02020R1001 — MT — 01.01.2024 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1001

tad-9 ta’ Lulju 2020

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-operat tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li jsostni investimenti għall-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika ta’ ċerti Stati Membri

(ĠU L 221 10.7.2020, p. 107)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2606 tat-22 ta’ Novembru 2023

  L 

1

23.11.2023




▼B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1001

tad-9 ta’ Lulju 2020

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-operat tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li jsostni investimenti għall-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika ta’ ċerti Stati Membri



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-operat tal-Fond għall-Modernizzazzjoni fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

(a) 

it-tressiq ta’ proposti għall-finanzjament tal-investimenti;

(b) 

il-valutazzjoni tal-investimenti ta’ prijorità u tal-investimenti mhux ta’ prijorità;

(c) 

il-ġestjoni, l-iżborż u l-ħlas tar-riżorsi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni;

(d) 

il-kompożizzjoni u l-operat tal-Kumitat tal-Investiment għall-Fond għall-Modernizzazzjoni (“il-Kumitat tal-Investiment”);

(e) 

il-monitoraġġ, ir-rappurtar, l-evalwazzjoni u l-awditjar;

(f) 

l-informazzjoni u t-trasparenza.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“Stat Membru benefiċjarju” tfisser Stat Membru elenkat fl-Anness IIb tad-Direttiva 2003/87/KE;

(2) 

“investiment mhux ta’ prijorità” tfisser investiment li ma jaqa’ taħt l-ebda qasam minn dawk elenkati fl-Artikolu 10d(2) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(3) 

“proġett fuq skala żgħira mhux ta’ prijorità” tfisser investiment mhux ta’ prijorità li jirċievi għajnuna mill-Istat li l-ammont totali tagħha jilħaq il-kriterji tal-għajnuna de minimis f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 ( 1 );

(4) 

“investiment ta’ prijorità” tfisser investiment li jaqa’ f’mill-inqas qasam wieħed fost dawk elenkati fl-Artikolu 10d(2) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(5) 

“skema” tfisser proposta ta’ investiment li tikkonforma mal-kriterji li ġejjin:

(a) 

tinkludi sett konsistenti ta’ prijoritajiet koerenti mal-objettivi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, u minħabba l-karatteristiċi tal-proġetti taħt l-iskema, din tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala investiment ta’ prijorità jew inkella mhux ta’ prijorità;

(b) 

ikollha durata ta’ aktar minn sena;

(c) 

ikollha ambitu nazzjonali jew reġjonali; u

(d) 

ikollha l-għan li ssostni lil aktar minn persuna jew entità pubblika jew privata waħda responsabbli għat-tnedija jew inkella għat-tnedija u l-implimentazzjoni ta’ proġetti taħt l-iskema;

▼M1

(6) 

“skema fuq skala kbira” tfisser skema li għaliha l-appoġġ totali tal-Fond għall-Modernizzazzjoni mitlub jaqbeż is-somma ta’ EUR 100 000 000 ;

(7) 

“proġett fuq skala kbira” tfisser investiment minbarra skema, li għalih l-appoġġ totali tal-Fond għall-Modernizzazzjoni mitlub jaqbeż is-somma ta’ EUR 70 000 000 ;

(8) 

“kategorija ta’ fondi” tfisser kwalunkwe waħda mill-kategoriji ta’ fondi li ġejjin disponibbli għal Stat Membru benefiċjarju:

(a) 

fondi ġġenerati mill-irkant tal-kwoti skont l-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE;

(b) 

fondi ġġenerati mill-irkant tal-kwoti skont l-Artikolu 10(1), ir-raba’ subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE;

(c) 

fondi ġġenerati mill-irkant tal-kwoti ttrasferiti fil-Fond għall-Modernizzazzjoni skont l-Artikolu 10d(4) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(9) 

“subkategorija ta’ fondi” tfisser kwalunkwe waħda mis-subkategoriji ta’ fondi li ġejjin iġġenerati mill-irkant tal-kwoti ttrasferiti fil-Fond għall-Modernizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE:

(a) 

fondi ġġenerati qabel il-31 ta’ Diċembru 2027;

(b) 

fondi ġġenerati bejn il-31 ta’ Diċembru 2027 u t-30 ta’ Diċembru 2028;

(c) 

fondi ġġenerati wara t-30 ta’ Diċembru 2028.

▼B

KAPITOLU II

FINANZJAMENT TAL-INVESTIMENTI

▼M1 —————

▼B

Artikolu 4

Tressiq ta’ proposti ta’ investiment

1.  
L-Istati Membri benefiċjarji jistgħu jressqu proposti ta’ investiment ►M1  il-Bank Ewropew tal-Investiment (il-“BEI”) ◄ u lill-Kumitat tal-Investiment fi kwalunkwe żmien matul sena kalendarja.

Meta jressqu proposti ta’ investiment, l-Istati Membri benefiċjarji għandhom jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fl-Anness I.

L-Istat Membru benefiċjarju għandu jindika jekk il-proposta tikkonċernax investiment ta’ prijorità jew investiment mhux ta’ prijorità.

2.  
Fejn investiment jikkonċerna skema, Stat Membru benefiċjarju għandu jressaq proposta f’konformità mal-paragrafu 1 u jispeċifika l-ammont mitlub bħala l-ewwel żborż għall-iskema.

Wara li l-Kummissjoni tkun iddeċidiet dwar l-ewwel żborż għall-iskema f’konformità mal-Artikolu 8(1), kwalunkwe żborż sussegwenti għandu jirrikjedi proposta separata mill-Istat Membru benefiċjarju li tispeċifika l-ammont li għandu jitħallas u li jkun fiha l-informazzjoni aġġornata dwar l-iskema, skont il-każ.

▼M1

2a.  
Meta investiment ikun jikkonċerna proġett fuq skala kbira, l-Istat Membru benefiċjarju għandu jissottometti proposta f’konformità mal-paragrafu 1.

Meta jissottometti dik il-proposta, l-Istat Membru benefiċjarju għandu jispeċifika l-ammont mitlub bħala l-ewwel żborż għall-proġett fuq skala kbira u jissottometti skeda ta’ implimentazzjoni tal-proġett u skeda ta’ żborż korrispondenti.

Wara li l-Kummissjoni tkun iddeċidiet dwar l-ewwel żborż għall-proġett fuq skala kbira skont l-Artikolu 8(1), kwalunkwe żborż sussegwenti għandu jirrikjedi proposta separata mill-Istat Membru benefiċjarju li tispeċifika l-ammont li għandu jitħallas u li jkun fiha informazzjoni aġġornata dwar il-proġett fuq skala kbira, kif xieraq. Barra minn hekk, l-Istat Membru benefiċjarju għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-proġett meta mqabbel mal-iskeda ta’ implimentazzjoni sottomessa.

2b.  
L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar l-abbozzi tal-proposti ta’ investiment għal proġetti fuq skala kbira u skemi fuq skala kbira, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni jew dawk nazzjonali rilevanti dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali. L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jistabbilixxu perjodi ta’ żmien raġonevoli biex il-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu infurmati u jesprimu l-fehmiet tagħhom qabel is-sottomissjoni tal-proposti ta’ investiment lill-BEI.

▼B

3.  
Meta l-Istat Membru benefiċjarju jressaq diversi proposti ta’ investiment sabiex jiġu vvalutati fl-istess ċiklu ta’ żborż biannwali, għandu jindika ordni ta’ prijorità għall-valutazzjoni tal-investimenti ta’ prijorità u ordni ta’ prijorità għall-valutazzjoni tal-investimenti mhux ta’ prijorità. Jekk l-Istat Membru jonqos milli jindika ordni ta’ prijorità, il-BEI jew, kif xieraq, il-Kumitat tal-Investiment għandu jivvaluta l-proposti skont id-dati tat-tressiq tagħhom.
4.  
Proposta li tkun tikkonċerna proġett mhux ta’ prijorità fuq skala żgħira tista’ titressaq biss bħala parti minn skema.
5.  
L-Istat Membru benefiċjarju ma għandux jitlob il-finanzjament mir-riżorsi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni għal kwalunkwe kost tal-investiment li jkun iffinanzjat minn strument ieħor tal-Unjoni jew nazzjonali.

Artikolu 5

Fondi disponibbli

1.  
Erba’ ġimgħat qabel il-laqgħa tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-BEI għandu jinforma lill-Istat Membru benefiċjarju, lill-Kumitat tal-Investiment u lill-Kummissjoni dwar il-fondi disponibbli għal dak l-Istat Membru għall-finanzjament ta’ investimenti mill-Fond għall-Modernizzazzjoni (“dikjarazzjoni tal-fondi disponibbli”).

▼M1

Id-dikjarazzjoni tal-fondi disponibbli għandha tispeċifika l-kategoriji u s-subkategoriji ta’ fondi disponibbli għall-Istat Membru benefiċjarju, kif xieraq.

▼B

2.  

►M1  Għal kull kategorija u subkategorija ta’ fondi, id-dikjarazzjoni tal-fondi disponibbli għandha tispeċifika dan li ġej: ◄

(a) 

l-ammont miżmum mal-BEI, eskluż kwalunkwe ammont diġà żborżat iżda li jkun għadu ma tħallasx lill-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 9, u eskluż kwalunkwe kost tal-BEI speċifikat fil-ftehim imsemmi fl-Artikolu 12(3);

(b) 

kwalunkwe ammont żborżat għall-investimenti li ma tkomplewx li jżid ir-riżorsi fil-Fond għall-Modernizzazzjoni disponibbli għall-Istat Membru benefiċjarju f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 10(2).

3.  
Id-data tal-għeluq tar-rendikont tal-fondi disponibbli għandha tkun l-aħħar jum tax-xahar kalendarju ta’ qabel id-data tat-trażmissjoni tal-informazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1.
4.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 3, l-Istat Membru benefiċjarju jista’ fi kwalunkwe mument jitlob informazzjoni mill-BEI dwar l-ammont immarkat għall-Istat membru miżmum mill-BEI.

Artikolu 6

Konferma tal-investimenti ta’ prijorità

1.  
Il-proposti ta’ investiment mressqa mill-Istati Membri benefiċjarji bħala investimenti ta’ prijorità għandhom jiġu vvalutati mill-BEI fl-ewwel ċiklu ta’ żborż biannwali tas-sena kalendarja, jekk jiġu mressqa tal-anqas sitt ġimgħat qabel l-ewwel laqgħa biannwali tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1).

Jekk jitressqu aktar tard minn sitt ġimgħat qabel l-ewwel laqgħa biannwali tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), iżda tal-anqas sitt ġimgħat qabel it-tieni laqgħa biannwali tal-Kumitat, dawn għandhom jiġu vvalutati fit-tieni ċiklu biannwali tal-iżborż tas-sena kalendarja.

Jekk jitressqu aktar tard minn sitt ġimgħat qabel it-tieni laqgħa biannwali tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), dawn għandhom jiġu vvalutati fl-ewwel ċiklu biannwali tal-iżborż tas-sena kalendarja segwenti.

2.  
Il-BEI jista’ jitlob mill-Istat Membru benefiċjarju kwalunkwe informazzjoni jew dokument li jqis meħtieġa sabiex jivvaluta l-investiment, dment li tali informazzjoni jew dokument ikunu meħtieġa mill-Anness I. Il-BEI għandu jitlob l-informazzjoni jew id-dokumenti mingħajr dewmien żejjed. Jekk l-Istat Membru benefiċjarju jipprovdi l-informazzjoni jew id-dokumenti mitluba anqas minn sitt ġimgħat qabel il-laqgħa tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-BEI jista’ jipposponi l-valutazzjoni tal-proposta għaċ-ċiklu tal-iżborż biannwali segwenti.
3.  
Jekk il-BEI jkun tal-fehma li l-proposta tikkonċerna investiment mhux ta’ prijorità, il-BEI għandu jinforma b’dan lill-Istat Membru benefiċjarju mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat mit-tressiq tal-proposta, u jiddikjara r-raġunijiet għall-konklużjoni tiegħu. F’dak il-każ, il-proposta għandha tiġi vvalutata f’konformità mar-rekwiżiti u mal-iskedi ta’ żmien speċifikati fl-Artikolu 7.
4.  
Jekk il-proposta ma tikkonformax mal-Artikolu 10d(1) tad-Direttiva 2003/87/KE jew mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-BEI għandu jirritorna l-proposta lill-Istat Membru benefiċjarju mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat mit-tressiq tal-proposta, u jiddikjara r-raġunijiet għall-konklużjoni tiegħu. Il-BEI għandu jinforma minnufih lill-Kumitat tal-Investiment.
5.  
Il-valutazzjoni tal-proposta għandha tinkludi verifika tal-kostijiet tal-investiment propost, sakemm il-proporzjonalità tal-ammont ta’ għajnuna riċevuta ma tkunx ġiet vverifikata mill-Kummissjoni skont il-proċedura rilevanti tal-għajnuna mill-Istat.
6.  
Il-BEI għandu jivvaluta l-proposta b’rispett tad-dritt applikabbli tal-Unjoni.
7.  

Il-BEI jista’ jikkonferma l-proposta bħala investiment ta’ prijorità dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-Istat Membru benefiċjarju jkun wera li l-investiment jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10d(1) tad-Direttiva 2003/87/KE u li jkun jaqa’ f’tal-anqas qasam wieħed minn dawk elenkati fl-Artikolu 10d(2) ta’ dik id-Direttiva;

▼M1

(b) 

l-Istat Membru benefiċjarju jkollu biżżejjed fondi fil-kategorija jew sottokategorija rilevanti ta’ fondi disponibbli skont id-dikjarazzjoni tal-fondi disponibbli msemmija fl-Artikolu 5(1) u wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe ammont li għandu jiġi żborżat għal investimenti diġà kkonfermati f’konformità mal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu;

▼B

(c) 

l-Istat Membru benefiċjarju jkun ipprovda evidenza li l-proposta ta’ investiment tissodisfa wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

— 
il-proposta tkun kisbet l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni;

▼M1

— 
huwa eżentat min-notifika dwar l-għajnuna mill-Istat f’konformità mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat;

▼B

— 
il-proposta ma tkunx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat;

▼M1

(ca) 

l-Istat Membru benefiċjarju jkun wera li l-investiment jikkonforma mal-Artikolu 10f tad-Direttiva 2003/87/KE, meta meħtieġ;

▼B

(d) 

l-Istat Membru benefiċjarju jkun ikkonferma bil-miktub li l-investiment jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit applikabbli ieħor tad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali;

(e) 

skont l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru benefiċjarju dwar il-kontribuzzjonijiet minn strumenti oħra tal-Unjoni u nazzjonali, l-ammonti mitluba mill-Fond għall-Modernizzazzjoni ma jkunux maħsuba sabiex ikopru l-istess kostijiet tal-investiment bħal dawk iffinanzjati minn strument ieħor tal-Unjoni jew nazzjonali;

▼M1

(f) 

meta proposta tikkonċerna skema, id-durata tal-iskema ma taqbiżx il-5 snin. Din il-kundizzjoni ma għandhiex tipprevjeni lill-Istat Membru benefiċjarju milli jissottometti proposta ġdida ta’ investiment għall-kontinwazzjoni tal-iskema f’konformità mal-Artikolu 4.

▼M1

8.  

Meta proposta tikkonċerna żborż sussegwenti għal skema jew għal proġett fuq skala kbira kkonfermat mill-BEI f’konformità mal-paragrafu 9 qabel l-ewwel żborż u ma kien hemm l-ebda bidla fl-iskema jew fil-proġett fuq skala kbira, il-BEI jista’ jikkonferma l-proposta bħala investiment ta’ prijorità, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-investiment jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati fil-paragrafu 7, il-punti (b) u (c);

(b) 

l-investiment jissodisfa r-rekwiżit speċifikat fil-paragrafu 7, il-punt (ca), ħlief għall-iskemi kkonfermati mill-BEI f’konformità mal-paragrafu 9 qabel il-5 ta’ Ġunju 2023;

(c) 

l-Istat Membru benefiċjarju jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-iskema jew tal-proġett fuq skala kbira f’konformità mal-Anness I, il-punt 4.2.

▼B

9.  
Il-BEI għandu jiddeċiedi dwar il-konferma tal-proposta bħala investiment ta’ prijorità sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel il-laqgħa tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1).

Il-BEI għandu jinforma minnufih lill-Istat Membru benefiċjarju kkonċernat u lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

10.  
Sa mhux aktar tard minn ġimgħa qabel il-laqgħa tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-BEI għandu jinforma lill-Kumitat dwar il-proposti ta’ investiment ta’ kull Stat Membru benefiċjarju kkonfermati bħala investimenti ta’ prijorità f’konformità mal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu u l-ammont li għandu jiġi żborżat għal kull investiment.

▼M1

11.  
Proposta ta’ investiment li tiddupplika b’mod sostanzjali proposta preċedenti li ma tkunx ikkonfermata mill-BEI mhijiex ammissibbli.

▼B

Artikolu 7

Rakkomandazzjonijiet dwar investimenti mhux ta’ prijorità

1.  
Il-proposti ta’ investiment imressqa mill-Istati Membri benefiċjarji bħala investimenti mhux ta’ prijorità għandhom jiġu vvalutati mill-Kumitat tal-Investiment fl-ewwel ċiklu ta’ żborż biannwali tas-sena kalendarja, jekk jitressqu mill-inqas 10 ġimgħat qabel l-ewwel laqgħa biannwali tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1).

Jekk jitressqu aktar tard minn 10 ġimgħat qabel l-ewwel laqgħa biannwali tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), iżda tal-anqas 10 ġimgħat qabel it-tieni laqgħa biannwali tal-Kumitat, dawn għandhom jiġu vvalutati fit-tieni ċiklu biannwali tal-iżborż tas-sena kalendarja.

Jekk jitressqu aktar tard minn 10 ġimgħat qabel it-tieni laqgħa biannwali tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), dawn għandhom jiġu vvalutati fl-ewwel ċiklu biannwali tal-iżborż tas-sena kalendarja segwenti.

2.  
Sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel il-laqgħa tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-BEI għandu jlesti valutazzjoni tad-diliġenza teknika u finanzjarja dovuta tal-proposta, inkluża valutazzjoni tat-tnaqqis mistenni tal-emissjonijiet.
3.  
Il-BEI jista’ jitlob mill-Istat Membru benefiċjarju kwalunkwe informazzjoni jew dokument li jqis meħtieġ sabiex iwettaq il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta teknika u finanzjarja, dment li tali informazzjoni jew dokument ikunu meħtieġa mill-Anness I. Il-BEI għandu jitlob l-informazzjoni jew id-dokumenti mingħajr dewmien żejjed. Jekk l-Istat Membru benefiċjarju jipprovdi l-informazzjoni jew id-dokumenti mitluba anqas minn 10 ġimgħat qabel il-laqgħa tal-Kumitat tal-Investiment imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-BEI jista’ jipposponi t-tlestija tal-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta għaċ-ċiklu tal-iżborż biannwali segwenti.
4.  
Il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta finanzjarja mill-BEI għandha tinkludi verifika tal-kostijiet tal-investiment propost, sakemm il-proporzjonalità tal-ammont ta’ għajnuna riċevuta ma tkunx ġiet ivverifikata mill-Kummissjoni skont il-proċedura rilevanti tal-għajnuna mill-Istat.
5.  
Il-BEI għandu jwettaq il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta b’rispett tad-dritt applikabbli tal-Unjoni.
6.  
Il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta mill-BEI għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni tar-rappreżentant tal-BEI dwar l-approvazzjoni tal-finanzjament tal-proposta ta’ investiment. Il-BEI għandu jibgħat minnufih il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta lill-Kumitat tal-Investiment.
7.  

Il-Kumitat tal-Investiment jista’ joħroġ rakkomandazzjoni dwar il-finanzjament tal-proposta ta’ investiment dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-Istat Membru benefiċjarju jkun wera li l-investiment jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10d(1) tad-Direttiva 2003/87/KE;

▼M1

(b) 

l-Istat Membru benefiċjarju jkollu biżżejjed fondi disponibbli fil-kategorija jew fis-sottokategorija rilevanti tal-fondi skont id-dikjarazzjoni ta’ fondi disponibbli msemmija fl-Artikolu 5(1) u wara t-tnaqqis ta’ kwalunkwe ammont li għandu jiġi żborżat skont l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 6(10) u abbażi tar-rakkomandazzjonijiet diġà maħruġa f’konformità mal-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu;

▼B

(c) 

►M1  meta l-investiment propost għandu jiġi ffinanzjat minn dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE, jew tal-kwoti ttrasferiti fil-Fond għall-Modernizzazzjoni skont l-Artikolu 10d(4) ta’ dik id-Direttiva, is-sehem tal-fondi allokati għall-investimenti ta’ prijorità jkun mill-inqas 80 % tad-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, u mill-kwoti ttrasferiti fil-Fond għall-Modernizzazzjoni skont l-Artikolu 10d(4) tad-Direttiva 2003/87/KE użati mill-Istat Membru benefiċjarju, inkluż il-fondi li ġejjin: ◄

— 
il-fondi diġà żborżati għal investimenti ta’ prijorità u mhux ta’ prijorità;
— 
il-fondi li għad iridu jiġu żborżati skont l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 6(10);
— 
il-fondi li għad iridu jiġu żborżati skont ir-rakkomandazzjonijiet diġà maħruġa skont il-paragrafu 9;
— 
il-fondi mitluba għall-proposta ta’ investiment taħt il-valutazzjoni;

▼M1

(ca) 

meta l-investiment propost għandu jiġi ffinanzjat mid-dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), ir-raba’ subparagrafu, tad-Direttiva 2003/87/KE, is-sehem tal-fondi allokati għall-investimenti ta’ prijorità jkun mill-inqas 90 % tad-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), ir-raba’ subparagrafu, użati mill-Istat Membru benefiċjarju, inkluż il-fondi li ġejjin:

— 
il-fondi diġà żborżati għal investimenti ta’ prijorità u mhux ta’ prijorità,
— 
il-fondi li għad iridu jiġu żborżati skont l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 6(10),
— 
il-fondi li għad iridu jiġu żborżati skont rakkomandazzjoni diġà maħruġa skont il-paragrafu 9,
— 
il-fondi mitluba għall-proposta ta’ investiment li qed tiġi vvalutata;

▼B

(d) 

il-finanzjament ikun konformi mar-raba’ sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10d(6) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(e) 

l-Istat Membru benefiċjarju jkun ipprovda evidenza li l-proposta ta’ investiment tissodisfa kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

— 
tkun kisbet l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni;

▼M1

— 
tkun eżentata min-notifika dwar l-għajnuna mill-Istat f’konformità mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat;

▼B

— 
ma tkunx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat;

▼M1

(ea) 

l-Istat Membru benefiċjarju jkun wera li l-investiment jikkonforma mal-Artikolu 10f tad-Direttiva 2003/87/KE, meta meħtieġ;

▼B

(f) 

l-Istat Membru benefiċjarju jkun ikkonferma bil-miktub li l-investiment jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit applikabbli ieħor tad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali;

(g) 

skont l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru benefiċjarju dwar il-kontribuzzjonijiet minn strumenti oħra tal-Unjoni u nazzjonali, l-ammonti mitluba mill-Fond għall-Modernizzazzjoni ma jkunux maħsuba sabiex ikopru l-istess kostijiet tal-investiment bħal dawk iffinanzjati minn strument ieħor tal-Unjoni jew nazzjonali;

▼M1

(h) 

meta proposta tikkonċerna skema, id-durata tal-iskema ma taqbiżx il-5 snin. Din il-kundizzjoni ma għandhiex tipprevjeni lill-Istat Membru benefiċjarju milli jissottometti proposta ġdida ta’ investiment għall-kontinwazzjoni tal-iskema.

▼M1

8.  

Meta proposta tikkonċerna żborż sussegwenti għal skema jew għal proġett fuq skala kbira rrakkomandat għall-finanzjament mill-Kumitat tal-Investiment f’konformità mal-paragrafu 9 qabel l-ewwel żborż u ma kien hemm l-ebda bidla fl-iskema jew fil-proġett fuq skala kbira, il-Kumitat tal-Investiment jista’ jikkonferma l-proposta bħala investiment ta’ prijorità, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-investiment jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati fil-paragrafu 7, il-punti (b) sa (e);

(b) 

l-investiment jissodisfa r-rekwiżit speċifikat fil-paragrafu 7, il-punt (ea), ħlief għall-iskemi rakkomandati għall-finanzjament mill-Kumitat tal-Investiment f’konformità mal-paragrafu 9 qabel il-5 ta’ Ġunju 2023;

(c) 

l-Istat Membru benefiċjarju jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-iskema jew tal-proġett fuq skala kbira f’konformità mal-Anness I, il-punt 4.2.

▼B

9.  
Il-Kumitat tal-Investiment għandu joħroġ rakkomandazzjoni dwar il-proposta ta’ investiment fil-laqgħa msemmija fl-Artikolu 11(1), li fiha jispeċifika l-ammont tas-sostenn mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, jiddikjara r-raġunijiet għall-konklużjoni tiegħu, u jinkludi kwalunkwe suġġeriment rigward strumenti ta’ finanzjament xierqa.
10.  
Jekk il-Kumitat tal-Investiment ma jirrakkomandax il-finanzjament tal-investiment, għandu jiddikjara r-raġunijiet għall-konklużjoni tiegħu. F’każ bħal dan, l-investiment ma għandux jiġi sostnut mill-Fond għall-Modernizzazzjoni. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrevedi l-proposta ta’ investiment filwaqt li jqis is-sejbiet tal-Kumitat tal-Investiment u jista’ jressaq proposta ta’ investiment ġdida fi kwalunkwe ċiklu ta’ żborż biannwali sussegwenti.

▼M1

11.  
Proposta ta’ investiment li tiddupplika b’mod sostanzjali proposta preċedenti li ma tkunx irrakkomandata mill-Kumitat tal-Investiment mhijiex ammissibbli.

▼B

Artikolu 8

Deċiżjoni dwar l-iżborż tal-Kummissjoni

1.  
Wara l-laqgħa msemmija fl-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien żejjed tadotta d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 10d(3) tad-Direttiva 2003/87/KE li tispeċifika l-ammont tar-riżorsi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni li għandhom jiġu żborżati għal kull investiment ikkonfermat bħala investiment ta’ prijorità mill-BEI jew irrakkomandat għall-finanzjament mill-Kumitat tal-Investiment (“deċiżjoni dwar l-iżborż”).

Id-deċiżjoni li tikkonċerna żborż tar-riżorsi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni għal skema għandha tispeċifika l-ammont tal-ewwel żborż jew kwalunkwe żborż sussegwenti, kif xieraq.

▼M1

2.  
Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni dwar l-iżborż lill-Istat Membru benefiċjarju kkonċernat u tinforma b’dan lill-BEI, lill-Kumitat tal-Investiment u, meta rilevanti, lill-Istat Membru mhux benefiċjarju li fih jinsab ir-reġjun kontigwu tal-fruntiera tal-Unjoni involut fl-investiment.

▼B

Artikolu 9

Pagamenti

Fi żmien 30 jum mid-data tad-deċiżjoni dwar l-iżborż, il-BEI għandu jibgħat lill-Istat Membru benefiċjarju l-ammont rilevanti tas-sostenn tal-Fond għall-Modernizzazzjoni.

▼M1

Artikolu 10

Investimenti li ma jitkomplewx

1.  

Soġġett għar-rapport annwali sottomess mill-Istat Membru benefiċjarju skont l-Artikolu 13, investiment għandu jitqies li ma tkompliex f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a) 

l-Istat Membru benefiċjarju jew l-awtorità maniġerjali tal-iskema ma tkunx daħlet, fi żmien sentejn mill-aħħar trażmissjoni tal-fondi mill-BEI skont l-Artikolu 9, f’impenn legali mal-proponent tal-proġett jew kwalunkwe wieħed mir-riċevituri finali tal-iskema biex jiffinanzjaw l-investiment;

(b) 

l-Istat Membru benefiċjarju jew l-awtorità maniġerjali tal-iskema ma tkun tat l-ebda appoġġ għall-investiment għal aktar minn sentejn minn meta daħlet fl-impenn legali biex tiffinanzja l-investiment mal-proponent tal-proġett jew ma’ kwalunkwe wieħed mir-riċevituri finali tal-iskema, sakemm l-Istat Membru benefiċjarju ma jkunx jista’ juri li l-investiment qed jiġi implimentat u li l-appoġġ se jingħata fi żmien raġonevoli.

2.  
Fid-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha timmodifika l-ammont diġà żborżat għall-investiment li ma jitkompliex billi tnaqqas kwalunkwe ammont li għadu mhux impenjat legalment meta l-investiment ma jitkompliex skont il-paragrafu 1, il-punt (a), jew li jkun għadu ma ngħatax meta l-investiment ma jitkompliex skont il-paragrafu 1, il-punt (b). Kwalunkwe ammont bħal dan għandu jżid ir-riżorsi fil-Fond għall-Modernizzazzjoni disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 5(2)(b) u jiġi paċut ma’ kwalunkwe pagament futur mill-BEI lill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 9. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-BEI dwar il-ħtieġa li dan l-ammont jiġi paċut.
3.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, qabel id-data tal-għeluq tad-dikjarazzjoni tal-fondi disponibbli stabbilita fl-Artikolu 5(3), l-Istat Membru benefiċjarju jista’ jinforma lill-Kummissjoni dwar investiment li tkompliex u jitlob modifika tad-deċiżjoni dwar l-iżborż f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Din it-talba tista’ tikkonċerna l-ammonti li għadhom ma humiex koperti minn impenn legali jew li għadhom ma tħallsux lill-proponent tal-proġett jew lir-riċevituri finali tal-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni u l-ammonti diġà mħallsa lill-proponent tal-proġett jew lir-riċevituri finali tal-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, iżda sussegwentement irkuprati mill-Istat Membru benefiċjarju. L-Istat Membru benefiċjarju għandu jipprovdi l-evidenza dokumentarja li tiġġustifika t-talba.

Il-paragrafu 2 għandu japplika għall-modifika tad-deċiżjoni dwar l-iżborż, għaż-żieda tar-riżorsi fil-Fond għall-Modernizzazzjoni disponibbli għall-Istat Membru kkonċernat, u għat-tpaċija tal-ammont irritornat lill-Fond ma’ kwalunkwe pagament futur mill-BEI lill-Istat Membru.

▼B

Artikolu 11

L-Operat tal-Kumitat tal-Investiment

1.  
Il-Kumitat tal-Investiment għandu jiltaqa’ darbtejn fis-sena, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Lulju u mill-15 ta’ Diċembru. Is-segretarjat tal-Kumitat tal-Investiment għandu jikkomunika d-data tal-laqgħa lill-Istati Membri malli dik id-data ssir disponibbli.
2.  
Sakemm il-Kumitat ma jkunx qed joħroġ rakkomandazzjoni f’konformità mal-ewwel u mat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10d(7) tad-Direttiva 2003/87/KE, għandu jitqies li hemm kworum jekk tal-anqas nofs ir-rappreżentanti tal-Istati Membri benefiċjarji, ir-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri mhux benefiċjarji u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-BEI jkunu preżenti.
3.  
L-Istati Membri mhux benefiċjarji għandhom jeleġġu tliet rappreżentanti fil-Kumitat tal-Investiment b’votazzjoni li tkun tinkludi lill-kandidati kollha. Kull Stat Membru mhux benefiċjarju jista’ jipproponi kandidat wieħed. Għandhom jiġu eletti t-tliet kandidati li jirċievu l-akbar numru ta’ voti. Jekk żewġ kandidati jew aktar iġibu l-istess numru ta’ voti u, b’riżultat ta’ dan, ikunu eletti aktar minn tliet kandidati, il-votazzjoni għandha titkompla, billi tinkludi lill-kandidati kollha, ħlief għall-kandidat(i) li jkun(u) irċieva/irċevew l-ogħla numru ta’ voti, u jekk ikun il-każ, it-tieni l-ogħla numru ta’ voti.

▼M1

3a.  
Meta proposta ta’ investiment għandha tiġi ffinanzjata mid-dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87/KE jew tal-kwoti ttrasferiti fil-Fond għall-Modernizzazzjoni skont l-Artikolu 10d(4) ta’ dik id-Direttiva, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri benefiċjarji intitolati li jiddeliberaw u jitfgħu vot għandhom ikunu biss dawk speċifikati fil-Parti A tal-Anness IIb tad-Direttiva 2003/87/KE.
3b.  
Meta proposta ta’ investiment tinvolvi reġjun kontigwu tal-fruntiera tal-Unjoni li jinsab fi Stat Membru mhux benefiċjarju li jkun rappreżentat fil-Kumitat tal-Investiment, u r-rappreżentant tal-BEI ma japprovax il-finanzjament ta’ dik il-proposta ta’ investiment, ir-rappreżentant ta’ dak l-Istat Membru mhux benefiċjarju ma għandux ikun intitolat li jivvota dwar il-proposta.

▼B

4.  
Il-membri tal-Kumitat tal-Investiment jista’ ma jkollhomx interessi finanzjarji jew interessi oħrajn f’industriji li jikkwalifikaw għas-sostenn mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, kemm jekk diretti kif ukoll indiretti, li jistgħu jaffettwaw l-imparzjalità tagħhom jew jistgħu oġġettivament jiġu perċepiti bħala tali. Huma għandhom jaġixxu fl-interess tal-pubbliku u b’mod indipendenti. Dawn għandhom jagħmlu dikjarazzjoni tal-interessi qabel ma jibdew bil-kariga tagħhom fil-Kumitat tal-Investiment, u għandhom jaġġornaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom kull meta jseħħ tibdil rilevanti.
5.  
Il-BEI għandu jipprovdi sostenn amministrattiv u loġistiku lill-Kumitat tal-Investiment (is-segretarjat), inkluż sostenn lill-amministrazzjoni ta’ sit web iddedikat għall-Fond għall-Modernizzazzjoni.
6.  

Fuq proposta mid-dipartiment kompetenti tal-Kummissjoni, il-Kumitat tal-Investiment għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu li għandhom, b’mod partikolari, jistabbilixxu proċeduri għal dawn li ġejjin:

(a) 

il-ħatra tal-membri u tal-osservaturi għall-Kumitat tal-Investiment, u s-sostituti tagħhom;

(b) 

l-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-Kumitat tal-Investiment;

(c) 

regoli dettaljati dwar il-kunflitt ta’ interess, inkluża d-dikjarazzjoni mudell ta’ interessi.

7.  
Il-membri tal-Kumitat tal-Investiment ma għandhom jirċievu l-ebda remunerazzjoni jew rimborż tal-kostijiet għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-Kumitat.

Artikolu 12

Linji gwida dwar l-immaniġġjar tal-assi u ftehim mal-BEI

▼M1

1.  
Il-BEI għandu jiżviluppa linji gwida għall-immaniġġjar tal-assi biex jimmaniġġja d-dħul mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, ħalli jiżgura li dak id-dħul jiġi mmaniġġjat f’konformità mal-objettivi tad-Direttiva 2003/87/KE u r-regoli interni tal-BEI.

▼B

2.  

Wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tidħol fi ftehim mal-BEI li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi li skont dawn il-BEI għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Dawk it-termini u l-kundizzjonijiet għandhom ikopru l-kompiti li ġejjin:

(a) 

l-irkant u l-monetizzazzjoni tal-kwoti ddestinati għall-Fond għall-Modernizzazzjoni, f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 ( 2 );

(b) 

l-immaniġġjar tad-dħul mill-Fond għall-Modernizzazzjoni;

(c) 

il-konferma tal-proposti ta’ investiment ta’ prijorità skont l-Artikolu 6 u t-twettiq tad-diliġenza dovuta tal-proposti ta’ investiment mhux ta’ prijorità skont l-Artikolu 7;

(d) 

l-għoti ta’ segretarjat lill-Kumitat tal-Investiment, inkluża l-amministrazzjoni ta’ sit web iddedikat għall-Fond għall-Modernizzazzjoni;

(e) 

it-tħejjija ta’ abbozzi ta’ rapporti tal-Kumitat tal-Investiment skont l-Artikolu 14.

3.  
Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jispeċifika l-mekkaniżmu għall-irkupru tal-kosti tal-BEI għat-twettiq tal-kompiti tiegħu. Il-mekkaniżmu tal-irkupru tal-kosti relatat mal-konferma tal-investimenti ta’ prijorità u t-twettiq tad-diliġenza dovuta ta’ investimenti mhux ta’ prijorità għandu jqis l-għadd u l-kumplessità tal-proposti mressqa minn kull Stat Membru benefiċjarju. Il-kostijiet tal-BEI għat-twettiq tal-kompiti tiegħu għandhom jiġu ffinanzjati mill-fondi disponibbli għal kull Stat Membru benefiċjarju kif imsemmi fl-Artikolu 5(2)(a). Il-BEI għandu jirrapporta lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar it-tlestija tal-kompiti skont il-ftehim u l-kosti relatati.

KAPITOLU III

IL-MONITORAĠĠ, IR-RAPPORTAR, L-EVALWAZZJONI U L-AWDITJAR

Artikolu 13

▼M1

Il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-ippjanar bil-quddiem mill-Istati Membri benefiċjarji

▼B

1.  
L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-investimenti ffinanzjati mill-Fond għall-Modernizzazzjoni. Sat-30 ta’ April, l-Istati Membri benefiċjarji għandhom iressqu lill-Kummissjoni rapport annwali għas-sena preċedenti li jkun fih l-informazzjoni speċifikata fl-Anness II.

▼M1

2.  
Ir-rapport annwali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun akkumpanjat minn ħarsa ġenerali lejn l-investimenti li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru benefiċjarju beħsiebu jissottometti proposti ta’ investiment fis-sentejn kalendarji li jmiss, bi prospetti sal-2030, kif ukoll minn informazzjoni aġġornata dwar l-investimenti koperti minn kwalunkwe ħarsa ġenerali preċedenti.

▼M1

3.  
Il-ħarsa ġenerali u, sa fejn ikun possibbli, il-prospetti sal-2030 imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jkun fihom l-informazzjoni speċifikata fl-Anness III.
4.  
L-informazzjoni inkluża fil-ħarsa ġenerali msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tkun vinkolanti għall-Istat Membru benefiċjarju meta jissottometti l-proposti ta’ investiment skont l-Artikolu 4.
5.  
L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu kkonsultati dwar l-abbozz tal-ħarsa ġenerali msemmija fil-paragrafu 2. L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jistabbilixxu perjodi ta’ żmien raġonevoli biex il-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu infurmati u jesprimu l-fehmiet tagħhom qabel ma l-ħarsa ġenerali tiġi sottomessa lill-Kummissjoni.

Artikolu 13a

Il-monitoraġġ u r-rapportar minn Stati Membri mhux benefiċjarji dwar investimenti li jinvolvu r-reġjuni kontigwi tal-fruntiera tal-Unjoni

Meta l-Istat Membru benefiċjarju juża r-riżorsi allokati lilu biex jiffinanzja investimenti li jinvolvu r-reġjun kontigwu tal-fruntiera tal-Unjoni, l-Istat Membru mhux benefiċjarju li fih jinsab dak ir-reġjun għandu jipprovdi lill-Istat Membru benefiċjarju kwalunkwe informazzjoni u evidenza dokumentarja li hija meħtieġa biex l-Istat Membru benefiċjarju jikkonforma mal-Artikolu 13.

▼B

Artikolu 14

Ir-rapportar mill-Kumitat tal-Investiment

1.  

Ir-rapport annwali tal-Kumitat ta’ Investiment imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 10d(11) tad-Direttiva 2003/87/KE, għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

▼M1

(a) 

l-għadd ta’ proposti ta’ investiment riċevuti u ta’ proposti ta’ investiment ikkonfermati, inkluża l-ispeċifikazzjoni tal-qasam ta’ investiment u l-ammonti korrispondenti;

(b) 

l-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet maħruġa, il-konklużjonijiet fil-qosor għal kull rakkomandazzjoni u l-ammonti ta’ investimenti rakkomandati;

▼B

(c) 

ħarsa ġenerali lejn il-konklużjonijiet ewlenin rigward l-investimenti proposti bħala segwitu mid-diliġenza teknika u finanzjarja dovuta mwettqa mill-BEI;

(d) 

l-esperjenza prattika dwar l-aspetti proċedurali tal-ħruġ tar-rakkomandazzjonijiet;

▼M1

(e) 

id-data u l-konklużjonijiet ewlenin dwar ir-rapporti annwali sottomessi mill-Istati Membri benefiċjarji f’konformità mal-Artikolu 13(1).

▼B

2.  
Abbażi ta’ abbozz imħejji mill-BEI, il-Kumitat tal-Investiment għandu jadotta r-rapport finali għas-sena preċedenti sal- ►M1  15 ta’ Novembru ◄ , u għandu jressqu minnufih lill-Kummissjoni.

Artikolu 15

Rieżami u evalwazzjoni tal-Fond

1.  

Fir-rieżami msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 10d(11) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni għandha tkopri l-oqsma li ġejjin:

(a) 

konferma tal-investimenti ta’ prijorità mill-BEI;

(b) 

valutazzjoni ta’ investimenti mhux ta’ prijorità mill-Kumitat tal-Investiment;

(c) 

il-finanzjament u l-monitoraġġ tal-investimenti mill-Istati Membri benefiċjarji;

(d) 

kwalunkwe aspett proċedurali rilevanti rigward l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni.

▼M1 —————

▼B

2.  
Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-implimentazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-progress lejn il-kisba tal-objettivi tal-Fond kif stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 10d tad-Direttiva 2003/87/KE.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tqiegħed ir-riżultati tar-rieżami u l-evalwazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

Artikolu 16

Awditi u protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Fond

1.  
►M1  Il-BEI għandu jħejji kontijiet annwali tal-Fond għall-Modernizzazzjoni għal kull sena finanzjarja, li għandhom jiddekorru mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru. ◄ Dawn il-kontijiet għandu jsirilhom awditjar estern indipendenti.
2.  

Il-BEI għandu jippreżenta r-rapporti li ġejjin lill-Kummissjoni:

(a) 

sal-31 ta’ Marzu, ir-rapporti finanzjarji mhux awditjati tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li jkopru s-sena finanzjarja preċedenti;

(b) 

sat-30 ta’ April, ir-rapporti finanzjarji awditjati tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li jkopru s-sena finanzjarja preċedenti.

3.  
Il-kontijiet u r-rapporti finanzjarji msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jitfasslu f’konformità mal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS).

▼M1

4.  
L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jiżguraw li kull sentejn isir awditu tal-użu tal-ammonti mħallsa mill-Fond għall-Modernizzazzjoni mill-Istat Membru benefiċjarju jew mill-awtorità maniġerjali tal-iskema lill-proponent tal-proġett jew lir-riċevituri finali tal-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. L-Istat Membru benefiċjarju għandu jipprovdi r-rapport tal-awditjar lill-Kummissjoni u lill-BEI mingħajr dewmien żejjed.

▼B

5.  
Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri benefiċjarji, il-proponenti tal-proġetti u l-awtoritajiet maniġerjali tal-iskemi, il-kuntratturi u s-subkuntratturi li jkunu rċevew ir-riżorsi mill-Fond għall-Modernizzazzjoni għandhom iżommu disponibbli, għal perjodu ta’ ħames snin wara l-aħħar pagament fir-rigward ta’ kwalunkwe proġett jew skema, id-dokumenti ta’ sostenn u l-informazzjoni kollha dwar il-ħlas jew in-nefqa magħmula.
6.  
L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw li, meta jiġu implimentati attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Fond għall-Modernizzazzjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa b’mod indebitu u, fejn ikun xieraq, permezz ta’ penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-irkupri għandhom jiġu implimentati f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri benefiċjarji.

Għal kwalunkwe ammont irkuprat, l-Istat Membru benefiċjarju għandu jitlob modifika ta’ deċiżjoni dwar l-iżborż f’konformità mal-Artikolu 10(3).

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

▼M1

1.  
L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli fuq is-siti web tad-dipartimenti rilevanti tal-amministrazzjonijiet tagħhom informazzjoni dwar l-investimenti sostnuti skont dan ir-Regolament, sabiex jinformaw lill-pubbliku dwar ir-rwol u l-objettivi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Tali informazzjoni għandha tinkludi tikketta xierqa f’konformità mal-Artikolu 30m, il-paragrafi 1 u 2, tad-Direttiva 2003/87/KE.
2.  
L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jiżguraw li r-riċevituri finali tal-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar il-viżibbiltà tal-finanzjament mid-dħul mill-irkant tal-EU ETS stabbiliti fl-Artikolu 30m tad-Direttiva 2003/87/KE. Għal dan il-għan, l-Istati Membri benefiċjarji jew l-awtoritajiet maniġerjali tal-iskema għandhom jinkludu l-obbligi rilevanti fil-ftehimiet mar-riċevituri finali tal-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni u għandhom jimmonitorjaw il-konformità ma’ dawk l-obbligi, inkluż billi jivverifikaw il-materjali ta’ pubbliċità li jużaw ir-riċevituri finali.

▼M1 —————

▼B

4.  
L-Istati Membri benefiċjarji u l-Kummissjoni għandhom iwettqu azzjonijiet ta’ informazzjoni, ta’ komunikazzjoni u ta’ promozzjoni relatati mas-sostenn u mar-riżultati tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Tali azzjonijiet għandhom jiffaċilitaw l-iskambji tal-esperjenza, tal-għarfien u tal-aħjar prattiki fir-rigward tat-tfassil, tat-tħejjija u tal-implimentazzjoni tal-investimenti permezz tal-Fond għall-Modernizzazzjoni.

Artikolu 18

Trasparenza

1.  

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, is-segretarjat tal-Kumitat tal-Investiment għandu jagħmel arranġamenti għall-pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-Fond għall-Modernizzazzjoni tal-informazzjoni li ġejja:

(a) 

l-ismijiet tal-membri u tal-osservaturi lill-Kumitat tal-Investiment, u l-affiljazzjoni tagħhom;

(b) 

il-curricula vitae u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-Kumitat tal-Investiment;

(c) 

il-konfermi tal-BEI dwar l-investimenti ta’ prijorità;

(d) 

ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Investiment dwar investimenti mhux ta’ prijorità;

(e) 

id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iżborż;

(f) 

ir-rapporti annwali mressqa mill-Istati Membri benefiċjarji skont l-Artikolu 13;

(g) 

ir-rapporti annwali mmressqa mill-Kumitat tal-Investiment skont l-Artikolu 14;

(h) 

ir-rieżami u l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni skont l-Artikolu 15.

2.  
L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-BEI ma għandhom jiddivulgaw l-ebda informazzjoni kummerċjalment kunfidenzjali inkluża fi kwalunkwe dokument, informazzjoni jew materjal ieħor mressqa minnhom jew minn kwalunkwe parti terza b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Fond għall-Modernizzazzjoni.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M1




ANNESS I

Informazzjoni dwar il-proposti ta’ investiment li għandha tiġi sottomessa lill-BEI u lill-Kumitat tal-Investiment

1.    Fil-każ tal-proposti kollha tal-investiment

1.1. 

speċifikazzjoni tal-qasam ta’ investiment f’konformità mal-Artikolu 10d(1) jew (2) tad-Direttiva 2003/87/KE, kif xieraq;

1.2. 

deskrizzjoni ġenerali tal-investiment, inklużi l-objettivi u l-benefiċjarju/i fil-mira, it-teknoloġija (jekk rilevanti), il-kapaċità (jekk rilevanti) u d-durata stmata tal-investiment;

1.3. 

informazzjoni dwar jekk l-investiment ikunx ingħata siġill jew kwalunkwe tikketta ta’ kwalità pprovduta skont id-dritt tal-Unjoni wara li jkun ġie evalwat b’mod pożittiv fi programmi ta’ finanzjament immaniġġjati direttament;

1.4. 

ġustifikazzjoni għall-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, inkluża l-konferma tal-konformità ta’ investiment mal-Artikolu 10d(1) tad-Direttiva 2003/87/KE;

1.5. 

speċifikazzjoni tal-kostijiet li għandhom jiġu koperti mill-Fond għall-Modernizzazzjoni u konferma li l-kostijiet huma meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni;

1.6. 

deskrizzjoni tal-istrument(i) ta’ appoġġ użat(i);

1.7. 

l-ammont mitlub tal-finanzjament mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, inkluż l-indikazzjoni tal-kategorija/i u tas-sottokategorija/i tal-fondi maħsuba għall-finanzjament tal-investiment propost, kif xieraq;

1.8. 

kontribuzzjoni(jiet) minn strumenti oħra nazzjonali u tal-Unjoni;

1.9. 

l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), u l-indikazzjoni ta’ dan li ġej, kif applikabbli:

(a) 

ir-referenza għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-miżura nazzjonali ta’ għajnuna;

(b) 

ir-referenza li l-miżura ta’ eżenzjoni ta’ kategorija ġiet irreġistrata taħtha (in-numru tal-għajnuna mill-Istat attribwit mis-sistema elettronika ta’ notifika tal-Kummissjoni);

(c) 

id-data mistennija għan-notifika tal-miżura ta’ għajnuna lill-Kummissjoni;

1.10. 

dikjarazzjoni tal-konformità tal-Istat Membru mad-drittijiet applikabbli nazzjonali u tal-Unjoni;

1.11. 

meta l-investiment jikkonċerna t-tranżizzjoni ġusta f’reġjuni dipendenti fuq il-karbonju fl-Istat Membru benefiċjarju, l-informazzjoni dwar il-konsistenza mal-azzjonijiet rilevanti inklużi mill-Istat Membru fil-pjan territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta tiegħu, u l-kontribuzzjoni għalihom, f’konformità mal-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (k), tar-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), fejn rilevanti;

1.12. 

stima tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’tCO2 u s-suppożizzjonijiet sottostanti għall-istima;

1.13. 

stima tal-kostijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’Eur/tCO2, u s-suppożizzjonijiet sottostanti għall-istima;

1.14. 

informazzjoni dwar jekk l-investiment kienx inkluż fi kwalunkwe ħarsa ġenerali preċedenti tal-investimenti f’konformità mal-Artikolu 13(3), u jekk iva, liema waħda;

1.15. 

għall-proġetti fuq skala kbira u għall-iskemi fuq skala kbira: informazzjoni dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

1.16. 

Mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istat Membru se jkollu juri li l-investiment jikkonforma mal-Artikolu 10f tad-Direttiva 2003/87/KE, fejn meħtieġ.

2.    Informazzjoni addizzjonali dwar l-iskemi

2.1. 

isem l-awtorità maniġerjali;

2.2. 

indikazzjoni dwar jekk il-proposta tikkonċernax skema eżistenti;

2.3. 

il-volum totali tal-iskema.

3.    Informazzjoni addizzjonali dwar proposti li mhumiex skemi

3.1. 

isem il-proponent tal-proġett;

3.2. 

il-post fejn se jsir il-proġett;

3.3. 

il-kostijiet totali tal-investiment;

3.4. 

l-istadju tal-iżvilupp tal-proġett (mill-fattibbiltà sal-operazzjoni);

3.5. 

l-iskeda ta’ żmien u d-deskrizzjoni tal-istadji importanti mistennija sat-tlestija tal-proġett;

3.6. 

lista tal-permessi mandatorji li nkisbu jew li jridu jinkisbu;

3.7. 

id-data mistennija tad-dħul fis-seħħ tal-proġett.

4.    Informazzjoni addizzjonali dwar proġetti fuq skala kbira jew dwar skemi eżistenti

4.1. 

l-ewwel sottomissjoni ta’ proġett fuq skala kbira: skeda ta’ implimentazzjoni u skeda ta’ żborż korrispondenti;

4.2. 

żborżi sussegwenti — informazzjoni dwar l-istatus tal-implimentazzjoni:

(a) 

għall-iskemi: informazzjoni dwar is-sejħiet għal proposti, l-għażla tal-proġetti, il-ftehimiet konklużi mar-riċevituri finali tal-appoġġ mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, it-trasferimenti li jsiru lir-riċevituri finali, kif ikun rilevanti. Meta ma jkun sar l-ebda progress jew ikun hemm dewmien sinifikanti mid-deċiżjoni ta’ żborż preċedenti, l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet għal tali nuqqas ta’ progress jew tali dewmien sinifikanti u kwalunkwe azzjoni korrettiva u skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni;

(b) 

għall-proġetti fuq skala kbira: l-informazzjoni dwar l-istadji importanti miksuba mid-deċiżjoni ta’ żborż preċedenti. Meta rilevanti: il-bidliet identifikati jew mistennija fil-kostijiet eliġibbli, fit-teknoloġija applikata jew fir-riżultati tal-investiment. Meta ma jkun sar l-ebda progress jew ikun hemm dewmien sinifikanti mid-deċiżjoni ta’ żborż preċedenti, l-informazzjoni dwar ir-raġunijiet għal tali nuqqas ta’ progress jew tali dewmien sinifikanti u kwalunkwe korrezzjoni u skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni.

5    . Informazzjoni addizzjonali dwar proposti mhux ta’ prijorità

5.1 

data kwantitattiva dwar il-fażijiet ta’ kostruzzjoni u ta’ operazzjoni, inkluż il-kontribut tal-proposta għall-objettivi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, tal-qafas ta’ politika tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030 u tal-Ftehim ta’ Pariġi;

5.2. 

tbassir finanzjarju ċċertifikat, inkluż il-kontribut finanzjarju maħsub minn sorsi privati;

5.3. 

deskrizzjoni ta’ kwalunkwe indikatur tal-prestazzjoni ieħor li jkun fil-mira, kif mitlub mill-BEI;

5.4. 

informazzjoni oħra rilevanti relatata mal-proponent tal-proġett, mal-investiment, mal-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq u ma’ kwistjonijiet ambjentali;

5.5. 

għall-iskemi: informazzjoni dwar proġett rappreżentattiv fil-qafas tal-iskema;

5.6. 

studju tal-fattibbiltà.




ANNESS II

Informazzjoni li għandha tingħata mill-Istat Membru benefiċjarju fir-rapport annwali lill-Kummissjoni

1.    Ħarsa ġenerali lejn l-investimenti

1.1. 

l-għadd ta’ investimenti ffinanzjati mill-Fond għall-Modernizzazzjoni sal-lum;

1.2. 

l-għadd ta’ investimenti li għadhom għaddejjin, li tlestew u li ma tkomplewx;

1.3. 

il-proporzjon globali tal-finanzjament ipprovdut għall-investimenti ta’ prijorità meta mqabbel ma’ dak ipprovdut għall-investimenti mhux ta’ prijorità, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru benefiċjarju.

2.    Informazzjoni dwar kull investiment

2.1. 

il-kostijiet totali tal-investiment/il-volum totali tal-iskema (bil-VAT u mingħajrha) (EUR);

2.2. 

l-appoġġ totali ppjanat mill-Fond għall-Modernizzazzjoni għall-investiment (EUR);

2.3. 

l-appoġġ totali kkonfermat/rakkomandat mill-Fond għall-Modernizzazzjoni għall-investiment (EUR)

2.4. 

l-ammont totali kopert minn impenn legali bejn l-Istat Membru benefiċjarju/l-awtorità maniġerjali u l-proponent tal-proġett/ir-riċevituri finali tal-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni (data limitu: il-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sottomissjoni tar-rapport) (għall-iskemi: ċifra aggregata);

2.5. 

l-ammont totali mħallas mill-Istat Membru benefiċjarju/mill-awtorità maniġerjali u l-proponent tal-proġett/ir-riċevituri finali tal-appoġġ tal-Fond għall-Modernizzazzjoni (data limitu: il-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sottomissjoni tar-rapport) (għall-iskemi: ċifra aggregata);

2.6. 

kwalunkwe ammont irkuprat mill-Istat Membru benefiċjarju mingħand il-proponent tal-proġett jew mingħand l-awtorità maniġerjali tal-iskema, u d-dati tal-irkupru;

2.7. 

valutazzjoni tal-valur miżjud tal-investiment f’termini tal-effiċjenza enerġetika u tal-modernizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, inkluża informazzjoni dwar dan li ġej (għall-iskemi: ċifri aggregati):

(a) 

l-enerġija ffrankata f’MWh:

— 
sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sottomissjoni tar-rapport;
— 
l-ammont kumulattiv mistenni sa tmiem il-ħajja tal-investiment;
(b) 

l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ffrankati f’tCO2:

— 
sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sottomissjoni tar-rapport;
— 
l-ammont kumulattiv mistenni sa tmiem il-ħajja tal-investiment;
(c) 

il-kapaċità addizzjonali ta’ enerġija rinnovabbli installata, jekk applikabbli:

— 
sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sottomissjoni tar-rapport;
— 
l-ammont kumulattiv mistenni sa tmiem il-ħajja tal-investiment;
(d) 

il-kostijiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet f’EUR/tCO2 (jekk applikabbli, minħabba n-natura tal-investiment):

— 
sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sottomissjoni tar-rapport;
— 
l-ammont mistenni tul il-ħajja tal-investiment;
2.8. 

konferma li l-investiment issemma f’ħarsa ġenerali preċedenti tal-investimenti f’konformità mal-Artikolu 13(2), u jekk iva, liema waħda.

3.    Informazzjoni addizzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-investimenti

3.1. 

l-istadji importanti miksuba mir-rapport annwali preċedenti; (għall-iskemi, dan jista’ jinkludi, pereżempju, l-informazzjoni dwar is-sejħiet għal proposti, l-għażla tal-proġetti, il-ftehimiet konklużi mar-riċevituri finali tal-appoġġ mill-Fond għall-Modernizzazzjoni);

3.2. 

għall-investimenti minbarra l-skemi: id-dħul fis-seħħ mistenni;

3.3. 

id-dewmien identifikat jew mistenni fl-implimentazzjoni;

3.4. 

għall-investimenti minbarra l-iskemi: il-bidliet identifikati jew mistennija fil-kostijiet eliġibbli, fit-teknoloġija applikata jew fir-riżultati ta’ investiment.

4.    Informazzjoni addizzjonali dwar investimenti mhux ta’ prijorità

4.1. 

konferma tal-kofinanzjament minn sorsi privati.

5.    Informazzjoni addizzjonali dwar l-awditjar u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Fond għall-Modernizzazzjoni

5.1. 

sommarju tal-eżitu tal-awditi mwettqa fil-livell nazzjonali.

6.    Informazzjoni addizzjonali dwar l-involviment tal-partijiet ikkonċernati

6.1. 

għall-proġetti fuq skala kbira u għall-iskemi fuq skala kbira, meta jsir rapportar dwar il-proġett jew l-iskema għall-ewwel darba: ħarsa ġenerali lejn il-konsultazzjoni mwettqa.

▼M1




ANNESS III

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istat Membru benefiċjarju fil-ħarsa ġenerali lejn l-investimenti ppjanati fis-sentejn kalendarji li ġejjin u, fejn possibbli, il-prospettiva sal-2030

1. Informazzjoni dwar kull investiment:

1.1 

isem il-proponent tal-proġett jew tal-awtorità li tamministra l-iskema;

1.2 

il-post speċifiku tal-investiment jew l-ambitu ġeografiku tal-iskema;

1.3 

stima tal-kost totali tal-investiment;

1.4 

il-qasam tal-investiment u deskrizzjoni fil-qosor tal-investiment;

1.5 

l-istatus ta’ kwalunkwe valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li tikkonċerna l-investiment, fejn applikabbli;

1.6 

stima tal-finanzjament mill-Fond għall-Modernizzazzjoni u deskrizzjoni tal-proposti ta’ finanzjament maħsuba;

1.7 

informazzjoni dwar ir-relazzjoni bejn l-investiment u l-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima nnotifikat skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2018/1999, b’mod partikolari fir-rigward tal-objettivi, il-miri, il-politiki u l-miżuri nazzjonali u l-investiment meħtieġ, kif speċifikat fl-Artikolu 3(2), il-punti (b) u (c) ta’ dak ir-Regolament;

1.8. 

informazzjoni dwar jekk l-investiment ikunx ingħata siġill jew kwalunkwe tikketta ta’ kwalità previsti mid-dritt tal-Unjoni wara li jkun ġie evalwat b’mod pożittiv fi programm ta’ finanzjament immaniġġjat direttament;

2. Informazzjoni dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar l-abbozz tal-ħarsa ġenerali lejn l-investimenti skont l-Artikolu 13(5), inkluż l-informazzjoni dwar id-dati u l-forma tal-konsultazzjoni mwettqa, it-tipi ta’ partijiet ikkonċernati kkonsultati, l-għadd ta’ tweġibiet riċevuti u sommarju tat-tweġibiet.



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 302 18.11.2010, p. 1).

( 3 ) Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).