02019R2021 — MT — 05.12.2019 — 000.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2021 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009 (ĠU L 315 5.12.2019, p. 241) |
Ikkoreġut bi:
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2021
tal-1 ta’ Ottubru 2019
li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għat-tqegħid fis-suq u għad-dħul fis-servizz ta’ unitajiet tal-wiri elettroniċi, inkluż it-televixins, il-moniters u l-unitajiet tal-wiri diġitali tas-sinjalar.
2. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dawn li ġejjin:
unitajiet tal-wiri elettroniċi b’erja tal-iskrin ta’ 100 ċentimetru kwadru jew inqas;
proġetturi;
sistemi komprensivi tal-vidjokonferenzi;
unitajiet tal-wiri mediċi;
headseats tar-realtà virtwali;
unitajiet tal-wiri integrati jew li jridu jiġu integrati fi prodotti elenkati fl-Artikolu 2, il-punt 3(a) u l-punt 4 tad-Direttiva 2012/19/UE;
unitajiet tal-wiri li huma komponenti jew subassemblaġġi ta’ prodotti koperti bil-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati bid-Direttiva 2009/125/KE.
3. Ir-rekwiżiti fil-punti A u B tal-Anness II ma għandhomx japplikaw għal dawn l-unitajiet tal-wiri li ġejjin:
unitajiet tal-wiri tax-xandir;
unitajiet tal-wiri professjonali;
unitajiet tal-wiri tas-sigurtà;
whiteboards interattivi diġitali;
frejms tar-ritratti diġitali;
unitajiet tal-wiri tas-sinjalar diġitali.
4. Ir-rekwiżiti fil-punti A, B u C tal-Anness II ma għandhomx japplikaw għal dawn l-unitajiet tal-wiri li ġejjin:
unitajiet tal-wiri tal-istatus;
panelli tal-kontroll.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
“unità tal-wiri elettronika” tfisser skrin tal-wiri u l-elettroniċi assoċjati li l-funzjoni primarja tagħhom tkun il-wiri ta’ informazzjoni viżwali minn sorsi bil-wajer jew mingħajru;
“televixin” tfisser unità tal-wiri elettronika maħsuba primarjament biex turi u tirċievi sinjali awdjoviżivi, u li tkun tikkonsisti minn unità tal-wiri elettronika u minn tuner/riċevitur wieħed jew aktar;
“tuner/riċevitur” tfisser ċirkwit elettroniku li jaqbad sinjal tax-xandir tat-televixin, bħad-diġitali terrestri jew bis-satellita, iżda mhux unicast bl-Internet, u jiffaċilita l-għażla ta’ stazzjon tat-televixin minn grupp ta’ stazzjonijiet tax-xandir;
“moniter jew moniter tal-kompjuter” jew “unità tal-wiri tal-kompjuter” tfisser unità tal-wiri elettronika maħsuba għal persuna waħda biex taraha mill-viċin, ngħidu aħna fuq skrivanija;
“unità tal-wiri diġitali tas-sinjalar” tfisser unità tal-wiri elettronika maħsuba primarjament għall-wiri pubbliku f’ambjenti li mhumiex ibbażati fuq desktop u li mhumiex domestiċi. L-ispeċifikazzjoni tagħha għandha tinkludi dawn il-karatteristiċi kollha li ġejjin:
identifikatur uniku li jkun jista’ jindirizza lil unità tal-wiri speċifika;
funzjoni li tiddiżattiva l-aċċess mhux awtorizzat għall-konfigurazzjonijiet tal-unità tal-wiri u l-immaġni murija;
konnessjoni ta’ netwerk (li tinkludi kemm interfaċċja bil-wajers jew mingħajr wajers) għall-kontroll, il-monitoraġġ jew ir-riċeviment tal-informazzjoni li trid tintwera, u li tkun ġejja mingħand sorsi unicast jew multicast remoti iżda mhux mingħand sorsi tax-xandir;
maħsuba biex tiġi installata mdendla, immuntata jew imwaħħla ma’ struttura fiżika għall-wiri pubbliku, u mhux inqiegħda fis-suq bi stend mal-art;
ma tintegrax tuner biex turi s-sinjali tax-xandir;
“erja tal-iskrin” tfisser l-erja viżibbli tal-unità tal-wiri elettronika li tiġi kkalkulata b’multiplikazzjoni tal-wisa’ viżibbli massimu tal-immaġni mal-għoli viżibbli massimu tal-immaġni tul is-superfiċje tal-panella (ċatta jew imżaqqa);
“frejm tar-ritratti diġitali” tfisser unità tal-wiri elettronika maħsuba biex turi esklussivament informazzjoni viżwali fissa;
“proġettur” tfisser apparat ottiku għall-ipproċessar ta’ informazzjoni ta’ immaġni vidjo analoga jew diġitali, bi kwalunkwe format, li jimmodula sors ta’ dawl u jipproġetta l-immaġni li tirriżulta fuq wiċċ estern;
“unità tal-wiri ta’ status” tfisser unità tal-wiri li tintuża biex turi informazzjoni sempliċi iżda li tkun qed tinbidel bħal xi stazzjon magħżul, il-ħin jew il-konsum tal-enerġija. Indikatur sempliċi tad-dawl ma jitqiesx bħala unità tal-wiri ta’ status;
“panella tal-kontroll” tfisser unità tal-wiri elettronika li l-funzjoni ewlenija tagħha hi li turi l-immaġnijiet assoċjati mal-istatus operazzjonali tal-prodott; din tista’ tipprovdi interazzjoni lill-utenti permezz tal-mess jew mezzi oħra li jikkontrollaw l-operazzjoni tal-prodott. Din tista’ tkun integrata fil-prodotti jew iddisinjata u kkummerċjalizzata speċifikament biex tintuża esklussivament mal-prodott;
“sistema komprensiva tal-vidjokonferenzi” tfisser sistema apposta mfassla għall-vidjokonferenzi u l-kollaborazzjoni, integrata fi kjużura waħda, li l-ispeċifikazzjoni tagħha għandha tinkludi dawn il-karatteristiċi kollha li ġejjin:
appoġġ għall-protokoll speċifiku tal-vidjokonferenzi ITU-T H.323 jew IETF SIP kif mogħti mill-manifattur;
kamera(s), unitajiet tal-wiri u kapaċitajiet tal-ipproċessar għal vidjo bidirezzjonali f’ħin reali, inkluż reżiljenza għat-telfien tal-pakketti;
loudspeaker u kapaċitajiet tal-ipproċessar tal-awdjo għal awdjo bidirezzjonali handsfree f’ħin reali, inkluż it-tneħħija tal-eku;
funzjoni ta’ kriptaġġ;
HiNA;
“HiNA” tfisser Disponibbiltà Għolja tan-Netwerk kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1275/2008;
“unità tal-wiri tax-xandir” tfisser unità tal-wiri elettronika maħsuba u kummerċjalizzata għal użu professjonali mix-xandara u d-djar tal-produzzjoni tal-vidjo biex joħolqu kontenut vidjo. L-ispeċifikazzjoni tagħha għandha tinkludi dawn il-karatteristiċi kollha li ġejjin:
funzjoni ta’ kalibrazzjoni tal-kulur;
funzjoni ta’ analiżi tas-sinjal tal-input għall-monitoraġġ tas-sinjal tal-input u għad-detezzjoni tal-erruri, bħal moniter tal-forom tal-mewġ/vetturskopju, l-aġġustamenti tal-RGB, faċilità ta’ verifika tal-istatus tas-sinjal tal-vidjo b’riżoluzzjoni reali tal-pixels, il-modalità interlace u marker tal-unità tal-wiri;
Interfaċċa Diġitali Serjali (SDI) jew Video over IP (VoIP) integrati mal-prodott;
mhux għall-użu f’żoni pubbliċi;
“whiteboard interattiv diġitali” tfisser unità tal-wiri elettronika li tippermetti interazzjoni diretta tal-utent mal-immaġni murija. Il-whiteboard interattiv diġitali hu maħsub primarjament għal preżentazzjonijiet, lezzjonijiet jew kollaborazzjoni mill-bogħod, inkluż għal trażmissjoni ta’ sinjali awdjo u vidjo. L-ispeċifikazzjoni tagħha għandha tinkludi l-karatteristiċi kollha li ġejjin:
maħsuba primarjament biex tiġi installata mdendla, immuntata fuq stend mal-art, imqiegħda fuq xkaffa jew desk, jew imwaħħla ma’ struttura fiżika għall-wiri pubbliku;
tintuża bilfors ma’ software tal-kompjuter b’funzjonalitajiet speċifiċi għall-ġestjoni tal-kontenut u l-interazzjoni;
integrata jew iddisinjata biex tintuża speċifikament ma’ kompjuter biex jitħaddem is-software fil-punt (b);
l-erja tal-iskrin tal-unità tal-wiri tkun akbar minn 40 dm2;
interazzjoni tal-utent bil-mess tal-id, bil-mess b’pinna jew b’mezzi oħra bħal id, mossa tal-id jew bil-vuċi;
“unità tal-wiri professjonali” tfisser unità tal-wiri elettronika maħsuba u kummerċjalizzata għal użu professjonali għall-editjar ta’ immaġnijiet vidjo u grafiċi. L-ispeċifikazzjoni tagħha għandha tinkludi l-karatteristiċi kollha li ġejjin:
proporzjon tal-kuntrast ta’ mill-anqas 1000:1 imkejjel f’perpendikolari mal-pjan vertikali tal-unità tal-wiri u mill-anqas 60:1 imkejjel f’angolu ta’ veduta orizzontali ta’ mill-anqas 85° meta mqabbel ma’ dak perpendikolari u f’angolu ta’ mill-anqas 83° mill-perpendikolari fuq l-unità tal-wiri kurvata, bi jew mingħajr ħġieġa li tgħatti l-iskrin;
riżoluzzjoni nattiva ta’ mill-anqas 2,3 megapixels;
l-appoġġ tal-Gamut tal-kulur hu 38,4 % tas-CIE LUV jew iżjed (ekwivalenti għal aktar minn 99 % tal-Adobe RGB u aktar minn 100 % tal-ispazju tal-kulur sRGB). Jistgħu jsiru bidliet fl-ispazju tal-kulur diment li l-ispazju tal-kulur li jirriżulta jkun aktar minn 38,4 % tas-CIE LUV. L-uniformità fil-kulur u fil-luminanza għandha tkun dik meħtieġa għall-moniters tal-Grad 1;
“unità tal-wiri tas-sigurtà” tfisser unità tal-wiri elettronika li l-ispeċifikazzjoni tagħha għandha tinkludi l-karatteristiċi kollha li ġejjin:
funzjoni ta’ awtomonitoraġġ li kapaċi tikkomunika għallinqas waħda mill-informazzjoni li ġejja lil server remot:
il-fattur tal-forma speċjalista speċifikat mill-utent li jiffaċilita l-installazzjoni tal-unità tal-wiri f’housings jew consoles professjonali;
“integrata” li tirreferi għal unità tal-wiri li hi parti minn prodott ieħor bħala komponent funzjonali, tfisser unità tal-wiri li ma tistax titħaddem b’mod indipendenti mill-prodott u li tiddependi fuqu biex twettaq il-funzjonijiet tagħha, inkluż għall-enerġija;
“unità tal-wiri mediku” tfisser unità tal-wiri elettronika koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’:
id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE ( 1 ) dwar mezzi mediċi; jew
ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) dwar apparati mediċi; jew
id-Direttiva tal-Kunsill 90/385/KEE ( 3 ) dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward il-mezzi mediċi attivi li jiddaħħlu f’xi parti tal-ġisem; jew
id-Direttiva 98/79/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) dwar il-mezzi mediċi dijanjostiċi in vitro; jew
ir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro;
“moniter tal-Grad 1” tfisser moniter għall-evalwazzjoni tal-kwalità teknika ta’ livell għoli tal-immaġnijiet f’punti ewlenin ta’ fluss tax-xogħol waqt il-produzzjoni jew ix-xandir, bħall-ġbid ta’ immaġnijiet, il-postproduzzjoni, it-trażmissjoni u l-ħżin.
“Headseats tar-realtà virtwali” tfisser apparat li jintlibes fir-ras u li jipprovdi realtà virtwali immersiva lil min jilbsu billi juri immaġnijiet stereoskopiċi għaż-żewġ għajnejn b’funzjonijiet li jaqbdu ċ-ċaqliq tar-ras.
Għall-finijiet tal-Annessi, hemm defnizzjonijiet oħra stipulati fl-Anness I.
Artikolu 3
Rekwiżiti għall-ekodisinn
Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn stabbiliti fl-Anness II għandhom japplikaw mid-dati indikati fih.
Artikolu 4
Valutazzjoni tal-konformità
1. Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tkun is-sistema tal-kontroll intern tad-disinn stipulata fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva jew is-sistema tal-ġestjoni stipulata fl-Anness V ta’ dik id-Direttiva.
2. Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi r-raġuni għalfejn ċerti partijiet tal-plastik, jekk ikun hemm, mhumiex immarkati skont l-eżenzjoni stabbilita fil-punt D(2) tal-Anness II, u d-dettalji u r-riżultati tal-kalkoli stipulati fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.
3. Meta l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika għal mudell partikolari tkun inkisbet:
minn mudell li jkollu l-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti għall-informazzjoni teknika li trid tingħata iżda li jiġi magħmul minn manifattur differenti, jew
permezz ta’ kalkolu abbażi ta’ disinn jew ta’ estrapolazzjoni minn mudell ieħor tal-istess manifattur jew ta’ manifattur differenti, jew tat-tnejn,
id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi d-dettalji ta’ tali kalkolu, il-valutazzjoni mwettqa mill-manifattur biex tiġi vverifikata l-eżattezza tal-kalkolu u, meta xieraq, id-dikjarazzjoni tal-identità bejn il-mudelli ta’ manifatturi differenti.
Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi lista tal-mudelli ekwivalenti kollha, inkluż l-identifikaturi tal-mudell.
4. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi l-informazzjoni fl-ordni u kif stabbilit fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2019/2013. Għal finijiet ta’ sorveljanza tas-suq, il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Anness IV, il-punt 2(g) tad-Direttiva 2009/125/KE, jirreferu għad-dokumentazzjoni teknika mtella’ fil-bażi tad-data tal-prodotti li fiha l-istess informazzjoni stipulata fir-Regolament (UE) 2019/2013.
Artikolu 5
Proċedura ta’ verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq
L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament meta jwettqu l-verifiki tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3, il-punt 2 tad-Direttiva 2009/125/KE.
Artikolu 6
Ċirkomvenzjoni u aġġornamenti tas-softwer
Il-manifattur jew l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat ma għandhomx iqiegħdu prodotti fis-suq li huma ddisinjati biex ikunu kapaċi jindunaw li qed jiġu ttestjati (eż. billi jagħrfu l-kundizzjonijiet tat-test jew taċ-ċiklu tat-test), u biex jirreaġixxu b’mod speċifiku billi jbiddlu awtomatikament il-prestazzjoni tagħhom matul it-test ħalli jintlaħaq livell aktar favorevoli għal kull wieħed mill-parametri ddikjarat mill-manifattur jew mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat fid-dokumentazzjoni teknika jew inkluż fi xi dokumentazzjoni pprovduta.
Il-konsum tal-enerġija tal-prodott u kwalunkwe wieħed mill-bqija tal-parametri ddikjarati ma għandhom jiddeterjoraw wara aġġornament tas-software jew tal-firmware meta mkejjel bl-istess standard tat-test użat oriġinarjament għad-dikjarazzjoni tal-konformità, għajr bil-kunsens espliċitu tal-utent finali qabel l-aġġornament. Ma għandha ssir l-ebda bidla fil-prestazzjoni minħabba rifjut ta’ aġġornament.
Aġġornament ta’ softwer qatt ma għandu jħalli l-effett li jbiddel il-prestazzjoni tal-prodott b’mod li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti tal-ekodisinn applikabbli għad-dikjarazzjoni tal-konformità.
Artikolu 7
Punit ta’ referenza indikattivi
Il-parametri referenzjarji indikattivi għall-aqwa prodotti u teknoloġiji disponibbli fis-suq waqt l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament huma stipulati fl-Anness V.
Artikolu 8
Rieżami
Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku li jkun sar u għandha tippreżenta r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni, inkluż, jekk xieraq, abbozz ta’ proposta għal reviżjoni, lill-Forum ta’ Konsultazzjoni sa mhux aktar tard mill-25 ta’ Diċembru 2022.
Ir-rieżami għandu jivvaluta b’mod partikolari:
jekk hemmx bżonn aġġornament tad-definizzjonijiet jew tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament;
l-adegwatezza tal-bilanċ ta’ strettezza bejn prodotti akbar u prodottt iżgħar;
jekk hemmx bżonn jiġu adattati rekwiżiti regolatorji minħabba teknoloġiji ġodda disponibbli, bħall-HDR il-modalità 3D, ir-rata għolja tal-frejms, livelli ta’ riżoluzzjoni ogħla minn UHD-8K;
kemm jixrqu l-kwoti;
kemm jixraq jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika tal-modalità mixgħul għall-unitajiet tal-wiri tas-sinjalar jew għal unitajiet tal-wiri oħra li mhumiex koperti f’dan ir-rigward;
kemm jixraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti differenti jew addizzjonali biex tittejjeb id-durabbiltà u biex jiġu ffaċilitati t-tiswija u l-użu mill-ġdid inkluż l-iskeda taż-żmien għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ spareparts, u għall-inklużjoni ta’ provvista tal-elettriku esterna standardizzata;
kemm jixraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti differenti jew addizzjonali biex jittejjeb l-iżmantellar fi tmiem il-ħajja u r-riċiklabbiltà, inkluż b’rabta mal-materja prima kritika u fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni lil min jirriċikla;
rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika għall-unitajiet tal-wiri integrati fi prodotti koperti mid-Direttiva 2009/125/KE u f’xi prodott ieħor li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE.
Artikolu 9
Emenda tar-Regolament (KE) Nru 1275/2008
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1275/2008 hu emendat kif ġej:
il-punt 2 jinbidel b’dan li ġej:
“2. It-tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni maħsub primarjament għal użu f’ambjent domestiku, iżda eskluż il-kompjuters desktop, il-kompjuters desktop integrati u l-kompjuters notebook kif definiti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013 kif ukoll l-unitajiet tal-wiri elettroniċi koperti mir-Regolament (UE) 2019/2021 ( *1 )
fil-punt 3, l-aħħar entrata tinbidel b’dan li ġej:
“u tagħmir ieħor biex jirrekordja jew jirriproduċi l-ħoss jew l-immaġnijiet, inkluż sinjali jew teknoloġiji oħra għad-distribuzzjoni tal-ħoss u tal-immaġni għajr bit-telekomunikazzjoni, iżda eskluż l-unitajiet tal-wiri elettroniċi koperti mir-Regolament (UE) 2019/2021”.
Artikolu 10
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 642/2009 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Marzu 2021.
Artikiolu 11
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta’ Marzu 2021. Madankollu, l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu għandu japplika mill-25 ta’ Diċembru 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
Definizzjonijiet applikabbli għall-Annessi
Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
“modalità mixgħul” jew “modalità attiv” tfisser kundizzjoni meta l-unità tal-wiri elettronika tkun imqabbda ma’ sors tal-elettriku, tkun ġiet attivata, u tkun qed taqdi waħda jew aktar mill-funzjonijiet tagħha tal-wiri;
“modalità mitfi” tfisser kundizzjoni meta l-unità tal-wiri elettronika tkun imqabbda mas-sors ewlieni tal-elettriku iżda ma tkun qed tipprovdi l-ebda funzjoni; il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jitqiesu wkoll bħala kundizzjonijiet ta’ modalità mitfi:
kundizzjonijiet li jipprovdu biss indikazzjoni tal-kundizzjoni tal-modalità mitfi;
kundizzjonijiet li jipprovdu biss funzjonijiet maħsubin biex jiżguraw il-kompatibbiltà elettromanjetika skont id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 );
“modalità standby” tfisser kundizzjoni meta l-unità tal-wiri elettronika tkun imqabbda ma’ sors tal-elettriku, tkun tiddependi fuq l-input tal-enerġija minn dak is-sors biex taħdem kif suppost u tkun taqdi biss dawn il-funzjonijiet li ġejjin, li tista’ tibqa’ attiva għal żmien indefinit:
“dijodu organiku li jemetti d-dawl (OLED)” tfisser teknoloġija fejn id-dawl jinħoloq minn apparat b’semikondutturi fi stat solidu li jinkorpora ġunzjoni PN ta’ materjal organiku. Il-ġunzjoni temetti radjazzjoni ottika meta titqabbad mal-kurrent elettriku;
“unità tal-wiri b’mikroLED” tfisser unità tal-wiri elettronika fejn il-pixels individwali jinxtegħlu b’teknoloġija LED GaN mikroskopika;
“konfigurazzjoni normali” tfisser konfigurazzjoni tal-unità tal-wiri li jirrakkomanda l-manifattur lill-utenti finali li tkun il-konfigurazzjoni inizjali tal-menù jew il-konfigurazzjoni tal-fabbrika li tingħata l-unità tal-wiri elettronika skont l-użu maħsub tal-prodott. Din jeħtieġ li tagħti l-aqwa kwalità lill-utent finali fl-ambjent intiż u għall-użu intiż. Il-konfigurazzjoni normali hi l-kundizzjoni li fiha jitkejlu l-valuri waqt il-modalitajiet mitfi, standby, standby man-netwerk u mixgħul;
“Provvista tal-Enerġija Esterna (EPS)” tfisser apparat kif definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1782 ( 7 );
“USB” tfisser Universal Serial Bus;
“Kontroll Awtomatiku tal-Luminożità (ABC)” tfisser il-mekkaniżmu awtomatiku li, meta jkun attivat, jikkontrolla l-luminożità tal-unità tal-wiri elettronika bħala funzjoni tal-livell tad-dawl ambjentali li jdawwal is-superfiċje tal-unità tal-wiri;
“prestabbilita”, li tirreferi għal karatteristika speċifika jew konfiguazzjoni, tfisser il-valur ta’ karatteristika speċifika kif stabbilita fil-fabbrika u disponibbli meta l-utent juża l-prodott għall-ewwel darba jew wara li jagħmel azzjoni li treġġa’ lura l-konfigurazzjonijiet tal-fabbrika, jekk il-prodott ikun jippermetti dan;
“luminanza” tfisser il-kejl fotometriku tal-intensità luminuża għal kull erja tad-dawl li jkun sejjer f’direzzjoni partikolari, espress f’unitajiet ta’ kandeli għal kull metru kwadru (cd/m2). Sikwit jintuża t-terminu “luminożità” biex tiġi kwalifikata b’mod ‘suġġettiv’ il-luminanza tal-unità tal-wiri;
“wiri mill-qrib” tfisser id-distanza tal-wiri komparabbli għal dik miksuba meta wieħed iħares lejn unità tal-wiri elettronika miżmuma fl-idejn jew meta l-utent ikun bilqiegħda fuq desk;
“menù obbligatorju” tfisser menù speċifiku, li jidher malli l-utent jixgħel l-unità tal-wiri għall-ewwel darba jew meta jagħmel azzjoni li treġġa’ lura l-konfigurazzjonijiet tal-fabbrika, li joffri diversi konfigurazzjonijiet alternattivi għall-unità tal-wiri, predefiniti mill-manifattur;
“netwerk” tfisser infrastruttura tal-komunikazzjoni b’topoloġija ta’ konnessjonijiet u arkitettura li tinkludi l-komponenti fiżiċi, il-prinċipji organizzattivi u l-proċeduri u l-formati tal-komunikazzjoni (il-protokolli);
“interfaċċja tan-netwerk” jew “port tan-netwerk” tfisser interfaċċja fiżika, bil-wajers jew mingħajrhom, li tipprovdi konnessjoni tan-netwerk u li permezz tagħha l-funzjonijiet tal-unità tal-wiri elettronika jkunu jistgħu jiġu attivati mill-bogħod u tasal u tintbagħat id-data. L-interfaċċji għall-input tad-data bħala sinjali vidjo u awdjo, iżda li ma joriġinawx minn sors tan-netwerk u li ma jużawx indirizz ta’ netwerk, ma jitqisux bħala interfaċċja tan-netwerk;
“disponibbiltà ta’ netwerk” tfisser il-kapaċità ta’ unità tal-wiri elettroniku li tattiva funzjonijiet wara li interfaċċja tan-netwerk tinduna li skatta kmand mill-bogħod;
“unità tal-wiri mqabbda ma’ netwerk” tfisser unità tal-wiri elettronika li tista’ tiġi mqabbda ma’ netwerk permezz ta’ port wieħed jew aktar tan-netwerk;
“modalità standby man-netwerk” tfisser il-kundizzjoni li fiha t-tagħmir ikun jista’ jerġa’ jħaddem funzjoni permezz ta’ kmand mill-bogħod li jingħata minn interfaċċja ta’ netwerk;
“funzjoni ta’ riattivazzjoni” tfisser funzjoni li bi swiċċ mill-bogħod, unità ta’ kontroll mill-bogħod, senser intern, kronometru jew, għall-unitajiet tal-wiri f’netwerk b’modalità standby man-netwerk, in-netwerk, tipprovdi qlib minn modalità standby jew modalità standby man-netwerk għal modalità oħra, għajr il-modalità mitfi, li tkun tipprovdi funzjonijiet addizzjonali;
“senser tal-preżenza fil-kamra” jew “senser ta’ rikonoxximent tal-mossi” jew “senser ta’ okkupanza” tfisser senser li jimmonitorja u jirreaġixxi għall-movimenti fl-ispazju ta’ madwar il-prodott li s-sinjal tiegħu jista’ jwassal għall-attivazzjoni tal-modalità mixgħul. Jekk ma jinqabad l-ebda moviment għal ammont ta’ żmien predeterminat, ikun jista’ jsir qlib għall-modalità standby jew għall-modalità standby man-netwerk;
“pixel (element ta’ stampa)” tfisser l-erja tal-iċken element ta’ stampa li jista’ jinfired mill-elementi ġirien tiegħu;
“funzjonalità touch” tfisser il-possibbiltà li jsir kmand permezz ta’ apparat tal-input, apparat sensittiv għall-mess, li ġeneralment ikollu l-għamla ta’ saff trasparenti mqiegħed fuq panell tal-unità tal-wiri elettronika;
“l-aktar kundizzjoni luminuża tal-modalità mixgħul” tfisser il-konfigurazzjoni tal-unità tal-wiri elettronika, stabbilita minn qabel mill-manifattur, li tipprovdi stampa aċċettabbli bl-akbar luminanza bajda massima mkejla.
“konfigurazzjoni tal-ħanut” tfisser il-konfigurazzjoni għal użu speċifiku fil-kuntest biex tintwera l-unità tal-wiri elettronika, pereżempju f’kundizzjonijiet ta’ dawl qawwi (ġo ħanut) u li ma jkunux jinvolvu t-tifi awtomatiku jekk ma jinħassu l-ebda azzjoni jew preżenza tal-utent. Din il-konfigurazzjoni tista’ ma tkunx aċċessibbli fuq menù muri;
“żmantellar” tfisser is-separazzjoni forsi irriversibbli ta’ prodott armat fil-materjali kostitwenti u/jew fil-komponenti tiegħu;
“żarmar” tfisser is-separazzjoni riversibbli ta’ prodott armat fil-materjali kostitwenti u/jew fil-komponenti tiegħu mingħajr xi ħsara funzjonali li tipprekludi l-assemblaġġ mill-ġdid, l-użu mill-ġdid jew ir-rinnovament tal-prodott;
“pass” li tirreferi għal żmantellar jew żarmar, tfisser operazzjoni li twassal għal bidla fl-għodda jew għat-tneħħija ta’ komponent jew parti;
“Bord ta’ Ċirkwit Stampat” (PCB) tfisser tfisser assemblaġġ li jappoġġa mekkanikament u jgħaqqad elettrikament lil komponenti elettriċi jew elettroniċi permezz ta’ tracks konduttivi, pads u karatteristiċi oħra minquxa minn saff wieħed jew aktar tal-metall konduttiv laminati fuq jew bejn saffi ta’ sottostrat mhux konduttiv;
“PMMA” tfisser PoliMetilMetAkrilat;
“ritardant tal-fjammi” jew “ritardant tan-nar” tfisser sustanza li ddewwem b’mod evidenti l-propagazzjoni ta’ fjamma;
“ritardant aloġenat tal-fjammi” tfisser ritardant tal-fjammi li fih xi aloġen;
“materjal omoġenju” tfisser materjal wieħed ta’ kompożizzjoni kollha kemm hi uniformi jew materjal, li jikkonsisti f’kombinazzjoni ta’ materjali, li ma jistgħux jinfirdu jew jiġu sseparati f’materjali differenti b’azzjonijiet mekkaniċi bħall-proċessi ta’ żvitar, qtugħ, tgħaffiġ, tħin u brix;
“bażi tad-data tal-prodotti” tfisser ġabra ta’ data dwar il-prodotti, li tiġi rranġata b’mod sistematiku u li tkun tikkonsisti minn parti pubblika orjentata lejn il-konsumaturi, fejn l-informazzjoni rigward parametri tal-prodotti individwali tkun aċċessibbli b’mezzi elettroniċi, minn portal online għall-aċċessibbiltà u minn parti dwar il-konformità, b’rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u ta’ sigurtà speċifikati b’mod ċar, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/1369;
“mudell ekwivalenti” tfisser mudell bl-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti għall-informazzjoni teknika li trid tingħata, iżda li jitqiegħed fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz mill-istess manifattur, importatur jew rappreżentant awtorizzat bħal mudell ieħor b’identifikatur differenti tal-mudell;
“identifikatur tal-mudell” tfisser il-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell ta’ prodott speċifiku minn mudelli oħrajn tal-istess marka kummerċjali tal-istess isem ta’ manifattur, ta’ importatur jew ta’ rappreżentant awtorizzat;
“parti ta’ rikambju” tfisser parti separata li tista’ tissostitwixxi parti bl-istess funzjoni fi prodott;
“garaxx tat-tiswija professjonali” tfisser operatur jew impriża li tipprovdi servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni professjonali tal-unitajiet tal-wiri elettroniċi.
ANNESS II
Rekwiżiti tal-ekodisinn
A. REKWIŻITI TAL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA
1. LIMITI TAL-INDIĊI TAL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA GĦALL-MODALITÀ MIXGĦUL
L-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI) ta’ unità tal-wiri elettronika għandu jiġi kkalkulat bl-ekwazzjoni li ġejja:
Fejn:
A tirrappreżenta l-erja tal-iskrin f’dm2;
Pmeasured hi l-potenza mkejla f’Watts waqt il-modalità mixgħul fil-konfigurazzjoni normali u fil-medda dinamika standard (SDR);
corr hu fattur ta’ korrezzjoni ta’ 10 għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi OLED li ma japplikawx il-konċessjoni ABC fil-punt B(1). Dan għandu japplika sat-28 ta’ Frar 2023. corr għandu jkun żero fil-każijiet l-oħra kollha.
L-EEI ta’ unità tal-wiri elettronika ma għandux jaqbeż l-EEI massimu (EEImax ) skont il-limiti fit-Tabella 1 mid-dati indikati.
Tabella 1
Limiti EEI għall-modalità mixgħul
|
EEImax għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi b’riżoluzzjoni sa 2 138 400 pixel (HD) |
EEImax għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi b’riżoluzzjoni aktar minn 2 138 400 pixel (HD) u sa 8 294 400 pixel (UHD-4k) |
EEImax għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi b’riżoluzzjoni aktar minn 8 294 400 pixel (UHD-4k) u għall-unitajiet tal-wiri MikroLED |
fl-1 ta’ Marzu 2021. |
0,90 |
1,10 |
n.a. |
fl-1 ta’ Marzu 2023. |
0,75 |
0,90 |
0,90 |
B. KONĊESSJONIJIET U AĠĠUSTAMENTI GĦALL-FINIJIET TAL-KALKOLU TAL-EEI U REKWIŻITI FUNZJONALI
Mill-1 ta’ Marzu 2021, l-unitajiet tal-wiri elettroniċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti elenkati hawn taħt.
1. Unitajiet tal-wiri b’Kontroll Awtomatiku tal-Luminożità (ABC)
L-unitajiet tal-wiri elettroniċi jikkwalifikaw għal tnaqqis ta’ 10 % fil-Pmeasured , jekk ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:
L-ABC ikun attivat fil-konfigurazzjoni normali tal-unità tal-wiri elettronika u jibqa’ attiv fil-bqija tal-konfigurazzjonijiet l-oħra b’medda dinamika standard (SDR) li huma disponibbli għall-utent finali;
il-valur tal-Pmeasured , fil-konfigurazzjoni normali, jitkejjel, bl-ABC diżattivat jew jekk l-ABC ma jistax jiġi diżattivat, f’kundizzjoni ta’ dawl ambjentali ta’ 100 lux imkejla bis-senser ABC;
il-valur tal-Pmeasured bl-ABC diżattivat, jekk applikabbli, għandu jkun daqs jew akbar mill-enerġija waqt il-modalità mixgħul imkejla bl-ABC attivat f’kundizzjoni ta’ dawl ambjentali ta’ 100 lux imkejla bis-senser ABC;
bl-ABC attivat, il-valur imkejjel waqt il-modalità mixgħul għandu jonqos b’20 % jew aktar meta l-kundizzjoni tad-dawl ambjentali, imkejla bis-senser tal-ABC, titnaqqas minn 100 lux għal 12 lux; kif ukoll
il-kontroll tal-ABC tal-luminanza tal-iskrin tal-unità tal-wiri jissodisfa l-karatteristiċi kollha li ġejjin meta l-kundizzjoni tad-dawl ambjentali mkejla bis-senser tal-ABC tibdel:
2. Menù sfurzat u menuwijiet tal-issettjar
L-unitajiet tal-wiri elettroniċi jistgħu jitqiegħdu fis-suq b’menu sfurzat waqt l-attivazzjoni inizjali li jkun jipproponi konfigurazzjonijiet alternattivi. Meta jingħata menù sfurzat, il-konfigurazzjoni normali għandha tiġi stabbilita bħala għażla prestabbilita, inkella l-konfigurazzjoni normali għandha tkun il-konfigurazzjoni tal-ewwel użu.
Jekk l-utent jagħżel konfigurazzjoni oħra għajr il-konfigurazzjoni normali u din il-konfigurazzjoni twassal għal domanda akbar tal-enerġija mill-konfigurazzjoni normali, għandu jidher messaġġ ta’ twissija li aktarx se jiżdied l-użu tal-enerġija u tintalab konferma tal-azzjoni b’mod espliċitu.
Jekk l-utent jagħżel konfigurazzjoni oħra għajr dawk li huma parti mill-konfigurazzjoni normali u din il-konfigurazzjoni twassal għal domanda akbar tal-enerġija mill-konfigurazzjoni normali, għandu jidher messaġġ ta’ twissija li aktarx se jiżdied il-konsum tal-enerġija u tintalab konferma tal-azzjoni b’mod espliċitu.
Bidla mill-utent f’xi parametru ta’ xi konfigurazzjoni ma għandhiex twassal biex jinbidel xi parametru ieħor rilevanti għall-enerġija, sakemm dan ma jkunx inevitabbli. F’każ bħal dan, għandu jidher messaġġ ta’ twissija dwar il-bidla ta’ parametri oħra u għandha tintalab il-konferma tal-bidla b’mod espliċitu.
3. Proporzjon tal-luminanza bajda massima
Fil-konfigurazzjoni normali, il-luminanza bajda massima tal-unità tal-wiri elettronika f’kundizzjoni ta’ dawl ambjentali ta’ 100 lux ma għandhiex tkun inqas minn 220 cd/m2 jew, jekk l-unità tal-wiri elettronika tkun maħsuba primarjament biex jaraha utent wieħed mill-qrib, ma għandhiex tkun inqas minn 150 cd/m2.
Jekk il-luminanza bajda massima tal-unità tal-wiri elettronika fil-kunfigurazzjoni normali tkun issettjata għal valuri aktar baxxi, din ma għandhiex tkun inqas minn 65 % tal-luminanza bajda massima tal-unità tal-wiri elettronika, f’kundizzjoni ta’ dawl ambjentali ta’ 100 lux fl-aktar konfigurazzjoni luminuża tal-modalità mixgħul.
C. REKWIŻITI TAL-MODALITÀ MITFI, TAL-MODALITÀ STANDBY U TAL-MODALITÀ STANDBY MAN-NETWERK
Mill-1 ta’ Marzu 2021, l-unitajiet tal-wiri elettroniċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti elenkati hawn taħt.
1. Limiti tad-domanda għall-enerġija għajr waqt il-modalità mixgħul
L-unitajiet tal-wiri elettroniċi ma għandhomx jaqżbu l-limiti tad-domanda għall-enerġija waqt il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet differenti elenkati fit-Tabella 2:
Tabella 2
limiti tad-domanda għall-enerġija għajr waqt il-modalità mixgħul, f’Watts
|
Modalità mitfi |
Modalità standby |
Modalità standby man-netwerk |
Limiti massimi |
0,30 |
0,50 |
2,00 |
Konċessjonijiet għal funzjonijiet addizzjonali meta jkunu preżenti u attivati |
|
|
|
Unita tal-wiri tal-istatus |
0,0 |
0,20 |
0,20 |
Diżattivazzjoni bid-detezzjoni ta’ preżenza |
0,0 |
0,50 |
0,50 |
Funzjonalità tal-mess, jekk tkun tista’ tintuża għal attivazzjoni |
0,0 |
1,00 |
1,00 |
Il-funzjoni HiNA |
0,0 |
0,0 |
4,00 |
Id-domanda massima totali għall-enerġija bil-funzjonijiet addizzjonali kollha meta jkunu preżenti u attivati |
0,30 |
2,20 |
7,70 |
2. Disponibbiltà tal-modalità mitfi, standby u standby man-netwerk
L-unitajiet tal-wiri elettroniċi għandhom jipprovdu modalità mitfi jew modalità standby jew modalità standby man-netwerk jew modalitajiet oħra li ma jaqbżux ir-rekwiżiti applikabbli tad-domanda għall-enerġija għall-modalità standby.
Il-menù tal-konfigurazzjoni, il-manwali tal-istruzzjonijiet u dokumentazzjoni oħra, jekk ikun hemm, għandhom jirreferu għall-modalità mitfi, għall-modalità standby jew għall-modalità standby man-netwerk billi jużaw dawk it-termini.
Il-bdil awtomatiku għall-modalità mitfi u/jew għall-modalità standby, u/jew għal xi modalità oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti tad-domanda għall-enerġija applikabbli għall-modalità standby għandu jiġi ssettjat b’mod prestabbilit, inkluż għall-unitajiet tal-wiri f’netwerk fejn l-interfaċċja tan-netwerk tkun attivata waqt il-modalità mixgħul.
Il-modalità standby man-netwerk għandha tiġi diżattivata waqt il-“konfigurazzjoni normali” ta’ televixin f’netwerk. L-utent finali għandu jitħeġġeġ jikkonferma l-attivazzjoni tal-modalità standby man-netwerk, jekk din tkun meħtieġa għal funzjoni magħżula attivata mill-bogħod, u għandu jkun jista’ jiddiżattivaha.
L-unitajiet tal-wiri elettroniċi f’netwerk għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-modalità standby meta tiġi diżattivata l-modalità standby man-netwerk.
3. Standby awtomatiku fit-televixins
It-televixins għandhom jipprovdu funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija, attivata kif jagħtiha l-manifattur li, fi żmien 4 sigħat wara l-aħħar interazzjoni tal-utent, għandha taqleb it-televixin mill-modalità mixgħul għall-modalità standby jew il-modalità standby man-netwerk jew xi modalità oħra li ma tkunx taqbeż ir-rekwiżiti tad-domanda għall-enerġija applikabbli rispettivament għall-modalità standby jew għall-modalità standby man-netwerk. Qabel ma sseħħ dan il-qlib awtomatiku, it-televixins għandhom juru, għal mhux inqas minn 20 sekonda, messaġġ ta’ twissja li jinforma lill-utent li tkun se sseħħ il-qalba, bil-possibbiltà li din tiġi ttardjata jew temporanjament ikkanċellata.
Jekk it-televixin jipprovdi funzjoni li tippermetti lill-utent iqassar, itawwal jew jiddiżattiva l-perjodu ta’ 4 sigħat għat-tranżizzjonijiet awtomatiċi tal-modalità li hemm spjegat fil-punt (a), għandu jidher messaġġ ta’ twissija li aktarx se jiżdied l-użu tal-enerġija u trid tintalab konferma tal-konfigurazzjoni l-ġdida meta ssir l-għażla li jiġi estiż il-perjodu ta’ 4 sigħat jew li jiġi diżattivat.
Jekk it-televixin ikun mgħammar b’senser tal-preżenza, għandha tapplika t-tranżizzjoni awtomatika mill-modalità mixgħul għal xi modalità oħra kif spjegat fil-punt (a) jekk ma tinħass l-ebda preżenza għal mhux aktar minn siegħa (1).
It-televixins b’diversi sorsi tal-input selezzjonabbli għandhom jipprijoritizzaw il-protokolli tal-ġestjoni tal-enerġija tas-sors tas-sinjal magħżul u jintwerew fuq dawk il-mekkaniżmi prestabbiliti tal-ġestjoni tal-enerġija deskritti fil-paragrafi (a) sa (c) ta’ hawn fuq.
4. Standby awtomatiku f’unitajiet tal-wiri oħra għajr it-televixins
L-unitajiet tal-wiri elettroniċi għajr it-televixins, b’diversi sorsi tal-input selezzjonabbli għandhom jaqilbu, kif issettjat fil-konfigurazzjoni normali, għall-modalità standby, għall-modalità standby man-netwerk jew xi modalità oħra li ma tkunx taqbeż ir-rekwiżiti tad-domanda għall-enerġija applikabbli rispettivament għall-modalitajiet standby jew standby man-netwerk jekk ma jinħass l-ebda tas-sinjal tal-input tal-vidjo minn xi sors tal-input għal aktar minn 10 sekondi, u għall-whiteboards interattivi diġitali u għall-unitajiet tal-wiri tax-xandir, għal aktar minn 60 minuta.
Qabel ma jsir qlib bħal dan, għandu jidher messaġġ ta’ twissija u l-qlib isir fi żmien 10 minuti.
D. REKWIŻITI TAL-EFFIĊJENZA TAL-MATERJALI
Mill-1 ta’ Marzu 2021, l-unitajiet tal-wiri elettroniċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti indikati hawn taħt.
1. Disinn għall-iżmantellar, ir-riċiklaġġ u l-irkupru
Il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom għandhom jiżguraw li t-tekniki tat-tagħqid, l-irbit jew l-issiġillar ma jxekklux it-tneħħija, b’għodod disponibbli b’mod komuni, tal-komponenti indikati fil-punt 1 tal-Anness VII tad-Direttiva 2012/19/UE dwar il-WEEE jew fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ( 8 ) dwar il-batteriji u l-akkumulaturi u l-iskart tal-batteriji u tal-akkumulaturi, meta preżenti.
Il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom għandhom, mingħajr preġudizzju għall-punt 1 tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2012/19/UE, jagħmlu disponibbli l-informazzjoni fuq sit web b’aċċess liberu dwar l-iżmantellar li hi meħtieġa biex jiġi aċċessat xi wieħed mill-komponenti tal-prodotti msemmija fil-punt 1 tal-Anness VII tad-Direttiva 2012/19/UE.
Din l-informazzjoni dwar l-iżmantellar għandha tinkludi s-sekwenza tal-passi, tal-għodod jew tat-teknoloġiji tal-iżmantellar li huma meħtieġa biex jiġu aċċessati l-komponenti fil-mira.
L-informazzjoni dwar tmiem il-ħajja għandha tkun disponibbli sa mill-inqas 15-il sena wara t-tqegħid fis-suq tal-aħħar unità ta’ mudell tal-prodott.
2. Immarkar tal-komponenti tal-plastik
Il-komponenti tal-plastik itqal minn 50 g:
Għandhom jiġu mmarkati billi jiġi speċifikat it-tip ta’ polimeru permezz tas-simboli standard xierqa u t-termini mqassra stabbiliti bejn il-marki “>” u “<” kif speċifikat fl-istandards disponibbli. L-immarkar għandu jkun jista’ jinqara.
Il-komponenti tal-plastik huma eżentati mir-rekwiżiti tal-immarkar fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
l-immarkar ma jkunx possibbli minħabba l-forma jew id-daqs;
l-immarkar ikun iħalli impatt fuq il-prestazzjoni jew il-funzjonalità tal-komponent tal-plastik; kif ukoll
l-immarkar ma jkunx teknikament possibbli minħabba l-metodu tal-iffurmar.
Għall-komponenti tal-plastik li ġejjin ma hemm bżonn l-ebda mmarkar:
imballaġġ, tejp, tikketti u film tal-kisi li jiġġebbed;
wajers, kejbils u konnetturi, partijiet tal-lastku u kull fejn ma jkunx hemm biżżejjed erja tas-superfiċje biex l-immarkar ikollu daqs li jista’ jinqara;
assemblaġġi tal-PCB, bords tal-PMMA, komponenti ottiċi, komponenti tal-iskarikar elettrostatiku, komponenti ta’ interferenza elettromanjetika, speakers;
partijiet trasparenti fejn l-immarkar ifixkel il-funzjoni tal-parti inkwistjoni.
Il-komponenti li jkun fihom ritardanti tal-fjammi għandhom jiġu mmarkati wkoll bit-terminu mqassar tal-polimeru segwit minn sing, u mbagħad is-simbolu “FR” segwit bin-numru tal-kodiċi tar-ritardant tal-fjammi fil-parenteżi. L-immarkar fuq l-istruttura ta’ barra u fuq il-komponenti tal-istend għandu jkun viżibbli b’mod ċar u li jista’ jinqara.
3. Il-logo tal-kadmju
L-unitajiet tal-wiri elettroniċi b’panell tal-iskrin li fih valuri tal-konċentrazzjoni tal-Kadmju (Cd) skont il-piż fil-materjali omoġenji li jaqbżu ż-0,01 % kif definit fid-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi f’tagħmir elettriku u elettroniku għandhom jiġu mmarkati bil-logo “Fih il-kadmju”. Il-logo għandu jkun viżibbli b’mod ċar, jinqara sew u ma jitħassarx. Il-logo għandu jkollu l-forma tal-grafika li ġejja:
Fih il-kadmju |
Mingħajr kadmju |
|
|
L-ittra “a” għandha tkun akbar minn 9 mm u t-tipa li trid tintuża hi Gill Sans.
Logo ieħor bil-kelmiet “Fih il-kadmju” għandu jitwaħħal sew internament fuq il-panell tal-unità tal-wiri jew iffurmat f’pożizzjoni viżibbli b’mod ċar għall-ħaddiema meta titneħħa l-kopertura esterna ta’ wara li jkollha fuqha l-logo estern.
Il-logo “Mingħajr il-Kadmju” għandu jintuża jekk il-valuri ta’ konċentrazzjoni tal-Kadmju (Cd) skont il-piż fi kwalunkwe parti materjali omoġenja tal-unità tal-wiri ma jkunux aktar minn 0,01 % kif definit fid-Direttiva 2011/65/UE.
4. Ritardanti tal-fjammi aloġenati
L-użu ta’ ritardanti tal-fjammi aloġenati mhux permess fl-istruttura ta’ barra u fl-istend tal-unitajiet tal-wiri elettroniċi.
5. Disinn għat-tiswija u l-użu mill-ġdid
Disponibbiltà tal-partijiet ta’ rikambju:
il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-unitajiet tal-wiri elettroniċi għandhom jagħmlu disponibbli għall-garaxxijiet tat-tiswija professjonali, mill-inqas dawn il-partijiet ta’ rikambju li ġejjin: il-provvista tal-enerġija interna, il-konnetturi biex jitwaħħal tagħmir estern (kejbil, antenna, USB, DVD u Blue-Ray), kapaċituri, batteriji u akkumulaturi, moduli DVD/Blue-Ray jekk applikabbli u moduli HD/SSD jekk applikabbli għal perjodu minimu ta’ seba’ snin wara t-tqegħid fis-suq tal-aħħar unità tal-mudell;
il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tal-unitajiet tal-wiri elettroniċi għandhom jagħmlu disponibbli għall-garaxxijiet tat-tiswija professjonali u għall-utenti finali, mill-inqas dawn il-partijiet ta’ rikambju li ġejjin: il-provvista tal-enerġija esterna u l-kontroll mill-bogħod għal perjodu minimu ta’ seba’ snin wara t-tqegħid fis-suq tal-aħħar unità tal-mudell;
il-manifatturi għandhom jiżguraw li dawn il-partijiet ta’ rikambju jkunu jistgħu jinbidlu b’għodod disponibbli b’mod komuni u mingħajr ħsara permanenti lill-apparat;
il-lista tal-partijiet ta’ rikambju kkonċernati mill-punt 1 u l-proċedura biex dawn jiġu ordnati għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-aċċess liberu tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat, minn tal-anqas sentejn wara t-tqegħid fis-suq tal-ewwel unità ta’ mudell u sa tmiem il-perjodu ta’ disponibbiltà ta’ dawn il-partijiet ta’ rikambju; kif ukoll
il-lista tal-partijiet ta’ rikambju kkonċernati mill-punt 2 u l-proċedura biex dawn jiġu ordnati u l-istruzzjonijiet tat-tiswija għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-aċċess liberu tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat, mill-mument tat-tqegħid fis-suq tal-ewwel unità ta’ mudell u sa tmiem il-perjodu ta’ disponibbiltà ta’ dawn il-partijiet ta’ rikambju.
L-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni
Wara perjodu ta’ sentejn mit-tqegħid fis-suq tal-ewwel unità ta’ mudell jew ta’ mudell ekwivalenti, u sa tmiem il-perjodu msemmi fil-punt (a), il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat għandhom jipprovdu aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-apparat lis-sewwejja professjonali fil-kundizzjonijiet li ġejjin:
fuq is-sit web tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat għandu jiġi indikat il-proċess ta’ kif il-garaxxijiet tat-tiswija professjonali jistgħu jirreġistraw biex jiksbu aċċess għall-informazzjoni; biex daċċettaw talba bħal din, il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentant awtorizzat jistgħu jitolbu lill-garaxx tat-tiswija professjonali biex juri li:
il-garaxx tat-tiswija professjonali għandu l-kompetenza teknika biex isewwi l-unitajiet tal-wiri elettroniċi u jikkonforma mar-regolamenti applikabbli għal-garaxx tat-tiswija tat-tagħmir elettriku fl-Istati Membri fejn jopera. Referenza għal sistema uffiċjali tar-reġistrazzjoni bħala garaxx tat-tiswija professjonali, meta sistema bħal din tkun teżisti fl-Istati Membri kkonċernati, għandha tiġi aċċettata bħala prova tal-konformità ma’ dan il-punt;
il-garaxx tat-tiswija professjonali għandu assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-attività tiegħu, irrispettivament minn jekk dan hux meħtieġ mill-Istat Membru;
il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jaċċettaw jew jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni fi żmien ħames (5) ġranet tax-xogħol mid-data tat-talba mill-garaxx tat-tiswija professjonali;
il-manifatturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati jistgħu jitolbu imposti raġonevoli u proporzjonati għal aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni jew biex jirċievu aġġornamenti regolari. Imposta tkun raġonevoli jekk ma tkunx tiskoraġġixxi l-aċċess billi tonqos milli tqis xi kemm l-informazzjoni qed tintuża mill-garaxx tat-tiswija professjonali.
Ladarba jkun irreġistrat, garaxx tat-tiswija professjonali għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni mitluba dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, fi żmien ġurnata tax-xogħol minn meta jitlob l-aċċess. L-informazzjoni disponibbli dwar it-tiswija u l-manutenzjoni għandha tinkludi:
Ħin massimu tat-twassil tal-partijiet ta’ rikambju
tul il-perjodu msemmi fil-punt 5(a)(1) u fil-punt 5(a)(2), il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentanti awtorizzati għandhom jiżguraw li l-partijiet ta’ rikambju għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi jitwasslu fi żmien 15-il ġurnata tax-xogħol minn meta tasal l-ordni;
fil-każ ta’ partijiet ta’ rikambju disponibbli biss għall-garaxxijiet tat-tiswija professjonali, din id-disponibbiltà tista’ tkun limitata għal garaxxijiet tat-tiswija professjonali li huma rreġistrati skont il-punt (b).
E. REKWIŻITI DWAR ID-DISPONIBBILTÀ TAL-INFORMAZZJONI
Mill-1 ta’ Marzu 2021, il-manifattur tal-prodott, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni stabbilita hawn taħt meta l-ewwel unità tal-mudell jew tal-mudell ekwivalenti titqiegħed fis-suq.
L-informazzjoni għandha tingħata mingħajr ħlas lill-partijiet terzi involuti fit-tiswija u l-użu mill-ġdid professjonali tal-unitajiet tal-wiri elettroniċi (inkluż partijiet terzi involuti fil-manutenzjoni, sensara, fornituri tal-partijiet ta’ rikambju).
1. Disponibbiltà tal-aġġornamenti tas-software u tal-firmware
L-aħħar verżjoni disponibbli tal-firmwer għandha tkun disponibbli għal perjodu minimu ta’ tmien snin wara t-tqegħid fis-suq tal-aħħar unità ta’ ċertu mudell tal-prodott, mingħajr ħlas jew bi spiża ġusta, trasparenti u mhux diskriminatorja. L-aħħar aġġornament tas-sigurtà disponibbli tal-firmwer għandu jibqa’ disponibbli sa mill-inqas tmien snin wara t-tqegħid fis-suq tal-aħħar prodott ta’ ċertu mudell ta’ prodott, mingħajr ħlas.
Informazzjoni dwar id-disponibbiltà garantita minima ta’ aġġornamenti tas-software u tal-firmware, dwar id-disponibbiltà tal-ispare parts u dwar l-appoġġ tal-prodott għandha tiġi indikata fil-folja informattiva tal-prodott li hemm fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/2013.
ANNESS III
Metodi tal-kejl u l-kalkoli
Għall-finijiet tal-konformità u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom isiru permezz ta’ standards armonizzati li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dan il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew billi jintużaw metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli oħra, li jkunu jqisu l-aktar metodi avvanzati ġeneralment irrikonoxxuti, u konformi mad-dispożizzjonijiet li ġejjin.
Il-kejl u l-kalkoli għandhom jissodisfaw id-definizzjonijiet tekniċi, il-kundizzjonijiet, l-ekwazzjonijiet u l-parametri stabbiliti f’dan l-Anness. L-unitajiet tal-wiri elettroniċi li jistgħu joperaw fil-modalità 2D u 3D għandhom jiġu ttestjati meta joperaw fil-modalità 2D.
Unità tal-wiri elettronika li tinqasam f’żewġ unitajiet separati fiżikament jew aktar, iżda mqiegħda fis-suq f’pakkett wieħed, għandha tiġi trattata bħala unità tal-wiri elettronika waħda meta tkun qed tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan l-Anness. Meta unitajiet tal-wiri elettroniċi multipli li jistgħu jitqiegħdu fis-suq b’mod separat, jiġu kkombinati f’sistema waħda, l-unitajiet tal-wiri elettroniċi individwali għandhom jiġu trattati bħala unità tal-wiri elettronika waħda.
1. Kundizzjonijiet ġenerali
Il-kejl għandu jsir f’temperatura ambjentali ta’ 23 °C +/– 5 °C.
2. Il-kejl tad-domanda għall-enerġija waqt il-modalità mixgħul
Il-kejl tad-domanda għall-enerġija msemmi fil-punt A(1) tal-Anness II għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
il-kejl tad-domanda għall-enerġija (Pmeasured ) għandu jkun fil-kunfigurazzjoni normali;
il-kejl għandu jsir permezz ta’ sinjal vidjo dinamiku tal-kontenut imxandar li jirrappreżenta l-kontenut tipiku mxandar għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi fil-medda dinamika standard (SDR). Il-kejl għandu jkun il-konsum medju tal-enerġija tul 10 minuti konsekuttivi;
il-kejl għandu jsir wara li l-unità tal-wiri elettronika tkun ilha minimu ta’ siegħa (1) fil-modalità mitfi, jew fil-modalità standby jekk il-modalità mitfi ma tkunx disponibbli, u segwita minnufih minn minimu ta’ siegħa (1) fil-modalità mixgħul, u għandu jitlesta qabel massimu ta’ 3 sigħat fil-modalità mixgħul. Is-sinjal vidjo rilevanti għandu jintwera tul il-ħin kollu tal-modalità mixgħul. Għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi li huma magħrufin li jistabbilizzaw fi żmien siegħa (1), dan il-ħin tista’ titnaqqas jekk ikun jista’ jintwera li l-kejl li jirriżulta jkun fi ħdan 2 % tar-riżultati li kieku jinkisbu bit-tul tal-ħin deskritt hawnhekk;
meta l-ABC ikun disponibbli, il-kejl għandu jsir b’dan mitfi. Jekk l-ABC ma jkunx jista’ jintefa, il-kejl għandu jsir f’kundizzjoni ta’ dawl ambjentali ta’ 100 lux imkejla bis-senser ABC.
Il-kejl tal-luminanza bajda massima
Il-kejl tal-luminanza bajda massima msemmi fil-punt B.3 tal-Anness II għandu jsir:
b’miter tal-luminanza, li jsib dak il-porzjon tal-unità tal-wiri li jkun qed juri immaġni bajda għalkollox (100 %), li jkun parti minn xejra ta’ “test sħiħ tal-iskrin” li ma tkunx taqbeż il-punt tal-livell medju tal-istampa (APL) fejn isseħħ xi limitazzjoni tal-enerġija jew xi irregolarità oħra fis-sistema tad-drive tal-luminanza tal-unità tal-wiri elettronika li jkunu jaffettwaw il-luminanza tal-unità tal-wiri elettronika;
mingħajr ma jiġi mfixkel il-punt ta’ detezzjoni tal-miter tal-luminanza fuq l-unità tal-wiri elettronika waqt il-qlib bejn il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt B.3 tal-Anness II.
ANNESS IV
Proċedura ta’ verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq
It-tolleranzi ta’ verifika ddefiniti f’dan l-Anness għandhom x’jaqsmu biss mal-verifika tal-parametri mkejla mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u ma għandhomx jintużaw mill-manifattur mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat bħala tolleranza permessa biex jiġu stabbiliti l-valuri fid-dokumentazzjoni teknika jew biex jiġu interpretati dawn il-valuri ħalli tinkiseb il-konformità jew biex tiġi kkomunikata prestazzjoni aħjar b’xi mod.
Meta mudell ikun ġie ddisinjat biex ikun kapaċi jinduna li qed jiġi ttestjat (eż. billi jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet tat-test jew iċ-ċiklu tat-test), u biex jirreaġixxi b’mod speċifiku billi jbiddel awtomatikament il-prestazzjoni tiegħu matul it-test bl-objettiv li jintlaħaq livell aktar favorevoli għal kull wieħed mill-parametri speċifikat f’dan ir-Regolament jew inkluż fid-dokumentazzjoni teknika jew f’xi dokumentazzjoni pprovduta, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformni.
Meta tkun qed tiġi vverifikata l-konformità ta’ mudell tal-prodott mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura indikata hawn taħt għar-rekwiżiti msemmija fl-Anness II.
1. Proċedura ġenerali
L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jivverifikaw unità waħda tal-mudell.
Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk:
il-valuri mogħtija fid-dokumentazzjoni teknika skont il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva 2009/125/KE (il-valuri ddikjarati) u, meta applikabbli, il-valuri użati għall-kalkolu ta’ dawn il-valuri, ma jkunux aktar favorevoli għall-manifattur, għall-importatur jew għar-rappreżentant awtorizzat milli jkunu r-riżultati tal-kejl korrispondenti mwettqa skont il-paragrafu (g) tiegħu;
il-valuri dikjarati jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, u kull informazzjoni dwar il-prodott li jippubblikaw il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat ma jkunx fiha valuri aktar favorevoli għall-manifattur, għall-importatur jew għar-rappreżentant awtorizzat mill-valuri dikjarati;
meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jittestjaw l-unità tal-mudell, il-valuri determinati (il-valuri tal-parametri rilevanti kif imkejla waqt l-ittestjar u l-valuri kkalkulati minn dan il-kejl) ikunu fi ħdan it-tolleranzi ta’ verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 3; kif ukoll
meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jivverifikaw l-unità tal-mudell, din tkun tikkonforma mar-rekwiżiti funzjonali u mar-rekwiżiti dwar it-tiswija u l-aspetti ta’ tmiem il-ħajja.
1.1. Il-proċedura ta’ verifika għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt B.1 tal-Anness II
Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk:
l-ABC tal-prodott ikun attivat b’mod prestabbilit u jibqa’ attiv f’kull modalità SDR, għajr fil-konfigurazzjoni tal-ħanut;
l-enerġija mkejla waqt il-modalità mixgħul tal-prodott tonqos b’20 % jew aktar meta l-kundizzjoni tad-dawl ambjentali, imkejla bis-senser tal-ABC, titnaqqas minn 100 lux għal 12 lux;
il-kontroll tal-ABC tal-luminanza tal-unità tal-wiri jkun jissodisfa r-rekwiżiti tal-punt B.1(e) tal-Anness II.
1.2. Il-proċedura ta’ verifika għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt B.2 tal-Anness II
Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk:
il-konfigurazzjoni normali tingħata bħala l-għażla prestabbilita mal-attivazzjoni inizjali tal-unità tal-wiri elettronika; kif ukoll
jekk l-utent jagħżel modalità li mhix il-konfigurazzjoni normali, jinbeda proċess ieħor ta’ għażla biex tiġi kkonfermata l-għażla.
1.3. Il-proċedura ta’ verifika għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt B.3 tal-Anness II
Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk il-valur determinat tal-luminanza bajda massima, jew, jekk ikun applikabbli, il-proporzjon tal-luminanza bajda massima, jissodisfa l-valur meħtieġ fil-punt B.3.
1.4. Il-proċedura ta’ verifika għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt C.1 tal-Anness II
Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk meta konness mas-sors tal-enerġija:
il-modalità mitfi u/jew il-modalità standby, u/jew xi modalità oħra li ma tkunx taqbeż ir-rekwiżiti tad-domanda għall-enerġija applikabbli għall-modalità mitfi u/jew għall-modalità standby, ikunu ssettjatti bħala prestabbiliti;
jekk l-unità tipprovdi modalità standby man-netwerk b’funzjonalità HiNA, l-unità ma tkunx taqbeż ir-rekwiżiti tad-domanda għall-enerġija applikabbli bil-funzjonalità HiNA meta tiġi attivata l-modalità standby man-netwerk; kif ukoll
jekk l-unità tipprovdi modalità standby man-netwerk mingħajr il-funzjonalità HiNA, l-unità ma tkunx taqbeż ir-rekwiżiti tad-domanda għall-enerġija applikabbli mingħajr il-funzjonalità HiNA meta tiġi attivata l-modalità standby man-netwerk.
1.5. Il-proċedura ta’ verifika għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt C.2 tal-Anness II
Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk:
l-unità tipprovdi modalità mitfi u/jew il-modalità standby, u/jew xi modalità oħra li ma tkunx taqbeż ir-rekwiżiti tad-domanda għall-enerġija applikabbli għall-modalità mitfi u/jew għall-modalità standby, meta l-unità tal-wiri elettronika tkun imqabbda mas-sors tal-enerġija; kif ukoll
l-attivazzjoni tad-disponibbiltà tan-netwerk tkun teħtieġ l-intervent tal-utent finali; kif ukoll
id-disponibbiltà tan-netwerk tkun tista’ tiġi diżattivata mill-utent finali; kif ukoll
din tkun konformi mar-rekwiżiti għall-modalità standby meta l-modalità standby man-netwerk ma tkunx attivata.
1.6. Il-proċedura ta’ verifika għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt C.3 tal-Anness II
Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk:
fi żmien 4 sigħat fil-modalità mixgħul wara l-aħħar interazzjoni tal-utent jew fi żmien siegħa (1) jekk is-senser tal-preżenza jkun attivat u ma jinqabad l-ebda moviment, it-televixin jaqleb awtomatikament mill-modalità mixgħul għall-modalità standby, jew il-modalità mitfi, jew il-modalità standby man-netwerk, jekk tkun attivata, jew għal xi modalità oħra li ma tkunx taqbeż ir-rekwiżiti tad-domanda għall-enerġija applikabbli għall-modalità standby. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura applikabbli biex ikejlu d-domanda għall-enerġija wara li l-funzjonalità tat-tifi awtomatiku taqleb it-televixin għall-modalità tal-enerġija applikabbli; kif ukoll
il-funzjoni tkun issettjata bħala prestabbilita; kif ukoll
waqt il-modalità mixgħul, it-televixin juri messaġġ ta’ twissija qabel ma jaqleb awtomatikament mill-modalità mixgħul għall-modalità applikabbli; kif ukoll
jekk it-televixin jipprovdi funzjoni li tippermetti lill-utent jimmodifika l-perjodu ta’ 4 sigħat għat-tranżizzjonijiet awtomatiċi tal-modalità li hemm spjegat fil-punt (a), ifeġġ messaġġ ta’ twissija li aktarx se jiżdied l-użu tal-enerġija u tintalab konferma tal-konfigurazzjoni l-ġdida meta ssir l-għażla li jiġi estiż il-perjodu ta’ 4 sigħat jew li jiġi diżattivat; kif ukoll
jekk it-televixin ikun mgħammar b’senser tal-preżenza, għandha tapplika t-tranżizzjoni awtomatika mill-modalità mixgħul għal xi modalità oħra kif spjegat fil-punt (a) jekk ma tinħass l-ebda preżenza għal mhux aktar minn siegħa (1); kif ukoll
jekk it-televixin ikollu diversi sorsi tal-input selezzjonabbli, il-protokolli tal-ġestjoni tal-enerġija tas-sors tas-sinjal magħżul jingħataw prijorità fuq dawk il-mekkaniżmi prestabbiliti tal-ġestjoni tal-enerġija deskritti fil-punt (a) ta’ hawn fuq.
1.7. Il-proċedura ta’ verifika għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt C.4 tal-Anness II
Il-mudell għandu jiġi ttestjat għal kull tip ta’ interfaċċja tal-input tas-sinjal selezzjonabbli tal-utent finali li jkun speċifikat li tista’ twettaq sinjali jew data tal-kontroll tal-ġestjoni tal-enerġija. Meta jkun hemm żewġ interfaċċji identiċi tas-sinjali jew aktar li ma jkunux tikkettati għal tip ta’ prodott ospitanti speiċifiku (eż. HDMI-1, HDMI-2, eċċ.), hu biżżejjed li tiġi ttestjata waħda minn dawn l-interfaċċji tas-sinjali magħżula b’mod aleatorju. Meta jkun hemm interfaċċji tas-sinjali tikkettati jew deżinjati fil-menù (eż. kompjuter, kaxxa tad-dekowder jew analogi), l-apparat xieraq tas-sors tas-sinjal ospitanti għandu jitqabbad mal-interfaċċja tas-sinjali ddeżinjata għat-test. Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżit applikabbli jekk ma jinħass l-ebda sinjal minn xi sors tal-input, u l-mudell jaqleb għall-modalità standby, il-modalità mitfi jew il-modalità standby man-netwerk.
1.8. Il-proċedura ta’ verifika għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti D u E tal-Anness II
Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk, meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jivverifikaw l-unità tal-mudell, dan ikun konformi mar-rekwiżiti dwar l-effiċjenza tar-riżorsi fil-punt D u E tal-Anness II.
2. Il-proċedura jekk ir-rekwiżiti ma jiġux issodisfati
Jekk ma jinkisbux ir-riżultati msemmija fil-punti 1(c) u 1(d) relatati mar-rekwiżiti li ma jinvolvux il-valuri mkejla, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi.
Jekk ma jinkisbux ir-riżultati msemmija fil-punti 1(c) u 1(d) relatati mar-rekwiżiti li jinvolvu l-valuri mkejla, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħżlu tliet unitajiet addizzjonali tal-istess mudell jew ta’ mudelli ekwivalenti biex jiġu ttestjati. Il-mudell għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk, għal dawn it-tliet unitajiet, il-medja aritmetika tal-valuri determinati tkun fi ħdan it-tolleranzi ta’ verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 3. Inkella, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi.
Meta tittieħed id-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-mudell, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jipprovdu kull informazzjoni rilevanti mingħajr dewmien lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.
L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu stabbiliti fl-Anness III u għandhom jużaw biss il-proċedura deskritta fil-punti 1 u 2 għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness.
3. Tolleranzi ta’ verifika
L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw biss it-tolleranzi ta’ verifika stabbiliti fit-Tabella 3. Ma għandha tiġi applikata l-ebda tolleranza oħra, bħal dawk stabbiliti fl-istandards armonizzati jew f’xi metodu ieħor tal-kejl.
It-tolleranzi ta’ verifika definiti f’dan l-Anness għandhom x’jaqsmu biss mal-verifika tal-parametri mkejla mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u ma għandhomx jintużaw mill-manifattur bħala tolleranza permessa fuq il-valuri fid-dokumentazzjoni teknika biex jikseb il-konformità mar-rekwiżiti. Il-valuri dikjarati ma għandhomx ikunu aktar favorevoli għall-manifattur mill-valuri rrappurtati fid-dokumentazzjoni teknika.
Tabella 3
Tolleranzi ta’ verifika
Parametru |
Tolleranzi ta’ verifika |
Id-domanda għall-enerġija fil-modalità mixgħul, (Pmeasured , Watts) għajr il-konċessjonijiet u l-aġġustamenti fil-punt B tal-Anness II, għall-finijiet tal-kalkolu tal-EEI stabbilit fil-punt A tal-Anness II. |
Il-valur determinat (*1) ma għandux jaqbeż il-valur dikjarat b’aktar minn 7 % |
Domanda għall-enerġija fil-modalità mitfi, standby u standby man-netwerk (Watts), kif applikabbli |
Il-valur determinat (*1) ma għandux jaqbeż il-valur dikjarat b’aktar minn 0,10 Watt jekk il-valur dikjarat ikun 1,00 W jew inqas, jew b’aktar minn 10 % jekk il-valur dikjarat ikun aktar minn 1,00 W |
Proporzjon tal-luminanza bajda massima |
Meta applikabbli, il-valur determinat ma għandux ikun anqas minn 60 % tal-luminanza bajda massima tal-aktar konfigurazzjoni luminuża predeterminata waqt il-modalità mixgħul li tippermetti l-unità tal-wiri elettronika |
Luminanza bajda massima (cd/m2) |
Il-valur determinat (*1) ma għandux ikun anqas mill-valur dikjarat b’aktar minn 8 % |
Id-djagonal tal-iskrin viżibbli f’ċentimetri (u f’pulzieri, jekk dikjarat) |
Il-valur determinat (*1) ma għandux ikun anqas mill-valur dikjarat b’aktar minn 1 cm (jew 0,4 pulzieri). |
Erja tal-iskrin f’dm2 |
Il-valur determinat (*1) ma għandux ikun anqas mill-valur dikjarat b’aktar minn 0,1 dm2 |
Il-funzjonijiet ittajmjati kif stabbiliti fil-punti C.3 u C.4 tal-Anness II |
Il-qlib għandu jsir fi żmien 5 sekondi tal-valuri stabbiliti |
Il-piż tal-komponenti tal-plastik kif kwalifikati fil-punt D.2 tal-Anness II |
Il-valur determinat (*1) ma għandux ikun differenti mill-valur dikjarat b’aktar minn 5 grammi |
(*1) Jekk ikun hemm tliet unitajiet addizzjonali li jiġu ttestjati skont kif preskritt fl-Anness IV il-punt 2(a), il-valur determinat ifisser il-medja aritmetika tal-valuri determinati għal dawn it-tliet unitajiet addizzjonali. |
ANNESS V
Punti ta’ referenza
Hawn taħt qed tiġi indikata l-aqwa teknoloġija disponibbli fis-suq, waqt id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għall-aspetti ambjentali li jkunu tqiesu sinifikanti u li jkunu kwantifikabbli.
Ġew identifikati dawn il-punti ta’ referenza indikattivi li ġejjin għall-finijiet tal-parti 3, il-punt 2 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/125/KE. Dawn jirreferu għall-aqwa teknoloġija disponibbli waqt it-tfassil ta’ dan ir-Regolament għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi fis-suq.
Dijagonal tal-erja tal-iskrin |
HD |
UHD |
|
(cm) |
(puzlieri) |
Watt |
Watt |
55,9 |
22 |
15 |
|
81,3 |
32 |
25 |
|
108,0 |
43 |
33 |
47 |
123,2 |
49 |
43 |
57 |
152,4 |
60 |
62 |
67 |
165,1 |
65 |
56 |
71 |
Modalitajiet ta’ funzjonament oħra: |
|||
Modalità mitfi (swiċċ fiżiku): |
0,0 W |
||
Modalità mitfi (l-ebda swiċċ fiżiku): |
0,1 W |
||
Modalità standby: |
0,2 W |
||
Modalità standby man-netwerk (mhux-HiNa): |
0,9 W |
( 1 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar mezzi mediċi (ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1)
( 2 ) Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1)
( 3 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/385/KEE tal-20 ta’ Ġunju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward il-mezzi mediċi attivi li jiddaħħlu f’xi parti tal-ġisem (ĠU L 189, 20.7.1990, p. 17)
( 4 ) Id-Direttiva 98/79/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 1998 dwar il-mezzi mediċi dijanjostiċi in vitro (ĠU L 331, 7.12.1998, p. 1)
( 5 ) Ir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u li jħassar id-Direttiva 98/79/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/227/UE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 176)
( *1 ) Ir- Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2021 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 241).”
( 6 ) Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika. ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79.
( 7 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1782 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-provvisti tal-elettriku esterni skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 278/2009 (Ara paġna 95 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
( 8 ) Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1).