02019R1241 — MT — 16.07.2021 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2019/1241 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ġunju 2019

dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005

(ĠU L 198 25.7.2019, p. 105)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2013 tal-21 ta’ Awwissu 2020

  L 415

3

10.12.2020

►M2

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1160 tat-12 ta’ Mejju 2021

  L 250

4

15.7.2021




▼B

REGOLAMENT (UE) 2019/1241 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ġunju 2019

dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri tekniċi dwar:

(a) 

il-qbid u ħatt l-art tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(b) 

it-tħaddim tal-irkaptu tas-sajd; u

(c) 

l-interazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd mal-ekosistemi tal-baħar.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.  
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-attivitajiet li jsiru minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u ċittadini tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ewlenija tal-Istat tal-bandiera, fiż-żoni tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 5 kif ukoll minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi terzi, u li jkunu rreġistrati fihom, meta jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni.
2.  
L-Artikoli 7, 10, 11 u 12 għandhom japplikaw ukoll għas-sajd rikreattiv. F’każijiet fejn is-sajd rikreattiv ikollu impatt sinifikanti f’reġjun partikolari, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 15 u f’konformità mal-Artikolu 29 biex temenda dan ir-Regolament billi jiġi previst li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 13 jew il-partijiet A jew C tal-Annessi V sa X japplikaw ukoll għas-sajd rikreattiv.
3.  

Soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 25 u 26, il-miżuri tekniċi stipulati f’dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għal attivitajiet tas-sajd li jsiru biss bl-iskop ta’:

(a) 

investigazzjonijiet xjentifiċi, u

(b) 

ripopolazzjoni jew trapjantar diretti ta’ speċijiet tal-baħar.

Artikolu 3

Objettivi

1.  
Bħala għodod li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-PKS, il-miżuri tekniċi għandhom jikkontribwixxu għall-objettivi tal-PKS stipulati fid-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
2.  

Il-miżuri tekniċi b’mod partikolari għandhom jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettivi li ġejjin:

(a) 

itejbu kemm jista’ jkun il-mudelli ta’ sfruttament biex jipprovdu protezzjoni għall-ħut li għadu qed jikber jew għall-ġlejjeb tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(b) 

jiżguraw li l-qabdiet aċċessorji ta’ speċijiet tal-baħar sensittivi, inklużi dawk elenkati fid-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE, li jirriżultaw mis-sajd, jitnaqqsu kemm jista’ jkun u, fejn possibbli, jiġu eliminati sabiex ma jikkostitwixxux theddida għall-istat ta’ konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċijiet;

(c) 

jiżguraw, inkluż bl-użu ta’ inċentivi adatti, li l-impatti ambjentali negattivi tas-sajd fuq il-ħabitats tal-baħar jiġu minimizzati;

(d) 

għandhom fis-seħħ miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd għall-finijiet ta’ konformità mad-Direttivi 92/43/KEE, 2000/60/KE u 2008/56/KE, b’mod partikolari bil-għan li jinkiseb status ambjentali tajjeb f’konformità mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/56/KE, u mad-Direttiva 2009/147/KE.

Artikolu 4

Miri

1.  

Il-miżuri tekniċi għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li:

(a) 

il-qabdiet ta’ speċijiet tal-baħar iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni jitnaqqsu kemm jista’ jkun f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(b) 

il-qabdiet aċċessorji ta’ mammiferi tal-baħar, rettili tal-baħar, għasafar tal-baħar u speċijiet oħrajn mhux sfruttati kummerċjalment ma jaqbżux il-livelli previsti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni u fi ftehimiet internazzjonali li huma vinkolanti għall-Unjoni.

(c) 

l-impatti ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-ħabitats li jinsabu f’qiegħ il-baħar jikkonformaw mal-punt (j) tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

2.  
Il-punt sa fejn ikun sar progress lejn dawk il-miri għandu jiġi rieżaminat bħala parti mill-proċess ta’ rappurtar stipulat fl-Artikolu 31.

Artikolu 5

Definizzjoni taż-żoni tas-sajd

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ġeografiċi taż-żoni tas-sajd li ġejjin:

(a) 

“il-Baħar tat-Tramuntana” tfisser ilmijiet tal-Unjoni fid-diviżjonijiet ( 1 ) 2a u 3a u s-subżona 4 tal-ICES;

(b) 

“il-Baħar Baltiku” tfisser ilmijiet tal-Unjoni fid-diviżjonijiet 3b, 3c u 3d tal-ICES;

(c) 

“l-ilmijiet tal-Majjistral” tfisser l-ilmijiet tal-Unjoni fis-subżoni 5, 6 u 7 tal-ICES;

(d) 

“l-ilmijiet tal-Lbiċ” tfisser is-subżoni 8, 9 u 10 tal-ICES (ilmijiet tal-Unjoni) u ż-żoni ( 2 ) CECAF 34.1.1, 34.1.2 u 34.2.0 (ilmijiet tal-Unjoni);

(e) 

“il-Baħar Mediterran” tfisser l-ilmijiet marittimi tal-Mediterran lejn il-Lvant mil-linja 5°36′ W;

(f) 

“il-Baħar l-Iswed” tfisser l-ilmijiet tas-subżona ġeografika 29 GFCM kif definiti fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );

(g) 

“ilmijiet tal-Unjoni fl-Oċean Indjan u fil-Punent tal-Atlantiku” tfisser l-ilmijiet madwar Guadaloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, Mayotte, Réunion, Saint Martin taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru;

(h) 

“iż-Żona Regolatorja tan-NEAFC” tfisser l-ilmijiet taż-Żona tal-Konvenzjoni tan-NEAFC li jinsabu barra mill-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tas-sajd tal-Partijiet Kontraenti kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );

(i) 

“iż-Żona ta’ Ftehim tal-GFCM” tfisser il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed u l-ilmijiet li jgħaqqduhom, kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1343/2011.

Artikolu 6

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, flimkien mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“mudell ta’ sfruttament” tfisser kif il-mortalità mis-sajd hi distribwita fil-profil tal-età u d-daqs ta’ stokk partikolari;

(2) 

“selettività” tfisser espressjoni kwantitattiva li tindika l-probabbiltà li jinqabdu riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ta’ ċertu daqs u/jew speċijiet;

(3) 

“sajd dirett” tfisser l-isforz ta’ sajd maħsub għal speċi jew grupp ta’ speċijiet speċifiċi u jistgħu jiġu speċifikati b’mod ulterjuri f’livell reġjonali f’atti delegati adottati skont l-Artikolu 27(7) ta’ dan ir-Regolament;

(4) 

“status ambjentali tajjeb” tfisser l-istatus ambjentali tal-ilmijiet tal-baħar kif definit fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2008/56/KE;

(5) 

“stat ta’ konservazzjoni ta’ speċi” tfisser l-influwenzi kollha li jagħfsu fuq l-ispeċijiet konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet tagħhom;

(6) 

“stat ta’ konservazzjoni ta’ ħabitat” tfisser l-influwenzi kollha li jagħfsu fuq il-ħabitat naturali u l-ispeċijiet tipiċi tiegħu li jistgħu jaffettwaw it-tqassim naturali tiegħu fit-tul, l-istruttura u l-funzjonijiet kif ukoll l-għajxien fit-tul tal-ispeċijiet tipiċi tiegħu;

(7) 

“ħabitat sensittiv” tfisser ħabitat li l-istat ta’ konservazzjoni tiegħu, inkluż il-firxa tiegħu u l-kundizzjoni (struttura u funzjoni) tal-komponenti bijotiċi u abijotiċi tiegħu, huwa affettwat b’mod negattiv minn pressjonijiet ġejjin minn attivitajiet tal-bniedem, inkluż l-attivitajiet tas-sajd. Il-ħabitats sensittivi jinkludu, b’mod partikolari, tipi ta’ ħabitats elenkati fl-Anness I, u ħabitats ta’ speċijiet elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 92/43/KEE, ħabitats ta’ speċijiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/147/KE, ħabitats li l-protezzjoni tagħhom hija meħtieġa sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb taħt id-Direttiva 2008/56/KE u ekosistemi tal-baħar vulnerabbli kif definiti mill-punt (b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill 734/2008 ( 5 );

(8) 

“speċi sensittiva” tfisser speċi li l-istat ta’ konservazzjoni tagħha, inkluż il-ħabitat, id-distribuzzjoni, id-daqs tal-popolazzjoni jew il-kundizzjoni tal-popolazzjoni tagħha, huwa affettwat b’mod negattiv minn pressjonijiet ġejjin minn attivitajiet tal-bniedem, inkluż l-attivitajiet tas-sajd. L-ispeċijiet sensittivi, b’mod partikolari, jinkludu speċijiet imsemmija fl-Annessi II u IV tad-Direttiva 92/43/KEE, speċijiet koperti mid-Direttiva 2009/147/KE u speċijiet li l-protezzjoni tagħhom hija meħtieġa sabiex jiksbu status ambjentali tajjeb taħt id-Direttiva 2008/56/KE;

(9) 

“speċijiet pelaġiċi żgħar” tfisser speċijiet bħall-kavalli, l-aringi, is-sawrell, l-inċova, is-sardin, l-istokkafixx, l-arġentina, il-laċċa kaħla u l-pixxi trumbetta;

(10) 

“Kunsilli Konsultattivi” tfisser gruppi ta’ partijiet ikkonċernati stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(11) 

“xibka tat-tkarkir” tfisser irkaptu rmunkat b’mod attiv minn bastiment wieħed jew aktar tas-sajd u li jikkonsisti f’xibka magħluqa fuq wara minn borża jew manka;

(12) 

“irkaptu rmunkat” tfisser kwalunkwe xibka tat-tkarkir, tartarun Daniż, gangmu u rkaptu simili li jiġi mċaqlaq b’mod attiv fl-ilma minn bastiment tas-sajd wieħed jew iktar jew minn kwalunkwe sistema mekkanizzata oħra;

(13) 

“xibka tat-tkarkir tal-qiegħ” tfisser irkaptu tat-tkarkir magħmul u armat sabiex jitħaddem f’qiegħ il-baħar jew kważi;

(14) 

“xibka tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi” tfisser xibka tat-tkarkir tal-qiegħ irmunkata minn żewġ dgħajjes fl-istess ħin, kull waħda tirmunka naħa tax-xibka tat-tkarkir. Il-fetħa orizzontali tax-xibka tat-tkarkir tinżamm bid-distanza bejn iż-żewġ bastimenti waqt li jirmunkaw l-irkaptu;

(15) 

“xibka tat-tkarkir pelaġiku” tfisser xibka tat-tkarkir magħmula u armata sabiex topera f’nofs l-ilma;

(16) 

“xibka tat-tkarkir bi travu” tfisser irkaptu b’xibka tat-tkarkir miftuħa orizzontalment bi travu, ġewnaħ jew apparat simili;

(17) 

“tkarkir bl-impulsi elettriċi” tfisser xibka tat-tkarkir li tuża kurrent elettriku biex jinqabdu riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(18) 

“tartarun Daniż” jew “tartarun Skoċċiż” ifissru tagħmir ċirkondanti u rmunkat, imħaddem minn dgħajsa permezz ta’ żewġ ħbula twal (ħbula tat-tartarun) magħmul sabiex jidderieġi l-ħut lejn il-fetħa tat-tartarun. L-irkaptu hu magħmul minn xibka li hi simili fl-għamla tagħha għal xibka tat-tkarkir tal-qiegħ;

(19) 

“tartaruni tax-xatt” tfisser xbieki tat-tidwir u tartaruni rmunkati mixħutin minn dgħajsa u rmunkati mix-xatt filwaqt li jiġu operati mill-kosta jew minn bastiment irmiġġat jew ankrat mal-kosta;

(20) 

“xbieki tat-tidwir” tfisser xbieki li jaqbdu l-ħut billi jdawruhom kemm miż-żewġ naħat u kif ukoll minn taħt. Jistgħu jkunu jew ma jkunux mgħammra b’vajjina;

(21) 

“tartarun tal-borża” jew “tartaruni tal-lampara” jfissru kwalunkwe xibka tat-tidwir fejn il-qiegħ jingħaqad permezz ta’ ħabel tal-għeluq li jinsab fil-qiegħ tax-xibka, li tgħaddi minn serje ta’ anelli tul il-ħabel tal-art, li jippermetti li x-xibka tinġibed f’borża u tingħalaq;

(22) 

“gangmi” tfisser irkaptu li jkun attivament irmunkat mill-magna prinċipali tad-dgħajsa (gangmi tad-dgħajsa) jew miġbud b’winċ motorizzat minn bastiment ankrat (gangmi mekkanizzati) għall-qbid ta’ bivalvi, gasteropadi jew sponoż u li jikkonsisti f’ xibka borża jew f’baskett tal-metall immuntati fuq qafas riġidu jew virga ta’ qies u forma varjabbli li l-parti ta’ taħt tagħhom tista’ ġġorr xafra barraxa li tista’ tkun jew fit-tond, ippuntata jew bis-snien, u tista’ wkoll tkun mgħammra bi skarpi u twavel tal-għadds. Xi gangmi huma mgħammra b’tagħmir idrawliku (gangmi idrawliċi). Il-gangmi miġbudin bl-idejn jew b’winċ manwali f’ilmijiet baxxi bi jew mingħajr dgħajsa għall-qbid ta’ bivalvi, gasteropodi jew sponoż (gangmi tal-idejn) ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala rkaptu rmunkat għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament;

(23) 

“xbieki statiċi” tfisser kwalunkwe tip ta’ għażel, xibka tat-tħabbil jew parit ankrat ma’ qiegħ il-baħar biex il-ħut jgħum fih u jitħabbel jew jeħel fix-xbieki;

(24) 

“għażel tat-tisqif” tfisser xibka miżmuma fuq wiċċ l-ilma jew f’ċerta distanza taħtu permezz ta’ apparat li jżomm f’wiċċ l-ilma, li jinġarru mal-kurrent jew liberament jew bid-dgħajsa li jkun imqabbad magħha. Dan jista’ jkun mgħammar b’apparat intiż biex jistabbilizza x-xibka jew jillimita kemm tinġarr mill-kurrent;

(25) 

“għażel” tfisser xibka magħmula minn biċċa xibka statika unika u miżmuma wieqfa fl-ilma permezz ta’ sufruni u piżijiet;

(26) 

“għażel tat-tħabbil” tfisser xibka statika li tikkonsisti f’ħajt ta’ xibka armat b’mod li x-xibka tiddendel fuq il-ħbula sabiex toħloq ammont akbar ta’ tixbik maħlul mill-għażel;

(27) 

“parit” tfisser xibka statika magħmula minn bosta saffi jew aktar ta’ xbieki b’żewġ saffi fuq barra ta’ daqs tal-malja kbir b’saff b’malja bejniethom;

(28) 

“parit xkitt” tfisser kwalunkwe għażel tal-qiegħ li l-parti t’isfel tiegħu tkun ikkombinata ma’ parit;

(29) 

“konz” tfisser irkaptu tas-sajd li jikkonsisti fi xlief ewlieni ta’ tul varjabbli, li magħha jitqabbdu brazzoli bi snanar spazjati skont l-ispeċi fil-mira. Ix-xlief ewlieni jkun ankrat orizzontalment fuq, jew qrib, il-qiegħ jew vertikalment, jew jista’ jitħalla jinġarr mal-kurrent fil-wiċċ;

(30) 

“nases u kavetti” tfisser nases f’għamla ta’ gaġeġ jew qfief li għandhom dħul wieħed jew aktar, iddisinjati biex jaqbdu l-krustaċej, molluski jew ħut, li jitqiegħdu fuq qiegħ il-baħar jew sospiżi fuqu;

(31) 

“xlief” tfisser xlief tas-sajd wieħed b’rixa jew sunnara bil-lixka waħda jew aktar;

(32) 

“St.Andrew’s cross” huwa ħattaf li jagħmel użu minn azzjoni simili għal dik ta’ mqass sabiex jaħsad pereżempju l-molluski bivalvi jew il-qroll aħmar minn qiegħ il-baħar;

(33) 

“manka” tfisser l-aktar parti ta’ wara tax-xibka tat-tkarkir, li tkun f’forma ta’ ċilindru, jiġifieri bl-istess ċirkonferenza t-tul kollu, jew f’forma konika. Din tista’ tkun magħmula minn panel wieħed jew aktar (biċċiet ta’ xbieki) imwaħħlin flimkien tul il-ġnub tagħhom u jistgħu jinkludu l-biċċa miżjuda li tkun magħmula minn panel wieħed jew aktar li jkunu jinstabu eżatt quddiem il-manka sensu stricto;

(34) 

“daqs tal-malja” tfisser:

(i) 

għax-xbieki bl-għoqod: l-itwal distanza bejn żewġ ġonot opposti fl-istess malja meta din tkun mifruxa għalkollox;

(ii) 

għal xbieki mingħajr għoqod: id-distanza ta’ ġewwa bejn il-ġonot opposti fl-istess malja meta din tkun mifruxa għalkollox tul l-itwal assi possibbli tagħha;

(35) 

“malja kwadra” tfisser malja b’erba’ naħat magħmula minn żewġ settijiet ta’ vireg paralleli tal-istess tul nominali, fejn sett wieħed huwa parallel għall-assi lonġitudinali tax-xibka, u s-sett l-ieħor huwa perpendikulari għall-istess assi;

(36) 

“malja maqrut” tfisser malja magħmula minn erba’ naħat tal-istess tul fejn iż-żewġ dijagonali tax-xibka huma perpendikolari u wieħed mid-dijagonali hu parallel għall-assi lonġitudinali tax-xibka;

(37) 

“T90” tfisser xbieki tat-tkarkir, tartaruni Daniżi jew irkaptu rmunkat simili li għandu manka u biċċa tal-estensjoni prodotta minn tip ta’ xbieki bil-malja forma ta’ djamant imdawra 90° biex b’hekk id-direzzjoni prinċipali kif inhi għaddejja l-ispaga tax-xibka tkun parallela għad-direzzjoni tal-irmunkar;

(38) 

“fetħa għall-ħrib tat-tip Bacoma” tfisser panel ta’ ħruġ fi xbieki b’malja kwadra mingħajr għoqod mwaħħla fil-panel ta’ fuq ta’ manka bit-tarf t’isfel tiegħu mhux aktar minn erba’ malji mis-siegla tal-għeluq;

(39) 

“xibka passatur” tfisser biċċa xibka mwaħħla maċ-ċirkonferenza sħiħa tax-xibka tat-tkarkir għall-gambli quddiem il-manka jew il-biċċa tal-estensjoni, li tiġi għall-ponta fejn hi mwaħħla mas-saff t’isfel tax-xibka tat-tkarkir tal-gambli. Toqba tal-ħruġ tinfetaħ fejn jiltaqgħu x-xibka passatur u l-manka, biex b’hekk tippermetti li l-ispeċijiet jew l-individwi li huma kbar wisq biex jgħaddu mill-passatur, jaħarbu, filwaqt li l-gambli jistgħu jgħaddu mill-passatur għal ġol-manka;

(40) 

“waqgħa” tfisser is-somma tal-għoli tal-malji (inkluż l-għoqod) f’xibka meta mxarrba u mġebbda perpendikolari mal-lett;

(41) 

“ħin ta’ immersjoni jew żmien fl-ilma” tfisser il-perijodu mill-mument meta l-irkaptu jitniżżel l-ewwel darba fl-ilma sal-mument meta l-irkaptu jittella’ kompletament abbord il-bastiment tas-sajd;

(42) 

“sensuri ta’ monitoraġġ tal-irkaptu” tfisser sensuri elettroniċi mill-bogħod li jitpoġġew fuq l-irkaptu biex iwettqu monitoraġġ tal-parametri ta’ prestazzjoni ewlenin bħad-distanza bejn id-diriġenti jew il-volum tal-qabda;

(43) 

“xlief imtaqqal” tfisser xlief ta’ snanar bil-lixka b’piż żejjed biex jegħreq iktar, u b’hekk jitnaqqsu l-veloċità u l-ħin tal-esponiment għal għasafar tal-baħar;

(44) 

“apparat akustiku deterrenti” tfisser apparat immirat biex jiskoraġġixxilil ċerti speċijiet bħall-mammiferi tal-baħar milli jersqu lejn l-irkaptu billi jibgħat sinjali akustiċi;

(45) 

“naffara tal-għasafar” (imsejħa wkoll linji tori) tfisser linji (b’żigarelli miġbuda minn punt għoli qrib il-poppa tal-bastimenti tas-sajd waqt li snanar bil-lixka jintużaw bl-iskop li jgerrxu l-għasafar tal-baħar mis-snanar;

(46) 

“ripopolament dirett” tfisser l-attività li jinħelsu annimali selvaġġi ħajjin ta’ speċi magħżula f’ilmijiet fejn jeżistu b’mod naturali, sabiex tintuża l-produzzjoni naturali tal-ambjent akkwatiku biex jiżdied in-numru ta’ individwi disponibbli għall-industriji tas-sajd u/jew jiżdied ir-reklutaġġ naturali;

(47) 

“trapjantar” tfisser il-proċess li bih speċi hija ttrasportata intenzjonalment u meħlusa mill-bniedem f’żoni b’popolazzjonijiet stabbiliti ta’ dak l-ispeċi;

(48) 

“indikatur tal-prestazzjoni ta’ selettività” tfisser għodda ta’ referenza biex jiġi mmonitorjat il-progress maż-żmien lejn il-kisba tal-objettivi tal-PKS ta’ minimizzazzjoni tal-qabdiet mhux mixtieqa;

(49) 

“xkubetta li tispara foxxni” tfisser xkubetta li tinżamm fl-idejn, motorizzata pnewmatika jew mekkanikament li tispara foxxni għall-fini ta’ sajd taħt l-ilma;

(50) 

“tul ta’ selettività ottimali (Lopt)” huwa t-tul medju ta’ qbid’, ipprovdut mill-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli, li jottimizza it-tkabbir ta’ individwi fi stokk.



KAPITOLU II

MIŻURI TEKNIĊI KOMUNI



TAQSIMA 1

Irkaptu u Użi tas-Sajd Ipprojbiti

Artikolu 7

Irkaptu u metodi tas-sajd ipprojbiti

1.  

Għandu jkun ipprojbit li jinqabdu jew jinħasdu speċijiet tal-baħar bl-użu tal-metodi li ġejjin:

(a) 

sustanzi tossiċi, stupefaċenti jew korrużivi;

(b) 

kurrent elettriku ħlief għall-użu tat-tkarkir bl-impuls elettriku, li għandu jkun permess biss taħt id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Parti D tal-Anness V;

(c) 

splussivi;

(d) 

imrietel pnewmatiċi jew strumenti ta’ perkussjoni oħrajn;

(e) 

strumenti rmunkati għall-ħsad tal-qroll aħmar jew tipi oħrajn ta’ qroll jew organiżmi simili tal-qroll;

(f) 

St Andrew’s cross u ħattafa simili tiegħu, partikolarment għall-ħsad ta’ qroll aħmar jew tipi ta’ qroll oħrajn u speċijiet jixbhu lill-qroll;

(g) 

kwalunkwe tip ta’ projettili, bl-eċċezzjoni ta’ dawk użati għall-qtil tat-tonn fil-gaġġa jew maqbud fit-tunnara jew il-lanez miżmuma bl-idejn u ħarpuns użati fis-sajd rikreattiv tal-għadis mingħajr akkwalung u miż-żerniq sa nżul ix-xemx;

2.  
Minkejja l-Artikolu 2, dan l-Artikolu għandu japplika għal bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet internazzjonali u fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi, ħlief fejn ir-regoli adottati mill-organizzazzjonijiet multilaterali tas-sajd, skont ftehimiet bilaterali jew multilaterali, jew minn pajjiż terz, ma jipprevedux speċifikament mod ieħor.



TAQSIMA 2

Restrizzjonijiet Ġenerali fuq Irkaptu tas-Sajd u Kondizzjonijiet għall-Użu Tiegħu

Artikolu 8

Restrizzjonijiet ġenerali fuq l-użu ta’ rkaptu rmunkat

1.  
Għall-fini tal-Annessi V sa XI, id-daqs tal-malja tal-irkaptu rmunkat kif stipulat f’dawk l-Annessi għandu jfisser d-daqs minimu tal-malja ta’ kwalunkwe parti tal-mankau kwalunkwe biċċa tal-estensjoni misjuba abbord bastiment tas-sajd u mwaħħla ma’ kwalunkwe xibka rmunkata jew li tkun adatta biex titwaħħal magħha. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal apparat tax-xbieki li jintuża biex jitwaħħlu sensuri għall-monitoraġġ tal-irkaptu jew meta jintuża flimkien ma’ apparat għall-esklużjoni ta’ ħut u fkieren tal-baħar. Derogi ulterjuri biex tittejjeb is-selettività tad-daqs jew l-ispeċijiet jistgħu jiġu previsti f’att delegat adottat f’konformità mal-Artikolu 15.
2.  

Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal gangmi. Madankollu, matul kwalunkwe vjaġġ meta jinġarru gangmi abbord għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

(a) 

it-trasbord ta’ organiżmi marini għandu jkun ipprojbit;

(b) 

fil-Baltiku, għandu jkun ipprojbit li tinżamm abbord jew li tkun żbarkata kull kwantità ta’ organiżmi marini ħlief jekk għall-inqas 85 % bil-piż ħaj minnha ma jkunx jikkonsisti f’molluski u/jew Furcellaria lumbricalis;

(c) 

f’kull baċir ieħor tal-baħar, ħlief fil-Baħar Mediterran, fejn japplika l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, għandu jkun ipprojbit li tinżamm abbord jew li tinħatt kwalunkwe kwantità ta’ organiżmi tal-baħar ħlief jekk mill-inqas 95 % tal-piż ħaj tagħha tkun tikkonsisti minn molluski bivalvi, gasteropodi u sponoż.

Il-punti (b) u (c) ma għandhomx japplikaw għall-qabdiet aċċessorji ta’ speċijiet soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Tali qabdiet aċċessorji għandhom jinħattu u jingħaddu u jitnaqqsu mill-kwoti.

3.  
Kull meta jkunu qegħdin jiġu rmunkati iktar minn xibka waħda minn bastiment tas-sajd jew minn iktar minn bastiment tas-sajd wieħed, kull xibka għandu jkollha l-istess daqs nominali tal-malja. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 15 u skont l-Artikolu 29 li jidderogaw minn dan il-paragrafu, fejn l-użu ta’ diversi xbieki b’daqsijiet tal-malja differenti jwassal għal benefiċċji għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar li huma tal-inqas ekwivalenti għal dawk tal-metodi tas-sajd eżistenti.
4.  
Għandu jkun ipprojbit l-użu ta’ kwalunkwe apparat li jostakola jew li b’xi mod ieħor inaqqas b’mod effettiv id-daqs tal-malja tal-manka jew xi parti tal-irkaptu rmunkat, kif ukoll li jġorr abbord kwalunkwe apparat bħal dan li huwa mfassal speċifikament għal dak il-għan. Dan il-paragrafu ma għandux teskludi l-użu ta’ apparat speċifikat li jintuża biex inaqqas it-tkagħbir bl-użu ta’, u sabiex isaħħaħ, l-irkaptu rmunkat, jew sabiex jillimita l-ħarba ta’ qabdiet fil-parti ta’ quddiem tal-irkaptu rmunkat.
5.  

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-ispeċifikazzjoni ta’ manki u l-apparat imsemmi fil-paragrafu 4. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar parir xjentifiku u tekniku disponibbli u jistgħu jiddefinixxu:

(a) 

ir-restrizzjonijiet fuq il-ħxuna tal-ispag;

(b) 

ir-restrizzjonijiet fuq iċ-ċirkonferenza tal-manki;

(c) 

ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ materjali tax-xbieki;

(d) 

l-istruttura u twaħħil ta’ manki;

(e) 

l-apparat li jista’ jintuża sabiex inaqqas it-tkagħbir bl-użu; u

(f) 

l-apparat li jista’ jintuża sabiex jillimita l-ħarba ta’ dak li jinqabad.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2).

Artikolu 9

Restrizzjonijiet ġenerali fuq l-użu tax-xbieki statiċi u l-għażel tat-tisqif

1.  
Għandu jkun ipprojbit li jkun hemm abbord jew jintuża għażel tat-tisqif wieħed jew aktar li t-tul individwali jew totali tiegħu huwa ta’ aktar minn 2,5 kilometru.
2.  
Għandu jkun ipprojbit li jintuża għażel tat-tisqif sabiex jinqabdu l-ispeċijiet elenkati fl-Anness III.
3.  
Minkejja l-paragrafu 1, għandu jkun ipprojbit li jkun hemm abbord jew jintuża kwalunkwe għażel tat-tisqif fil-Baħar Baltiku.
4.  

Għandu jkun ipprojbit li jintużaw għeżula tal-qiegħ, xbieki tat-tħabbil u pariti biex jinqabdu l-ispeċijiet li ġejjin:

(a) 

Alonga (Thunnus alalunga),

(b) 

Tonn (Thunnus thynnus),

(c) 

Pixxiluna (Brama brama),

(d) 

Pixxispad (Xiphias gladius),

(e) 

Klieb il-baħar li jagħmlu parti mill-ispeċijiet jew mill-familji li ġejjin Hexanchus griseus; Cetorhinus maximus; l-ispeċijiet kollha ta’ Alopiidae; Carcharhinidae; Sphyrnidae; Isuridae; Lamnidae.

5.  
B’deroga mill-paragrafu 4, il-qabdiet aċċessorji fil-Baħar Mediterran ta’ mhux iżjed minn tliet eżemplari tal-ispeċijiet ta’ klieb il-baħar imsemmija f’dak il-paragrafu jistgħu jinżammu abbord jew jinħattu dment li ma jkunux speċijiet protetti skont id-dritt tal-Unjoni.
6.  
Fejn il-mappa turi fond ikbar minn 200 metru, l-għeżula tal-qiegħ, ix-xbieki tat-tħabbil u l-parit ma jistgħu jintużaw fl-ebda pożizzjoni.
7.  

Minkejja l-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu:

(a) 

derogi speċifiċi kif speċifikati fil-punt 6.1 tal-Parti C tal-Anness V, fil-punt 9.1 tal-Parti C tal-Anness VI u fil-punt 4.1 tal-Parti C tal-Anness VII għandhom japplikaw fejn il-fond fuq il-mappa huwa bejn 200 u 600 metru;

(b) 

l-użu ta’ għeżul tal-qiegħ, xbieki tat-tħabbil u pariti fi kwalunkwe pożizzjoni fejn il-fond indikat fuq il-mappa nawtika jkun ta’ iktar minn 200 metru għandu jkun permess fil-Baħar Mediterran.



TAQSIMA 3

Protezzjoni ta’ Speċijiet u Ħabitats Sensittivi

Artikolu 10

Speċijiet ta’ ħut u frott tal-baħar bil-qoxra projbit

1.  
Il-qbid, iż-żamma abbord, it-trasbord jew ħatt l-art ta’ speċijiet ta’ ħut jew frott tal-baħar bil-qoxra msemmija fl-Anness IV għad-Direttiva 92/43/KEE għandu jkun ipprojbit ħlief meta jingħataw derogi taħt l-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva.
2.  
Minbarra l-ispeċijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-bastimenti tal-Unjoni għandhom ikunu pprojbiti milli jistadu, iżommu abbord, jittrasbordaw, iħottu, jaħżnu, jbiegħu, juru jew joffru għall-bejgħ l-ispeċijiet elenkati fl-Anness I jew speċijiet li għalihom is-sajd huwa pprojbit taħt atti legali oħrajn tal-Unjoni.
3.  
Meta jinqabdu b’mod aċċidentali, l-ispeċijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex issirilhom ħsara u għandhom jintefgħu lura l-baħar immedjatament ħlief għall-għan li jippermetti riċerka xjentifika fuq eżemplari maqtula inċidentalment f’konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni.
4.  
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 29 biex temenda l-lista stabbilita fl-Anness I, fejn l-aħjar parir xjentifiku disponibbli jindika li hemm bżonn emenda f’dik il-lista.
5.  
Il-miżuri adottati skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandu jkollhom l-għan li jiksbu l-mira stipulata fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) u jistgħu jieħdu kont tal-ftehimiet internazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ speċijiet sensittivi.

Artikolu 11

Qabdiet aċċessorji ta’ mammiferi tal-baħar, għasafar tal-baħar u rettili tal-baħar

1.  
Il-qbid, iż-żamma abbord, it-trasbord jew ħatt l-art ta’ mammiferi tal-baħar jew rettili tal-baħar imsemmija fl-Annessi II u IV għad-Direttiva 92/43/KEE u ta’ speċijiet ta’ għasafar tal-baħar koperti bid-Direttiva 2009/147/KE għandu jkun ipprojbit.
2.  
Meta jinqabdu inċidentalment, l-ispeċijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex issirilhom ħsara u għandhom jintefgħu l-baħar immedjatament.
3.  
Minkejja l-paragrafi 1 u 2, iż-żamma abbord, it-trasbord jew ħatt l-art tal-eżemplari ta’ speċijiet tal-baħar imsemmija fil-paragrafu 1 li jkunu nqabdu aċċidentalment, għandu jkun permess dment li din l-attività tkun meħtieġa biex tiżgura assistenza fl-irkupru tal-annimali individwali u biex tkun tista’ ssir riċerka xjentifika ta’ eżemplari maqtula inċidentalment, dment li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kkonċernati jkunu ġew infurmati b’kollox minn qabel malajr kemm jista’ jkun wara l-qabda u f’konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni.
4.  
Abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, Stat Membru jista’, għal bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, jadotta miżuri ta’ mitigazzjoni jew restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ ċertu rkaptu. Miżuri bħal dawn għandhom jimminimizzaw u, fejn possibbli, jeliminaw il-qabdiet tal-ispeċi imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandhom ikunu kompatibbli mal-objettivi stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u jkunu mill-anqas stretti daqs miżuri tekniċi applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni.
5.  
Miżuri adottati skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jimmiraw li jiksbu l-mira stipulata fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1). Għall-finijiet ta’ kontroll, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Istati Membri kkonċernati l-oħra bid-dispożizzjonijiet adottati skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Huma għandhom ukoll iqiegħdu informazzjoni adegwata dwar dawn il-miżuri għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

Artikolu 12

Protezzjoni għal ħabitats sensittivi inkluż ekosistemi tal-baħar vulnerabbli

1.  
Għandu jkun ipprojbit li jintuża l-irkaptu speċifikat fl-Anness II fiż-żoni rilevanti stipulati f’dak l-Anness.
2.  
Fejn l-aħjar parir xjentifiku disponibbli jirrakkomanda emenda tal-lista ta’ żoni speċifikati fl-Anness II, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament u skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 biex temenda l-Anness II kif meħtieġ. Meta tadotta tali emendi, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-mitigazzjoni ta’ effetti negattivi kkaġunati mill-ispostament tal-attività tas-sajd għal żoni sensittivi oħrajn.
3.  
Fejn il-ħabitats imsemmija fil-paragrafu 1 jew ħabitats sensittivi oħra, inkluż ekosistemi tal-baħar vulnerabbli, jinstabu fl-ilmijiet taħt is-sovranità jew fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, dak l-Istat Membru jista’ jistabbilixxi żoni magħluqa jew miżuri ta’ konservazzjoni oħrajn sabiex jipproteġi dawn il-ħabitats, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Tali miżuri għandhom ikunu kompatibbli mal-objettivi tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u jkunu mill-anqas stretti daqs il-miżuri tad-dritt tal-Unjoni.
4.  
Il-miżuri adottati skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jimmiraw sabiex jiksbu l-mira stipulata fil-punt (c) tal-Artikolu 4(1).



TAQSIMA 4

Daqsijiet Minimi ta’ Referenza għall-Konservazzjoni

Artikolu 13

Daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni

1.  

Id-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet tal-baħar speċifikati fil-Parti A tal-Annessi V sa X ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw bil-għan li:

(a) 

jiżguraw il-protezzjoni tal-ħut li għadu qed jikber ta’ speċijiet tal-baħar skont l-Artikolu 15(11) u (12) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b) 

jistabbilixxu żoni ta’ rkupru ta’ stokkijiet tal-ħut skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(c) 

jikkostitwixxu d-daqsijiet minimi għall-kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ).

2.  
Id-daqs ta’ speċijiet tal-baħar għandu jitkejjel f’konformità mal-Anness IV.
3.  
Fejn hemm aktar minn metodu wieħed ta’ kejl ta’ speċi tal-baħar, l-eżemplari ma għandux jitqies li huwa iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni jekk id-daqs li jitkejjel bi kwalunkwe wieħed minn dawn il-metodi huwa ugwali għal, jew akbar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni.
4.  
L-awwisti Ewropej, l-awwisti u l-molluski bivalvi u gasteropodi li jappartjenu għal xi speċi li għalihom hu stabbilit daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni fl-Annessi V, VI jew VII, jistgħu jinżammu abbord biss sħaħ u jistgħu jinħattu biss sħaħ.



TAQSIMA 5

Miżuri biex Jitnaqqas l-Iskartar Ta’ Qabdiet

Artikolu 14

Proġetti pilota biex jiġu evitati l-qabdiet mhux intenzjonati

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013„ l-Istati Membri jistgħu jwettqu proġetti pilota bil-għan li jesploraw metodi sabiex jevitaw, jimminimizzaw u jeliminaw il-qabdiet mhux intenzjonati. Dawn il-proġetti pilota għandhom jikkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti, u jkunu bbażati fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli.
2.  
Fejn ir-riżultati ta’ dawn l-istudji pilota jew parir xjentifiku ieħor jindikaw li l-qabdiet mhux intenzjonati huma sinifikanti, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu ħilithom biexjistabbilixxu miżuri tekniċi li jnaqqsu dawk il-qabdiet mhux intenzjonati f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.



KAPITOLU III

REĠJONALIZZAZZJONI

Artikolu 15

Miżuri tekniċi reġjonali

1.  

Miżuri tekniċi stabbiliti fil-livell reġjonali huma stipulati fl-Annessi li ġejjin:

(a) 

fl-Anness V għall-Baħar tat-Tramuntana;

(b) 

fl-Anness VI għall-Ilmijiet tal-Majjistral;

(c) 

fl-Anness VII għall-Ilmijiet tal-Lbiċ;

(d) 

fl-Anness VIII għall-Baħar Baltiku;

(e) 

fl-Anness IX għall-Baħar Mediterran;

(f) 

fl-Anness X għall-Baħar l-Iswed;

(g) 

fl-Anness XI għall-Ilmijiet tal-Unjoni fl-Oċean Indjan u fl-Atlantiku tal-Punent;

(h) 

fl-Anness XIII għal speċijiet sensittivi.

2.  
Sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet reġjonali tas-sajd rilevanti, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 sabiex temenda, tissupplimenta, tħassar jew tidderoga mill-miżuri tekniċi stabbiliti fl-Annessi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluż fl-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-kuntest tal-Artikolu 15(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati abbażi ta’ rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u f’konformità mal-Artikoli rilevanti tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.
3.  
Għall-fini tal-adozzjoni ta’ tali atti delegati, l-Istati Membri li għandhom interess dirett fil-ġestjoni jistgħu jressqu rakkomandazzjonijiet konġunti f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ewwel darba sa mhux aktar tard minn 24 xahar u mbagħad 18-il xahar wara kull sottomissjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 31(1) ta’ dan ir-Regolament. Huma jistgħu wkoll jissottomettu tali rakkomandazzjonijiet meta jqisu li jkunu meħtieġa.
4.  

Il-miżuri tekniċi adottati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu:

(a) 

għandu jkollhom l-għan li jilħqu l-objettivi u l-miri stipulati fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament;

(b) 

għandu jkollhom l-għan li jilħqu l-objettivi u jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’atti rilevanti oħra tal-Unjoni adottati fil-qasam tal-PKS, b’mod partikolari fil-pjanijiet pluriennali msemmija fl-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(c) 

għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji ta’ governanza tajba stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(d) 

għandhom bħala minimu jwasslu għal benefiċċji għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar li huma tal-inqas ekwivalenti b’mod partikolari f’termini ta’ mudelli ta’ sfruttament u l-livell ta’ protezzjoni provdut għal speċijiet u ħabitats sensittivi, għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. L-impatt potenzjali tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar għandu jiġi kkunsidrat ukoll.

5.  
L-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet relattivament għall-ispeċifikazzjonijiet għad-daqs tal-malja stipulati fl-Artikolu 27 u fil-Parti B tal-Annessi V sa XI ma għandhiex twassal għal deterjorazzjoni tal-istandards tas-selettività, b’mod partikolari f’termini ta’ żieda fil-qabdiet ta’ ħut li għadu qed jikber, eżistenti fl-14 ta’ Awwissu 2019, u għandu jkollha l-għan li tilħaq l-objettivi u l-miri stipulati fl-Artikoli 3 u 4.
6.  
Fir-rakkomandazzjonijiet konġunti ppreżentati għall-fini tal-adozzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jipprovdu evidenza xjentifika biex jappoġġaw l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.
7.  
Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-STECF jivvaluta r-rakkomandazzjonijiet konġunti msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 16

Selettività tal-irkaptu tas-sajd skont l-ispeċijiet u d-daqs

Rakkomandazzjoni konġunta sottomessa għall-fini tal-adozzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 15(2) fir-rigward ta’ karatteristiċi ta’ selettività tal-irkaptu skont id-daqs u skont l-ispeċi għandha tipprovdi evidenza xjentifika li turi li dawk il-miżuri jirriżultaw f’karatteristiċi ta’ selettività ekwivalenti għal speċijiet speċifiċi jew kombinazzjoni ta’ speċijiet li tal-inqas ikunu ekwivalenti għall-karatteristiċi ta’ selettività ta’ rkaptu stabbiliti fil-Parti B tal-Annessi V sa X u fil-Parti A tal-Anness XI.

Artikolu 17

Żoni magħluqin jew ristretti sabiex jipproteġu l-ħut li għadu qed jikber u l-ġlejjeb

Rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata għall-fini tal-adozzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 15(2) relattivament għall-Parti C tal-Annessi V sa VIII u X u l-Parti B tal-Anness XI jew biex jiġu stabbiliti żoni magħluqin jew ristretti ġodda għandha tinkludi l-elementi li ġejjin fir-rigward ta’ dawn iż-żoni magħluqin jew ristretti:

(a) 

l-objettiv tal-għeluq;

(b) 

il-limitu ġeografiku u d-durata tal-għeluq;

(c) 

restrizzjonijiet fuq irkaptu speċifiku; u

(d) 

arranġamenti ta’ kontroll u monitoraġġ.

Artikolu 18

Daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni

Rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata għall-fini li jiġu adottati l-miżuri msemmija fl-Artikolu 15(2) fir-rigward tal-Parti A tal-Annessi V sa X għandha tirrispetta l-objettiv li tkun żgurata l-protezzjoni ta’ speċijiet tal-baħar li jkunu għadhom qed jikbru.

Artikolu 19

Żoni li jingħalqu f’ħin reali u dispożizzjonijiet dwar meta żona tinbidel

1.  

Rakkomandazzjoni konġunta sottomessa bil-għan li tadotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 15 (2) fir-rigward tal-ħolqien ta’ għeluq f’ħin reali bil-għan li tiżgura l-protezzjoni ta’ speċijiet sensittivi jew ta’ aggregazzjonijiet ta’ ħut li għadhom qed jikbru, ħut riproduttivi jew frott tal-baħar bil-qoxra, għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a) 

il-limitu ġeografiku u d-durata tal-għeluq;

(b) 

l-ispeċijiet u l-livelli ta’ limitu li jiskattaw l-għeluq;

(c) 

l-użu ta’ rkaptu selettiv ħafna li jippermetti l-aċċess għal żoni li kieku jkunu żoni magħluqin; u

(d) 

arranġamenti ta’ kontroll u monitoraġġ.

2.  

Rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata għall-fini tal-adozzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 15(2), relattivament għal dispożizzjonijiet dwar meta ż-żona tinbidel, għandha tinkludi:

(a) 

l-ispeċijiet u l-livelli limitu li jiskattaw obbligu ta’ bdil ta’ żona;

(b) 

id-distanza li bastiment għandu jitbiegħed mill-pożizzjoni tas-sajd preċedenti tiegħu.

Artikolu 20

Irkaptu innovattiv tas-sajd

1.  
Rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata għall-fini li jiġu adottati l-miżuri msemmija fl-Artikolu 15(2) relattivament għall-użu ta’ rkaptu innovattiv tas-sajd, f’baċir tal-baħar speċifiku għandu jkun fih valutazzjoni tal-impatti probabbli tal-użu ta’ tali rkapti fuq l-ispeċijiet immirati u fuq speċijiet u ħabitats sensittivi. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiġbru d-data xierqa meħtieġa għal din il-valutazzjoni.
2.  
L-użu ta’ rkaptu innovattiv ma għandux ikun permess fejn il-valutazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jindikaw li l-użu tiegħu ser iwassal għal impatti negattivi sinifikanti fuq ħabitats sensittivi u speċijiet mhux fil-mira.

Artikolu 21

Miżuri għall-konservazzjoni tan-natura

Rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata għall-fini li jiġu adottati l-miżuri msemmija fl-Artikolu 15(2), relattivament għall-protezzjoni ta’ speċijiet u ħabitats sensittivi, tista’, b’mod partikolari:

(a) 

tiżviluppa listi ta’ speċijiet u ħabitats sensittivi li l-aktar huma f’riskju mill-attivitajiet tas-sajd fir-reġjun rilevanti abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli;

(b) 

tispeċifika l-użu ta’ miżuri addizzjonali jew alternattivi għal dawk imsemmija fl-Anness XIII sabiex jimminimizzaw il-qabdiet aċċessorji tal-ispeċijiet imsemmija fl-Artikolu 11;

(c) 

tipprovdi informazzjoni dwar l-effettività ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni eżistenti u arranġamenti ta’ monitoraġġ;

(d) 

jispeċifikaw miżuri sabiex jimminimizzaw l-impatti tal-irkaptu fuq il-ħabitats sensittivi;

(e) 

jispeċifikaw ir-restrizzjonijiet fuq it-tħaddim ta’ ċertu rkaptu jew jintroduċu projbizzjoni totali fuq l-użu ta’ ċertu rkaptu f’żona fejn tali rkaptu jirrappreżenta theddida għall-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet f’dik iż-żona kif imsemmi fl-Artikoli 10 u 11 jew ħabitats sensittivi oħrajn.

Artikolu 22

Miżuri reġjonali fil-qafas ta’ pjanijiet temporanji ta’ skartar ta’ qabdiet

1.  

Meta l-Istati Membri jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti għall-istabbiliment ta’ miżuri tekniċi fil-pjanijiet temporanji ta’ skartar ta’ qabdiet imsemmija fl-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, dawk ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, l-elementi li ġejjin:

(a) 

speċifikazzjonijiet dwar l-irkaptu u r-regoli li jirregolaw l-użu tiegħu;

(b) 

speċifikazzjonijiet dwar il-modifiki ta’ rkaptu jew dwar l-użu ta’ apparat selettiv sabiex tittejjeb is-selettività tad-daqs jew l-ispeċi;

(c) 

restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq l-użu ta’ ċertu rkaptu, u fuq attivitajiet tas-sajd, f’ċerti żoni jew matul ċerti perijodi;

(d) 

daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni;

(e) 

derogi approvati skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

2.  
Il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jimmiraw li jilħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3 u b’mod partikolari dawk dwar il-protezzjoni ta’ ħut li għadhom qed jikbru jew aggregazzjonijiet riproduttivi ta’ ħut jew frott tal-baħar bil-qoxra.

Artikolu 23

Proġetti pilota dwar dokumentazzjoni sħiħa tal-qabdiet u tal-qbid skartat

1.  
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, li jissupplimentaw dan ir-Regolament permezz ta’ definizzjoni ta’ proġetti pilota li jiżviluppaw sistema ta’ dokumentazzjoni sħiħa tal-qabdiet u l-qbid skartat abbażi ta’ objettivi u miri li jistgħu jitkejlu, bil-għan ta’ ġestjoni bbażata fuq ir-riżultati tas-sajd.
2.  
Il-proġetti pilota msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jidderogaw mill-miżuri stabbiliti fil-Parti B tal-Annessi V sa XI għal żona speċifika u għal perijodu massimu ta’ sena, sakemm ikun jista’ jintwera li tali proġetti pilota jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi u l-miri stipulati fl-Artikoli 3 u 4, b’mod partikolari, jimmiraw li jtejbu s-selettività tal-irkaptu tas-sajd jew il-prattika kkonċernata jew inkella jnaqqsu l-impatt tiegħu fuq l-ambjent. Dak il-perijodu ta’ sena jista’ jiġi estiż b’sena addizzjonali taħt l-istess kondizzjonijiet. Dan għandu jkun limitat għal mhux aktar minn 5 % tal-bastimenti f’dak il-mestier għal kull Stat Membru.
3.  
Fejn l-Istati Membri jibagħtu rakkomandazzjonijiet konġunti għall-istabbiliment ta’ proġetti pilota kif imsemmi fil-paragrafu 1, għandhom jipprovdu evidenza xjentifika sabiex jappoġġaw l-adozzjoni tagħhom. L-STECF għandu jevalwa dawn ir-rakkomandazzjonijiet konġunti u dik il-valutazzjoni jagħmilha pubblika. Fi żmien sitt xhur mill-konklużjoni tal-proġett, l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati, inkluż valutazzjoni dettaljata tat-tibdil fis-selettività u impatti ambjentali oħrajn.
4.  
L-STECF għandu jevalwa r-rapport imsemmi fil-paragrafu 3. F’każ ta’ valutazzjoni pożittiva tal-kontribuzzjoni tal-irkaptu l-ġdid jew il-prattika l-ġdida għall-objettiv imsemmi fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta f’konformità mat-TFUE biex tippermetti l-użu ġeneralizzat ta’ dak l-irkaptu jew dik il-prattika. Il-valutazzjoni tal-STECF għandha ssir pubblika.
5.  
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 29 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ sistema għal dokumentazzjoni sħiħa ta’ qabdiet u rimi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 24

Atti ta’ Implimentazzjoni

1.  

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu dan li ġej:

(a) 

l-ispeċifikazzjonijiet tat-tagħmir ta’ għażla mwaħħal mal-irkaptu stipulat fil-Parti B tal-Annessi V sa IX;

(b) 

regoli dettaljati dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-irkaptu deskritti fil-Parti D tal-Anness V relattivament għal restrizzjonijiet fuq il-kostruzzjoni ta’ rkaptu u l-miżuri ta’ kontroll u monitoraġġ li ser jiġu adottati mill-Istat Membru tal-bandiera;

(c) 

regoli dettaljati dwar il-miżuri ta’ kontroll u monitoraġġ li ser jiġu adottati mill-Istat Membru tal-bandiera meta jintuża l-irkaptu msemmi fil-punt 6 tal-Parti C tal-Anness V, fil-punt 9 tal-Parti C tal-Anness VI u fil-punt 4 tal-Parti C tal-Anness VII;

(d) 

regoli dettaljati dwar il-miżuri ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ li jkunu ser jiġu adottati għaż-żoni magħluqin jew ristretti deskritti fil-punt 2 tal-Parti C tal-Anness V, u fil-punti 6 u 7 tal-Parti C tal-Anness VI;

(e) 

regoli dettaljati dwar il-karatteristiċi tas-sinjal u tal-implimentazzjoni ta’ apparat akustiku deterrenti kif imsemmi fil-Part A tal-Anness XIII;

(f) 

regoli dettaljati dwar id-disinn u l-użu ta’ lettijiet bin-naffara u linji mtaqqla kif imsemmi fil-Parti B tal-Anness XIII;

(g) 

regoli dettaljati dwar l-ispeċifikazzjonijiet għall-apparat għall-esklużjoni tal-fkieren tal-baħar imsemmi fil-Parti C tal-Anness XIII.

2.  
L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati f’konformità mal-Artikolu 30(2).



KAPITOLU IV

RIĊERKA XJENTIFIKA, RIPOPOLAZZJONI DIRETTA U TRAPJANTAR

Artikolu 25

Riċerka xjentifika

1.  

Il-miżuri tekniċi previsti f’dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għal attivitajiet tas-sajd li jitwettqu għall-fini ta’ investigazzjonijiet xjentifiċi soġġetti għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-attivitajiet tas-sajd għandhom jitwettqu bil-permess u taħt l-awtorità tal-Istat Membru tal-bandiera;

(b) 

il-Kummissjoni u l-Istat Membru li fl-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu jitwettqu l-attivitajiet tas-sajd (“l-Istat Membru tal-kosta”), għandhom jiġu infurmati tal-anqas ġimagħtejn qabel, bl-intenzjoni li jkunu ser jitwettqu attivitajiet tas-sajd bħal dawn, u għandhom jiġu inklużi dettalji dwar il-bastimenti involuti u l-investigazzjonijiet xjentifiċi li jkunu ser isiru;

(c) 

il-bastiment jew bastimenti li jwettqu l-attivitajiet tas-sajd għandu jkollhom awtorizzazzjoni għas-sajd f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(d) 

jekk issir talba mill-Istat Membru tal-kosta lill-Istat Membru tal-bandiera, il-kaptan tal-bastiment għandu jintalab itella’ abbord osservatur mill-Istat Membru tal-kosta waqt l-attivitajiet tas-sajd, sakemm dan ma jkunx impossibbli għal raġunijiet ta’ sigurtà;

(e) 

operazzjonijiet ta’ sajd imwettqa minn bastimenti kummerċjali għall-finijiet ta’ investigazzjoni xjentifika għandhom ikunu limitati fiż-żmien. Meta l-operazzjonijiet tas-sajd imwettqa minn bastimenti kummerċjali għal riċerka speċifika jinvolvu aktar minn sitt bastiment kummerċjali, il-Kummissjoni għandha tkun infurmata mill-Istat Membru tal-bandiera mill-inqas tliet xhur bil-quddiem u għandha tfittex, fejn ikun xieraq, il-parir tal-STECF biex tikkonferma li dan il-livell ta’ parteċipazzjoni huwa ġustifikat fuq il-bażi ta’ raġunijiet xjentifiċi; jekk il-livell ta’ parteċipazzjoni mhux ikkunsidrat ġustifikat abbażi tal-parir tas-STECF, l-Istat Membru kkonċernat għandu jemenda l-kundizzjonijiet ta’ riċerka xjentifika kif xieraq;

(f) 

fil-każ ta’ tkarkir bl-impulsi elettriċi, il-bastimenti li jwettqu riċerka xjentifika għandhom isegwu protokoll xjentifiku speċifiku bħala parti minn pjan ta’ riċerka xjentifika li ġiet riveduta jew ivvalidata mill-ICES jew mill-STECF, kif ukoll sistema għall-monitoraġġ, il-kontroll u l-evalwazzjoni.

2.  

L-ispeċijiet tal-baħar li jinqabdu għall-finijiet speċifikati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jinbiegħu, jinħażnu, jintwerew jew jiġu offruti għall-bejgħ, dment li jingħaddu skont il-kwoti f’konformità mal-Artikolu 33(6) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 fejn applikabbli, u:

(a) 

jilħqu d-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni stipulati fl-Annessi IV sa X ta’ dan ir-Regolament; jew

(b) 

jinbiegħu għal finijiet li mhumiex dawk tal-konsum dirett mill-bniedem.

Artikolu 26

Ripopolazzjoni diretta u trapjantar

1.  
Il-miżuri tekniċi previsti f’dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għal attivitajiet tas-sajd li jitwettqu biss bil-għan tar-ripopolazzjoni diretta jew it-trapjantar ta’ speċijiet tal-baħar, dment li dawk l-attivitajiet isiru bil-permess u taħt l-awtorità tal-Istat Membru jew l-Istati Membri li jkollhom interess dirett b’rabta mal-ġestjoni.
2.  
Meta r-ripopolazzjoni diretta jew it-trapjantar artifiċjali jsir fl-ilmijiet ta’ Stat Membru ieħor jew Stati Membri oħrajn, il-Kummissjoni u dawk l-Istati Membri kollha għandhom ikunu informati, mill-anqas 20 jum kalendarju minn qabel, bl-intenzjoni li jitwettqu dawn l-attivitajiet tas-sajd.



KAPITOLU V

KONDIZZJONIJIET RELATTIVI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET GĦAD-DAQS TAL-MALJA

Artikolu 27

Kondizzjonijiet relattivi għall-ispeċifikazzjonijiet għad-daqs tal-malja

1.  
Il-persentaġġi tal-qabdiet imsemmija fl-Annessi V sa VIII għandhom ifissru l-persentaġġ minimu ta’ speċijiet permessi biex jikkwalifika għad-daqsijiet speċifiċi tal-malja stipulati f’dawk l-Annessi. Dawn il-persentaġġi għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligu li l-qabdiet jinħattu l-art li jinsab fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
2.  
Il-persentaġġi tal-qabdiet għandhom jiġu kkalkulati bħala l-proporzjon tal-piż ħaj tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar kollha li jkunu nħattu l-art wara kull vjaġġ tas-sajd.
3.  
Il-persentaġġi tal-qabdiet imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu kkalkulati abbażi ta’ kampjun rappreżentattiv wieħed jew aktar.
4.  
Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, il-piż ekwivalenti ta’ skampu sħiħ għandu jinkiseb billi l-piż tad-dnieb tal-iskampu jiġi mmultiplikat bi tlieta.
5.  
L-Istati Membri jistgħu joħorġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għal bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet tas-sajd filwaqt li jużaw il-malji ta’ daqsijiet speċifiċi previsti fl-Annessi V sa XI. Tali awtorizzazzjonijiet jistgħu jiġu sospiżi jew irtirati meta jkun instab li bastiment ma jkunx ikkonforma mal-persentaġġi definiti tal-qabdiet previsti fl-Annessi V sa VIII.
6.  
Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
7.  
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 15 u f’konformità mal-Artikolu 29 sabiex tkompli tiddefinixxi t-terminu “sajd dirett” għal speċijiet rilevanti fil-Parti B tal-Annessi V sa X u l-Parti A tal-Anness XI. Għal dan l-għan, l-Istati Membri li jkollhom interess dirett b’rabta mal-ġestjoni fil-qasam tas-sajd ikkonċernat għandhom jippreżentaw kwalunkwe rakkomandazzjoni konġunta għall-ewwel darba sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Awwissu 2020.



KAPITOLU VI

MIŻURI TEKNIĊI FIŻ-ŻONA REGOLATORJA TAN-NEAFC

Artikolu 28

Miżuri tekniċi fiż-żona regolatorja tan-NEAFC

Fl-Anness XII jinsabu stabbiliti miżuri tekniċi applikabbli fiż-żona regolatorja tan-NEAFC.



KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 29

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(2), l-Artikolu 8(3), l-Artikolu 10(4), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 23(1) u (5), l-Artikolu 27(7) u l-Artikolu 31(4) għal perijodu ta’ ħames snin mill-14 ta’ Awwissu 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa sa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.
3.  
Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 2(2), l-Artikolu 8(3), l-Artikolu 10(4), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 23(1) u (5), l-Artikolu 27(7) u l-Artikolu 31(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti deżinjati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin.
6.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 8(3), l-Artikolu 10(4), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 23(1) u (5), l-Artikolu 27(7) u l-Artikolu 31(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 30

Proċedura ta’ Kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit mill-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.



KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 31

Rieżami u rappurtar

1.  
Sal-31 ta’ Diċembru 2020 u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem, u abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Stati Membri u l-Kunsilli Konsultattivi rilevanti u wara evalwazzjoni mill-STECF, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jivvaluta sa fejn il-miżuri tekniċi, fil-livell reġjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni, ikkontribwixxew biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3 u biex jintlaħqu l-miri stipulati fl-Artikolu 4. Ir-rapport għandu jirreferi wkoll għall-parir mill-ICES dwar il-progress li sar, jew l-impatt li jirriżulta mill-irkaptu innovattiv. Ir-rapport għandu jasal għal konklużjonijiet rigward il-benefiċċji għal, jew l-effetti negattivi fuq, l-ekosistemi tal-baħar, il-ħabitats sensittivi u s-selettività.
2.  
Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinkludi, fost l-oħrajn, valutazzjoni tal-kontribut tal-miżuri tekniċi biex jiġu ottimizzati l-mudelli ta’ sfruttament, kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2). Għal dak l-għan, ir-rapport jista’ jinkludi, fost l-oħrajn, bħala indikatur tal-prestazzjoni ta’ selettività għall-istokkijiet indikaturi ewlenin għall-ispeċijiet elenkati fl-Anness XIV, it-tul ta’ selettività ottimali (Lopt) imqabbel mat-tul medju tal-ħut li jinqabad għal kull sena koperta.
3.  
Abbażi ta’ dak ir-rapport, fejn fil-livell reġjonali jkun hemm evidenza li l-objettivi u l-miri ma ntlaħqux, l-Istati Membri f’dak ir-reġjun għandhom, fi żmien tnax-il xahar wara li jkun ġie ppreżentat ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, jippreżentaw pjan li jistipula l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu bħala kontribut biex jinkisbu dawk l-objettivi u l-miri.
4.  
Il-Kummissjoni tista’ tipproponi wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kwalunkwe emenda meħtieġa għal dan ir-Regolament abbażi ta’ dak ir-rapport. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 15 u f’konformità mal-Artikolu 29 sabiex temenda l-lista ta’ speċijiet stabbilita fl-Anness XIV.

Artikolu 32

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1967/2006

Ir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 huwa emendat kif ġej:

(a) 

jitħassru l-Artikoli 3, 8 sa 12, 14, 15, 16 u 25;

(b) 

jitħassru l-Annessi II, III u IV.

Ir-referenzi għall-Artikoli u l-Annessi mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 33

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009

Fil-Kapitolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, it-Titolu IV huwa emendat kif ġej:

(a) 

titħassar it-Taqsima 3;

(b) 

tiżdied it-Taqsima li ġejja:

Taqsima 4

Ipproċessar Abbord u Sajd Pelaġiku

Artikolu 54a

Ipproċessar abbord

1.  
It-twettiq abbord bastiment tas-sajd ta’ kwalunkwe pproċessar fiżiku jew kimiku ta’ ħut sabiex ikun prodott frakass tal-fdal tal-ħut, żejt tal-ħut, jew prodotti simili, jew biex ikunu trasferiti qabdiet ta’ ħut għal tali għanijiet għandu jkun ipprojbit.
2.  

Il-paragrafu 1 ma għandux japplika:

(a) 

għall-ipproċessar jew it-trasbord tal-ġewwieni tal-ħut; jew

(b) 

għall-produzzjoni ta’ surimi abbord bastiment tas-sajd.

Artikolu 54b

Restrizzjonijiet fuq il-ġestjoni tal-qabdiet u r-rimi lura tal-ħut fuq bastimenti pelaġiċi

1.  
L-ispazju massimu bejn il-vireg fis-separatur tal-ilma abbord bastimenti tas-sajd pelaġiku li jistadu għall-kavalli, l-aringi u s-sawrell u li joperaw fiż-Żona tal-Konvenzjoni tan-NEAFC hekk kif definit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 1236/2010 għandu jkun 10 mm.

Il-vireg għandhom jiġu wweldjati f’posthom. Jekk fis-separatur tal-ilma jintużaw toqob minflok vireg, id-dijametru massimu tat-toqob ma għandux ikun aktar minn 10 mm. It-toqob fiż-żrieraq li jkunu quddiem is-separatur tal-ilma ma għandux ikollhom dijametru ta’ aktar minn 15-il mm.

2.  
Il-bastimenti tas-sajd pelaġiku li joperaw fiż-Żona tal-Konvenzjoni tan-NEAFC m’għandhom ikunu jistgħu jarmu l-ħut taħt il-livell tal-ilma tagħhom minn tankijiet li jarmu bil-mod (buffer tanks) jew minn tankijiet għall-ilma baħar imkessaħ (refrigerated seawater - RSW).
3.  
Il-pjanijiet marbuta mal-ġestjoni tal-qabdiet u mal-kapaċitajiet ta’ rimi lura ta’ ħut tal-bastimenti pelaġiċi li jistadu għall-kavalli, l-aringi u s-sawrell fiż-Żona ta’ Konvenzjoni tan-NEAFC, u li huma ċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-bandiera, kif ukoll kwalunkwe modifika li ssirilhom għandhom jintbagħtu mill-kaptan tal-bastiment lill-awtoritajiet kompetenti tas-sajd tal-Istat Membru tal-bandiera. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tal-bastimenti għandhom iwettqu verifiki perjodiċi tal-livell ta’ preċiżjoni tal-pjanijiet ippreżentati. Fuq il-bastiment għandha dejjem tinżamm kopja tagħhom.

Artikolu 54c

Restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ tagħmir ta’ għażla awtomatiku

1.  
Iż-żamma jew l-użu abbord ta’ bastiment tas-sajd ta’ tagħmir li jkun jista jagħżel awtomatikament aringi jew sawrell jew kavalli, skont id-daqs jew skont is-sess, għandu jkun ipprojbit.
2.  

Madanakollu, il-ġarr u l-użu ta’ tali tagħmir għandu jkun permess jekk:

(a) 

il-bastiment ma jġorrx jew ma jużax abbord fl-istess ħin irkaptu rmunkat b’daqs tal-malja ta’ inqas minn 70 mm jew tartarun tal-borża waħda jew aktar jew irkaptu tas-sajd simili; jew

(b) 

il-qabda sħiħa li tista’ tinżamm abbord legalment:

(i) 

tinħażen fi stat iffriżat;

(ii) 

il-ħut magħżul huwa ffriżat minnufih wara li jintgħażel u ebda mill-ħut li ma jkunx intgħażel ma jintefa’ lura l-baħar; u

(iii) 

it-tagħmir ikun installat u jinsab fuq il-bastiment b’tali mod li jiżgura l-iffriżar minnufih tal-ħut u ma jippermettix it-tfigħ lura l-baħar tal-ispeċijiet tal-baħar.

3.  
Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe bastiment awtorizzat li jistad fil-Baħar Baltiku, fil-Belts jew fis-Sound jista’ jġorr tagħmir ta’ għażla awtomatiku fil-Kattegat dment li tkun inħarġet awtorizzazzjoni għas-sajd skont l-Artikolu 7. L-awtorizzazzjoni għas-sajd għandha tiddefinixxi l-ispeċijiet, iż-żoni, il-perijodi ta’ żmien u kull kondizzjoni oħra applikabbli meħtieġa għall-użu u l-ġarr abbord tat-tagħmir ta’ għażla.
4.  
Dan l-Artikolu ma għandux japplika fil-Baħar Baltiku.’.

Artikolu 34

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

Fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-paragrafu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘12.  
Għall-ispeċijiet li mhumiex soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art kif speċifikat fil-paragrafu 1, il-qabdiet ta’ speċijiet taħt id-daqs ta’ referenza minimu għall-konservazzjoni ma għandhomx jinżammu abbord, iżda għandhom jiġu rritornati fil-baħar minnufih, ħlief meta jintużaw bħala lixka ħajja.’.

Artikolu 35

Emendi għar-Regolament (UE) 2016/1139

Fir-Regolament (UE) 2016/1139, l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a) 

fil-paragrafu 1, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

‘1.  
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 fir-rigward tal-miżuri tekniċi li ġejjin, sa fejn ma jkunux koperti mir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 )’;
(b) 

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2.  
Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2019/1241.’.

Artikolu 36

Emendi għar-Regolament (UE) 2018/973

Fir-Regolament (UE) 2018/973, l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a) 

fil-paragrafu 1, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

‘1.  
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 biex tissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-miżuri tekniċi li ġejjin, sa fejn ma jkunux koperti mir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropoew u tal-Kunsill ( *2 );
(b) 

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2.  
Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2019/1241.’.

Artikolu 37

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/472

Fir-Regolament (UE) 2019/472, l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a) 

fil-paragrafu 1, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

‘1.  
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 biex tissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-miżuri tekniċi li ġejjin, sa fejn ma jkunux koperti mir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *3 ):’
(b) 

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2.  
Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2019/1241.’.

Artikolu 38

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 2019/1022

Fir-Regolament (UE) 2019/1022, l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a) 

il-paragrafu 1, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

‘1.  
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 biex tissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-miżuri tekniċi li ġejjin, sa fejn ma jkunux koperti mir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *4 ):
(b) 

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2.  
Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2019/1241.’.

Artikolu 39

Tħassir

Ir-Regolamenti (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 huma mħassra.

Ir-referenzi għar-Regolamenti mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 40

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

SPEĊIJIET IPPROJBITI

Speċijiet li għalihom hemm il-projbizzjoni tas-sajd, iż-żamma abbord, it-trasbord, il-ħatt l-art, il-ħżin, il-bejgħ, il-wiri jew l-offerta għall-bejgħ, kif imsemmi fl-Artikolu 10(2):

(a) 

l-ispeċijiet li ġejjin ta’ pixxisega fl-ilmijiet kollha tal-Unjoni:

(i) 

il-pixxisega rqiqa (Anoxypristis cuspidata);

(ii) 

il-pixxisega nana (Pristis clavata);

(iii) 

il-pixxiserrieq (Pristis pectinata);

(iv) 

il-pixxisega komuni (Pristis pristis);

(v) 

il-pixxisega ħadra (Pristis zijsron);

(b) 

il-gabdoll (Cetorhinus maximus) u l-kelb il-baħar abjad (Carcharodon carcharias) fl-ilmijiet kollha;

(c) 

il-mazzola tal-fanal minuri (Etmopterus pusillus) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 2a tal-ICES u tas-subżona IV tal-ICES, kif ukoll fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 1, 5, 6, 7, 8, 12 u 14 tal-ICES;

(d) 

ir-rajja manta tal-iskoll (Manta alfredi) fl-ilmijiet kollha tal-Unjoni;

(e) 

il-manta ġiganta (Manta birostris) fl-ilmijiet kollha tal-Unjoni;

(f) 

l-ispeċijiet li ġejjin ta’ raj tal-qrun fl-ilmijiet kollha tal-Unjoni:

(i) 

il-baqra (Mobula mobular);

(ii) 

ir-raja tal-qrun minuri tal-Guinea (Mobula rochebrunei);

(iii) 

il-mobula denbha xewka (Mobula japanica);

(iv) 

il-mobula denbha lixx (Mobula thurstoni);

(v) 

il-mobula qrunha twal (Mobula eregoodootenkee);

(vi) 

ir-raja tal-qrun ta’ Munk (Mobula munkiana);

(vii) 

ir-raja tal-qrun taċ-Ċilì (Mobula tarapacana);

(viii) 

ir-raja tal-qrun tal-ġewnaħ qasir (Mobula kuhlii);

(ix) 

ir-raja tal-qrun minuri (Mobula hypostoma);

(g) 

ir-raja tan-Norveġja (Raja (Dipturus) nidarosiensis) fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjonijiet 6a, 6b, 7a, 7b, 7c, 7e, 7f, 7 g, 7h u 7k; tal-ICES;

(h) 

il-ħamiema (Raja alba) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 6–10;

(i) 

il-guitarfishes (Rhinobatidae) fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 1–10 u 12 tal-ICES;

(j) 

l-ixkatlu komuni (Squatina squatina) fl-ilmijiet kollha tal-Unjoni;

(k) 

is-salamun (Salmo salar) u t-trota tal-baħar (Salmo trutta) meta s-sajd isir bi kwalunkwe xibka rmunkata fl-ilmijiet ’il barra mil-limitu ta’ sitt mili mkejjel mil-linji bażi tal-Istati Membri fis-subżoni 1, 2 u 4–10 tal-ICES (ilmijiet tal-Unjoni);

(l) 

houting (Coregonus oxyrhynchus) fid-diviżjoni 4b tal-ICES (ilmijiet tal-Unjoni);

(m) 

storjun tal-Adrijatiku (Acipenser naccarii) u storjun komuni (Acipenser sturio) fl-ilmijiet tal-Unjoni;

(n) 

l-awwista u l-awwista Ewropea, ta’ sess femminili mimlija bil-bajd (Palinurus spp. u Homarus gammarus) fil-Baħar Mediterran ħlief meta użati għal skopijiet ta’ ripopolazzjoni diretta jew trapjantar;

(o) 

id-date shell (Lithophaga lithophaga), nakkra tal-ħarira (Pinna nobilis) u l-folas komuni (Pholas dactylus) f’ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar Mediterran;

(p) 

rizza tax-xewk twal (Centrostephanus longispinus);

▼M1

(q) 

awwista Ewropea femminili mimlija bil-bajd (Homarus gammarus) fid-diviżjonijiet 3a, 4a u 4b tal-ICES.

▼B




ANNESS II

ŻONI MAGĦLUQIN GĦALL-PROTEZZJONI TA’ ĦABITATS SENSITTIVI

Għall-finijiet tal-Artikolu 12, ir-restrizzjonijiet li ġejjin fuq l-attività tas-sajd huma applikabbli fiż-żoni magħluqin billi jingħaqdu sekwenzjalment mal-linji rombu l-koordinati li ġejjin, li għandhom ikunu imkejla skont is-sistema WGS84:

PARTI A

Ilmijiet tal-Majjistral

1. Għandu jkun ipprojbit li jintużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew xbieki rmunkati simili, għażel tal-qiegħ, xbieki tat-tħabbil jew pariti u konzijiet tal-qiegħ ġewwa ż-żoni li ġejjin:

Il-Provinċja tal-Belgica Mound:
— 
51°29.4′ N, 11°51.6′ W
— 
51°32.4′ N, 11°41.4′ W
— 
51°15.6′ N, 11°33.0′ W
— 
51°13.8′ N, 11°44.4′ W
— 
51°29.4′ N, 11°51.6′ W
Il-Provinċja tal-Hovland Mound:
— 
52°16.2′ N, 13°12.6′ W
— 
52°24.0′ N, 12°58.2′ W
— 
52°16.8′ N, 12°54.0′ W
— 
52°16.8′ N, 12°29.4′ W
— 
52°04.2′ N, 12°29.4′ W
— 
52°04.2′ N, 12°52.8′ W
— 
52°09.0′ N, 12°56.4′ W
— 
52°09.0′ N, 13°10.8′ W
— 
52°16.2′ N, 13°12.6′ W
Il-Majjistral tal-Porcupine Bank iż-Żona I:
— 
53°30.6′ N, 14°32.4′ W
— 
53°35.4′ N, 14°27.6′ W
— 
53°40.8′ N, 14°15.6′ W
— 
53°34.2′ N, 14°11.4′ W
— 
53°31.8′ N, 14°14.4′ W
— 
53°24.0′ N, 14°28.8′ W
— 
53°30.6′ N, 14°32.4′ W
Il-Majjistral tal-Porcupine Bank iż-Żona II:
— 
53°43.2′ N, 14°10.8′ W
— 
53°51.6′ N, 13°53.4′ W
— 
53°45.6′ N, 13°49.8′ W
— 
53°36.6′ N, 14°07.2′ W
— 
53°43.2′ N, 14°10.8′ W
Il-Lbiċ tal-Porcupine Bank:
— 
51°54.6′ N, 15°07.2′ W
— 
51°54.6′ N, 14°55.2′ W
— 
51°42.0′ N, 14°55.2′ W
— 
51°42.0′ N, 15°10.2′ W
— 
51°49.2′ N, 15°06.0′ W
— 
51°54.6′ N, 15°07.2′ W

2. Il-bastimenti tas-sajd pelaġiku li jistadu fiż-żoni kif deskritt fil-punt 1 għandhom:

— 
ikunu fuq lista ta’ bastimenti awtorizzati u tinħarġilhom awtorizzazzjoni għas-sajd skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
— 
iġorru abbord esklużivament irkaptu pelaġiku;
— 
jagħtu notifika erba’ sigħat minn qabel bl-intenzjoni tagħhom li jidħlu f’żona għall-protezzjoni ta’ ħabitats tal-baħar fond vulnerabbli liċ-Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd Irlandiż (ĊMS) kif definit fil-punt 15 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u fl-istess waqt jinnotifikaw dwar il-kwantitajiet ta’ ħut miżmuma abbord;
— 
ikollhom Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS) sikura u li taħdem għalkollox, li tikkonforma bis-sħiħ mar-regoli rispettivi meta preżenti fi kwalunkwe waħda miż-żoni deskritti fil-punt 1;
— 
jagħmlu rapporti tal-VMS kull siegħa;
— 
jinformaw liċ-ĊMS Irlandiż bit-tluq tagħhom miż-żona u fl-istess ħin jinnotifikaw dwar il-kwantità ta’ ħut miżmuma abbord; u
— 
ikollhom abbord xbieki tat-tkarkir b’daqs tal-malja tal-manka bejn 16-79 mm.

3. Għandu jkun ipprojbit li jintużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew xbieki rmunkati simili fiż-żoni li ġejjin:

Darwin Mounds:

— 
59°54′ N, 6°55′ W
— 
59°47′ N, 6°47′ W
— 
59°37′ N, 6°47′ W
— 
59°37′ N, 7°39′ W
— 
59°45′ N, 7°39′ W
— 
59°54′ N, 7°25′ W

PARTI B

Ilmijiet tal-Lbiċ

1.   El Cachucho

1.1. Għandu jkun ipprojbit li jintużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ, għeżul tal-qiegħ, xbieki tat-tħabbil jew pariti u konzijiet tal-qiegħ ġewwa ż-żoni li ġejjin:

— 
44°12′ N, 5°16′ W
— 
44°12′ N, 4°26′ W
— 
43°53′ N, 4°26′ W
— 
43°53′ N, 5°16′ W
— 
44°12′ N, 5°16′ W

1.2. Bastimenti li wettqu attivitajiet ta’ sajd dirett b’konzijiet tal-qiegħ fl-2006, l-2007 u l-2008 għal-lipp abjad (Phycis blennoides) jistgħu jibqgħu jistadu fiż-żona fin-Nofsinhar ta’ 44°00.00′ N dment li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

1.3. Il-bastimenti kollha li kisbu din l-awtorizzazzjoni tas-sajd għandhom, irrispettivament mit-tul totali tagħhom, ikollhom fl-użu tagħhom VMS sikura, operattiva, li taħdem għalkollox u li tikkonforma mar-regoli rispettivi, meta wettqu attivitajiet ta’ sajd fiż-żona deskritta fil-punt 1.1.

2.   Madeira u l-Gżejjer Kanarji

Għandu jkun ipprojbit li jintużaw għeżul tal-qiegħ, xbieki tat-tħabbil u pariti f’fond ta’ iktar minn 200 m jew xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew irkaptu rmunkat simili fiż-żoni li ġejjin:

— 
27°00′ N, 19°00′ W
— 
26°00′ N, 15°00′ W
— 
29°00′ N, 13°00′ W
— 
36°00′ N, 13°00′ W
— 
36°00′ N, 19°00′ W

3.   L-Azores

Għandu jkun ipprojbit li jintużaw għeżul tal-qiegħ, xbieki tat-tħabbil u pariti f’fond ta’ iktar minn 200 m jew xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew irkaptu rmunkat simili fiż-żoni li ġejjin:

— 
36°00′ N, 23°00′ W
— 
39°00′ N, 23°00′ W
— 
42°00′ N, 26°00′ W
— 
42°00′ N, 31°00′ W
— 
39°00′ N, 34°00′ W
— 
36°00′ N, 34°00′ W




ANNESS III

LISTA TA’ SPEĊIJIET LI L-QABDA TAGĦHOM BL-GĦAŻEL TAT-TISQIF HIJA PPROJBITA

— 
Alonga: Thunnus alalunga
— 
Tonn: Thunnus thynnus
— 
Tonn obeż: Thunnus obesus
— 
Palamit: Katsuwonus pelamis
— 
Plamtu: Sarda sarda
— 
Tonn isfar: Thunnus albacares
— 
Tonn iswed: Thunnus atlanticus
— 
Kubrit: Euthynnus spp.
— 
Tonn tan-Nofsinhar: Thunnus maccoyii
— 
Tumbrell: Auxis spp.
— 
Abramida tal-oċean: Brama rayi
— 
Marlini: Tetrapturus spp.; Makaira spp.
— 
Sailfishes: Istiophorus spp.
— 
Pixxispad: Xiphias gladius
— 
Imsell: Scomberesox spp.; Cololabis spp.
— 
Lampuki: Coryphœna spp.
— 
Klieb il-baħar: Hexanchus griseus; Cetorhinus maximus; Alopiidae; Carcharhinidae; Sphyrnidae; Isuridae; Lamnidae
— 
Ċefalopodi: l-ispeċijiet kollha




ANNESS IV

KEJL TAD-DAQS TA’ ORGANIŻMU TAL-BAĦAR

1. 

Id-daqs ta’ kull ħuta għandu jitkejjel, kif muri fil-Figura 1, mit-tarf ta’ barra nett tal-ħalq sat-tarf tal-pinna tad-denb.

2. 

Id-daqs tal-iskampu (Nephrops norvegicus) għandu jitkejjel, kif muri fil-Figura 2:

— 
bħala t-tul tal-karapaċa, b’mod parallel mal-linja tan-nofs, minn wara l-ħofra tal-għajn sal-punt tan-nofs tax-xifer dorsali tat-tarf tal-karapaċa, jew
— 
bħala t-tul totali, mill-ponta tar-rostrum sat-tarf ta’ wara tat-telson, li ma jinkludix is-setae.

Fil-każ ta’ dnieb tal-iskampu maqtugħin: mit-tarf ta’ quddiem tal-ewwel segment tad-denb preżenti sat-tarf ta’ wara tat-telson, li ma jinkludix is-setae. Id-denb għandu jitkejjel ċatt, mhux stirat u fuq il-ġenb dorsali.

3. 

Id-daqs ta’ awwista Ewropea (Homarus gammarus) mill-Baħar tat-Tramuntana minbarra Skagerrak jew Kattegat għandu jitkejjel, kif muri fil-Figura 3, bħala t-tul tal-karapaċa, b’mod parallel mal-linja tan-nofs, minn wara waħda mill-ħofor tal-għajnejn sax-xifer tat-tarf tal-karapaċa.

4. 

Id-daqs ta’ awwista Ewropea (Homarus gammarus) minn Skagerrak jew Kattegat għandu jitkejjel, kif muri fil-Figura 3, jew:

— 
bħala t-tul tal-karapaċi, b’mod parallel mal-linja tan-nofs, minn wara l-ħofra tal-għajn sal-punt tan-nofs tax-xifer dorsali tat-tarf tal-karapaċa, jew
— 
bħala t-tul totali, mill-ponta tar-rostrum sat-tarf ta’ wara tat-telson, li ma jinkludix is-setae.
5. 

Id-daqs tal-awwista (Palinurus spp.) għandu jitkejjel, kif muri fil-Figura 4, bħala t-tul tal-karapaċi, b’mod parallel mal-linja tan-nofs, mill-ponta tar-rostrum sal-punt tan-nofs tax-xifer dorsali tat-tarf tal-karapaċi.

6. 

Id-daqs ta’ kull mollusk bivalv għandu jitkejjel, kif muri fil-Figura 5, tul l-itwal parti tal-qoxra.

7. 

Id-daqs tal-għaġuża (Maja squinado) għandu jitkejjel, kif muri fil-Figura 6, bħala t-tul tal-karapaċa, tul il-linja tan-nofs, mit-tarf tal-karapaċa bejn ir-rostri sat-tarf ta’ wara tal-karapaċa.

8. 

Id-daqs ta’ granċ jittiekel (Cancer pagurus) għandu jitkejjel, kif muri fil-Figura 7, bħala l-wisa’ massima tal-karapaċa mkejla b’mod perpendikulari mal-linja tan-nofs antero-posterjuri tal-karapaċa.

9. 

Id-daqs ta’ bronja (Buccinum spp.) għandu jitkejjel, kif muri fil-Figura 8, bħala t-tul tal-qoxra.

10. 

Id-daqs ta’ pixxispad (Xiphias gladius) għandu jitkejjel, kif muri fil-Figura 9, bħala t-tul mix-xedaq ta’ isfel sal-furketta (LJFL).

Figura 1 Speċijiet tal-ħut

image

Figura 2 Skampu

(Nephrops norvegicus)

image

Figura 3 Awwista Ewropea

(Hommarus gammarus)

image

Figura 4 Awwista

(Palinurus spp.)

image

Figura 5 Molluski bivalvi

image

Figura 6 Għeġejjeż

(Maja squinado)

image

Figura 7 Granċ jittiekel

(Cancer pagurus)

image

Figura 8 Bronja

(Buccinum spp.)

image

Figura 9 Pixxispad

(Xiphias gladius)