02019R2088 — MT — 12.07.2020 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2019/2088 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta' Novembru 2019

dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 317 9.12.2019, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2020/852 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-18 ta’ Ġunju 2020

  L 198

13

22.6.2020




▼B

REGOLAMENT (UE) 2019/2088 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta' Novembru 2019

dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji dwar trasparenza fir-rigward tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà u l-kunsiderazzjoni ta’ impatti avversi għas-sostenibbiltà fil-proċessi tagħhom u l-għoti ta’ informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà fir-rigward ta' prodotti finanzjarji.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“parteċipant fis-swieq finanzjarji” tfisser:

(a) 

impriża tal-assigurazzjoni li tagħmel disponibbli prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni (IBIP);

(b) 

ditta tal-investiment li tipprovdi mmaniġġar ta' portafolji;

(c) 

istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORP);

(d) 

manifattur ta' prodott tal-pensjoni;

(e) 

maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (AIFM);

(f) 

fornitur ta' prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew (PEPP);

(g) 

maniġer ta’ fond kwalifikanti ta’ kapital ta’ riskju rreġistrat skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013;

(h) 

maniġer ta’ fond kwalifikanti ta’ intraprenditorija soċjali rreġistrat skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 346/2013;

(i) 

kumpannija maniġerjali ta' impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (kumpannija maniġerjali ta' UCITS); jew

(j) 

istituzzjoni ta' kreditu li tipprovdi mmaniġġar ta' portafolji;

(2) 

“impriża tal-assigurazzjoni” tfisser impriża tal-assigurazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(3) 

“prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni” jew “IBIP” tfisser:

(a) 

prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ); jew

(b) 

prodott tal-assigurazzjoni, li hu magħmul disponibbli għal investitur professjonali u, li joffri valur fil-maturità jew valur ta' ċessjoni li jkunu kompletament jew parzjalment esposti, direttament jew indirettament, għaċ-ċaqliq tas-suq;

(4) 

“maniġer ta’ fondi ta’ investiment alternattiv” jew “AIFM” tfisser AIFM kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(5) 

“ditta tal-investiment” tfisser ditta tal-investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(6) 

“immaniġġar ta’ portafoll” tfisser immaniġġar ta’ portafoll kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(7) 

“istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali” jew “IORP” tfisser istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali awtorizzata jew irreġistrata skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2016/2341 ħlief istituzzjoni li fir-rigward tagħha Stat Membru ikun għażel li japplika l-Artikolu 5 ta' dik id-Direttiva jew istituzzjoni li topera skemi tal-pensjoni li flimkien ikollhom anqas minn 15-il membru b'kollox;

(8) 

“prodott tal-pensjoni” tfisser:

(a) 

prodott tal-pensjoni kif imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014; jew

(b) 

prodott tal-pensjoni individwali kif imsemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014;

(9) 

“Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew” jew “PEPP” tfisser prodott kif imsemmi fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1238;

(10) 

“kumpannija maniġerjali ta' UCITS” tfisser:

(a) 

kumpannija maniġerjali kif definita fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE; jew

(b) 

kumpannija ta’ investiment awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE li ma nnominatx kumpannija maniġerjali awtorizzata taħt dik id-Direttiva għall-immaniġġar tagħha;

(11) 

"konsulent finanzjarju" tfisser:

(a) 

intermedjarju tal-assigurazzjoni li jipprovdi parir dwar l-assigurazzjoni fir-rigward ta' IBIPs;

(b) 

impriża tal-assigurazzjoni li tipprovdi konsulenza dwar l-assigurazzjoni fir-rigward ta' IBIPs;

(c) 

istituzzjoni ta’ kreditu li tipprovdi konsulenza ta' investiment;

(d) 

ditta tal-investiment li tipprovdi parir dwar l-investiment;

(e) 

AIFM li jipprovdi konsulenza dwar l-investiment skont il-punt (b)(i) tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2011/61/UE; jew

(f) 

kumpannija maniġerjali tal-UCITS li tipprovdi parir dwar l-investiment skont il-punt (b)(i) tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(12) 

“prodott finanzjarju” tfisser:

(a) 

portafoll immaniġġat skont il-punt (6) ta’ dan l-Artikolu;

(b) 

fond ta’ investiment alternattiv (AIF);

(c) 

IBIP;

(d) 

prodott tal-pensjoni;

(e) 

skema tal-pensjoni;

(f) 

UCITS; jew

(g) 

PEPP;

(13) 

“fondi ta’ investiment alternattiv” jew “AIFs” tfisser AIFs kif definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(14) 

“skema tal-pensjoni” tfisser skema tal-pensjoni kif definita fil-punt (2) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2341;

(15) 

“impriża ta' investiment kollettiv f’titoli trasferibbli” jew “UCITS” tfisser impriża awtorizzata skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(16) 

“parir dwar l-investiment” tfisser parir dwar investiment kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(17) 

“investiment sostenibbli” tfisser investiment f’attività ekonomika li jikkontribwixxi għal objettiv ambjentali, bħal dawk imkejla, pereżempju, b’indikaturi ewlenin tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi dwar l-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, il-materja prima, l-ilma u l-art, dwar il-produzzjoni tal-iskart, u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, jew dwar l-impatt fuq il-bijodiversità u l-ekonomija ċirkolari; jew investiment f'attività ekonomika li jikkontribwixxi għal objettiv soċjali, b’mod partikolari investiment li jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-inugwaljanza jew li jrawwem il-koeżjoni soċjali, l-integrazzjoni soċjali u r-relazzjonijiet industrijali, jew investiment fil-kapital uman jew f’komunitajiet ekonomikament jew soċjalment żvantaġġati, dment li tali investimenti ma jagħmlux ħsara sinifikanti lil xi wieħed minn dawk l-objettivi u li l-kumpanniji destinatarji ta’ investiment isegwu prattiki ta' governanza tajbin, b'mod partikolari fir-rigward ta’ strutturi ta' maniġġar b'saħħithom, relazzjonijiet mal-impjegati, remunerazzjoni tal-persunal u konformità tat-taxxa;

(18) 

“investitur professjonali” tfisser klijent li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2014/65/UE;

(19) 

“investitur fil-livell tal-konsumatur” tfisser investitur li mhuwiex investitur professjonali;

(20) 

“intermedjarju tal-assigurazzjoni” tfisser intermedjarju tal-assigurazzjoni kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97;

(21) 

“parir dwar l-assigurazzjoni” tfisser konsulenza kif definita fil-punt (15) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97;

(22) 

"riskju għas-sostenibbiltà" tfisser avveniment jew kundizzjoni ambjentali, soċjali jew ta' governanza li, jekk dawn iseħħu, jistgħu jikkawżaw impatt attwali jew potenzjali negattiv fuq il-valur tal-investiment;

(23) 

"fond Ewropew tal-investiment fuq terminu twil" jew "ELTIF" tfisser fond awtorizzat skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/760;

(24) 

“fatturi ta’ sostenibbiltà” tfisser materji ambjentali, soċjali u dwar impjegati, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u materji fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

▼M1

Artikolu 2a

Il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”

1.  L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej stabbiliti mir-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (kollettivament, l-“ESAs”, European Supervisory Authorities) għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-kontenut u tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni fir-rigward tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” msemmi fil-punt (17) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament b’mod konsistenti mal-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni fir-rigward tal-indikaturi ta’ sostenibbiltà relattivament għall-impatti negattivi msemmija fil-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

2.  L-ESAs għandhom jippreżentaw l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Diċembru 2020.

3.  Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

▼B

Artikolu 3

Trasparenza tal-politiki dwar ir-riskju għas-sostenibbiltà

1.  Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jippubblikaw fis-siti web tagħhom informazzjoni dwar il-politiki tagħhom dwar l-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-proċess tagħhom ta' teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment.

2.  Il-konsulenti finanzjarji għandhom jippubblikaw fis-siti web tagħhom informazzjoni dwar il-politiki tagħhom dwar l-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-pariri tagħhom ta' investiment jew assigurazzjoni.

Artikolu 4

Trasparenza ta’ impatti avversi għas-sostenibbiltà fil-livell ta’ entità

1.  Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jippubblikaw u jżommu fis-siti web tagħhom:

(a) 

fejn iqisu l-impatti avversi prinċipali ta' deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà, dikjarazzjoni dwar il-politiki tad-diliġenza dovuta fir-rigward ta’ dawk l-impatti, b'kont meħud kif dovut tad-daqs, in-natura u l-iskala tal-attivitajiet tagħhom u t-tipi ta’ prodotti finanzjarji li huma jagħmlu disponibbli; jew

(b) 

fejn ma jqisux impatti avversi ta' deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà, raġunijiet ċari għaliex ma jagħmlux dan, inkluża, fejn rilevanti, informazzjoni dwar jekk u meta huma għandhom l-intenzjoni li jikkunsidraw tali impatti avversi.

2.  Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jinkludu fl-informazzjoni pprovduta skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 mill-inqas dan li ġej:

(a) 

informazzjoni dwar il-politiki tagħhom dwar l-identifikazzjoni u l-prijoritizzazzjoni tal-impatti u l-indikaturi avversi prinċipali għas-sostenibbiltà;

(b) 

deskrizzjoni tal-impatti avversi prinċipali għas-sostenibbiltà u ta' kwalunkwe azzjoni relatata magħhom, meħuda jew, fejn rilevanti, ippjanata;

(c) 

sommarji qosra tal-politiki ta’ involviment skont l-Artikolu 3g tad-Direttiva 2007/36/KE, fejn applikabbli;

(d) 

referenza għall-konformità tagħhom ma’ kodiċijiet responsabbli ta’ kondotta kummerċjali u standards rikonoxxuti internazzjonalment għad-diliġenza dovuta u r-rappurtar u, fejn rilevanti, il-grad ta’ allinjament tagħhom mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi.

3.  B’deroga mill-paragrafu 1, mit-30 ta’ Ġunju 2021, il-parteċipanti fis-suq finanzjarju li fid-dati tal-karta tal-bilanċ tagħhom jaqbżu l-kriterju tan-numru medju ta' 500 impjegat matul is-sena finanzjarja għandhom jippubblikaw u jżommu fis-siti web tagħhom dikjarazzjoni dwar politiki tagħhom ta’ diliġenza dovuta fir-rigward ta' l-impatti avversi prinċipali ta’ deċiżjonijiet ta' investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà. Dik id-dikjarazzjoni għandha tal-inqas tinkludi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

4.  B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, mit-30 ta’ Ġunju 2021, il-parteċipanti fis-suq finanzjarju li huma impriżi omm ta’ grupp kbir kif imsemmi fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2013/34/UE li fid-dati tal-karta tal-bilanċ tal-grupp jaqbżu, fuq bażi konsolidata, il-kriterju tan-numru medju ta' 500 impjegat matul is-sena finanzjarja għandhom jippubblikaw u jżommu fis-siti web tagħhom dikjarazzjoni dwar il-politiki tagħhom ta’ diliġenza dovuta fir-rigward ta' impatti avversi prinċipali ta’ deċiżjonijiet ta' investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà. Dik id-dikjarazzjoni għandha tal-inqas tinkludi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

5.  Il-konsulenti finanzjarji għandhom jippubblikaw u jżommu fis-siti web tagħhom:

(a) 

informazzjoni dwar jekk, b'kont meħud kif dovut tad-daqs, in-natura u l-iskala tal-attivitajiet tagħhom u t-tipi ta' prodotti finanzjarji li dwarhom jagħtu pariri, jikkunsidrawx fil-pariri tagħhom dwar l-investiment jew dwar l-assigurazzjoni l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà; jew

(b) 

informazzjoni għalfejn ma jqisux impatti avversi tad-deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà fil-pariri tagħhom dwar l-investiment jew dwar l-assigurazzjoni, u, fejn rilevanti, inkluża informazzjoni dwar jekk u meta huma għandhom l-intenzjoni li jikkunsidraw tali impatti avversi.

6.  Sat-30 ta’ Diċembru 2020, l-ESAs għandhom jiżviluppaw, permezz tal-Kumitat Konġunt, abbozz ta' standards tekniċi regolatorji f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 dwar il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tal-indikaturi tas-sostenibbiltà b'rabta mal-impatti avversi fuq il-klima u impatti avversi oħra relatati mal-ambjent.

L-ESAs għandhom, fejn rilevanti, ifittxu l-kontribut tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

7.  Sat-30 ta’ Diċembru 2021, l-ESAs għandhom jiżviluppaw, permezz tal-Kumitat Konġunt, abbozz ta' standards tekniċi regolatorji f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010, dwar il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tal-indikaturi tas-sostenibbiltà fir-rigward ta' impatti avversi fil-qasam ta' materji soċjali u ta' impjegati, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u materji fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 5

Trasparenza tal-politiki ta' remunerazzjoni b'rabta mal-integrazzjoni ta' riskji għas-sostenibbiltà

1.  Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji għandhom jinkludu fil-politiki ta' remunerazzjoni tagħhom informazzjoni dwar kif dawk il-politiki huma konsistenti mal-integrazzjoni ta' riskji għas-sostenibbiltà u għandhom jippubblikaw dik l-informazzjoni fis-siti web tagħhom.

2.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun inkluża fil-politiki ta' remunerazzjoni li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji huma meħtieġa jistabbilixxu u jżommu f'konformità mal-leġislazzjoni settorjali, b'mod partikolari d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/65/UE, (UE) 2016/97 u (UE) 2016/2341.

Artikolu 6

Trasparenza tal-integrazzjoni ta' riskji għas-sostenibbiltà

1.  Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jinkludu deskrizzjonijiet ta’ dawn li ġejjin fid-divulgazzjonijiet prekuntrattwali:

(a) 

il-mod kif jiġu integrati riskji għas-sostenibbiltà fid-deċiżjonijiet tagħhom ta' investiment; u

(b) 

ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatti probabbli ta' riskji għas-sostenibbiltà fuq ir-rendimenti tal-prodotti finanzjarji li huma jagħmlu disponibbli.

Fejn il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jqisu li r-riskji għas-sostenibbiltà mhumiex rilevanti, id-deskrizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu spjegazzjoni ċara u konċiża tar-raġunijiet għal dan.

2.  Il-konsulenti finanzjarji għandhom jinkludu deskrizzjonijiet ta’ dawn li ġejjin fid-divulgazzjonijiet prekuntrattwali:

(a) 

il-mod kif jiġu integrati riskji għas-sostenibbiltà fil-pariri tagħhom dwar l-investiment jew dwar l-assigurazzjoni, u

(b) 

ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-impatti probabbli ta' riskji għas-sostenibbiltà fuq ir-rendimenti tal-prodotti finanzjarji li dwarhom jagħtu pariri.

Fejn il-konsulenti finanzjarji jqisu li r-riskji għas-sostenibbiltà mhumiex rilevanti, id-deskrizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu spjegazzjoni ċara u konċiża tar-raġunijiet għal dan.

3.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi ddivulgata b’dan il-mod:

(a) 

għall-AIFMs, fid-divulgazzjonijiet lill-investituri msemmija fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(b) 

għall-impriżi tal-assigurazzjoni, fl-għoti ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 185(2) tad-Direttiva 2009/138/KE jew, fejn rilevanti, skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97;

(c) 

għall-IORPs, fl-għoti ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2016/2341;

(d) 

għall-maniġers ta' fondi kwalifikanti ta’ kapital ta’ riskju, fl-għoti ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 345/2013;

(e) 

għall-maniġers ta’ fondi kwalifikanti ta’ intraprenditorija soċjali, fl-għoti tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 346/2013;

(f) 

għall-manifatturi ta’ prodotti tal-pensjoni, bil-miktub, fi żmien sew qabel investitur fil-livell tal-konsumatur ikun marbut minn kuntratt relatat ma’ prodott tal-pensjoni;

(g) 

għall-kumpanniji maniġerjali tal-UCITS, fil-prospett imsemmi fl-Artikolu 69 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(h) 

għad-ditti ta’ investiment li jipprovdu mmaniġġar ta’ portafolji jew jipprovdu parir dwar l-investiment, skont l-Artikolu 24(4) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(i) 

għall-istituzzjonijiet tal-kreditu li jipprovdu mmaniġġar ta’ portafolji jew jipprovdu parir dwar l-investiment, skont l-Artikolu 24(4) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(j) 

għall-intermedjarji tal-assigurazzjoni u impriżi tal-assigurazzjoni li jipprovdu parir dwar l-assigurazzjoni fir-rigward tal-IBIPs u għall-intermedjarji tal-assigurazzjoni li jipprovdu parir dwar l-assigurazzjoni fir-rigward ta' prodotti tal-pensjoni esposti għal fluttwazzjonijiet tas-suq, skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97;

(k) 

għall-AIFMs ta' ELTIFs, fil-prospett imsemmi fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2015/760;

(l) 

għall-fornituri tal-PEPPs, fid-dokument bit-tagħrif ewlieni tal-PEPP imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2019/1238.

Artikolu 7

Trasparenza ta’ impatti avversi għas-sostenibbiltà fil-livell ta’ prodotti finanzjarji

1.  Sat-30 ta’ Diċembru 2022, għal kull prodott finanzjarju, fejn parteċipant fis-suq finanzjarju japplika l-punt (a) tal-Artikolu 4(1) jew l-Artikolu 4(3) jew (4), id-divulgazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(3) għandhom jinkludu dan li ġej:

(a) 

spjegazzjoni ċara u motivata dwar jekk u, fil-każ li jkun hekk, kif prodott finanzjarju jikkunsidra impatti avversi prinċipali fuq fatturi ta’ sostenibbiltà;

(b) 

dikjarazzjoni li hemm informazzjoni dwar impatti avversi prinċipali fuq fatturi ta’ sostenibbiltà disponibbli fl-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-Artikolu 11(2).

Fejn l-informazzjoni fl-Artikolu 11(2) tinkludi kwantifikazzjonijiet ta' impatti avversi prinċipali fuq fatturi ta’ sostenibbiltà, dik l-informazzjoni tista’ tiddependi fuq id-dispożizzjonijiet tal-istandards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 4(6) u (7).

2.  Fejn parteċipant fis-swieq finanzjarji japplika l-punt (b) tal-Artikolu 4(1), id-divulgazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(3) għandhom jinkludu għal kull prodott finanzjarju dikjarazzjoni li l-parteċipant fis-swieq finanzjarji ma jqisx l-impatti avversi tad-deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà u r-raġunijiet għal dan.

Artikolu 8

Trasparenza tal-promozzjoni tal-karatteristiċi ambjentali jew soċjali f'divulgazzjonijiet prekuntrattwali

1.  Fejn prodott finanzjarju jippromwovi, fost karatteristiċi oħra, karatteristiċi ambjentali jew soċjali, jew taħlita ta’ dawk il-karatteristiċi, dment li l-kumpanniji li fihom isiru l-investimenti jsegwu prattiki ta’ governanza tajba, l-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-Artikolu 6(1) u (3) għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a) 

informazzjoni dwar kif dawk il-karatteristiċi jiġu sodisfatti;

(b) 

jekk ġie indikat indiċi bħala parametru referenzjarju, informazzjoni dwar jekk u kif dan l-indiċi huwa konsistenti ma' dawk il-karatteristiċi.

2.  Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jinkludu, fl-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-Artikolu 6(1) u (3), indikazzjoni dwar fejn għandha tinstab il-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-indiċi msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

▼M1

2a.  Fejn parteċipanti fis-swieq finanzjarji jagħmlu disponibbli prodott finanzjarju kif imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), huma għandhom jinkludu fl-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata taħt l-Artikolu 6(1) u (3) ta’ dan ir-Regolament l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/852.

▼M1

3.  L-ESAs għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-kontenut u tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

▼B

Meta jkunu qed jiżviluppaw l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ESAs għandhom jikkunsidraw id-diversi tipi ta’ prodotti finanzjarji, il-karatteristiċi tagħhom u d-differenzi ta’ bejniethom kif ukoll l-għan li d-divulgazzjonijiet għandhom ikunu preċiżi, ġusti, ċari, mhux qarrieqa, sempliċi u konċiżi.

L-ESAs għandhom jippreżentaw l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Diċembru 2020.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

▼M1

4.  L-ESAs għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-kontenut u tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2a ta’ dan l-Artikolu.

Meta jkunu qed jiżviluppaw l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-ESAs għandhom jieħdu kont tad-diversi tipi ta’ prodotti finanzjarji, il-karatteristiċi tagħhom u d-differenzi bejniethom kif ukoll l-objettiv li d-divulgazzjonijiet għandhom ikunu preċiżi, ġusti, ċari, mhux qarrieqa, sempliċi u konċiżi u, fejn meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv, għandhom jiżviluppaw abbozzi ta’ emendi għall-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. L-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom jieħdu kont tad-dati rispettivi ta’ applikazzjoni stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 fir-rigward tal-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament.

L-ESAs għandhom jippreżentaw l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni:

(a) 

fir-rigward tal-objettivi ambjentali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852, sal-1 ta’ Ġunju 2021; u

(b) 

fir-rigward tal-objettivi ambjentali msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852, sal-1 ta’ Ġunju 2022.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

▼B

Artikolu 9

Trasparenza ta' investimenti sostenibbli f'divulgazzjonijiet prekuntrattwali

1.  Fejn prodott finanzjarju jkollu investiment sostenibbli bħala l-objettiv tiegħu u jiġi indikat indiċi bħala parametru referenzjarju, l-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-Artikolu 6(1) u (3) għandha tkun akkumpanjata minn dawn li ġejjin:

(a) 

informazzjoni dwar kif l-indiċi indikat huwa allinjat ma’ dak l-objettiv;

(b) 

spjegazzjoni għaliex u kif dak l-indiċi indikat allinjat ma’ dak l-objettiv huwa differenti minn indiċi wiesa’ tas-suq.

2.  Fejn prodott finanzjarju jkollu investimenti sostenibbli bħala l-objettiv tiegħu u ma jkun ġie indikat l-ebda indiċi bħala parametru referenzjarju, l-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-Artikolu 6(1) u (3) għandha tinkludi spjegazzjoni dwar kif għandu jintlaħaq dak l-objettiv.

3.  Fejn prodott finanzjarju jkollu tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju bħala l-objettiv tiegħu, l-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-Artikolu 6(1) u (3) għandha tinkludi l-objettiv tal-iskopertura għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi kontra t-tisħin globali.

B'deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, fejn l-ebda Parametru Referenzjarju tat-Transizzjoni tal-Klima tal-UE jew Parametru Referenzjarji tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) ma jkun disponibbli, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 għandha tinkludi spjegazzjoni dettaljata dwar kif l-isforz kontinwu biex jintlaħaq l-objettiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju jiġi żgurat bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi kontra t-tisħin globali.

4.  Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jinkludu fl-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-Artikolu 6(1) u (3) indikazzjoni ta' fejn għandhom jinstabu l-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-indiċijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-parametri referenzjarji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

▼M1

4a.  Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jinkludu fl-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata f’konformità mal-Artikolu 6(1) u (3) ta’ dan ir-Regolament l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2020/852.

▼M1

5.  L-ESAs għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-kontenut u tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata f’konformità mal-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu.

▼B

Meta jkunu qed jiżviluppaw l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, L-ESAs għandhom jikkunsidraw id-diversi tipi ta’ prodotti finanzjarji, l-objettivi tagħhom kif imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 u d-differenzi ta’ bejniethom kif ukoll l-għan li divulgazzjonijiet għandhom ikunu preċiżi, ġusti, ċari, mhux qarrieqa, sempliċi, u konċiżi.

L-ESAs għandhom jippreżentaw dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu, lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Diċembru 2020.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

▼M1

6.  L-ESAs għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-kontenut u tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4a ta’ dan l-Artikolu.

Meta jkunu qed jiżviluppaw l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-ESAs għandhom jieħdu kont tad-diversi tipi ta’ prodotti finanzjarji, l-objettivi tagħhom kif imsemmija fil-paragrafu 4a ta’ dan l-Artikolu u d-differenzi bejniethom kif ukoll l-objettiv li d-divulgazzjonijiet għandhom ikunu preċiżi, ġusti, ċari, mhux qarrieqa, sempliċi u konċiżi u, fejn meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv, għandhom jiżviluppaw abbozzi ta’ emendi għall-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. L-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom jieħdu kont tad-dati rispettivi ta’ applikazzjoni stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 fir-rigward tal-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament.

L-ESAs għandhom jippreżentaw l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni:

(a) 

fir-rigward tal-objettivi ambjentali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852, sal-1 ta’ Ġunju 2021; u

(b) 

fir-rigward tal-objettivi ambjentali msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852, sal-1 ta’ Ġunju 2022.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

▼B

Artikolu 10

Trasparenza tal-promozzjoni ta' karatteristiċi ambjentali jew soċjali u ta' investimenti sostenibbli fuq siti web

1.  Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jippubblikaw u jżommu fis-siti web tagħhom l-informazzjoni li ġejja għal kull prodott finanzjarju msemmi fl-Artikolu 8(1) u fl-Artikolu 9(1), (2) u (3):

(a) 

deskrizzjoni tal-karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew l-objettiv ta' investiment sostenibbli;

(b) 

informazzjoni dwar il-metodoloġiji użati biex jiġu vvalutati, imkejla u ssorveljati l-karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew l-impatt tal-investimenti sostenibbli magħżula għall-prodott finanzjarju, inklużi s-sorsi ta’ data tiegħu, il-kriterji ta’ skrinjar għall-assi sottostanti u l-indikaturi rilevanti ta’ sostenibbiltà użati biex jitkejlu l-karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew l-impatt sostenibbli globali tal-prodott finanzjarju;

(c) 

l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 8 u 9;

(d) 

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11.

L-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata skont l-ewwel subparagrafu għandha tkun ċara, konċiża u tinftiehem mill-investituri. Għandha tiġi ppubblikata b’tali mod li tkun preċiża, ġusta, ċara, mhux qarrieqa, sempliċi u konċiża u f’parti tas-sit web li tkun prominenti u aċċessibbli b'mod faċli.

2.  L-ESAs għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-kontenut tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, u r-rekwiżiti ta’ preżentazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dak il-paragrafu.

Meta jkunu qed jiżviluppaw l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-ESAs għandhom jikkunsidraw id-diversi tipi ta’ prodotti finanzjarji, il-karatteristiċi u l-objettivi tagħhom kif imsemmija fil-paragrafu 1 u d-differenzi bejniethom. L-ESAs għandhom jaġġornaw l-istandards tekniċi regolatorji fid-dawl tal-iżviluppi regolatorji u teknoloġiċi.

L-ESAs għandhom jippreżentaw l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Diċembru 2020.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 11

Trasparenza tal-promozzjoni ta' karatteristiċi ambjentali jew soċjali u ta' investimenti sostenibbli f'rapporti perjodiċi

1.  Fejn il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jagħmlu disponibbli prodott finanzjarju kif msemmi fl-Artikolu 8(1) jew fl-Artikolu 9(1), (2) jew (3), huma għandhom jinkludu deskrizzjoni ta’ dawn li ġejjin fir-rapporti perjodiċi:

(a) 

għal prodott finanzjarju kif imsemmi fl-Artikolu 8(1), sa liema punt il-karatteristiċi ambjentali jew soċjali jintlaħqu;

(b) 

għal prodott finanzjarju kif imsemmi fl-Artikolu 9(1), (2) jew (3):

(i) 

l-impatt globali relatat mas-sostenibbiltà tal-prodott finanzjarju permezz ta’ indikaturi rilevanti ta' sostenibbiltà; jew

(ii) 

fejn indiċi jintgħażel bħala parametru referenzjarju, paragun bejn l-impatt globali, relattivament għas-sostenibbiltà, tal-prodott finanzjarju mal-impatti tal-indiċi indikat u ta' indiċi tas-suq wiesa’ permezz ta' indikaturi tas-sostenibbiltà;

▼M1

(c) 

għal prodott finanzjarju soġġett għall-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2020/852, l-informazzjoni meħtieġa taħt dak l-Artikolu; u

(d) 

għal prodott finanzjarju soġġett għall-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/852, l-informazzjoni meħtieġa taħt dak l-Artikolu.

▼B

2.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi divulgata b’dan il-mod:

(a) 

għall-AIFMs, fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/61/UE;

(b) 

għall-impriżi tal-assigurazzjoni, kull sena bil-miktub skont l-Artikolu 185(6) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(c) 

għall-IORPs, fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2016/2341;

(d) 

għall-maniġers ta’ fondi kwalifikanti ta’ kapital ta’ riskju, fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 345/2013;

(e) 

għall-maniġers ta’ fondi kwalifikanti ta’ intraprenditorija soċjali, fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 346/2013;

(f) 

għall-manifatturi ta’ prodotti tal-pensjoni, bil-miktub fir-rapport annwali jew f'rapport skont il-liġi nazzjonali;

(g) 

għall-kumpanniji maniġerjali tal-UCITS, fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 69 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(h) 

għad-ditti ta' investiment li jipprovdu mmaniġġar ta' portafolji, f'rapport perjodiku kif imsemmi fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(i) 

għall-istituzzjonijiet ta' kreditu li jipprovdu mmaniġġar ta' portafolji, f'rapport perjodiku kif imsemmi fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(j) 

għall-fornituri tal-PEPPs, fir-Rapport tal-Benefiċċju tal-PEPP imsemmi fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2019/1238.

3.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jistgħu jużaw l-informazzjoni fir-rapporti tal-immaniġġar skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2013/34/UE jew l-informazzjoni f’dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji skont l-Artikolu 19a ta' dik id-Direttiva fejn adatt.

▼M1

4.  L-ESAs għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-kontenut u tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1.

▼B

Meta jkunu qed jiżviluppaw l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-ESAs għandhom jikkunsidraw id-diversi tipi ta’ prodotti finanzjarji, il-karatteristiċi u l-objettivi tagħhom u d-differenzi bejniethom. L-ESAs għandhom jaġġornaw l-istandards tekniċi regolatorji fid-dawl tal-iżviluppi regolatorji u teknoloġiċi.

L-ESAs għandhom jippreżentaw l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Diċembru 2020.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

▼M1

5.  L-ESAs għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-kontenut u tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1.

Meta jkunu qed jiżviluppaw l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-ESAs għandhom jieħdu kont tad-diversi tipi ta’ prodotti finanzjarji, il-karatteristiċi u l-objettivi tagħhom u d-differenzi bejniethom u, fejn meħtieġ, għandhom jiżviluppaw abbozzi ta’ emendi għall-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. L-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom jieħdu kont tad-dati rispettivi ta’ applikazzjoni stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2020/852 fir-rigward tal-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament. L-ESAs għandhom jaġġornaw l-istandards tekniċi regolatorji fid-dawl ta’ żviluppi regolatorji u teknoloġiċi.

L-ESAs għandhom jippreżentaw l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni:

(a) 

fir-rigward tal-objettivi ambjentali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852, sal-1 ta’ Ġunju 2021; u

(b) 

fir-rigward tal-objettivi ambjentali msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852, sal-1 ta’ Ġunju 2022.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

▼B

Artikolu 12

Rieżami ta’ divulgazzjonijiet

1.  Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni ppubblikata skont l-Artikolu 3, 5 jew 10 tinżamm aġġornata. Fejn parteċipant fis-swieq finanzjarji jemenda tali informazzjoni, għandha tiġi ppubblikata spjegazzjoni ċara ta’ tali emenda fl-istess sit web.

2.  Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis għal konsulenti finanzjarji fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni ppubblikata f'konformità mal-Artikoli 3 u 5.

Artikolu 13

Komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għal leġislazzjoni settorjali aktar stretta, b’mod partikolari d-Direttivi 2009/65/KE, 2014/65/UE u (UE) 2016/97 u r-Regolament (UE) Nru 1286/2014, il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom ma jkunux f’kontradizzjoni mal-informazzjoni ddivulgata skont dan ir-Regolament.

2.  L-ESAs jistgħu jiżviluppaw, permezz tal-Kumitat Konġunt, abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex jistabbilixxu l-preżentazzjoni standard ta’ informazzjoni dwar il-promozzjoni ta' karatteristiċi ambjentali jew soċjali u investimenti sostenibbli.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 14

Awtoritajiet kompetenti

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-leġislazzjoni settorjali, b'mod partikolari l-leġislazzjoni settorjali msemmija fl-Artikolu 6(3) ta' dan ir-Regolament, u skont id-Direttiva 2013/36/UE, jimmonitorjaw il-konformità tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-konsulenti finanzjarji mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li huma meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament.

2.  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma' xulxin u għandhom jipprovdu lil xulxin, mingħajr dewmien bla bżonn, l-informazzjoni li tkun rilevanti għall-finijiet tat-twettiq ta' dmirijiethom taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Trasparenza mill-IORPs u intermedjarji tal-assigurazzjoni

1.  L-IORPs għandhom jippubblikaw u jżommu l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1), ta’ dan ir-Regolament f'konformità mal-punt (f) tal-Artikolu 36(2) tad-Direttiva (UE) 2016/2341.

2.  L-intermedjarji tal-assigurazzjoni għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3, fl-Artikolu 4(5), fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6 u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1), ta’ dan ir-Regolament f'konformità mal-Artikolu 23 tad-Direttiva (UE) 2016/97.

Artikolu 16

Prodotti tal-pensjoni koperti bir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009

1.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw dan ir-Regolament għal manifatturi ta' prodotti tal-pensjoni li joperaw skemi ta' sigurtà soċjali nazzjonali li huma koperti bir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009. F'tali każijiet, il-manifatturi ta’ prodotti tal-pensjoni kif imsemmija fil-punt (1)(d) tal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament għandhom jinkludu manifatturi ta’ prodotti tal-pensjoni li joperaw skemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali u ta' prodotti tal-pensjoni msemmija fil-punt (8) tal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament. F'tali każ, id-definizzjoni ta' prodott tal-pensjoni fil-punt (8) tal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament għandha titqies li tinkludi l-prodotti tal-pensjoni msemmija fl-ewwel sentenza.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESAs b’kull deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 1.

Artikolu 17

Eżenzjonijiet

1.  Dan ir-Regolament la għandu japplika għal intermedjarji tal-assigurazzjoni li jipprovdu parir dwar l-assigurazzjoni fir-rigward ta' IBIPs u lanqas għal ditti tal-investiment li jipprovdu parir dwar l-investiment li jkunu intrapriżi irrispettivament mill-forma legali tagħhom, inklużi persuni fiżiċi jew persuni li jaħdmu għal rashom, dment li jimpjegaw anqas minn tliet persuni.

2.  L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw dan ir-Regolament għal intermedjarji tal-assigurazzjoni li jipprovdu parir dwar l-assigurazzjoni fir-rigward ta' IBIPs jew għal ditti tal-investiment li jipprovdu parir dwar l-investiment kif imsemmi fil-paragrafu 1.

3.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESAs b’kull deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 2.

Artikolu 18

Rapport

L-ESAs għandhom jevalwaw il-firxa tal-iżvelar volontarju skont il-punt (a) tal-Artikolu 4(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 7(1). Sal-10 ta’ Settembru 2022 u kull sena sussegwentement, l-ESAs għandhom jippreżentaw rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiki u jagħmlu rakkomandazzjonijiet favur standards ta’ rappurtar volontarju. Dak ir-rapport annwali għandu jikkunsidra l-implikazzjonijiet tal-prattiki ta' diliġenza dovuta għad-divulgazzjonijiet taħt dan ir-Regolament u għandu jipprovdi gwida dwar din il-materja. Dak ir-rapport għandu jkun disponibbli pubblikament u jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 19

Evalwazzjoni

1.  Sat-30 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha b’mod partikolari tikkunsidra:

(a) 

jekk ir-referenza għan-numru medju ta’ impjegati fl-Artikolu 4(3) u (4) għandhiex tinżamm, jew tiġi sostitwita jew tkun akkumpanjata minn kriterji oħrajn, u għandha tikkunsidra l-benefiċċji u l-proporzjonalità tal-piż amministrattiv relatat;

(b) 

jekk il-funzjonament ta’ dan ir-Regolament huwiex ostakolat min-nuqqas ta’ data jew mill-kwalità subottimali tagħhom, inklużi indikaturi dwar impatti avversi fuq fatturi ta' sostenibbiltà minn kumpanniji li jsir investiment fihom.

2.  L-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata, jekk ikun adatt, minn proposti leġislattivi.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.  Dan ir-Regolament għandu japplika mill-10 ta’ Marzu 2021.

▼M1

3.  B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu:

(a) 

l-Artikoli 4(6) u (7), 8(3), 9(5), 10(2), 11(4) u 13(2) għandhom japplikaw mid-29 ta’ Diċembru 2019;

(b) 

l-Artikoli 2a, 8(4), 9(6) u 11(5) għandhom japplikaw mit-12 ta’ Lulju 2020;

(c) 

l-Artikoli 8(2a) u 9(4a) għandhom japplikaw:

(i) 

fir-rigward tal-objettivi ambjentali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852, mill-1 ta’ Jannar 2022; u

(ii) 

fir-rigward tal-objettivi ambjentali msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852, mill-1 ta’ Jannar 2023;

(d) 

l-Artikolu 11(1), (2) u (3) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

▼B

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).

( 2 ) Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

( 3 ) Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).