02021R0520 — MT — 02.07.2021 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/520

tal-24 ta’ Marzu 2021

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 104 25.3.2021, p. 39)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1064 tat-28 ta’ Ġunju 2021

  L 229

8

29.6.2021




▼B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/520

tal-24 ta’ Marzu 2021

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni

▼M1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-Istati Membri ( 1 ) dwar:

▼B

(1) 

l-iskadenzi għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-operaturi għar-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma f’bażijiet tad-data kompjuterizzati;

(2) 

aċċess uniformi għad-data li tinsab fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-regoli operazzjonali ta’ tali bażijiet tad-data;

(3) 

il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tekniċi għall-iskambju ta’ data elettronika fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma bejn il-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri u r-rikonoxximent tal-operabbiltà sħiħa ta’ sistema ta’ skambju ta’ data;

(4) 

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-formati u d-disinn għall-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma;

(5) 

ir-rekwiżiti tekniċi għall-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-psittacidae miżmuma;

(6) 

il-perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma li twieldu fl-Unjoni jew wara li dawk l-annimali jkunu daħlu fl-Unjoni;

(7) 

il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, kamelidi u ċervidi miżmuma;

(8) 

it-tneħħija, il-modifika u s-sostituzzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u l-iskadenzi għal tali operazzjonijiet;

(9) 

miżuri tranżitorji dwar l-approvazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu applikati d-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035.



Kapitolu 2

Bażijiet tad-Data Kompjuterizzati

Artikolu 3

Skadenzi u proċeduri għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-operaturi għar-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma

1.  
L-operaturi li jżommu annimali bovini, ovini, kaprini u porċini għandhom jittrażmettu l-informazzjoni dwar movimenti, twelid u mwiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2016/429 u dwar movimenti msemmija fl-Artikolu 113(1)(c) ta’ dak ir-Regolament u fil-punt (b) tal-Artikolu 56 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 għar-reġistrazzjoni fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati stabbiliti għal dawk l-ispeċijiet f’perjodu ta’ żmien għat-trażmissjoni li għandu jiġi ddeterminat mill-Istati Membri. Il-perjodu ta’ żmien massimu biex tiġi trażmessa l-informazzjoni ma għandux jaqbeż 7 ijiem wara l-moviment, it-twelid jew il-mewt tal-annimali, kif applikabbli.
2.  
Fil-każ ta’ twelid, meta jiddeterminaw il-perjodu ta’ żmien massimu għat-trażmissjoni tal-informazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jużaw id-data meta l-mezz ta’ identifikazzjoni jiġi applikat għall-annimal bħala l-punt tat-tluq tal-perjodu ta’ żmien ikkonċernat, sakemm ma jkunx hemm riskju ta’ konfużjoni bejn din id-data u d-data tat-twelid tal-annimal.
3.  

B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista’ testendi l-perjodu ta’ żmien massimu biex tittrażmetti l-informazzjoni dwar il-movimenti msemmija fil-paragrafu 1 sa 14-il jum wara l-movimenti ta’ annimali bovini fl-istess Stat Membru minn stabbilimenti tal-oriġini għal stabbilimenti tal-mergħat reġistrati li jinsabu f’żoni muntanjużi għar-ragħa. L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li taċċetta listi tal-annimali bovini soġġetti għal movimenti lejn stabbilimenti tal-mergħat reġistrati mill-operaturi ta’ dawk l-istabbilimenti. Dawk il-listi għandhom jinkludu:

(a) 

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment tal-mergħat reġistrat;

(b) 

il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali;

(c) 

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment tal-oriġini;

(d) 

id-data tal-wasla tal-annimali fl-istabbiliment tal-mergħa rreġistrat;

(e) 

id-data stmata tat-tluq tal-annimali mill-istabbiliment tal-mergħat reġistrat.

Artikolu 4

Aċċess uniformi għad-data li tinsab fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi li jżommu annimali bovini, ovini, kaprini u porċini jkollhom, fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas, mill-inqas aċċess ta’ qari biss għal minimu ta’ informazzjoni relatata mal-istabbilimenti tagħhom li tinsab fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati msemmija fl-Artikolu 109(1)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) 2016/429.

Artikolu 5

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma msemmija fl-Artikolu 109(1)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) 2016/429 huma stabbiliti b’tali mod li l-informazzjoni reġistrata f’dawk il-bażijiet tad-data tkun tista’ tiġi skambjata bejn bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri fil-format stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Regoli operazzjonali ta’ bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa biex jiżguraw li l-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma msemmija fl-Artikolu 109(1)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) 2016/429 ikomplu joperaw quddiem xkiel potenzjali. Dawk il-miżuri għandhom jiggarantixxu wkoll is-sigurtà, l-integrità u l-awtentiċità tal-informazzjoni reġistrata f’tali bażijiet tad-data.

Artikolu 7

Kundizzjonijiet u modalitajiet tekniċi għall-iskambju elettroniku ta’ data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma bejn il-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri

1.  
Meta l-Istati Membri jiskambjaw b’mod elettroniku ma’ Stati Membri oħra data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 44 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, dik id-data għandha tiġi skambjata fil-format tad-Definizzjoni tal-Iskema XML magħmula disponibbli mill-Kummissjoni lill-awtorità kompetenti.
2.  
L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tal-oriġini tal-annimali bovini miżmuma maħsuba biex jiġu mċaqalqa għandha tiżgura li d-data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni tiġi trażmessa b’mod elettroniku lill-Istat Membru tad-destinazzjoni qabel it-tluq tal-annimali, u li tiġi pprovduta kronogramma ma’ kull trażmissjoni.

Artikolu 8

Rikonoxximent tal-operabbiltà sħiħa ta’ sistema għall-iskambju elettroniku ta’ data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma bejn il-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri

1.  
L-Istati Membri li jiskambjaw b’mod elettroniku data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni permezz ta’ sistema stabbilita mill-Kummissjoni u mfassla għall-iskambju ta’ data fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma bejn il-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri għandhom jiġu rikonoxxuti bħala li għandhom sistema ta’ operabbiltà sħiħa.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tippubblika fuq is-sit web tagħha l-lista tal-Istati Membri li jiskambjaw data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni permezz ta’ dik is-sistema.



KAPITOLU 3



MEZZI TA’ IDENTIFIKAZZJONI

Artikolu 9

Speċifikazzjonijiet tekniċi, formati u disinn għall-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma

1.  
L-awtorità kompetenti għandha tapprova biss l-użu ta’ ċombiet tal-widna konvenzjonali jew ta’ faxex tal-pastur konvenzjonali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma, jekk dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jissodisfaw l-ispeċifikazzjoni teknika stabbilita fil-Parti 1 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
2.  
L-awtorità kompetenti għandha tapprova biss l-użu ta’ tattoos imsemmija fil-punt (g) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ annimali ovini, kaprini, porċini u ċervidi miżmuma, kif previst fl-Artikolu 46(2) u (3) u fl-Artikoli 52(1)(b), 73(2)(c) u 76(1)(c) ta’ dak ir-Regolament Delegat, jekk dawk it-tattoos jiżguraw marki li ma jitħassrux u li jkunu jistgħu jinqraw kif xieraq.
3.  
L-awtorità kompetenti għandha tapprova biss l-użu ta’ identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma, jekk dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punti (c) u (f) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 għandhom jissodisfaw l-ispeċifikazzjoni teknika stabbilita fil-Parti 1 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
4.  

B’deroga mill-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti tista’ tapprova l-użu ta’ ċombiet tal-widna elettroniċi bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ annimali porċini miżmuma, jekk dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-Istat Membru fejn jinżammu l-annimali porċini, u juru b’mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku ta’:

(a) 

l-istabbiliment tat-twelid tal-annimali; jew

(b) 

l-aħħar stabbiliment tal-katina tal-provvista msemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, meta dawk l-annimali jiġu mċaqalqa lejn stabbiliment barra minn dik il-katina tal-provvista.

Artikolu 10

Speċifikazzjonijiet tekniċi, formati u disinn għall-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-psittacidae miżmuma

1.  

L-operaturi li jżommu l-psittacidae għandhom jiżguraw li:

(a) 

iċ-ċurkett fis-sieq imsemmi fl-Artikolu 76(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(b) 

it-tattoo msemmi fl-Artikolu 76(1)(c) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jiżgura marka li ma titħassarx u li tkun tista’ tinqara kif xieraq.

2.  
L-awtorità kompetenti għandha tapprova biss l-użu ta’ transponders injettabbli msemmija fl-Artikolu 76(1)(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ psittacidae miżmuma, jekk dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-punt 2 tal-Parti 2 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Regoli operazzjonali għall-approvazzjoni ta’ identifikaturi elettroniċi ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u l-psittacidae

1.  
Meta tagħti l-approvazzjoni tal-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u psittacidae, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-manifatturi tal-identifikaturi elettroniċi jkunu pprovdew evidenza li t-testijiet tal-konformità u tal-prestazzjoni msemmija fil-punt 4 tal-Parti 2 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament ikunu saru f’ċentri ta’ ttestjar akkreditati skont l-istandard ISO/IEC 17025 “Rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza tal-laboratorji tal-ittestjar u tal-kalibrazzjoni”.
2.  
Meta tagħti l-approvazzjoni tal-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista’ teħtieġ li l-manifatturi tal-identifikaturi elettroniċi japplikaw testijiet addizzjonali għal robustezza u reżistenza biex jiżguraw il-funzjonalità tagħhom skont il-kundizzjonijiet ġeografiċi jew klimatiċi speċifiċi tal-Istat Membru kkonċernat skont l-istandards stabbiliti minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 12

Konfigurazzjoni tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, kamelidi u ċervidi miżmuma

Il-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, kamelidi u ċervidi miżmuma għandu jkun kif ġej:

▼M1

(a) 

l-ewwel element tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni għandu jkun il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru fejn il-mezz ta’ identifikazzjoni jkun ġie applikat għall-ewwel darba għall-annimali, fil-format ta’:

(i) 

il-kodiċi b’żewġ ittri f’konformità mal-istandard ISO 3166–1 alpha–2, ħlief għall-Greċja, li għaliha għandu jintuża l-kodiċi b’żewġ ittri “EL”, u għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, li għaliha għandu jintuża l-kodiċi b’żewġ ittri “XI”; jew

(ii) 

il-kodiċi tal-pajjiż bi tliet ċifri f’konformità mal-istandard ISO 3166–1 numeriku, ħlief għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, li għalih għandu jintuża “899”;

▼B

(b) 

it-tieni element tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni għandu jkun kodiċi uniku għal kull annimal li ma jaqbiżx it-12-il karattru numeriku.

Artikolu 13

Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini miżmuma

1.  
L-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2016/429 jiġu applikati għall-annimali bovini miżmuma qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu wara t-twelid, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li fih ikunu twieldu l-annimali. Il-perjodu ta’ żmien massimu għandu jiġi kkalkulat mid-data tat-twelid tal-annimali u ma għandux jaqbeż 20 jum.
2.  
B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi biex jestendu l-perjodu ta’ żmien massimu għall-applikazzjoni tat-tieni mezz ta’ identifikazzjoni sa 60 jum, wara d-data tat-twelid tal-annimali, għal raġunijiet relatati mal-iżvilupp fiżjoloġiku tal-annimali, jekk it-tieni mezz ta’ identifikazzjoni huwa bolus ruminali.
3.  

B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi biex jestendu l-perjodu ta’ żmien massimu msemmi fil-paragrafu 1 sa 9 xhur, bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-annimali:

(i) 

jkunu mrobbija f’kundizzjonijiet estensivi, bl-għoġġiela jibqgħu ma’ ommhom;

(ii) 

ma jkunux imdorrija jkollhom kuntatt regolari mal-bnedmin;

(b) 

iż-żona fejn jinżammu l-annimali, tiżgura livell għoli ta’ iżolament tal-annimali;

(c) 

l-estensjoni ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali.

L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-awtorizzazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għal reġjuni ġeografiċi partikolari jew għal speċijiet jew razez speċifiċi ta’ annimali bovini miżmuma.

4.  
L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal bovin miżmum ma jħalli l-istabbiliment tat-twelid sakemm ma jkunux ġew applikati l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2016/429 għal dawk l-annimali.

Artikolu 14

Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali ovini u kaprini miżmuma

1.  
L-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 113(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/429 jiġu applikati għall-annimali ovini u kaprini miżmuma qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu wara t-twelid, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li fih ikunu twieldu l-annimali. Il-perjodu ta’ żmien massimu għandu jiġi kkalkulat mid-data tat-twelid tal-annimali u ma għandux jaqbeż 9 xhur.
2.  
L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal ovin jew kaprin miżmum ma jħalli l-istabbiliment tat-twelid sakemm ma jkunux ġew applikati l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 113(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/429 għal dawk l-annimali.

Artikolu 15

Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali porċini miżmuma

1.  
L-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) 2016/429 jiġu applikati għall-annimali porċini miżmuma qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu wara t-twelid, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li fih ikunu twieldu l-annimali. Il-perjodu ta’ żmien massimu għandu jiġi kkalkulat mid-data tat-twelid tal-annimali u ma għandux jaqbeż 9 xhur.
2.  
L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal porċin miżmum ma jħalli l-istabbiliment tat-twelid jew joħroġ mill-katina tal-provvista sakemm ma jkunux ġew applikati l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) 2016/429 għal dawk l-annimali.

Artikolu 16

Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali kamelidi u ċervidi miżmuma

1.  
L-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 73(1) u (2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jiġu applikati għall-annimali kamelidi u ċervidi miżmuma qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu wara t-twelid, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li fih ikunu twieldu l-annimali. Il-perjodu ta’ żmien massimu għandu jiġi kkalkulat mid-data tat-twelid tal-annimali u ma għandux jaqbeż 9 xhur.
2.  
L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal kamelid jew ċervid miżmum ma jħalli l-istabbiliment tat-twelid jew l-istabbiliment tal-ewwel wasla jekk dak l-annimal ikun ġie mċaqlaq lejn dak l-istabbiliment mill-ħabitat fejn ikun qagħad bħala annimal selvaġġ, sakemm il-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 73(1) u (2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ma jkunux ġew applikati għal dawk l-annimali.
3.  
L-awtorità kompetenti tista’ teżenta lill-operaturi li jżommu r-renni mir-rekwiżiti fil-paragrafi 1 u 2, sakemm l-eżenzjoni ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali.
4.  

B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-operaturi li jżommu annimali ċervidi mir-rekwiżiti fil-paragrafu 1, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-annimali:

(i) 

jkunu mrobbija f’kundizzjonijiet estensivi;

(ii) 

ma jkunux imdorrija jkollhom kuntatt regolari mal-bnedmin;

(b) 

iż-żona fejn jinżammu l-annimali, tiżgura livell għoli ta’ iżolament tal-annimali;

(c) 

l-eżenzjoni ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali.

Artikolu 17

Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni

1.  
Wara d-dħul fl-Unjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u fejn dawk l-annimali jibqgħu fl-Unjoni, l-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 81 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jiġu applikati għal dawk l-annimali fi żmien 20 jum mill-wasla tagħhom fl-istabbiliment tal-ewwel wasla.
2.  
B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri tal-ewwel wasla jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi biex jestendu l-perjodu ta’ żmien massimu għall-applikazzjoni tat-tieni mezz ta’ identifikazzjoni sa 60 jum, wara d-data tat-twelid tal-annimali, għal raġunijiet relatati mal-iżvilupp fiżjoloġiku tal-annimali, jekk it-tieni mezz ta’ identifikazzjoni jkun bolus ruminali.
3.  
L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal bovin, ovin, kaprin, porċin, kamelid jew ċervid ma jħalli l-istabbiliment tal-ewwel wasla sakemm ma jkunux ġew applikati l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 81 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 għal dawk l-annimali.

Artikolu 18

It-tneħħija u l-modifika ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma

L-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza biss lill-operaturi biex ineħħu jew jimmodifikaw il-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma jekk it-tneħħija jew il-modifika ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali, inkluża t-traċċabbiltà tal-istabbiliment li fih ikunu twieldu, u jekk l-identifikazzjoni individwali tal-annimali, jekk applikabbli, tibqa’ possibbli.

Artikolu 19

Sostituzzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u skadenzi għal tali operazzjonijiet

1.  
L-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza biss lill-operaturi biex jissostitwixxu l-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma jekk is-sostituzzjoni ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali, inkluża t-traċċabbiltà tal-istabbiliment li fih ikunu twieldu, u jekk l-identifikazzjoni individwali tal-annimali, jekk applikabbli, tibqa’ possibbli.
2.  

Is-sostituzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi awtorizzata kif ġej:

(a) 

meta l-annimali jkunu ġew identifikati b’żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni u wieħed minn dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jkun sar illeġibbli jew ikun intilef, sakemm il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali jibqa’ l-istess u jkompli jaqbel mal-kodiċi dwar il-mezzi ta’ identifikazzjoni li jifdal;

(b) 

meta l-annimali jkunu ġew identifikati b’mezz wieħed jew tnejn ta’ identifikazzjoni li juru l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali u dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jkunu saru illeġibbli jew ikunu ntilfu, sakemm jibqa’ possibbli li jiġi ddeterminat il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali b’ċertezza raġonevoli u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali jibqa’ l-istess;

(c) 

meta annimali ovini, kaprini jew porċini miżmuma jkunu ġew identifikati permezz ta’ mezz ta’ identifikazzjoni li juri n-numru ta’ reġistrazzjoni uniku ta’ stabbiliment u dak il-mezz ta’ identifikazzjoni jkun sar illeġibbli jew ikun intilef, sakemm jibqa’ possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza raġonevoli l-istabbiliment tat-twelid tal-annimali jew, jekk applikabbli, l-aħħar stabbiliment tal-katina tal-provvista, u li l-mezz ta’ identifikazzjoni ta’ sostituzzjoni juri n-numru ta’ reġistrazzjoni uniku ta’ dak l-istabbiliment jew, jekk applikabbli, dak l-aħħar stabbiliment.

(d) 

fil-każ ta’ annimali ovini u kaprini miżmuma, tista’ tiġi awtorizzata s-sostituzzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) b’mezzi ġodda ta’ identifikazzjoni li juru kodiċi ta’ identifikazzjoni ġdid, sakemm it-traċċabbiltà ma tiġix kompromessa.

3.  
Is-sostituzzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir malajr kemm jista’ jkun u qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun awtorizzat lill-operaturi biex jissostitwixxu l-mezzi ta’ identifikazzjoni, u qabel ma l-annimali jiġu mċaqalqa lejn stabbiliment ieħor.
4.  
Meta l-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma li jidher fuq il-mezz ta’ identifikazzjoni msemmi fil-punti (a) u (b) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ma jkunx jista’ jiġi riprodott fuq identifikatur elettroniku minħabba limitazzjonijiet tekniċi, l-awtorità kompetenti għandha tippermetti biss l-applikazzjoni ta’ identifikatur elettroniku ġdid li juri kodiċi ta’ identifikazzjoni ġdid għal dawk l-annimali, jekk iż-żewġ kodiċijiet ta’ identifikazzjoni jiġu rreġistrati fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati msemmija fl-Artikolu 109(1) tar-Regolament (UE) 2016/429.



KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 20

Miżuri tranżitorji rigward l-approvazzjonijiet ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni

B’deroga mill-Artikoli 9, 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament, għal perjodu tranżitorju li jintemm fl-20 ta’ April 2023, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw il-mezzi ta’ identifikazzjoni approvati qabel il-21 ta’ April 2021 skont ir-Regolamenti (KE) Nru 1760/2000 u (KE) Nru 21/2004 u d-Direttiva 2008/71/KE, kif ukoll l-atti adottati abbażi ta’ dawk ir-Regolamenti u dik id-Direttiva.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-21 ta’ April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-formati tal-informazzjoni fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma



Tip ta’ informazzjoni

Deskrizzjoni

Format

Kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal

Kodiċi tal-pajjiż

Waħda mill-għażliet li ġejjin:

Kodiċi bl-ittri: Kodiċi tal-ISO 3166-1 alpha-2 (1)

Kodiċi numeriku: Kodiċi numeriku tal-ISO 3166–1

Kodiċi uniku għal kull annimal

12-il karattru numeriku

Identifikatur elettroniku (fakultattiv)

 

Waħda mill-għażliet li ġejjin:

— Ċomba tal-widna elettronika

— Bolus ruminali

— Transponder injettabbli

— Faxxa tal-pastur elettronika

Numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment

 

Kodiċi tal-pajjiż segwit minn 12-il karattru alfanumeriku

Isem l-operatur tal-istabbiliment

 

140 karattru alfanumeriku

L-indirizz tal-operatur tal-istabbiliment

Isem it-triq u n-numru tad-dar

140 karattru alfanumeriku

Kodiċi postali

10 karattri alfanumeriċi

Belt

35 karattru alfanumeriku

Data

 

Data (SSSS-XX-JJ)

Għadd totali ta’ annimali

 

15-il karattru numeriku

(1)   

Ħlief fil-każ tal-Greċja, fejn għandu jintuża l-kodiċi biż-żewġ ittri “EL”.




ANNESS II

IL-PARTI 1

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi, ċervidi u psittacidae miżmuma

1. Il-mezzi tal-identifikazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (c), (f) u (h) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi, ċervidi u psittacidae miżmuma għandhom ikunu:

(a) 

mhux riutilizzabbli;

(b) 

magħmulin minn materjal li ma jiddegradax;

(c) 

li ma jistgħux jiġu ffalsifikati;

(d) 

jibqgħu jinqraw faċilment tul il-ħajja tal-annimali;

(e) 

magħmulin b’mod li jistgħu jibqgħu mwaħħlin mal-annimali mingħajr ma jagħmlulhom ħsara;

(f) 

jitneħħew faċilment mill-katina alimentari.

2. Il-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt 1 għandhom juru wieħed minn dawn l-indikazzjonijiet li ġejjin b’mod viżibbli, li jista’ jinqara faċilment, u li ma jitħassar qatt:

(a) 

l-ewwel u t-tieni elementi tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali f’konformità mal-Artikolu 12;

(b) 

in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment fejn jinżammu l-annimali msemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035; jew

(c) 

il-kodiċi alfanumeriku msemmi fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035.

3. Il-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt 1 jista’ jkun fihom informazzjoni oħra wkoll jekk dan ikun awtorizzat mill-awtorità kompetenti, u dejjem jekk il-mezz ta’ identifikazzjoni jikkonforma mar-rekwiżiti tal-punt 2.

IL-PARTI 2

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-mezzi ta’ identifikazzjoni elettroniċi tal-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma

1. L-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 għandhom juru l-ewwel element tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali, din tkun it-tliet ċifri tal-kodiċi tal-pajjiż u t-tieni element fil-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali f’konformità mal-Artikolu 12.

2. L-identifikaturi elettroniċi msemmijin fil-punt 1 għandhom ikunu:

(a) 

transponders passivi li jinqraw biss, li jużaw it-teknoloġija HDX jew FDX-B, u li jikkonformaw mal-istandards tal-ISO 11784 u 11785; u

(b) 

li jinqraw permezz ta’ apparati li jikkonformaw mal-istandard tal-ISO 11785 u li huma kapaċi jaqraw it-transponders HDX u FDX-B.

3. L-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punt 1 għandhom ikunu jistgħu jinqraw mid-distanzi minimi li jidhru hawn taħt:

(a) 

għall-annimali bovini miżmuma:

(i) 

12-il ċentimetru għaċ-ċombi tal-widnejn meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

(ii) 

15-il ċentimetru għat-transponders injettabbli; meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

(iii) 

25 ċentimetru għall-boluses ruminali meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

(iv) 

80 ċentimetru għall-identifikaturi elettroniċi kollha meta jinqraw b’apparat tal-qari stazzjonarju;

(b) 

għall-annimali ovini u kaprini miżmuma:

(i) 

12-il ċentimetru għaċ-ċombi tal-widnejn u għall-faxex tal-pastur meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

(ii) 

20 ċentimetru għall-boluses ruminali u għat-trasponders injettabbli meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

(iii) 

50 ċentimetru għall-identifikaturi elettroniċi kollha meta jinqraw b’apparat tal-qari stazzjonarju.

4. L-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punt 1 għandhom ikunu ġew ittestjati u taw riżultat tajjeb rigward:

(a) 

il-konformità mal-istandards tal-ISO 11784 u 11785 f’konformità mal-metodu msemmi fil-punt 7 tal-istandard tal-ISO 24631-1; u

(b) 

il-prestazzjoni minima għad-distanzi tal-qari msemmija fil-punt 3 ta’ din il-Parti, f’konformità mal-metodu msemmi fil-punt 7 tal-istandard tal-ISO 24631-3.



( 1 ) F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għall-Istati Membri jew għall-Unjoni jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.