02020R1070 — MT — 14.08.2024 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1070

tal-20 ta’ Lulju 2020

dwar l-ispeċifikazzjoni tal-karatteristiċi tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 234 21.7.2020, p. 11)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2000 tal-24 ta' Lulju 2024

  L 2000

1

25.7.2024




▼B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1070

tal-20 ta’ Lulju 2020

dwar l-ispeċifikazzjoni tal-karatteristiċi tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“Potenza rradjata iżotropikament ekwivalenti (EIRP)” tfisser il-multiplikazzjoni tal-potenza fornuta lill-antenna u l-gwadann tal-antenna f’direzzjoni partikolari relattiva għal antenna iżotropika (gwadann assolut jew iżotropiku);

(2) 

“sistema tal-antenni” tfisser parti fiżika ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li tirradja l-enerġija tal-frekwenza tar-radju biex tipprovdi konnettività bla fili lill-utenti finali;

(3) 

“sistema ta’ antenna attiva (AAS)” tfisser sistema ta’ antenna fejn l-amplitudni jew il-fażi, jew it-tnejn li huma, bejn l-elementi tal-antenna jiġu aġġustati kontinwament biex iwasslu għal mudell tal-antenna li jvarja skont il-bidliet fi żmien qasir fl-ambjent tar-radju; dan jeskludi t-tiswir tar-raġġi fit-tul bħall-inklinazzjoni elettrika fissa dixxendenti; f’punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li jkun mgħammar b’AAS, din tal-aħħar tkun integrata bħala parti mill-punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira;

(4) 

“fuq ġewwa” tfisser kwalunkwe spazju, inkluż il-vetturi tat-trasport, li jkollhom saqaf jew xi struttura fissa jew li tiċċaqlaq jew apparat li kapaċi jkopri dak l-ispazju kollu, u bl-eċċezzjoni tal-bibien, it-twieqi u l-passaġġi, ikun magħluq kollu b’ħitan jew ġnub, b’mod permanenti jew temporanju, irrispettivament mit-tip ta’ materjal użat għas-saqaf, il-ħitan jew il-ġnub, u irrispettivament minn jekk l-istruttura tkunx permanenti jew temporanja;

(5) 

“fuq barra” tfisser kwalunkwe spazju li ma jkunx fuq ġewwa.

Artikolu 3

1.  

Il-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-istandard Ewropew stabbiliti fil-punt B tal-Anness ta’ dan ir-Regolament u għandhom:

(a) 

ikunu integrati b’mod sħiħ u sikur fl-istruttura ta’ support tagħhom, u għalhekk ikunu inviżibbli għall-pubbliku ġenerali; jew

(b) 

jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt A tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.  
Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-livelli aggregati tal-kampijiet elettromanjetiċi li jirriżultaw mill-kolokazzjoni jew mill-aggregazzjoni f’żona lokali ta’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira, u li jiżguraw il-konformità mal-limiti aggregati applikabbli tal-esponiment għall-kampijiet elettromanjetiċi f’konformità mad-dritt tal-Unjoni b’mezzi oħra għajr permessi individwali relatati mal-introduzzjoni ta’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira.

▼M1

3.  
L-operaturi li jkunu varaw punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira tal-klassijiet E2 jew E10 li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom xahar mill-varar ta’ kull punt tal-aċċess biex jinnotifikaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti dwar l-installazzjoni u l-post ta’ dawk il-punti tal-aċċess kif ukoll jekk dawk il-punti tal-aċċess jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punt (a) jew (b).

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1), inkluż dwar it-teknoloġiji użati mill-punti tal-aċċess bla fili f’żoni żgħar varati, l-ewwel darba sal-31 ta’ Diċembru 2021, u mbagħad kull sena sal-31 ta’ Diċembru 2023. Mill-1 ta’ Jannar 2024, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kull sentejn-, l-ewwel darba sal-31 ta’ Marzu 2026. Ir-rapporti rilevanti għandhom kull wieħed ikopru perjodu ta’ sentejn kalendarji u għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara li jintemm il-perjodu tar-rappurtar.

▼B

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-21 ta’ Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M1




ANNESS

A.    Il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-punt (b)

(1) Il-volum totali tal-parti viżibbli għall-pubbliku ġenerali ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li jservi utent tal-ispettru tar-radju wieħed jew aktar ma għandux jaqbeż it-30 litru.

(2) Il-volum totali tal-partijiet viżibbli għall-pubbliku ġenerali ta’ bosta punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li jikkondividu l-istess sit infrastrutturali ta’ superfiċe individwali delimitata, bħal arblu tad-dawl, dawl tat-traffiku, billboard jew sinjal tal-waqfa tal-karozza tal-linja, ma għandux jaqbeż it-30 litru.

(3) Meta s-sistema tal-antenna u elementi oħra tal-punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira, bħal unità tal-frekwenza tar-radju, proċessur diġitali, unità tal-ħżin, sistema tat-tkessiħ, provvista tal-enerġija, konnessjonijiet tal-cables, elementi tal-backhaul jew elementi għall-ertjar u t-twaħħil, jiġu installati separatament, kull porzjon minnhom li jaqbeż it-30 litru għandu jkun inviżibbli għall-pubbliku ġenerali.

(4) Il-punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira għandu jkollu konsistenza viżiva mal-istruttura tas-sapport u jkollu daqs proporzjonat fir-rigward tad-dimensjonijiet kumplessivi tal-istruttura tas-sapport, forma koerenti, kuluri newtrali li jaqblu jew li jmorru mal-istruttura tas-sapport, kif ukoll cables moħbija, u ma għandux joħloq konfużjoni viżiva flimkien ma’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira oħra li diġà jkunu installati fl-istess sit jew f’siti biswitu.

(5) Il-piż ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira u l-forma tiegħu ma għandhomx jimponu t-tisħiħ strutturali tal-istruttura tas-sapport.

(6) Punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira tal-klassi tal-installazzjoni E10 għandu jiġi varat biss fi spazji fuq barra, jew fi spazji fuq ġewwa mdaqqsin b’saqaf għoli mill-inqas 4 metri.

B.    Rekwiżiti tal-istandard Ewropew imsemmi fl-Artikolu 3(1)

(1) Il-varar ta’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira għandu jkun konformi mal-klassijiet tal-installazzjoni E0, E2 u E10 stabbiliti fil-klawżola 6.2.5, it-Tabella 2 tal-istandard Ewropew EN 62232:2022 “Determination of RF field strength, power density and SAR in the vicinity of base stations for the purpose of evaluating human exposure”.

(2) Fil-każ ta’ bosta sistemi tal-antenna kolokati (jew ta’ porzjonijiet minnhom) ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira wieħed jew aktar soġġetti għal dan ir-Regolament, il-kriterji għall-EIRP stabbiliti fl-istandard imsemmi fil-punt 1 għandhom japplikaw għat-total tal-EIRP tas-sistemi kollha tal-antenna kolokati, jew tal-porzjonijiet minnhom. Fil-każ ta’ varar kolokalizzat ta’ sistemi tal-antenna, jew ta’ porzjonijiet minnhom, l-evidenza tal-konformità tal-EIRP aggregat tista’ tiġi ppreżentata b’mod konġunt mill-entitajiet tal-varar, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi nazzjonali.