02021R0953 — MT — 01.02.2022 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2021/953 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Ġunju 2021

dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 211 15.6.2021, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2288 tal-21 ta’ Diċembru 2021

  L 458

459

22.12.2021




▼B

REGOLAMENT (UE) 2021/953 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Ġunju 2021

dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju tad-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b'mod ikkoordinat.

Huwa jipprevedi l-bażi ġuridika għall-ipproċessar tad-data personali meħtieġa għall-ħruġ ta' tali ċertifikati u għall-ipproċessar tal-informazzjoni meħtieġa biex jiġu vverifikati u kkonfermati l-awtentiċità u l-validità ta' tali ċertifikati f'konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

"detentur" tfisser persuna li jkun inħarġilha ċertifikat interoperabbli li jkun fih informazzjoni dwar it-tilqim kontra l-COVID-19, ir-riżultati tat-test jew il-fejqan tagħha skont dan ir-Regolament;

(2) 

"Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE" tfisser ċertifikati interoperabbli li fihom informazzjoni dwar it-tilqim, ir-riżultat tat-test jew il-fejqan tad-detentur maħruġ fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19;

(3) 

"vaċċin kontra l-COVID-19" tfisser prodott mediċinali immunoloġiku indikat għall-immunizzazzjoni attiva għall-prevenzjoni tal-COVID-19 ikkawżat mis-SARS-CoV-2;

(4) 

"test NAAT" tfisser test ta' amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku molekulari, bħal tekniki ta' traskrizzjoni inversa u reazzjoni katina bil-polimerażi (RT-PCR), amplifikazzjoni isotermika medjata minn loops (LAMP) u tekniki ta' amplifikazzjoni medjata bit-traskrizzjoni (TMA), użati biex tiġi identifikata l-preżenza tal-aċidu ribonuklejku (RNA) tas-SARS-CoV-2;

(5) 

"test rapidu tal-antiġeni" tfisser test li jiddependi fuq l-identifikazzjoni ta' proteini virali (antiġeni) bl-użu ta' immunoassaġġ tal-fluss laterali li jagħti riżultati f'inqas minn 30 minuta;

(6) 

"test tal-antikorpi" tfisser test ibbażat fil-laboratorju bl-għan li jinstab jekk persuna tkunx żviluppat antikorpi kontra s-SARS-CoV-2, li jindika li d-detentur ikun ġie espost għas-SARS-CoV-2 u jkun żviluppa antikorpi, irrispettivament minn jekk dik il-persuna kinitx sintomatika;

(7) 

"interoperabbiltà" tfisser il-kapaċità li s-sistemi ta' verifika fi Stat Membru jużaw data kodifikata minn Stat Membru ieħor;

(8) 

"barcode" tfisser metodu ta' ħżin u rappreżentazzjoni tad-data f'format viżiv li jinqara mill-magni;

(9) 

"siġill elettroniku" tfisser siġill elettroniku kif definit fil-punt (25) tal-Artikolu 3, tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(10) 

"identifikatur uniku taċ-ċertifikat" tfisser identifikatur uniku mogħti, f'konformità ma' struttura komuni, għal kull ċertifikat maħruġ f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(11) 

"qafas ta' fiduċja" tfisser ir-regoli, il-politiki, l-ispeċifikazzjonijiet, il-protokolli, il-formati tad-data u l-infrastruttura diġitali li jirregolaw u jippermettu l-ħruġ u l-verifika affidabbli u siguri taċ-ċertifikati biex jiżguraw l-affidabbiltà tagħhom billi jikkonfermaw l-awtentiċità, il-validità u l-integrità tagħhom, bl-użu ta' siġilli elettroniċi.

Artikolu 3

Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE

1.  

Il-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għandu jippermetti l-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni transfruntiera ta' kwalunkwe wieħed miċ-ċertifikati li ġejjin:

(a) 

ċertifikat li jikkonferma li d-detentur irċieva vaċċin kontra l-COVID-19 fl-Istat Membru li joħroġ iċ-ċertifikat (ċertifikat tat-tilqim);

(b) 

ċertifikat li jikkonferma li d-detentur kien soġġett għat-test NAAT jew test rapidu tal-antiġeni elenkati fil-lista komuni u aġġornata ta' testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 stabbilita abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2021 imwettqin minn professjonisti tas-saħħa jew minn persunal tal-ittestjar imħarreġ fl-Istat Membru li joħroġ iċ-ċertifikat u li jindika t-tip ta' test, id-data li sar fiha u r-riżultat tat-test (ċertifikat tat-test);

(c) 

ċertifikat li jikkonferma li wara riżultat pożittiv ta' test NAAT imwettaq minn professjonisti tas-saħħa jew minn persunal tal-ittestjar imħarreġ id-detentur fieq minn infezzjoni mis-SARS-CoV-2 (ċertifikat tal-fejqan).

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta' testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 stabbilita abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2021, inkluż kwalunkwe aġġornament.

2.  
L-Istati Membri, jew il-korpi maħturin li jaġixxu f'isem l-Istati Membri, għandhom joħorġu ċ-ċertifikati msemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu f'format diġitali jew stampat, jew it-tnejn li huma. Id-detenturi prospettivi għandu jkollhom id-dritt li jirċievu ċ-ċertifikat fil-format tal-għażla tagħhom. Dawk iċ-ċertifikati għandhom ikunu faċli għall-utent u għandu jkun fihom barcode interoperabbli li tippermetti l-verifika tal-awtentiċità, il-validità u l-integrità tagħhom. Il-barcode għandha tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti skont l-Artikolu 9. L-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikati għandha tintwera wkoll f'forma li tinqara mill-bniedem u għandha tkun ipprovduta, tal-anqas, bil-lingwa jew bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru emittenti u bl-Ingliż.
3.  
Għandu jinħareġ ċertifikat separat għal kull tilqim, riżultat ta' test jew fejqan. Tali ċertifikat ma għandux ikun fih data minn ċertifikati preċedenti ħlief meta jkun previst mod ieħor f'dan ir-Regolament.
4.  
Iċ-ċertifikati msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jinħarġu bla ħlas. Id-detentur għandu jkun intitolat li jitlob il-ħruġ ta' ċertifikat ġdid jekk id-data personali li tinsab fiċ-ċertifikat oriġinali ma tkunx jew ma tibqax preċiża jew aġġornata, inkluż fir-rigward ta' tilqim, ta' riżultat ta' test jew ta' fejqan tad-detentur, jew jekk iċ-ċertifikat oriġinali ma jkunx għadu disponibbli għad-detentur. Jistgħu jiġu imposti tariffi xierqa għall-ħruġ ta’ ċertifikat ġdid f'każijiet ta' telf ripetut.
5.  

Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi t-test li ġej:

"Dan iċ-ċertifikat mhuwiex dokument tal-ivvjaġġar. L-evidenza xjentifika dwar it-tilqim kontra l-COVID-19, l-ittestjar għaliha u l-fejqan minnha qed tkompli tevolvi, inkluż fir-rigward ta’ varjanti ġodda tal-virus ta' tħassib. Qabel tivvjaġġa, jekk jogħġbok iċċekkja l-miżuri applikabbli tas-saħħa pubblika u r-restrizzjonijiet relatati applikati fil-punt ta' destinazzjoni."

L-Istat Membru għandu jipprovdi lid-detentur b'informazzjoni ċara, komprensiva u f'waqtha dwar il-ħruġ u l-użu taċ-ċertifikati tat-tilqim, iċ-ċertifikati tat-test, jew iċ-ċertifikati tal-fejqan għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

6.  
Il-pussess taċ-ċertifikati msemmijin fil-paragrafu 1 ma għandux ikun prekundizzjoni biex jiġi eżerċitat id-dritt għall-moviment liberu.
7.  
Il-ħruġ ta' ċertifikati skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandux iwassal għal diskriminazzjoni minħabba l-pussess ta' kategorija speċifika ta' ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 5, 6 jew 7.
8.  
Il-ħruġ taċ-ċertifikati msemmijin fil-paragrafu 1 ma għandu jaffettwa l-validità ta' l-ebda prova oħra ta' tilqim, riżultat ta' test jew fejqan maħruġa qabel l-1 ta’ Lulju 2021 jew għal finijiet oħra, b'mod partikolari għal finijiet mediċi.
9.  
L-operaturi ta' servizz transfruntier tat-trasport tal-passiġġieri meħtieġa mil-liġi nazzjonali biex jimplimentaw ċerti miżuri tas-saħħa pubblika matul il-pandemija tal-COVID-19 għandhom jiżguraw li l-verifika taċ-ċertifikati msemmijin fil-paragrafu 1 tiġi integrata fl-operazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport transfruntiera bħall-ajruporti, il-portijiet marittimi u l-istazzjonijiet tal-ferrovija u l-vendi, kif xieraq.
10.  
Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu li ċertifikati tal-COVID-19 maħruġin minn pajjiż terz li miegħu l-Unjoni u l-Istati Membri jkunu kkonkludew ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni li jippermetti lill-partijiet kontraenti jirrestrinġu tali moviment liberu għal raġunijiet ta' saħħa pubblika b'mod nondiskriminatorju u li ma jkunx fih mekkaniżmu ta' inkorporazzjoni ta' atti legali tal-Unjoni huma ekwivalenti għal dawk maħruġin f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Fejn il-Kummissjoni tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni, iċ-ċertifikati kkonċernati għandhom jiġu aċċettati skont il-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 5(5), fl-Artikolu 6(5) u fl-Artikolu 7(8).

Qabel ma tadotta tali atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk tali pajjiż terz joħroġx ċertifikati ekwivalenti għal dawk maħruġin f'konformità ma' dan ir-Regolament u pprovdiex assigurazzjonijiet formali li jkun se jaċċetta ċertifikati maħruġin mill-Istati Membri.

L-atti ta' implimentazzjoni msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).

11.  
Meta jkun xieraq, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, lill-ECDC jew lill-EMA biex joħorġu gwida dwar l-evidenza xjentifika disponibbli dwar l-effetti ta' eventi mediċi dokumentati fiċ-ċertifikati msemmijin fil-paragrafu 1, b'mod partikolari fir-rigward ta' varjanti ġodda tas-SARS-CoV-2 li jkunu ta' tħassib.

Artikolu 4

Qafas ta' fiduċja għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE

1.  
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu qafas ta' fiduċja għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.
2.  
Il-qafas ta' fiduċja għandu jkun ibbażat fuq infrastruttura tal-kjavi pubblika u jippermetti l-ħruġ u l-verifika affidabbli u sikuri tal-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikati msemmijin fl-Artikolu 3(1). Il-qafas ta' fiduċja għandu jippermetti għall-identifikazzjoni tal-frodi, b'mod partikolari l-falsifikazzjoni. Barra minn hekk, jista' jappoġġa l-iskambju bilaterali ta' listi ta' revoka ta' ċertifikati li jkun fihom l-identifikaturi uniċi taċ-ċertifikati ta' ċertifikati rrevokati. Tali listi ta' revoka ta' ċertifikati ma għandu jkun fihom ebda data personali oħra. Il-verifika ta' ċertifikati msemmijin fl-Artikolu 3(1), u fejn applikabbli, il-listi ta' revoka ta' ċertifikati ma għandhomx jirriżultaw fin-notifika tal-emittent dwar il-verifika.
3.  
Il-qafas ta' fiduċja għandu jfittex li jiżgura l-interoperabbiltà mas-sistemi teknoloġiċi stabbiliti fil-livell internazzjonali.

Artikolu 5

Ċertifikat tat-tilqim

1.  
Kull Stat Membru għandu, awtomatikament jew fuq talba mill-persuni kkonċernati, joħroġ iċ-ċertifikati tat-tilqim imsemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) lil persuni li jkunu ngħataw il-vaċċin kontra l-COVID-19. Dawk il-persuni għandhom jiġu infurmati bid-dritt tagħhom għal ċertifikat tat-tilqim.
2.  

Iċ-ċertifikat tat-tilqim għandu jkun fih il-kategoriji ta' data personali li ġejjin:

(a) 

l-identità tad-detentur;

(b) 

informazzjoni dwar il-vaċċin kontra l-COVID-19 mogħti u l-għadd ta' dożi mogħtija lid-detentur;

(c) 

metadata taċ-ċertifikat, bħall-emittent taċ-ċertifikat jew identifikatur uniku taċ-ċertifikat.

Id-data personali għandha tiġi inkluża fiċ-ċertifikat tat-tilqim f'konformità mal-kampijiet tad-data speċifiċi stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 12 biex temenda l-punt 1 tal-Anness billi timmodifika jew tneħħi kampijiet tad-data, jew billi żżid kampijiet tad-data li jaqgħu fil-kategoriji ta' data personali msemmijin fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, meta tali emenda tkun meħtieġa biex jiġu vverifikati u kkonfermati l-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikat tat-tilqim, fil-każ ta' progress xjentifiku fit-trażżin tal-pandemija tal-COVID-19, jew biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà mal-istandards internazzjonali.

3.  
Iċ-ċertifikat tat-tilqim għandu jinħareġ f'format sigur u interoperabbli f’konformità mal-Artikolu 3(2) wara l-għoti ta' kull doża u għandu jindika b'mod ċar jekk il-kors tat-tilqim tlestiex jew le.
4.  
Meta, fil-każ ta' evidenza xjentifika emerġenti ġdida jew biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà mal-istandards internazzjonali u s-sistemi teknoloġiċi, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta' urġenza li jkunu jirrikjedu hekk, il-proċedura prevista fl-Artikolu 13 għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.
5.  
Meta l-Istati Membri jaċċettaw prova tat-tilqim sabiex jirrinunzjaw għar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu stabbiliti, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, biex jillimitaw it-tixrid tas-SARS-CoV-2, huma għandhom jaċċettaw ukoll, taħt l-istess kundizzjonijiet, ċertifikati tat-tilqim maħruġin minn Stati Membri oħra f'konformità ma' dan ir-Regolament għal vaċċin kontra l-COVID-19 li jkun ingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004.

L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw ukoll, għall-istess fini, ċertifikati tat-tilqim maħruġin minn Stati Membri oħra f'konformità ma' dan ir-Regolament għal vaċċin kontra l-COVID-19 li jkun ingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru skont id-Direttiva 2001/83/KE, vaċċin kontra l-COVID-19 li d-distribuzzjoni tiegħu tkun ġiet awtorizzata temporanjament skont l-Artikolu 5(2) ta' dik d-Direttiva, jew vaċċin kontra l-COVID-19 li jkun lesta l-proċedura ta’ elenkar għall-użu ta' emerġenza tad-WHO.

Meta l-Istati Membri jaċċettaw ċertifikati tat-tilqim għal vaċċin tal-COVID-19 imsemmi fit-tieni subparagrafu, huma għandhom jaċċettaw ukoll, taħt l-istess kundizzjonijiet, ċertifikati tat-tilqim maħruġin minn Stati Membri oħra f’konformità ma’ dan ir-Regolament għall-istess vaċċin tal-COVID-19.

Artikolu 6

Ċertifikat tat-test

1.  
Kull Stat Membru għandu, b’mod awtomatiku jew fuq talba mill-persuni kkonċernati, joħroġ iċ-ċertifikati tat-test imsemmijin fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1) lill-persuni ttestjati għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2. Dawk il-persuni għandhom jiġu infurmati bid-dritt tagħhom għal ċertifikat tat-test.
2.  

Iċ-ċertifikat tat-test għandu jkun fih il-kategoriji ta' data personali li ġejjin:

(a) 

l-identità tad-detentur;

(b) 

informazzjoni dwar it-test NAAT jew it-test rapidu tal-antiġeni li kien soġġett għalih id-detentur;

(c) 

metadata taċ-ċertifikat, bħall-emittent taċ-ċertifikat jew identifikatur uniku taċ-ċertifikat.

Id-data personali għandha tiġi inkluża fiċ-ċertifikat tat-test f'konformità mal-kampijiet tad-data speċifiċi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 12 biex temenda l-punt 2 tal-Anness billi timmodifika jew tneħħi kampijiet tad-data, jew billi żżid kampijiet tad-data li jaqgħu fil-kategoriji ta' data personali msemmijin fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, meta tali emenda tkun meħtieġa biex jiġu vverifikati u kkonfermati l-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikat tat-test, fil-każ ta' progress xjentifiku fit-trażżin tal-pandemija tal-COVID-19, jew biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà ma' standards internazzjonali.

3.  
Iċ-ċertifikat tat-test għandu jinħareġ f'format sigur u interoperabbli f'konformità mal-Artikolu 3(2).
4.  
Meta, fil-każ ta' evidenza xjentifika emerġenti ġdida jew biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà mal-istandards internazzjonali u s-sistemi teknoloġiċi, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta' urġenza li jkunu jirrikjedu hekk, il-proċedura prevista fl-Artikolu 13 għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.
5.  
Meta l-Istati Membri jitolbu prova ta' test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 biex ineħħu r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u b'kont meħud tas-sitwazzjoni speċifika tal-komunitajiet transfruntiera, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, huma għandhom jaċċettaw ukoll, taħt l-istess kundizzjonijiet, ċertifikati tat-test li jindikaw riżultat negattiv maħruġin minn Stati Membri oħra f'konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Ċertifikat tal-fejqan

1.  
Kull Stat Membru għandu joħroġ, fuq talba, iċ-ċertifikati tal-fejqan imsemmijin fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1).

Ċertifikati tal-fejqan għandhom jinħarġu mhux qabel 11-il jum wara d-data li fiha l-persuna kienet l-ewwel soġġetta għal test NAAT li ta riżultat pożittiv.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 12 biex temenda l-għadd ta' jiem li wara li jgħaddu għandu jinħareġ ċertifikat tal-fejqan, abbażi ta' gwida riċevuta mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa f'konformità mal-Artikolu 3(11) jew fuq evidenza xjentifika rieżaminata mill-ECDC.

2.  

Iċ-ċertifikat tal-fejqan għandu jkun fih il-kategoriji ta' data personali li ġejjin:

(a) 

l-identità tad-detentur;

(b) 

informazzjoni dwar l-infezzjoni preċedenti tas-SARS-CoV-2 tad-detentur wara riżultat pożittiv ta' test;

(c) 

metadata taċ-ċertifikat, bħall-emittent taċ-ċertifikat jew identifikatur uniku taċ-ċertifikat.

Id-data personali għandha tiġi inkluża fiċ-ċertifikat tal-fejqan f'konformità mal-kampijiet speċifiċi tad-data stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 12 biex temenda l-punt 3 tal-Anness billi timmodifika jew tneħħi kampijiet tad-data, jew billi żżid kampijiet tad-data li jaqgħu fil-kategoriji ta' data personali msemmijin fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, meta tali emenda tkun meħtieġa biex jiġu vverifikati jew ikkonfermati l-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikat tal-fejqan, fil-każ ta' progress xjentifiku fit-trażżin tal-pandemija tal-COVID-19, jew biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà ma' standards internazzjonali.

3.  
Iċ-ċertifikat tal-fejqan għandu jinħareġ f'format sigur u interoperabbli skont l-Artikolu 3(2).
4.  
Abbażi tal-gwida riċevuta skont l-Artikolu 3(11), il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 12 biex temenda l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-punt (c) tal-Artikolu 3(1) biex tippermetti l-ħruġ taċ-ċertifikat tal-fejqan abbażi ta’ test rapidu tal-antiġeni pożittiv, test tal-antikorpi, inkluż test seroloġiku għall-antikorpi kontra s-SARS-CoV-2, jew kwalunkwe metodu ieħor validat xjentifikament. Tali atti delegati għandhom ukoll jemendaw il-punt 3 tal-Anness billi jżidu, jimmodifikaw jew ineħħu l-kampijiet tad-data li jaqgħu fil-kategoriji ta' data personali msemmijin fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
5.  
Wara l-adozzjoni tal-atti delegati msemmijin fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tat-testijiet tal-antikorpi li abbażi tagħhom jista' jinħareġ ċertifikat tal-fejqan, li għandu jiġi stabbilit mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, inkluż kwalunkwe aġġornament.
6.  
Fir-rapport previst fl-Artikolu 16(1), il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-adegwatezza u l-fattibbiltà, fid-dawl tal-evidenza xjentifika disponibbli, li tadotta atti delegati imsemmijin fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Qabel ma tippreżenta dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tfittex gwida regolari skont l-Artikolu 3(11) dwar l-evidenza xjentifika disponibbli u l-livell ta' standardizzazzjoni rigward il-ħruġ possibbli ta' ċertifikati tal-fejqan abbażi ta’ testijiet tal-antikorpi, inkluż l-ittestjar seroloġiku għall-antikorpi kontra s-SARS-CoV-2, filwaqt li tqis ukoll id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta' dawn it-testijiet.
7.  
Meta, fil-każ ta' evidenza xjentifika emerġenti ġdida jew biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà mal-istandards internazzjonali u s-sistemi teknoloġiċi, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta' urġenza li jkunu jirrikjedu hekk, il-proċedura prevista fl-Artikolu 13 għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.
8.  
Meta l-Istati Membri jaċċettaw prova tal-fejqan mill-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 sabiex ineħħu r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti, skont il-liġi tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, huma għandhom jaċċettaw, taħt l-istess kundizzjonijiet, ċertifikati tal-fejqan maħruġin minn Stati Membri oħra skont dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Ċertifikati tal-COVID-19 u dokumentazzjoni oħra maħruġin minn pajjiż terz

1.  
Meta ċertifikat tat-tilqim ikun inħareġ f'pajjiż terz għal vaċċin kontra l-COVID-19 li jikkorrispondi ma' wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 imsemmijin fl-Artikolu 5(5) u l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu ngħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluża prova affidabbli tat-tilqim, dawk l-awtoritajiet jistgħu, fuq talba, joħorġu ċertifikat tat-tilqim kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) lill-persuna kkonċernata. Stat Membru ma għandux ikun meħtieġ joħroġ ċertifikat tat-tilqim għal vaċċin kontra l-COVID-19 li mhux awtorizzat għall-użu fit-territorju tiegħu.
2.  
Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi li ċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġin minn pajjiż terz f’konformità mal-istandards u s-sistemi teknoloġiċi li jkunu interoperabbli mal-qafas ta' fiduċja għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u li jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikat, u li jkun fihom id-data stabbilita fl-Anness, għandhom jiġu ttrattati bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikati maħruġin mill-Istati Membri f'konformità ma' dan ir-Regolament, għall-fini li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu fl-Unjoni.

Qabel ma tadotta tali att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk iċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġin mill-pajjiż terz jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.

L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).

Il-Kummissjoni għandha tqiegħed il-lista ta' atti ta' implimentazzjoni adottati skont dan il-paragrafu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

3.  
L-aċċettazzjoni, mill-Istati Membri taċ-ċertifikati msemmijin f'dan l-Artikolu għandha tkun soġġetta għall-Artikolu 5(5), l-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 7(8).
4.  
Fejn Stati Membri jaċċettaw ċertifikati tat-tilqim maħruġin minn pajjiż terz għal vaċċin kontra l-COVID-19 kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5), huma għandhom jaċċettaw wkoll, taħt l-istess kundizzjonijiet, ċertifikati tat-tilqim maħruġin minn Stat Membri oħra f'konformità ma' dan ir-Regolament għall-istess vaċċin kontra l-COVID-19.
5.  
Dan l-Artikolu għandu japplika għaċ-ċertifikati tal-COVID-19 u dokumentazzjoni oħra maħruġin minn pajjiżi u territorji ekstra-Ewropej imsemmijin fl-Artikolu 355(2) tat-TFUE u elenkati fl-Anness II tiegħu, u mill-Gżejjer Faeroe. Huwa ma għandux japplika għaċ-ċertifikati tal-COVID-19 u dokumentazzjoni oħra maħruġin fil-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej imsemmijin fl-Artikolu 355(2) tat-TFUE u elenkati fl-Anness II tiegħu, jew fil-Gżejjer Faeroe f'isem Stat Membru.

Artikolu 9

Speċifikazzjonijiet tekniċi

1.  

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-qafas ta' fiduċja stabbilit b'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkun fihom l-ispeċifikazzjonijiet u r-regoli tekniċi għall-fini li:

(a) 

jinħarġu u jiġu vverifikati b'mod sigur iċ-ċertifikati msemmijin fl-Artikolu 3(1);

(b) 

tiġi żgurata s-sigurtà tad-data personali, b'kont meħud tan-natura tad-data;

(c) 

jimtlew iċ-ċertifikati msemmijin fl-Artikolu 3(1), inkluża s-sistema ta' kodifikazzjoni u kwalunkwe element rilevanti ieħor;

(d) 

tiġi stabbilita l-istruttura komuni tal-identifikatur uniku taċ-ċertifikat;

(e) 

tinħareġ barcode valida, sigura u interoperabbli;

(f) 

isiru sforzi biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà mal-istandards internazzjonali u s-sistemi teknoloġiċi;

(g) 

jiġu allokati r-responsabbiltajiet fost il-kontrolluri u fir-rigward tal-proċessuri, f'konformità mal-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2016/679.

(h) 

tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-persuni b'diżabbiltà għall-informazzjoni li tinqara mill-bniedem li tinsab fiċ-ċertifikat diġitali u fiċ-ċertifikat stampat, f'konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà taħt il-liġi tal-Unjoni.

2.  
Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).
3.  
Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati, b'mod partikolari biex tiġi żgurata implimentazzjoni f'waqtha tal-qafas ta' fiduċja, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli f'konformità mal-proċedura msemmijin fl-Artikolu 14(3). L-atti ta' implimentazzjoni adottati skont dan il-paragrafu għandhom jibqgħu fis-seħħ għall-perijodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Protezzjoni ta' data personali

1.  
Ir-Regolament (UE) 2016/679 għandu japplika għall-ipproċessar tad-data personali mwettqin fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.
2.  
Għall-fini ta' dan ir-Regolament, id-data personali li tinsab fiċ-ċertifikati maħruġin skont dan ir-Regolament għandha tiġi pproċessata biss għall-fini ta' aċċess u verifika tal-informazzjoni inkluża fiċ-ċertifikat sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu fl-Unjoni matul il-pandemija tal-COVID-19. Wara t-tmiem tal-perijodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, ma għandu jseħħ l-ebda pproċessar ulterjuri.
3.  
Id-data personali inkluża fiċ-ċertifikati msemmijin fl-Artikolu 3(1) għandha tiġi pproċessata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' destinazzjoni jew ta' tranżitu, jew mill-operaturi tas-servizzi transfruntieri tat-trasport tal-passiġġieri meħtieġa mil-liġi nazzjonali biex jimplimentaw ċerti miżuri tas-saħħa pubblika matul il-pandemija tal-COVID-19, biex jivverifikaw u jikkonfermaw biss l-istat ta' tilqim, riżultat tat-test jew stat ta' fejqan tad-detentur. Għal dak il-għan, id-data personali għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ. Id-data personali li jinkiseb aċċess għaliha skont dan il-paragrafu ma għandhiex tinżamm.
4.  
Id-data personali pproċessata għall-fini tal-ħruġ taċ-ċertifikati msemmijin fl-Artikolu 3(1), inkluż il-ħruġ ta' ċertifikat ġdid, ma għandhiex tinżamm mill-emittent għal aktar żmien milli jkun strettament meħtieġ għall-fini tagħha u fl-ebda każ għal aktar żmien mill-perijodu li għalih iċ-ċertifikati jistgħu jintużaw biex jiġi eżerċitat id-dritt għall-moviment liberu.
5.  
L-ebda lista ta' revoka ta' ċertifikati skambjata bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2) ma għandha tinżamm wara t-tmiem tal-perijodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
6.  
L-awtoritajiet jew korpi maħturin oħra responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikati msemmijin fl-Artikolu 3(1) għandhom jitqiesu li huma kontrolluri kif definit fil-punt (7) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679.
7.  
Il-persuna fiżika jew ġuridika, l-awtorità pubblika, l-aġenzija jew korp ieħor li ta vaċċin kontra l-COVID-19 jew wettaq it-test li għalih ikun hemm obbligu li jinħareġ ċertifikat għandhom jittrażmettu lill-awtoritajiet jew korpi maħturin oħra responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikati, id-data personali meħtieġa biex jimtlew il-kampijiet tad-data stabbiliti fl-Anness.
8.  
Meta kontrollur kif imsemmi fil-paragrafu 6 jirrikorri għal proċessur għall-finijiet imsemmijin fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) 2016/679, ma jista' jsir ebda trasferiment ta' data personali mill-proċessur lejn pajjiż terz.

Artikolu 11

Restrizzjonijiet għall-moviment liberu u skambju ta' informazzjoni

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jimponu restrizzjonijiet għal raġunijiet ta' saħħa pubblika, meta l-Istati Membri jaċċettaw ċertifikati tat-tilqim, ċertifikati ta’ test li jindikaw riżultat negattiv jew ċertifikati ta’ fejqan, huma għandhom iżommu lura milli jimponu restrizzjonijiet addizzjonali għall-moviment liberu, bħal ittestjar addizzjonali relatat mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni mis-SARS-CoV-2 jew l-awtoiżolament jew kwarantina jew l-awtoiżolament mal-ivvjaġġar, dment li dawn ma jkunux meħtieġa u proporzjonati biex titħares is-saħħa pubblika b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li titqies ukoll l-evidenza xjentifika disponibbli, inkluża data epidemjoloġika ppubblikata mill-ECDC abbażi tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475.
2.  

Meta Stat Membru jesiġi, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, li d-detenturi taċ-ċertifikati msemmijin fl-Artikolu 3(1) jgħaddu, wara d-dħul fit-territorju tiegħu, minn kwarantina jew awtoiżolament jew li jiġu ttestjati għall-infezzjoni mis-SARS-CoV-2, jew jekk jimponi restrizzjonijiet oħra fuq id-detenturi ta' tali ċertifikati minħabba li, pereżempju, is-sitwazzjoni epidemjoloġika fi Stat Membru jew f'reġjun fi Stat Membru tmur għall-agħar malajr, b'mod partikolari b'riżultat ta' varjant tas-SARS-CoV-2 ta' tħassib jew interess, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan, jekk possibbli 48 siegħa qabel l-introduzzjoni ta' tali restrizzjonijiet ġodda. Għal dak il-għan, l-Istat Membru għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

ir-raġunijiet għal tali restrizzjonijiet;

(b) 

il-kamp ta' applikazzjoni ta' tali restrizzjonijiet, filwaqt li jispeċifika liema detenturi taċ-ċertifikat huma soġġetti għal tali restrizzjonijiet jew huma eżentati minnhom;

(c) 

id-data u t-tul ta' żmien ta’ tali restrizzjonijiet.

3.  
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-ħruġ u l-kundizzjonijiet ta' aċċettazzjoni taċ-ċertifikati msemmijin fl-Artikolu 3(1), inkluż il-vaċċini kontra l-COVID-19 li jaċċettaw skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5).
4.  
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-pubbliku b'informazzjoni ċara, komprensiva u f'waqtha fir-rigward tal-paragrafi 2 u 3. Bħala regola ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħmlu dik l-informazzjoni disponibbli pubblikament 24 siegħa qabel ma r-restrizzjonijiet il-ġodda jidħlu fis-seħħ, b'kont meħud tal-ħtieġa ta' xi flessibbiltà għal emerġenzi epidemjoloġiċi. Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri tista' ssir disponibbli pubblikament mill-Kummissjoni b'mod ċentralizzat.

Artikolu 12

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmijin fl-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7(1) u (2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' 12-il xahar mill-1 ta’ Lulju 2021.
3.  
Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7(1) u (2) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta ma' esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 7(1) jew (2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 13

Proċedura ta' urġenza

1.  
L-atti delegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta' att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta' urġenza.
2.  
Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(6). F'każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Artikolu 14

Proċedura ta' Kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 15

Perijodu ta’ introduzzjoni gradwali

1.  
Iċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġin minn Stat Membru qabel l-1 ta’ Lulju 2021 għandhom jiġu aċċettati mill-Istati Membri l-oħra sat-12 ta' Awwissu 2021 f'konformità mal-Artikolu 5(5), l-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 7(8), fejn ikun fihom id-data stabbilita fl-Anness.
2.  
Meta Stat Membru ma jkunx jista' joħroġ iċ-ċertifikati msemmijin fl-Artikolu 3(1) f'format li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament mill-1 ta’ Lulju 2021, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan. Fejn ikun fihom id-data stabbilita fl-Anness, iċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġin minn tali Stat Membru f’format li ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament għandhom jiġu aċċettati mill-Istati Membri l-oħra f'konformità mal-Artikolu 5(5), l-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 7(8) sat-12 ta’ Awwissu 2021.

Artikolu 16

Rapporti tal-Kummissjoni

1.  

Sal-31 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi ħarsa ġenerali fuq:

(a) 

l-għadd ta' ċertifikati maħruġin skont dan ir-Regolament;

(b) 

gwida mitluba skont l-Artikolu 3(11) dwar l-evidenza xjentifika disponibbli u l-livell ta' standardizzazzjoni rigward il-ħruġ possibbli ta' ċertifikati tal-fejqan abbażi ta' testijiet tal-antikorpi, inkluż l-ittestjar seroloġiku għall-antikorpi kontra s-SARS-CoV-2, filwaqt li jitqiesu d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta' dawn it-testijiet; u

(c) 

l-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 11.

2.  
Sal-31 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Ir-rapport għandu jinkludi, b'mod partikolari, valutazzjoni tal-impatt ta' dan ir-Regolament dwar il-faċilitazzjoni tal-moviment liberu, inkluż dwar l-ivvjaġġar u t-turiżmu u l-aċċettazzjoni ta' tipi differenti ta' vaċċini, id-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni, kif ukoll dwar il-protezzjoni tad-data personali matul il-pandemija tal-COVID-19.

Ir-rapport jista' jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi, b'mod partikolari biex jiġi estiż il-perijodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

SETTIJIET TAD-DATA TAĊ-ĊERTIFIKAT

1. 

Kampijiet tad-data li jridu jiġu inklużi fiċ-ċertifikat tat-tilqim:

(a) 

isem: kunjom/ijiet u isem/ismijiet, f'dik l-ordni;

(b) 

data tat-twelid;

(c) 

mard jew aġent fil-mira; COVID-19 (SARS-CoV-2 jew wieħed mill-varjanti tiegħu);

(d) 

vaċċin kontra l-COVID-19 jew profilassi;

(e) 

isem tal-prodott tal-vaċċin kontra l-COVID-19;

(f) 

detentur tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-vaċċin kontra l-COVID-19 jew manifattur tal-vaċċin

(g) 

għadd f'sensiela ta' dożi kif ukoll l-għadd totali ta' dożijiet fis-serje;

▼M1

(h) 

id-data tat-tilqim, li turi d-data tal-aħħar doża riċevuta (ċertifikati li juru t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim għandhom jiġu aċċettati biss jekk ma jkunux għaddew aktar minn 270 jum mid-data tal-aħħar doża f’dik is-serje);

▼B

(i) 

Stat Membru jew pajjiż terz li fih ġie mogħti l-vaċċin;

(j) 

emittent taċ-ċertifikat;

(k) 

identifikatur uniku taċ-ċertifikat.

2. 

Kampijiet tad-data li għandhom jiġu inklużi fiċ-ċertifikat tat-test:

(a) 

isem: kunjom/ijiet u isem/ismijiet, f'dik l-ordni;

(b) 

data tat-twelid;

(c) 

mard jew aġent fil-mira; COVID-19 (SARS-CoV-2 jew wieħed mill-varjanti tiegħu);

(d) 

it-tip ta' test;

(e) 

isem tat-test (fakultattiv għat-test NAAT);

(f) 

il-manifattur tat-test (fakultattiv għat-test NAAT);

(g) 

data u ħin tal-ġbir tal-kampjun għat-test;

(h) 

riżultat tat-test;

(i) 

ċentru jew faċilità tal-ittestjar (fakultattiv għat-test rapidu tal-antiġeni);

(j) 

Stat Membru jew pajjiż terz li fih sar it-test;

(k) 

emittent taċ-ċertifikat;

(l) 

identifikatur uniku taċ-ċertifikat.

3. 

Kampijiet tad-data li għandhom jiġu inklużi fiċ-ċertifikat tal-fejqan:

(a) 

isem: kunjom/ijiet u isem/ismijiet, f'dik l-ordni;

(b) 

data tat-twelid;

(c) 

mard jew aġent li d-detentur ikun fieq minnu: COVID-19 (SARS-CoV-2 jew wieħed mill-varjanti tiegħu);

(d) 

data tal-ewwel riżultat pożittiv tat-test NAAT tad-detentur;

(e) 

Stat Membru jew pajjiż terz li fih sar it-test;

(f) 

emittent taċ-ċertifikat;

(g) 

ċertifikat validu minn;

(h) 

ċertifikat validu sa (mhux aktar minn 180 jum wara d-data tal-ewwel riżultat pożittiv tat-test NAAT);

(i) 

identifikatur uniku taċ-ċertifikat.