
L-Anness I għandu jinkludi, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi: ismijiet u psewdonimi; id-data u l-post tat-twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karti tal-identità; il-ġeneru; l-indirizz, jekk magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, din l-informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tal-attività professjonali.

Artikolu 15

1.  
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha li jkunu meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dawn ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kull emenda sussegwenti.

Artikolu 16

1.  

Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandhom jipproċessaw id-data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti jinkludu:

(a) 

fir-rigward tal-Kunsill, it-tħejjija u l-emendar tal-Anness I;

(b) 

fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, it-tħejjija ta’ emendi għall-Anness I;

(c) 

fir-rigward tal-Kummissjoni:

(i) 

l-inklużjoni tal-kontenut tal-Anness I fil-lista kkonsolidata, elettronika, tal-persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u fil-mappa interattiva dwar is-sanzjonijiet, li jkunu t-tnejn disponibbli għall-pubbliku;

(ii) 

l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ dan ir-Regolament, bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2.  
Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, ma’ kundanni kriminali ta’ tali persuni jew ma’ miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lit-tali persuni, biss sa fejn tali pproċessar ikun meħtieġ għat-tħejjija tal-Anness I.
3.  
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kunsill, is-servizz tal-Kummissjoni elenkat fl-Anness II għal dan ir-regolament u r-Rappreżentant Għoli huma maħtura bħala “kontrolluri” skont it-tifsira tal-punt (8) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725, sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 17

1.  
L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq is-siti web elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness II.
2.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha b’kull emenda sussegwenti.
3.  
Fejn dan ir-Regolament jistipula rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata, infurmata, jew li b’xi mod ieħor issir komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li jridu jintużaw għal tali komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 18

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a) 

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fl-ispazju tal-ajru tagħha;

(b) 

abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ xi Stat Membru;

(c) 

għal kull persuna fiżika fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d) 

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp, fit-territorju jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li tkun inkorporata jew kostitwita skont il-liġi ta’ Stat Membru;

(e) 

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kull kummerċ imwettaq, kollu kemm hu jew parti minnu, fl-Unjoni.

Artikolu 19

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2

[…]




ANNESS II

▼M1

IL-BELĠJU

https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

IL-BULGARIJA

https://www.mfa.bg/en/EU-sanctions

IĊ-ĊEKJA

www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

https://www.bmwi.de/Redaktion/DE/Artikel/Aussenwirtschaft/embargos-aussenwirtschaftsrecht.html

L-ESTONJA

https://vm.ee/et/rahvusvahelised-sanktsioonid

L-IRLANDA

https://www.dfa.ie/our-role-policies/ireland-in-the-eu/eu-restrictive-measures/

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

https://www.exteriores.gob.es/es/PoliticaExterior/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

https://mvep.gov.hr/vanjska-politika/medjunarodne-mjere-ogranicavanja/22955

L-ITALJA

https://www.esteri.it/it/politica-estera-e-cooperazione-allo-sviluppo/politica_europea/misure_deroghe/

ĊIPRU

https://mfa.gov.cy/themes/

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/organisations-economiques-int/mesures-restrictives.html

L-UNGERIJA

https://kormany.hu/kulgazdasagi-es-kulugyminiszterium/ensz-eu-szankcios-tajekoztato

MALTA

https://foreignandeu.gov.mt/en/Government/SMB/Pages/SMB-Home.aspx

IN-NETHERLANDS

https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

https://www.bmeia.gv.at/themen/aussenpolitik/europa/eu-sanktionen-nationale-behoerden/

IL-POLONJA

https://www.gov.pl/web/dyplomacja/sankcje-miedzynarodowe

https://www.gov.pl/web/diplomacy/international-sanctions

IL-PORTUGALL

https://www.portaldiplomatico.mne.gov.pt/politica-externa/medidas-restritivas

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

https://um.fi/pakotteet

L-IŻVEZJA

https://www.regeringen.se/sanktioner

Indirizz għal notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (DĠ FISMA)

Rue de Spa 2

B-1049 Brussell, il-Belġju

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu