02021R1189 — MT — 05.07.2022 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1189

tas-7 ta’ Mejju 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu ta’ ġeneri jew speċijiet partikolari

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 258 20.7.2021, p. 18)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/923 tal-11 ta’ Marzu 2022

  L 160

28

15.6.2022




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1189

tas-7 ta’ Mejju 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu ta’ ġeneri jew speċijiet partikolari

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2018/848 li huwa żrieragħ ta’ speċijiet agrikoli u veġetali, materjal propagattiv tal-ħxejjex minbarra ż-żrieragħ, materjal propagattiv ta’ pjanti ornamentali, materjal propagattiv tad-dwieli u materjal propagattiv ta’ pjanti tal-frott, skont it-tifsira tad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 68/193/KE, 98/56/KE, 2002/53/KE, 2002/54/KE, 2002/55/KE, 2002/56/KE, 2002/57/KE, 2008/72/KE, u 2008/90/KE.

Dan ir-Regolament ma għandu japplika għall-ebda trasferiment ta’ kwantitajiet limitati ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu maħsub għar-riċerka dwar materjal organiku eteroġenu u l-iżvilupp tiegħu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“materjal organiku eteroġenu” tfisser raggruppament ta’ pjanti skont it-tifsira tal-Artikolu 3(18) tar-Regolament (UE) 2018/848, li jiġi prodott f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament;

(2) 

“materjal ġenitur” tfisser kwalunkwe materjal tal-pjanti li l-inkroċjar jew il-propagazzjoni tiegħu rriżultaw f’materjal organiku eteroġenu;

(3) 

“pakketti żgħar” tfisser pakketti li jkun fihom iż-żerriegħa sal-kwantitajiet massimi previsti fl-Anness II.

Artikolu 3

Produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu

Fl-Unjoni, il-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu għandu jiġi prodott jew ikkummerċjalizzat biss jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(1) 

jikkonforma mar-rekwiżiti dwar:

(a) 

l-identità, kif imsemmi fl-Artikolu 5;

(b) 

il-purità sanitarja u analitika u l-ġerminazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 6;

(c) 

l-imballaġġ u t-tikkettar, kif imsemmi fl-Artikolu 7;

(2) 

id-deskrizzjoni tiegħu tinkludi l-elementi msemmija fl-Artikolu 4;

(3) 

ikun soġġett għall-kontrolli uffiċjali skont l-Artikolu 9;

(4) 

jiġi prodott jew ikkummerċjalizzat minn operaturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar l-informazzjoni fl-Artikolu 8; u

(5) 

jinżamm f’konformità mal-Artikolu 10.

Artikolu 4

Deskrizzjoni tal-materjal organiku eteroġenu

1.  

Id-deskrizzjoni tal-materjal organiku eteroġenu għandha tinkludi l-elementi kollha li ġejjin:

(a) 

deskrizzjoni tal-karatteristiċi tiegħu, inkluż:

(i) 

il-karatterizzazzjoni fenotipika tal-karattri ewlenin li huma komuni għall-materjal, flimkien mad-deskrizzjoni tal-eteroġeneità tal-materjal billi tiġi kkaratterizzata d-diversità fenotipika osservabbli bejn l-unitajiet riproduttivi individwali;

(ii) 

dokumentazzjoni tal-karatteristiċi rilevanti tiegħu, inkluż l-aspetti agronomiċi bħal fir-rigward tar-rendiment, l-istabbiltà tar-rendiment, l-adegwatezza għal sistemi b’input baxx, il-prestazzjoni, ir-reżistenza għall-istress abijotiku, ir-reżistenza għall-mard, il-parametri tal-kwalità, it-togħma jew il-kulur;

(iii) 

kull riżultat disponibbli mit-testijiet dwar il-karatteristiċi msemmija fil-punt (ii);

(b) 

deskrizzjoni tat-tip ta’ teknika użata għall-metodu tat-tnissil jew tal-produzzjoni tal-materjal organiku eteroġenu;

(c) 

deskrizzjoni tal-materjal ġenitur użat għat-tnissil jew għall-produzzjoni tal-materjal organiku eteroġenu u l-programm ta’ kontroll tal-produzzjoni proprju użat mill-operatur ikkonċernat b’referenza għall-prattiki kif imsemmi fil-paragrafu (2)(a) u, jekk ikun japplika, fil-paragrafu 2(c);

(d) 

deskrizzjoni tal-prattiki ta’ ġestjoni u għażla fl-azjenda agrikola b’referenza għall-paragrafu 2(b) u, jekk ikun japplika, tal-materjal ġenitur b’referenza għall-paragrafu 2(c);

(e) 

referenza għall-pajjiż tat-tnissil jew tal-produzzjoni, b’informazzjoni dwar is-sena tal-produzzjoni u b’deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet pedoklimatiċi;

2.  

Il-materjal imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi ġġenerat minn waħda mit-tekniki li ġejjin:

(a) 

l-inkroċjar ta’ diversi tipi differenti ta’ materjal ġenitur, bl-użu ta’ protokolli tal-inkroċjar biex jiġi prodott materjal organiku eteroġenu divers mill-immassar tan-nisel, bit-tennija kemm-il darba taż-żrigħ u bl-esponiment ripetut tal-istokk għall-għażla naturali u/jew umana, dment li dan il-materjal juri livell għoli ta’ diversità ġenetika li tkun f’konformità mal-Artikolu 3(18) tar-Regolament (UE) 2018/848;

(b) 

il-prattiki ta’ ġestjoni fl-azjenda agrikola, inkluż l-għażla, l-istabbiliment jew iż-żamma tal-materjal, li jkun ikkaratterizzat minn livell għoli ta’ diversità ġenetika f’konformità mal-Artikolu 3(18) tar-Regolament (UE) 2018/848;

(c) 

kwalunkwe teknika oħra użata għat-tnissil jew għall-produzzjoni tal-materjal organiku eteroġenu, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi partikolari tal-propagazzjoni.

Artikolu 5

Rekwiżiti dwar l-identità tal-lottijiet taż-żrieragħ tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu

Il-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu għandu jkun identifikabbli abbażi tal-elementi kollha li ġejjin:

(1) 

il-materjal ġenitur u l-iskema tal-produzzjoni użati fl-inkroċjar għall-ħolqien tal-materjal organiku eteroġenu, kif previst fl-Artikolu 4(2)(a) jew, jekk ikun japplika, fl-Artikolu 4(2)(c), jew l-istorja tal-materjal u l-prattiki ta’ ġestjoni fl-azjendi agrikoli, inkluż jekk l-għażla saritx b’mod naturali u/jew permezz ta’ intervent uman, fil-każijiet tal-Artikoli 4(2)(b) u 4(2)(c);

(2) 

il-pajjiż tat-tnissil jew tal-produzzjoni;

(3) 

il-karatterizzazzjoni tal-karattri ewlenin komuni u tal-eteroġeneità fenotipika tal-materjal.

Artikolu 6

Rekwiżiti dwar il-kwalità sanitarja, il-purità analitika u l-ġerminazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu

1.  
Il-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/2031, mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 ( 1 ) u mal-atti rilevanti l-oħra adottati skont ir-Regolament (UE) 2016/2031 dwar il-preżenza ta’, u l-miżuri kontra, il-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni, il-pesti tal-kwarantina f’żona protetta u l-pesti mhux tal-kwarantina regolati fl-Unjoni.
2.  

Għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu tal-ispeċijiet tal-pjanti tal-għalf elenkati fl-Artikolu 2(1)(A) tad-Direttiva 66/401/KEE, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-punt 1 u l-aħħar kolonna tat-tabella fil-punt 5 tal-Anness I tad-Direttiva 66/401/KEE, u

(b) 

il-punti 2 u 3 tat-Taqsima I u t-Taqsima III tal-Anness II tad-Direttiva 66/401/KEE.

3.  

Għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu tal-ispeċijiet taċ-ċereali elenkati fl-Artikolu 2(1)(A) tad-Direttiva 66/402/KEE, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-punt 1 u l-aħħar kolonna tat-tabella fil-punt 6 tal-Anness I tad-Direttiva 66/402/KEE, u

(b) 

it-tielet, is-sitt, l-għaxar, it-tlettax, is-sittax, l-għoxrin u l-wieħed u għoxrin ringiela tat-tabella fil-punt 2(A) u l-punt 2(B) tal-Anness II ta’ dik id-Direttiva,

(c) 

l-aħħar kolonna fit-tabella fil-punt 3 tal-Anness II ta’ dik id-Direttiva;

(d) 

it-tielet u s-sitt ringiela fit-tabella fil-punt 4 tal-Anness II ta’ dik id-Direttiva.

4.  

Għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu tad-dwieli skont it-tifsira tad-Direttiva 68/193/KEE, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

it-Taqsimiet 2, 3, 4, 6 u 7 u l-punt 6 tat-Taqsima 8 tal-Anness I tad-Direttiva 68/193/KEE;

(b) 

l-Anness II tad-Direttiva 68/193/KEE, bl-eċċezzjoni tal-punt 1(1).

5.  
Għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu tal-pjanti ornamentali skont it-tifsira tad-Direttiva 98/56/KE, għandu japplika l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/49/KEE ( 2 ).
6.  
Għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu tal-pitravi skont it-tifsira tad-Direttiva 2002/54/KE, għandhom japplikaw il-punti A(1), B(2) u B(3) tal-Anness I ta’ dik id-Direttiva.
7.  
Għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu tal-ispeċijiet tal-ħxejjex elenkati fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2002/55/KE, għandhom japplikaw il-punti 2 u 3 tal-Anness II ta’ dik id-Direttiva.
8.  
Għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu tal-patata taż-żerriegħa skont it-tifsira tad-Direttiva 2002/56/KE, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet għall-aktar kategorija baxxa ta’ patata taż-żrigħ fil-punt 3 tal-Anness I u fl-Anness II.
9.  

Għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra kif elenkati fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2002/57/KE, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-punt 1 u l-aħħar kolonna tat-tabella fil-punt 4 tal-Anness I tad-Direttiva 2002/57/KE;

(b) 

it-tabella fil-punt I(4)(A) tal-Anness II, għajr ir-rekwiżiti għaż-żerriegħa bażika tal-Brassica spp. u tas-Sinapis alba, u l-aħħar kolonna tat-tabella fil-punt I(5) tal-Anness II tad-Direttiva 2002/57/KE.

10.  
Għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal eteroġenu organiku għall-propagazzjoni u t-tħawwil tal-ħxejjex għajr iż-żerriegħa, skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/72/KE, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 93/61/KEE ( 3 ).
11.  

Għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal riproduttiv ta’ materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott eteroġenu organiku u pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/90/KE, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-Artikolu 23, għajr il-punt (1)(b), l-Artikoli 24, 26, 27 u 27a tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/98/UE ( 4 );

(b) 

l-Annessi I, II u l-Anness III u r-rekwiżiti dwar il-materjal CAC fl-Anness IV tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/98/UE.

12.  
Il-paragrafi 2 sa 11 għandhom japplikaw biss fir-rigward tar-rekwiżiti dwar il-purità analitika u l-ġerminazzjoni għaż-żerriegħa u tar-rekwiżiti dwar il-kwalità u s-saħħa għal materjal propagattiv ieħor, iżda mhux fir-rigward tal-identità tal-varjetà u tal-purità tal-varjetà u tar-rekwiżiti dwar l-ispezzjoni fuq il-post għall-identità tal-varjetà u l-purità tal-varjetà tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu.
13.  
B’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 12, l-operaturi jistgħu jqiegħdu fis-suq żerriegħa ta’ materjal organiku eteroġenu, li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet fir-rigward tal-ġerminazzjoni, dment li l-fornitur jindika r-rata ta’ ġerminazzjoni taż-żerriegħa kkonċernata fuq it-tikketta jew direttament fuq il-pakkett.

Artikolu 7

Rekwiżiti dwar l-imballaġġ u t-tikkettar tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu

1.  
Il-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu li ma jkunx f’pakketti żgħar għandu jinżamm f’pakketti jew f’kontenituri, li jingħalqu b’tali mod li dawn ma jkunux jistgħu jinfetħu mingħajr ma titħalla evidenza ta’ tbagħbis fuq il-pakkett jew il-kontenitur.
2.  

Fuq il-pakketti jew il-kontenituri taż-żrieragħ jew tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu, l-operatur għandu jwaħħal tikketta b’mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Dik it-tikketta għandha:

(a) 

tkun leġibbli, stampata jew miktuba fuq naħa waħda, mhux użata u faċilment viżibbli;

(b) 

tinkludi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(c) 

tkun safra b’salib djagonali aħdar.

3.  
Minflok tikketta, l-informazzjoni stabbilita fl-Anness I tista’ tiġi stampata jew miktuba direttament fuq il-pakkett jew fuq il-kontenitur. F’dak il-każ, ma għandux japplika l-punt 2(c).
4.  
Fil-każ ta’ pakketti żgħar u trasparenti, it-tikketta tista’ titqiegħed fil-pakkett dment li tkun leġibbli b’mod ċar.
5.  
B’deroga mill-paragrafi 1 sa 4, iż-żerriegħa tal-materjal organiku eteroġenu li tkun f’pakketti u f’kontenituri magħluqa u ttikkettati tista’ tinbiegħ lill-utenti finali f’pakketti mhux immarkati u mhux issiġillati sal-kwantitajiet massimi previsti fl-Anness II, dment li, fuq talba, ix-xerrej jiġi infurmat bil-miktub fil-ħin tal-konsenja dwar l-ispeċi, id-denominazzjoni tal-materjal u n-numru ta’ referenza tal-lott.

Artikolu 8

Rekwiżiti dwar l-informazzjoni li għandha tinżamm mill-operaturi

1.  

Kull operatur li jipproduċi jew jikkummerċjalizza materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu għandu:

(a) 

iżomm kopja tan-notifika mressqa f’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) 2018/848, kopja tad-dikjarazzjoni mressqa skont l-Artikolu 39(1)(d) tiegħu u, fejn ikun japplika, kopja taċ-ċertifikat li rċieva f’konformità mal-Artikolu 35 tiegħu;

(b) 

jiżgura t-traċċabbiltà tal-materjal organiku eteroġenu fl-iskema tal-produzzjoni kif previst fl-Artikolu (4)(2)(a) jew, jekk ikun japplika, fl-Artikolu (4)(2)(c) billi jżomm l-informazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati l-operaturi li jkunu pprovdew il-materjal ġenitur tal-materjal organiku eteroġenu.

L-operatur għandu jżomm dawk id-dokumenti għal ħames snin.

2.  

L-operatur li jipproduċi l-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu maħsub għall-kummerċjalizzazzjoni għandu jirreġistra u jżomm ukoll l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

l-isem tal-ispeċi u d-denominazzjoni użati għal kull materjal organiku eteroġenu nnotifikat; it-tip ta’ teknika użata għall-produzzjoni tal-materjal organiku eteroġenu kif imsemmi fl-Artikolu 4;

(b) 

il-karatterizzazzjoni tal-materjal organiku eteroġenu nnotifikat kif previst fl-Artikolu 4;

(c) 

il-post tat-tnissil tal-materjal organiku eteroġenu u l-post tal-produzzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti organiku tal-materjal organiku eteroġenu kif previst fl-Artikolu 5;

(d) 

id-daqs tas-superfiċje għall-produzzjoni tal-materjal organiku eteroġenu u l-kwantità prodotta.

3.  
F’konformità mad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 68/193/KEE, 98/56/KE, 2002/53/KE, 2002/54/KE, 2002/55/KE, 2002/56/KE, 2002/57/KE, 2008/72/KE u 2008/90/KE, il-korpi uffiċjali responsabbli għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Kontrolli uffiċjali

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew il-korpi delegati, meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddelegaw kompiti ta’ kontroll f’konformità mal-Kapitolu III tat-Titolu II tar-Regolament (UE) 2017/625, għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali bbażati fuq ir-riskju fir-rigward tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8 u 10 ta’ dan ir-Regolament.

L-ittestjar tal-ġerminazzjoni u tal-purità analitika għandu jitwettaq f’konformità mal-metodi applikabbli tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Ittestjar taż-Żrieragħ.

Artikolu 10

Żamma tal-materjal organiku eteroġenu

Meta ż-żamma tkun possibbli, l-operatur li jkun innotifika l-materjal organiku eteroġenu lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/848, għandu jippreserva l-karatteristiċi ewlenin tal-materjal fiż-żmien tan-notifika tiegħu, billi jżommu sakemm dan jibqa’ fis-suq. Dik iż-żamma għandha ssir f’konformità mal-prattiki aċċettati adattati għaż-żamma ta’ tali materjal eteroġenu. L-operatur responsabbli miż-żamma għandu jżomm ir-rekords tat-tul ta’ żmien, tal-kontenut taż-żamma.

F’kull ħin, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom aċċess għar-rekords kollha miżmuma mill-operatur responsabbli mill-materjal, sabiex jivverifikaw iż-żamma tiegħu. L-operatur għandu jżomm dawk ir-rekords għal ħames snin wara l-mument li l-materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal organiku eteroġenu ma jibqax jiġi kkummerċjalizzat aktar.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

L-INFORMAZZJONI LI TRID TIDHER FUQ IT-TIKKETTI TAL-PAKKETTI KIF PREVIST FL-ARTIKOLU 7(2)(b)

A.   It-tikketta għandu jkun fiha din l-informazzjoni:

1. 

id-denominazzjoni tal-materjal eteroġenu, flimkien mal-kliem “Materjal organiku eteroġenu”;

2. 

“Regoli u standards tal-Unjoni”;

3. 

l-isem u l-indirizz tal-operatur professjonali responsabbli mit-twaħħil tat-tikketta, jew il-kodiċi ta’ reġistrazzjoni tiegħu;

4. 

il-pajjiż tal-produzzjoni;

5. 

in-numru ta’ referenza li jingħata mill-operatur professjonali responsabbli mit-twaħħil tat-tikketti;

6. 

ix-xahar u s-sena tal-għeluq wara l-kelma: “magħluq”;

7. 

l-ispeċi, indikata minn tal-inqas bl-isem botaniku tagħha, li jista’ jingħata f’forma mqassra u mingħajr l-ismijiet tal-awturi, f’karattri Rumani;

8. 

il-piż gross jew nett iddikjarat, jew, fil-każ taż-żrieragħ, l-għadd iddikjarat, ħlief għall-pakketti ż-żgħar;

9. 

meta jkun indikat il-piż u jintużaw sustanzi ta’ tgerbib (pelleting), jew addittivi solidi oħrajn, in-natura tal-addittiv kif ukoll il-proporzjon approssimattiv bejn il-piż taż-żerriegħa pura u l-piż totali;

10. 

informazzjoni dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkunu ntużaw fuq il-materjal reproduttiv tal-pjanti kif meħtieġ skont l-Artikolu 49(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 ( 5 );

11. 

ir-rata tal-ġerminazzjoni meta, skont l-Artikolu 6(13) ta’ dan ir-Regolament, il-materjal organiku eteroġenu ma jissodisfax il-kundizzjonijiet rigward il-ġerminazzjoni.

B.   Id-denominazzjoni msemmija fil-punt A.1. ma għandhiex tikkawża diffikultajiet għall-utenti rigward li tintgħaraf jew ir-riproduzzjoni, u ma għandhiex:

(a) 

tkun identika, jew li jkun hemm il-probabbiltà li titħawwad, ma’ denominazzjoni li biha tkun imniżżla fir-reġistru uffiċjali tal-varjetajiet tal-pjanti jew f’xi lista tal-materjal organiku eteroġenu xi varjetà oħra jew xi materjal organiku eteroġenu ieħor tal-istess speċi jew ta’ speċi relatata mill-qrib;

(b) 

tkun identika jew hemm il-probabbiltà li titħawwad ma deżinjazzjonijiet oħrajn li jintużaw ta’ spiss għall-kummerċjalizzazzjoni tal-oġġetti jew li jridu jinżammu ħielsa skont xi leġislazzjoni oħra;

(c) 

iqarrqu jew jikkawżaw konfużjoni dwar il-karatteristiċi, il-valur, jew l-identità tal-materjal organiku eteroġenu jew dwar l-identità tan-nissiel.




ANNESS II

IL-KWANTITAJIET MASSIMI TA’ ŻRIERAGĦ FIL-PAKKETTI Ż-ŻGĦAR KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 7(5)



Speċi

Massa netta massima taż-żrieragħ (kg)

Pjanti għall-għalf

10

Pitravi

10

Ċereali

30

Pjanti tal-fibra u taż-żejt

10

Patata taż-żerriegħa

30

Żrieragħ tal-ħxejjex:

 

Legumi

5

Basal, sorfolja, spraġ, selq, pitravi aħmar, lift, dulliegħ, qargħa, qargħa bagħli, zunnarija, ravanell, sassefrika sewda, spinaċi, valerjanella;

0,5

Kull speċi oħra ta’ ħxejjex

0,1



( 1 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

( 2 ) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/49/KEE tat-23 ta’ Ġunju 1993 li tistabbilixxi l-iskeda li tindika l-kondizzjonijiet li għandhom ikunu milħuqa mill-materjal propagattiv ta’ pjanti ornamentali u mill-pjanti ornamentali permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 91/682/KEE (ĠU L 250, 7.10.1993, p. 9).

( 3 ) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/61/KEE tat-2 ta’ Lulju 1993 li tistabbilixxi l-pjani li jindikaw il-kondizzjonijiet li jridu jiġu mħarsa mill-materjal propagattiv ta’ ħaxix u pjanti, barra miż-żerriegħa skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/33/KEE (ĠU L 250, 7.10.1993, p. 19).

( 4 ) Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/98/UE tal-15 ta’ Ottubru 2014 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-ġeneru u l-ispeċi tal-pjanti tal-frott imsemmija fl-Anness I tagħha, rekwiżiti speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati mill-fornituri u regoli dettaljati dwar l-ispezzjonijiet uffiċjali (ĠU L 298, 16.10.2014, p. 22).

( 5 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).