02019R0816 — MT — 11.06.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2019/816 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2019

li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta' Stati Membri fil-pussess ta' informazzjoni dwar kundanni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726

(ĠU L 135 22.5.2019, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2019/818 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta' Mejju 2019

  L 135

85

22.5.2019




▼B

REGOLAMENT (UE) 2019/816 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2019

li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta' Stati Membri fil-pussess ta' informazzjoni dwar kundanni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726



KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a) sistema biex jiġu identifikati l-Istati Membri li għandhom informazzjoni dwar kundanni preċedenti ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (“ECRIS-TCN”);

(b) il-kondizzjonijiet li taħthom l-ECRIS-TCN għandha tintuża mill-awtoritajiet ċentrali sabiex tinkiseb informazzjoni dwar tali kundanni preċedenti permezz tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS) stabbilita bid-Deċiżjoni 2009/316/ĠAI, kif ukoll il-kondizzjonijiet li taħthom il-Eurojust, il-Europol u l-UPPE għandhom jużaw l-ECRIS-TCN;

▼M1

(c) il-kundizzjonijiet li taħthom l-ECRIS-TCN tikkontribwixxi biex tiġi ffaċilitata u assistita l-identifikazzjoni korretta ta' persuni rreġistrati fl-ECRIS-TCN taħt il-kundizzjonijiet u għall-finijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), billi jinħażnu data tal-identità, data tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u data bijometrika fis-CIR.

▼M1

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta' informazzjoni dwar l-identità ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu ġew suġġetti għal kundanni fi Stati Membri, bil-għan li jiġu identifikati l-Istati Membri fejn ngħataw dawn il-kundanni. Bl-eċċezzjoni tal-punt (b)(ii) tal-Artikolu 5(1), id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li japplikaw għal ċittadini ta' pajjiżi terzi japplikaw ukoll għal ċittadini tal-Unjoni li għandhom ukoll in-nazzjonalità ta' pajjiż terz u li kienu suġġetti għal kundanni fl-Istati Membri. Dan ir-Regolament ukoll jiffaċilita u jassisti fl-identifikazzjoni korretta ta' persuni f'konformità ma' dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) 2019/818.

▼B

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “kundanna” tfisser kwalunkwe deċiżjoni finali minn qorti kriminali kontra persuna fiżika b'rabta ma' reat kriminali, sa fejn din id-deċiżjoni tkun iddaħħlet fir-rekords kriminali tal-Istat Membru tal-kundanna;

(2) “proċedimenti kriminali” tfisser l-istadju ta' qabel il-proċess kriminali, l-istadju tal-proċess u l-eżekuzzjoni tal-kundanna;

(3) “rekord kriminali” tfisser ir-reġistru jew ir-reġistri nazzjonali fejn jiġu rreġistrati l-kundanni f'konformità mal-liġi nazzjonali;

(4) “Stat Membru tal-kundanna” tfisser l-Istat Membru li fih tkun ingħatat kundanna;

(5) “awtorità ċentrali” tfisser awtorità maħtura f'konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI;

(6) “awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet ċentrali u l-Eurojust, il-Europol u l-UPPE, li għandhom il-kompetenza li jaċċedu jew ifittxu fl-ECRIS-TCN f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(7) “ċittadin ta' pajjiż terz” tfisser persuna li mhijiex ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE, jew li hija persuna apolida jew persuna li ċ-ċittadinanza tagħha mhix magħrufa;

▼M1 —————

▼B

(9) “software tal-interfaċċa” tfisser is-software ospitat mill-awtoritajiet kompetenti li jippermettilhom li jkollhom aċċess għas-sistema ċentrali permezz tal-infrastruttura ta' komunikazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 4(1);

(10) “informazzjoni dwar l-identità” tfisser data alfanumerika, data tal-marki tas-swaba' u immaġnijiet tal-wiċċ li jintużaw biex tiġi stabbilita konnessjoni bejn din id-data u persuna fiżika;

(11) “data alfanumerika” tfisser data rappreżentata b'ittri, numri, karattri speċjali, spazji u sinjali tal-punteġġatura;

(12) “data tal-marki tas-swaba'” tfisser id-data relatata mal-impressjonijiet ċatti jew irroljati tal-marki tas-swaba' ta' kull wieħed mis-swaba' ta' persuna;

(13) “immaġni tal-wiċċ” tfisser immaġni diġitali ta' wiċċ il-persuna;

(14) “hit” tfisser konkordanza jew konkordanzi stabbilita/i permezz ta' tqabbil bejn l-informazzjoni dwar l-identità rreġistrata fis-sistema ċentrali u l-informazzjoni dwar l-identità użata għal tiftix;

(15) “punt ta' aċċess ċentrali nazzjonali” tfisser il-punt ta' konnessjoni nazzjonali mal-infrastruttura ta' komunikazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 4(1);

(16) “implimentazzjoni ta' referenza ECRIS” tfisser is-software żviluppat mill-Kummissjoni u li tqiegħed għad-disponibbiltà tal-Istati Membri għall-iskambju ta' informazzjoni ta' rekords kriminali permezz tal-ECRIS;

(17) “awtorità superviżorja nazzjonali” tfisser awtorità pubblika indipendenti li tkun stabbilita minn Stat Membru skont regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

(18) “awtoritajiet superviżorji” tfisser is-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali;

▼M1

(19) “CIR” tfisser repożitorju komuni ta' informazzjoni dwar l-identità stabbilit mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2019/818;

(20) “data tal-ECRIS-TCN” tfisser id-data kollha maħżuna fis-sistema ċentrali u fis-CIR f'konformità mal-Artikolu 5;

(21) “ESP” tfisser il-portal ta' tfittxija Ewropew stabbilit bl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2019/818.

▼B

Artikolu 4

Qafas tekniku tal-ECRIS-TCN

1.  L-ECRIS-TCN għandha tkun magħmula minn:

▼M1

(a) sistema ċentrali;

▼M1

(aa) is-CIR;

▼B

(b) punt ta' aċċess ċentrali nazzjonali f'kull Stat Membru;

(c) software tal-interfaċċa li jippermetti l-konnessjoni tal-awtoritajiet kompetenti mas-sistema ċentrali permezz tal-punt ta' aċċess ċentrali nazzjonali u l-infrastruttura ta' komunikazzjoni msemmija fil-punt (d);

(d) infrastruttura ta' komunikazzjoni bejn is-sistema ċentrali u l-punti ta' aċċess ċentrali nazzjonali;

▼M1

(e) infrastruttura ta' komunikazzjoni bejn is-sistema ċentrali u l-infrastrutturi ċentrali tal-ESP u s-CIR.

▼B

2.  Is-sistema ċentrali għandha tkun ospitata minn eu-LISA fis-siti tekniċi tagħha.

3.  Is-software tal-interfaċċa għandu jkun integrat flimkien mal-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS. L-Istati Membri għandhom jużaw l-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS jew, fis-sitwazzjoni u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 4 sa 8, is-software ta' implimentazzjoni nazzjonali tal-ECRIS, biex ifittxu fl-ECRIS-TCN u biex jibagħtu talbiet sussegwenti għal informazzjoni ta' rekords kriminali.

4.  L-Istati Membri li jużaw is-software ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-ECRIS għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li s-software ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-ECRIS jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom tar-rekords kriminali jużaw l-ECRIS-TCN, bl-eċċezzjoni tas-Software tal-Interfaċċa, f'konformità ma' dan ir-Regolament. Għal dak il-fini, qabel id-data li fiha tibda titħaddem l-ECRIS-TCN f'konformità mal-Artikolu 35(4), huma għandhom jiżguraw li s-software ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-ECRIS jiffunzjona f'konformità mal-protokolli u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 10, u ma' kwalunkwe rekwiżit tekniku ulterjuri stabbilit mill-eu-LISA skont dan ir-Regolament abbażi ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni.

5.  Sakemm ma jużawx l-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS, l-Istati Membri li jużaw is-software ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-ECRIS għandhom jiżguraw ukoll l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe adattament tekniku sussegwenti għas-software ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-ECRIS li jkun meħtieġ minħabba xi bidla fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 10, jew tibdil għal kwalunkwe rekwiżit tekniku ulterjuri stabbilit mill-eu-LISA skont dan ir-Regolament abbażi ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, mingħajr dewmien bla bżonn.

6.  L-Istati Membri li jużaw is-software ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-ECRIS għandhom iġarrbu l-ispejjeż kollha relatati mal-implimentazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tas-software ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-ECRIS u l-interkonnessjoni tiegħu mal-ECRIS-TCN, bl-eċċezzjoni tas-software tal-interfaċċa.

7.  F'każ li Stat Membru li juża s-software ta' implimentazzjoni nazzjonali tiegħu tal-ECRIS ma jkunx jista' jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont dan l-Artikolu, huwa għandu jkun obbligat juża l-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS, inkluż is-software tal-interfaċċa integrat, biex juża l-ECRIS-TCN.

8.  Fid-dawl tal-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-Kummissjoni skont il-punt (b) tal- Artikolu 36(10), l-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni.



KAPITOLU II

Dħul u użu ta' data mill-awtoritajiet ċentrali

Artikolu 5

Dħul ta' data fl-ECRIS-TCN

▼M1

1.  Għal kull ċittadin ta' pajjiż terz ikkundannat, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna għandu joħloq rekord tad-data fl-ECRIS-TCN. Ir-rekord tad-data għandu jinkludi:

▼B

(a) fir-rigward ta' data alfanumerika:

(i) informazzjoni li għandha tiġi inkluża ħlief, f'każijiet individwali, meta din l-informazzjoni ma tkunx magħrufa mill-awtorità ċentrali (informazzjoni obbligatorja):

 kunjom (isem tal-familja);

 l-ewwel ismijiet (ismijiet mogħtija),

 data tat-twelid,

 post tat-twelid (belt u pajjiż),

 ċittadinanza jew ċittadinanzi,

 ġeneru,

 ismijiet preċedenti, jekk applikabbli,

 kodiċi tal-Istati Membru tal-kundanna,

(ii) informazzjoni li għandha tiġi inkluża jekk tkun imdaħħla fir-rekords kriminali (informazzjoni fakultattiva):

 l-ismijiet tal-ġenituri,

(iii) informazzjoni li għandha tiġi inkluża jekk din tkun disponibbli lill-awtorità ċentrali (informazzjoni addizzjonali):

 in-numru tal-identità, jew it-tip u n-numru tad-dokumenti ta' identifikazzjoni tal-persuna, kif ukoll l-isem tal-awtorità emittenti tad-dokumenti;

 il-psewdonimi jew l-ismijiet li bihom tkun magħrufa dik il-persuna;

(b) fir-rigward ta' data tal-marki tas-swaba':

(i) data tal-marki tas-swaba' li tkun inġabret f'konformità mal-liġi nazzjonali matul proċedimenti kriminali;

(ii) bħala minimu, data tal-marki tas-swaba' miġbura fuq il-bażi ta' wieħed mill-kriterji li ġejjin:

 meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun ġie kkundannat għal sentenza ta' kustodja ta' mill-inqas sitt xhur;

 jew

 meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun ġie kkundannat fuq reat kriminali li huwa punibbli skont il-liġi tal-Istat Membru b'sentenza ta' kustodja b'perijodu massimu ta' mill-inqas 12-il xahar.

▼M1

1a.  Is-CIR għandu jkollu d-data msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u d-data li ġejja tal-punt (a) tal-paragrafu 1: il-kunjom (isem tal-familja); l-ewwel ismijiet (ismijiet mogħtija), id-data tat-twelid, il-post tat-twelid (belt u pajjiż), in-nazzjonalità jew nazzjonalitajiet, is-sess, l-ismijiet preċedenti, jekk applikabbli, fejn disponibbli, laqmijiet jew psewdonimi, fejn disponibbli, it-tip u n-numru tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-persuna, kif ukoll isem l-awtorità emittenti. Is-CIR jista' jkun fih id-data msemmija fil-paragrafu (3). Il-bqija tad-data tal-ECRIS-TCN għandha tinħażen fis-sistema ċentrali.

▼B

2.  Id-data tal-marki tas-swaba' imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jkollha l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-kwalità, għar-riżoluzzjoni u l-ipproċessar tad-data tal-marki tas-swaba' prevista fl-att ta' implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 10(1). In-numru ta' referenza tad-data tal-marki tas-swaba' tal-persuna kkundannata għandu jinkludi l-kodiċi tal-Istat Membru tal-kundanna.

3.  Ir-rekord tad-data jista' jinkludi wkoll immaġnijiet tal-wiċċ taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkundannat, jekk il-liġi tal-Istat Membru tal-kundanna tippermetti l-ġbir u l-ħżin tal-immaġnijiet tal-wiċċ ta' persuni kkundannati.

4.  L-Istat Membru tal-kundanna għandu joħloq rekord tad-data awtomatikament, fejn possibbli, u mingħajr dewmien bla bżonn wara li l-kundanna tkun iddaħħlet fir-rekords kriminali.

5.  L-Istati Membri tal-kundanna għandhom joħolqu anke rekords tad-data għall-kundanni mogħtija qabel id-data tal-bidu tad-dħul tad-data f'konformità mal-Artikolu 35(1) dment li d-data marbuta mal-persuni kkundannati tinħażen fil-bażijiet tad-data nazzjonali tagħhom. F'dawk il-każijiet, id-data dwar il-marki tas-swaba' għandha tiġi inkluża biss meta jkunu ttieħdu waqt proċedimenti kriminali f'konformità mal-liġi nazzjonali, u meta jistgħu jitqabblu b'mod ċar ma' informazzjoni oħra dwar l-identità f'rekords kriminali.

6.  Sabiex jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fil-punti (b)(i) u (ii) tal-paragrafu 1, u fil-paragrafu 5 l-Istati Membri jistgħu jużaw id-data tal-marki tas-swaba' meħuda għal finijiet oħra għajr għal proċedimenti kriminali, meta tali użu jkun permess skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 6

Immaġnijiet tal-wiċċ

1.  Sakemm jidħol fis-seħħ l-att delegat previst fil-paragrafu 2, l-immaġnijiet tal-wiċċ jistgħu jintużaw biss biex jikkonfermaw l-identità ta' ċittadin ta' pajjiż terz li jkun ġie identifikat b'riżultat ta' tiftix alfanumeriku jew tiftix bl-użu tad-data tal-marki tas-swaba'.

2.  Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 37 li jissupplimenta dan ir-Regolament rigward l-użu ta' immaġnijiet tal-wiċċ għall-fini tal-identifikazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jiġu identifikati l-Istati Membri li jkollhom informazzjoni dwar kundanni preċedenti rigward tali persuni meta dan issir possibbli teknikament. Qabel ma teżerċita din is-setgħa, il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tqis in-neċessità u l-proporzjonalità kif ukoll l-iżviluppi tekniċi fil-qasam ta' software għar-rikonoxximent tal-uċuħ, tivvaluta d-disponibbiltà u t-tħejjija tat-teknoloġija meħtieġa.

Artikolu 7

Użu tal-ECRIS-TCN għall-identifikazzjoni tal-Istati Membri li jkollhom informazzjoni ta' rekords kriminali

1.  L-awtoritajiet ċentrali għandhom jużaw l-ECRIS-TCN biex jidentifikaw l-Istati Membri li jkollhom informazzjoni ta' rekords kriminali dwar ċittadin ta' pajjiż terz, sabiex jiksbu informazzjoni dwar kundanni preċedenti permezz tal-ECRIS, meta l-informazzjoni ta' rekords kriminali ta' dik il-persuna tkun meħtieġa fl-Istat Membru kkonċernat għall-finijiet ta' proċedimenti kriminali kontra dik il-persuna jew għal kwalunkwe wieħed mill-finijiet li ġejjin, jekk dan ikun previst skont u f'konformità mal-liġi nazzjonali:

 verifika tar-rekord kriminali tal-persuna nfisha fuq talba tagħha,

 approvazzjonijiet tas-sigurtà,

 ksib ta' liċenzja jew permess,

 evalwazzjoni għall-fini ta' impjieg,

 evalwazzjoni għal attivitajiet volontarji li jinvolvu kuntatti diretti u regolari ma' tfal jew persuni vulnerabbli,

 proċeduri tal-viża, proċeduri biex tinkiseb ċittadinanza u proċeduri tal-migrazzjoni, inkluż proċeduri tal-asil, u

 verifiki rigward kuntratti pubbliċi u eżamijiet pubbliċi.

Madankollu, f'każijiet speċifiċi għajr dawk fejn ċittadin ta' pajjiż terz jitlob lill-awtorità ċentrali informazzjoni dwar ir-rekord kriminali tiegħu stess, jew fejn it-talba issir sabiex tinkiseb informazzjoni ta' rekords kriminali skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2011/93/UE, l-awtorità li qed titlob informazzjoni ta' rekords kriminali tista' tiddeċiedi li tali użu tal-ECRIS-TCN ma jkunx adegwat.

2.  Kwalunkwe Stat Membru li jiddeċiedi, jekk dan ikun previst skont u f'konformità mal-liġi nazzjonali, li juża l-ECRIS-TCN għal finijiet oħra li mhumiex dawk stabbiliti fil-paragrafu 1 sabiex jikseb informazzjoni dwar kundanni preċedenti permezz tal-ECRIS, għandu, sad-data li fiha jibda t-tħaddim kif imsemmi fl-Artikolu 35(4), jew kwalunkwe żmien wara dik id-data, jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dawn il-finijiet l-oħra u dwar kwalunkwe bidla għal tali finijiet. Il-Kummissjoni għandha tippubblika t-tali notifiki f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi żmien 30 jum minn meta tirċevihom.

3.  L-Eurojust, l-Europol u l-UPPE għandhom id-dritt ifittxu fl-ECRIS-TCN biex jidentifikaw l-Istati Membri li għandhom informazzjoni ta' rekords kriminali dwar ċittadin ta' pajjiż terz f'konformità mal-Artikoli 14 sa 18. Madankollu, dawn ma għandhom idaħħlu, jirrettifikaw jew iħassru l-ebda data fl-ECRIS-TCN.

4.  Għall-finijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll ifittxu fl-ECRIS-TCN biex jivverifikaw jekk, fir-rigward ta' ċittadin tal-Unjoni, ikunx hemm xi Stat Membru li jkollu informazzjoni ta' rekords kriminali dwar dik il-persuna bħala ċittadin ta' pajjiż terz.

5.  Meta jfittxu fl-ECRIS-TCN, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw id-data kollha msemmija fl-Artikolu 5(1), jew parti minnha biss. Is-sett minimu ta' data li hi meħtieġa biex isir tiftix fis-sistema għandu jiġi speċifikat f'att ta' implimentazzjoni adottat f'konformità mal-punt (g) tal-Artikolu 10(1).

6.  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll ifittxu fl-ECRIS-TCN bl-użu ta' immaġnijiet tal-wiċċ, dment li din il-funzjonalità tkun ġiet implimentata f'konformità mal-Artikolu 6(2).

7.  Fil-każ ta' hit, is-sistema ċentrali għandha tipprovdi awtomatikament lill-awtorità ċentrali informazzjoni dwar l-Istati Membri li jkollhom informazzjoni ta' rekords kriminali dwar iċ-ċittadin ta' pajjiż terz, flimkien man-numri ta' referenza assoċjati u kwalunkwe informazzjoni korrispondenti dwar l-identità. Din l-informazzjoni dwar l-identità għandha tintuża biss bil-għan li tiġi vverifikata l-identità taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat. Ir-riżultat ta' tiftix fis-sistema ċentrali jista' jintuża biss biex issir talba skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI jew talba msemmija fl-Artikolu 17(3) ta' dan ir-Regolament.

8.  F'każ li ma jkun hemm l-ebda hit, is-sistema ċentrali għandha awtomatikament tgħarraf lill-awtorità kompetenti.



KAPITOLU III

Żamma u modifika tad-data

Artikolu 8

Perijodu ta' żamma għall-ħżin tad-data

▼M1

1.  Kull rekord tad-data għandu jinħażen fis-sistema ċentrali u fis-CIR sakemm id-data marbuta mal-kundanni tal-persuna kkonċernata tkun maħżuna fir-rekords kriminali.

2.  Malli jiskadi l-perjodu ta' żamma msemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru li jikkundanna għandha tħassar ir-rekord tad-data, inklużi kwalunkwe data tal-marki tas-swaba' jew immaġni tal-wiċċ, mis-sistema ċentrali u mis-CIR. It-tħassir għandu jsir b'mod awtomatiku, fejn possibbli, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn xahar wara l-iskadenza tal-perjodu ta' żamma.

▼B

Artikolu 9

Modifika u tħassir tad-data

1.  L-Istati Membri jistgħu jimmodifikaw jew iħassru d-data li jkunu daħħlu fl- ►M1  is-sistema ċentrali u s-CIR ◄ .

2.  Kwalunkwe modifika sussegwenti tal-informazzjoni fir-rekords kriminali li tkun wasslet għall-ħolqien ta' rekord tad-data f'konformità mal-Artikolu 5 għandha tinkludi modifika identika tal-informazzjoni maħżuna f'dak ir-rekord tad-data fis- ►M1  is-sistema ċentrali u s-CIR ◄ mill-Istat Membru tal-kundanna mingħajr dewmien bla bżonn.

3.  Jekk ikun hemm raġuni biex Stat Membru tal-kundanna jemmen li d-data li huwa jkun irreġistra fis- ►M1  is-sistema ċentrali u s-CIR ◄ mhijiex preċiża jew li dik id-data ġiet ipproċessata fis- ►M1  is-sistema ċentrali u s-CIR ◄ bi ksur ta' dan ir-Regolament, huwa għandu:

(a) iniedi immedjatament proċedura biex jivverifika l-preċiżjoni tad-data kkonċernata jew il-legalità tal-ipproċessar tagħha, kif xieraq;

(b) jekk ikun meħtieġ, jirrettifika d-data jew iħassarha mis- ►M1  is-sistema ċentrali u s-CIR ◄ mingħajr dewmien bla bżonn.

4.  Jekk Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru tal-kundanna li daħħal id-data, ikollu għal xiex jifhem li d-data rreġistrata fis- ►M1  is-sistema ċentrali u s-CIR ◄ mhijiex preċiża jew li ġiet ipproċessata data fis- ►M1  is-sistema ċentrali u s-CIR ◄ fi ksur ta' dan ir-Regolament, huwa għandu jikkuntattja lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-kundanna mingħajr dewmien bla bżonn.

L-Istat Membru tal-kundanna għandu:

(a) iniedi immedjatament proċedura biex jivverifika l-preċiżjoni tad-data kkonċernata jew il-legalità tal-ipproċessar tagħha, kif xieraq;

(b) jekk ikun meħtieġ, jirrettifika d-data jew iħassarha mis- ►M1  is-sistema ċentrali u s-CIR ◄ mingħajr dewmien bla bżonn;

(c) jgħarraf lill-Istat Membru l-ieħor li d-data ġiet rettifikata jew imħassra, jew bir-raġunijiet għaliex id-data ma ġietx rettifikata jew imħassra, mingħajr dewmien bla bżonn.



KAPITOLU IV

Żvilupp, tħaddim u responsabbiltajiet

Artikolu 10

Adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tadott, l-atti ta' implimentazzjoni neċessarji għall-iżvilupp tekniku u għall-implimentazzjoni teknika tal-ECRIS-TCN malajr kemm jista' jkun, u b'mod partikolari atti li jikkonċernaw:

(a) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-ipproċessar tad-data alfanumerika;

(b) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-kwalità, ir-riżoluzzjoni u l-ipproċessar tad-data tal-marki tas-swaba';

(c) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-software tal-interfaċċa;

(d) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-kwalità, ir-riżoluzzjoni u l-ipproċessar tal-immaġnijiet tal-wiċċ għall-finijiet tal-Artikolu 6 u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fih;

(e) il-kwalità tad-data, inkluż mekkaniżmu u proċeduri għat-twettiq tal-kontrolli tal-kwalità tad-data;

(f) id-dħul tad-data f'konformità mal-Artikolu 5;

(g) l-aċċess u t-tfittix fl-ECRIS-TCN f'konformità mal-Artikolu 7;

(h) il-modifika u t-tħassir tad-data f'konformità mal-Artikoli 8 u 9;

(i) iż-żamma tar-reġistrazzjonijiet u l-aċċess għalihom f'konformità mal-Artikolu 31;

▼M1 —————

▼B

(k) il-forniment ta' statistika f'konformità mal-Artikolu 32;

(l) ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni u d-disponibbiltà tal-ECRIS-TCN, inkluż l-ispeċifikazzjonijiet u r-rekwiżiti minimi dwar il-prestazzjoni bijometrika tal-ECRIS-TCN b'mod partikolari fir-rigward tar-rata ta' identifikazzjoni pożittiva falza u r-rata ta' identifikazzjoni negattiva falza.

2.  L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 38(2).

Artikolu 11

Żvilupp u ġestjoni operazzjonali tal-ECRIS-TCN

1.  eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp tal-ECRIS-TCN skont il-prinċipju tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b'mod awtomatiku. Barra minn hekk, eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni operazzjonali tal-ECRIS-TCN. L-iżvilupp għandu jikkonsisti mill-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, ittestjar u koordinazzjoni ġenerali tal-proġett.

2.  eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ulterjuri tal-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS.

3.  eu-LISA għandha tiddefinixxi d-disinn tal-qafas fiżiku tal-ECRIS-TCN inkluż l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħha u l-evoluzzjoni fir-rigward tas-sistema ċentrali, il-punt ta' aċċess ċentrali nazzjonali u s-software tal-interfaċċa. Dak id-disinn għandu jiġi adottat mill-Bord tat-Tmexxija tagħha, soġġett għal opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni.

4.  eu-LISA għandha tiżviluppa u timplimenta l-ECRIS-TCN mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-atti ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 10.

5.  Qabel il-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp tal-ECRIS-TCN, il-Bord tat-Tmexxija ta' eu-LISA għandu jistabbilixxi Bord tat-Tmexxija tal-Programm li jkun magħmul minn għaxar membri.

Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandu jkun magħmul minn tmien membri maħtura mill-Bord tat-Tmexxija, mill-President tal-Grupp Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 39 u membru wieħed maħtur mill-Kummissjoni. Il-membri maħtura mill-Bord tat-Tmexxija għandhom jiġu eletti biss minn dawk l-Istati Membri li huma marbuta kompletament skont il-liġi tal-Unjoni bl-istrumenti leġislattivi li jirregolaw l-ECRIS u li ser jipparteċipaw fl-ECRIS-TCN. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiżgura li l-membri li jaħtar fil-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandu jkollhom l-esperjenza u l-għarfien espert neċessarji fl-iżvilupp u fil-ġestjoni tas-sistemi tal-IT ta' sostenn għall-awtoritajiet ġudizzjarji u għall-awtoritajiet tar-rekords kriminali.

eu-LISA għandha tipparteċipa fil-ħidma tal-Bord tat-Tmexxija tal-Programm. Għal dan il-għan, rappreżentanti tal-eu-LISA għandhom jattendu l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija tal-Programm sabiex jirrapportaw dwar ħidma li tirrigwarda d-disinn u l-iżvilupp tal-ECRIS-TCN u kwalunkwe ħidma jew attività relatata oħra.

Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandu jiltaqa' minn tal-inqas darba kull tliet xhur, u aktar ta' spiss meta jkun hemm bżonn. Huwa għandu jiżgura l-ġestjoni adegwata tal-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp tal-ECRIS-TCN u għandu jiżgura konsistenza bejn il-proġetti ċentrali u nazzjonali tal-ECRIS-TCN, u ma' software nazzjonali ta' implimentazzjoni tal-ECRIS. Fuq bażi regolari u jekk jista' jkun kull xahar, il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandu jippreżenta rapporti bil-miktub lill-Bord tat-Tmexxija ta' eu-LISA dwar il-progress tal-proġett. Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm ma għandu jkollu ebda setgħa li jieħu deċiżjonijiet u lanqas mandat biex jirrappreżenta lill-membri tal-Bord tat-Tmexxija.

6.  Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu li b'mod partikolari għandhom jinkludu regoli dwar:

(a) il-presidenza;

(b) il-postijiet tal-laqgħat;

(c) it-tħejjija tal-laqgħat;

(d) l-ammissjoni ta' esperti għal-laqgħat;

(e) pjanijiet ta' komunikazzjoni sabiex ikun żgurat li l-Membri mhux parteċipanti tal-Bord tat-Tmexxija jinżammu kompletament infurmati.

7.  Il-presidenza tal-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandha tkun f'idejn Stat Membru li jkun marbut b'mod sħiħ skont il-liġi tal-Unjoni bl-istrumenti leġislattivi li jirregolaw l-ECRIS u bl-istrumenti leġislattivi li jirregolaw l-iżvilupp, l-istabbiliment, l-operat u l-użu tas-sistemi kollha tal-IT fuq skala kbira ġestiti minn eu-LISA.

8.  L-ispejjeż kollha tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-membri tal-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandhom jitħallsu mill-eu-LISA. L-Artikolu 10 tar-Regoli ta' Proċedura ta' eu-LISA għandu japplika mutatis mutandis. eu-LISA għandha taċċerta s-segretarjat tal-Bord tat-Tmexxija tal-Programm.

9.  Matul il-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp, il-Grupp Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 39 għandu jkun magħmul mill-maniġers tal-proġett nazzjonali tal-ECRIS-TCN u ppresedut minn eu-LISA. Matul il-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp, huwa għandu jiltaqa' regolarment, jekk jista' jkun mhux inqas minn darba fix-xahar, sakemm tibda titħaddem l-ECRIS-TCN. Wara kull laqgħa għandu jirrapporta lill-Bord tat-Tmexxija tal-Programm. Huwa għandu jipprovdi l-għarfien espert tekniku biex isostni l-kompiti tal-Bord tat-Tmexxija tal-Programm u għandu jwettaq segwitu fir-rigward tal-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri.

10.  Sabiex ikunu żgurati l-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data maħżuna fl-ECRIS-TCN f'kull ħin, eu-LISA għandha f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tipprovdi għal miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, b'kont meħud tal-aqwa teknoloġija disponibbli, l-ispiża tal-implimentazzjoni u r-riskji ppreżentati mill-ipproċessar.

11.  eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-kompiti segwenti relatati mal-infrastruttura ta' komunikazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 4(1):

(a) superviżjoni;

(b) sigurtà;

(c) il-koordinazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-fornitur tal-infrastruttura ta' komunikazzjoni.

12.  Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-kompiti l-oħra kollha relatati mal-infrastruttura ta' komunikazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 4(1), b'mod partikolari:

(a) kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit;

(b) akkwiżizzjoni u tiġdid;

(c) kwistjonijiet kuntrattwali.

13.  eu-LISA għandha tiżviluppa u twettaq manutenzjoni ta' mekkaniżmu u proċeduri għat-twettiq tal-kontrolli tal-kwalità tad-data maħżuna fl-ECRIS-TCN u għandha tipprovdi rapporti regolari lill-Istati Membri. eu-LISA għandha tipprovdi rapporti regolari lill-Kummissjoni li jkopri l-kwistjonijiet li jkunu nqalgħu u lill-Istati Membri kkonċernati.

14.  Il-ġestjoni operazzjonali tal-ECRIS-TCN għandha tikkonsisti mill-kompiti kollha neċessarji biex l-ECRIS-TCN tibqa' operazzjonali f'konformità ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari x-xogħol ta' manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi neċessarji sabiex ikun żgurat li l-ECRIS-TCN tiffunzjona f'livell sodisfaċenti f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

15.  eu-LISA għandha twettaq il-kompiti relatati mal-għoti ta' taħriġ dwar l-użu tekniku tal-ECRIS-TCN u l-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS.

16.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 ( 2 ), eu-LISA għandha tapplika regoli xierqa ta' sigriet professjonali jew obbligi ekwivalenti oħra ta' kunfidenzjalità għall-persunal tagħha kollu li huwa meħtieġ jaħdem bid-data rreġistrata fis-sistema ċentrali. Dak l-obbligu għandu japplika wkoll wara li dan il-persunal ikun telaq mill-kariga jew mill-impjieg jew wara t-tmiem tal-attivitajiet tiegħu.

Artikolu 12

Responsabbiltajiet tal-Istati Membri

1.  Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għal:

(a) l-iżgurar ta' konnessjoni sigura bejn ir-rekords kriminali nazzjonali tiegħu u l-bażijiet ta' data tal-marki tas-swaba' u l-punt ta' aċċess ċentrali nazzjonali;

(b) l-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni tal-konnessjoni msemmija fil-punt (a);

(c) l-iżgurar ta' konnessjoni bejn is-sistemi nazzjonali tiegħu u l-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS;

(d) il-ġestjoni u l-arranġamenti għall-aċċess tal-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet ċentrali għall-ECRIS-TCN f'konformità ma' dan ir-Regolament u għall-istabbiliment u l-aġġornament regolari ta' lista ta' dawn il-membri tal-persunal u tal-profili msemmija fil-punt (g) tal-Artikolu 19(3).

2.  Kull Stat Membru għandu jipprovdi taħriġ xieraq lill-persunal tal-awtorità ċentrali tiegħu li għandu dritt għal aċċess għall-ECRIS-TCN li jkopri, b'mod partikolari taħriġ dwar ir-regoli tal-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tad-data u dwar id-drittijiet fundamentali applikabbli, qabel ma jawtorizzahom biex jipproċessaw data maħżuna fis- ►M1  is-sistema ċentrali u s-CIR ◄ .

Artikolu 13

Responsabbiltà għall-użu tad-data

1.  F'konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, kull Stat Membru għandu jiżgura li d-data rreġistrata fl-ECRIS-TCN tkun ipproċessata legalment, u b'mod partikolari li:

(a) il-persunal li jkun debitament awtorizzat biss ikollu aċċess għad-data għat-twettiq tal-kompiti tiegħu;

(b) id-data tinġabar b'mod legali u b'mod li jirrispetta bis-sħiħ id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin ta' pajjiż terz;

(c) id-data tiddaħħal fl-ECRIS-TCN b'mod legali;

(d) id-data tkun preċiża u aġġornata meta tiddaħħal fl-ECRIS-TCN.

2.  eu-LISA għandha tiżgura li l-ECRIS-TCN titħaddem f'konformità ma' dan ir-Regolament, mal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 6(2) u mal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 10, kif ukoll f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725. B'mod partikolari, eu-LISA għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura s-sigurtà tas- ►M1  is-sistema ċentrali u s-CIR ◄ u tal-infrastruttura ta' komunikazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 4(1), mingħajr preġudizzju għar-responsabiltajiet ta' kull Stat Membru.

3.  eu-LISA għandha tgħarraf mill-aktar fis possibbli lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-miżuri li tieħu skont il-paragrafu 2 fid-dawl tal-bidu tal-operat tal-ECRIS-TCN

4.  Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u tal-pubbliku permezz ta' sit web pubbliku aġġornat regolarment.

Artikolu 14

Aċċess għall-Eurojust, għall-Europol, u għall-UPPE

1.  Il-Eurojust għandu jkollha aċċess dirett għall-ECRIS-TCN għall-fini tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 17, kif ukoll għat-twettiq tal-kompiti tagħha skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2018/1727, sabiex tidentifika l-Istati Membri li jkollhom informazzjoni dwar kundanni preċedenti ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

2.  Il-Europol għandu jkollha aċċess dirett għas-sistema ECRIS-TCN għall-fini li twettaq il-kompiti tagħha skont il-punti (a) sa (e) u (h) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/794, sabiex tidentifika l-Istati Membri li jkollhom informazzjoni dwar kundanni preċedenti ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

3.  L-UPPE għandu jkollu aċċess dirett għall-ECRIS-TCN għall-fini li jwettaq il-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2017/1939, sabiex jidentifika l-Istati Membri li jkollhom informazzjoni dwar kundanni preċedenti ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

4.  B'segwitu għal hit li tindika l-Istati Membri li jkollhom informazzjoni ta' rekords kriminali dwar ċittadin ta' pajjiż terz, il-Eurojust, il-Europol u l-UPPE jistgħu jużaw il-kuntatti rispettivi tagħhom mal-awtoritajiet nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri biex jitolbu l-informazzjoni ta' rekords kriminali bil-mod previst fl-atti kostituttivi rispettivi tagħhom.

Artikolu 15

Aċċess minn persunal awtorizzat tal-Eurojust, tal-Europol u tal-UPPE

L-Eurojust, l-Europol u l-UPPE għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-arranġamenti biex il-persunal debitament awtorizzat ikollu aċċess għall-ECRIS-TCN f'konformità ma' dan ir-Regolament u għall-istabbiliment u l-aġġornament regolari ta' lista ta' tali persunal u l-profili tagħhom.

Artikolu 16

Responsabbiltajiet tal-Eurojust, tal-Europol u tal-UPPE

L-Eurojust, l-Europol u l-UPPE għandhom:

(a) jistabbilixxu l-mezzi tekniċi biex jikkonnettjaw mal-ECRIS-TCN u għandhom ikunu responsabbli għall-manutenzjoni ta' dik il-konnessjoni;

(b) jipprovdu taħriġ xieraq li jkopri, b'mod partikolari, is-sigurtà tad-data u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali applikabbli lill-membri tal-persunal tagħhom li għandhom dritt ta' aċċess għall-ECRIS-TCN qabel ma jawtorizzawhom biex jipproċessaw data maħżuna fis-sistema ċentrali;

(c) jiżguraw li d-data personali pproċessata minnhom skont dan ir-Regolament tkun protetta f'konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-data applikabbli.

Artikolu 17

Punt ta' kuntatt għal pajjiżi terzi u għal organizzazzjonijiet internazzjonali

1.  Il-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu, għall-finijiet ta' proċedimenti kriminali, jindirizzaw it-talbiet għal informazzjoni dwar liema Stati Membri, jekk ikun hemm, għandhom informazzjoni dwar rekords kriminali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi lill-Eurojust. Għal dak il-għan, għandhom jużaw il-formola standard li tinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

2.  Meta l-Eurojust tirċievi talba kif imsemmi fil-paragrafu 1, hija għandha tuża l-ECRIS-TCN biex tidentifika liema Stati Membri, jekk ikun hemm, ikollhom informazzjoni ta' rekords kriminali taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat.

3.  Jekk ikun hemm hit, il-Eurojust għandha tistaqsi lill-Istat Membru li jkollu informazzjoni ta' rekords kriminali taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat jekk jagħtix il-kunsens tiegħu biex il-Eurojust tgħarraf lill-pajjiż terz jew lill-organizzazzjoni internazzjonali bl-isem tal-Istat Membru kkonċernat. F'każ li dak l-Istat Membru jagħti l-kunsens tiegħu, il-Eurojust għandha tgħarraf lill-pajjiż terz jew lill-organizzazzjoni internazzjonali bl-isem ta' dak l-Istat Membru, u b'kif tista' tintroduċi talba għal estratti mir-rekords kriminali lil dak l-Istat Membru skont il-proċeduri applikabbli.

4.  F'każ li ma jkunx hemm hit jew meta l-Eurojust ma tkunx tista' tipprovdi tweġiba f'konformità mal-paragrafu 3 għal talbiet li jsiru skont dan l-Artikolu, hija għandha tgħarraf lill-pajjiż terz jew lill-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata li l-proċedura tlestiet, mingħajr ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni dwar jekk l-informazzjoni ta' rekords kriminali dwar il-persuna kkonċernata hijiex qed tinżamm minn wieħed mill-Istati Membri.

Artikolu 18

Għoti ta' informazzjoni lil pajjiż terz, organizzazzjoni internazzjonali jew parti privata

La l-Eurojust, l-Europol, l-UPPE kif ukoll l-ebda awtorità ċentrali ma għandha tittrasferixxi jew tqiegħed għad-disponibbiltà ta' pajjiż terz, ta' organizzazzjoni internazzjonali jew ta' parti privata, informazzjoni miksuba mill-ECRIS-TCN li tikkonċerna ċittadin ta' pajjiż terz. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17(3).

Artikolu 19

Sigurtà tad-data

1.  eu-LISA għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura s-sigurtà tal-ECRIS-TCN, mingħajr preġudizzju għar-responsabiltajiet ta' kull Stat Membru, filwaqt li tqis il-miżuri ta' sigurtà speċifikati fil-paragrafu 3.

2.  Fir-rigward tat-tħaddim tal-ECRIS-TCN, eu-LISA għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tilħaq l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 3, inkluż l-adozzjoni ta' pjan ta' sigurtà u ta' pjan għall-kontinwità operazzjonali u pjan ta' rkupru minn diżastri, u sabiex tiżgura li s-sistemi installati jistgħu jiġu restawrati f'każ ta' interruzzjoni.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà tad-data qabel u waqt it-trasmissjoni għall-punt ta' aċċess ċentrali nazzjonali u qabel u waqt li d-data tasal għandu. B'mod partikolari, kull Stat Membru għandu:

(a) jipproteġi fiżikament id-data, inkluż billi jagħmel pjanijiet ta' kontinġenza għall-protezzjoni ta' infrastruttura;

(b) jirrifjuta l-aċċess lil persuni mhux awtorizzati għal installazzjonijiet nazzjonali li fihom l-Istat Membru jwettaq operazzjonijiet relatati mal-ECRIS-TCN;

(c) jimpedixxi l-qari, l-ikkupjar, l-immodifikar jew it-tneħħija mhux awtorizzata ta' mezzi ta' data;

(d) jimpedixxi d-dħul mhux awtorizzat ta' data u l-ispezzjoni, l-immodifikar jew it-tħassir mhux awtorizzat ta' data personali maħżuna;

(e) jimpedixxi l-ipproċessar mhux awtorizzat ta' data fl-ECRIS-TCN u kwalunkwe modifika jew tħassir mhux awtorizzat ta' data pproċessata fl-ECRIS-TCN;

(f) jiżgura li persuni awtorizzati li jaċċessaw l-ECRIS-TCN ikollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni tal-aċċess tagħhom, permezz ta' identitajiet individwali tal-utent u modi għal aċċess kunfidenzjali biss;

(g) jiżgura li l-awtoritajiet kollha bi dritt ta' aċċess għall-ECRIS-TCN joħolqu profili li jiddeskrivu l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-persuni li huma awtorizzati jdaħħlu, jirrettifikaw, iħassru, jikkonsultaw u jfittxu fid-data, u jqiegħdu l-profili tagħhom għad-disponibbiltà tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali mingħajr dewmien bla bżonn fuq talba tagħhom;

(h) jiżgura li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit lil liema korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni tista' tiġi trasmessa data personali bl-użu ta' tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data;

(i) jiżgura li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data tkun ġiet ipproċessata fl-ECRIS-TCN, meta, mingħand min u għal liema skop;

(j) jimpedixxi l-qari, l-ikkupjar, l-immodifikar jew it-tħassir mhux awtorizzat ta' data personali matul it-trasmissjoni ta' data personali lill-ECRIS-TCN jew minnha jew matul it-trasport ta' mezzi tad-data, b'mod partikolari permezz ta' tekniki adegwati ta' kriptaġġ;

(k) iwettaq monitoraġġ tal-effettività tal-miżuri ta' sigurtà msemmija f'dan il-paragrafu u jieħu l-miżuri organizzazzjonali neċessarji relatati mal-monitoraġġ u l-awtomonitoraġġ biex tkun żgurata konformità ma' dan ir-Regolament.

4.  eu-LISA u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw approċċ koerenti għas-sigurtà tad-data msejjes fuq proċess ta' ġestjoni tar-riskji għas-sigurtà li jinkludi l-ECRIS-TCN kollha.

Artikolu 20

Responsabbiltà

1.  Kwalunkwe persuna li, jew kwalunkwe Stat Membru li jkun ġarrab ħsara materjali jew mhux materjali li tirriżulta minn operazzjoni ta' pproċessar illegali jew ta' kwalunkwe att ieħor inkompatibbli ma' dan ir-Regolament għandu jkun intitolat jirċievi kumpens:

(a) mill-Istat Membru li jkun responsabbli għall-ħsara mġarrba; jew

(b) minn eu-LISA fejn eu-LISAma tkunx osservat l-obbligi tagħha stabbiliti f'dan ir-Regolament jew fir-Regolament (UE) 2018/1725.

L-Istat Membru responsabbli għall-ħsara mġarrba jew eu-LISA, rispettivament, għandhom ikunu eżentati mir-responsabbiltà, kollha jew parzjalment, jekk jagħtu prova li mhumiex responsabbli għall-avveniment li jkun wassal għall-ħsara.

2.  Jekk xi nuqqas min-naħa ta' Stat Membru, l-Eurojust, l-Europol jew l-UPPE milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament jikkaġuna ħsara lill-ECRIS-TCN, dak l-Istat Membru, l-Eurojust, l-Europol jew l-UPPE rispettivament għandu jinżamm responsabbli għal din il-ħsara, sakemm u sa fejn eu-LISA jew Stat Membru ieħor parteċipanti fl-ECRIS-TCN ma jkunx naqas milli jieħu miżuri raġonevoli sabiex jipprevjeni li ssir ħsara jew biex inaqqas kemm jista' jkun l-impatt tagħha.

3.  Talbiet għal kumpens kontra Stat Membru għall-ħsara msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru konvenut. Talbiet għal kumpens kontra eu-LISA, l-Eurojust, l-Europol u l-UPPE għall-ħsara msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu rregolati mill-atti kostituttivi rispettivi tagħhom.

Artikolu 21

Awtomonitoraġġ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull awtorità ċentrali tieħu l-miżuri neċessarji biex tikkonforma ma' dan ir-Regolament u tikkoopera, meta jkun hemm bżonn, mal-awtoritajiet superviżorji.

Artikolu 22

Penali

Kwalunkwe użu ħażin ta' data mdaħħla fl-ECRIS-TCN għandu jkun soġġett għal penali jew miżuri dixxiplinarji, f'konformità mal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni, li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.



KAPITOLU V

Drittijiet u superviżjoni tal-protezzjoni tad-data

Artikolu 23

Il-kontrollur tad-data u l-proċessur tad-data

1.  Kull awtorità ċentrali għandha titqies bħala kontrollur tad-data f'konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtorità ċentrali ta' dak l-Istat Membru skont dan ir-Regolament.

2.  eu-LISA għandha titqies bħala proċessur tad-data f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tad-data personali mdaħħla mill-Istati Membri fis- ►M1  is-sistema ċentrali u s-CIR ◄ .

Artikolu 24

Fini tal-ipproċessar tad-data personali

▼M1

1.  Id-data mdaħħlat fis-sistema ċentrali u fis-CIR għandha tkun ipproċessata biss għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-Istati Membri li jkollhom informazzjoni dwar ir-rekords kriminali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. Id-data mdaħħla fis-CIR għandha wkoll tiġi pproċessata f'konformità mar-Regolament (UE) 2019/818 biex tiffaċilita u tassisti fl-identifikazzjoni korretta ta' persuni rreġistrati fl-ECRIS-TCN, f'konformità ma' dan ir-Regolament.

▼B

2.  Bl-eċċezzjoni ta' persunal debitament awtorizzat tal-Eurojust, l-Europol u l-UPPE, li jkollu aċċess għall-ECRIS-TCN għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-aċċess għall-ECRIS-TCN għandu jkun riżervat esklużivament għall-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet ċentrali. L-aċċess għandu jkun limitat sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti f'konformità mal-fini msemmi fil-paragrafu 1, u sa fejn ikun meħtieġ u proporzjonat għall-objettivi li jridu jintlaħqu.

▼M1

3.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-aċċess għall-finijiet tal-konsultazzjoni tad-data maħżuna fis-CIR għandu jiġi rriżervat ukoll għall-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet nazzjonali ta' kull Stat Membru u għall-persunal debitament awtorizzat tal-aġenziji tal-Unjoni li jkunu kompetenti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament (UE) 2019/818. Tali aċċess għandu jkun limitat skont sa fejn tkun meħtieġa d-data għat-twettiq tal-kompiti tagħhom għal dawk il-finijiet, u għandu jkun proporzjonat għall-għanijiet li jridu jintlaħqu.

▼B

Artikolu 25

Dritt ta' aċċess, rettifika, tħassir u restrizzjonijiet fuq l-ipproċessar

1.  It-talbiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi rigward id-drittijiet ta' aċċess għal data personali, għar-rettifika u t-tħassir u r-restrizzjoni tal-ipproċessar ta' data personali li huma stipulati fir-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data jistgħu jiġu indirizzati lill-awtorità ċentrali ta' kull Stat Membru.

2.  Fejn issir talba lil Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru tal-kundanna, l-Istat Membru li lilu tkun saret it-talba għandu jgħaddiha lill-Istat Membru tal-kundanna mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol minn meta jirċievi t-talba. Hekk kif jirċievi t-talba, l-Istat Membru tal-kundanna għandu:

(a) immedjatament jibda proċedura biex jivverifika l-preċiżjoni tad-data kkonċernata jew il-legalità tal-ipproċessar tagħha fl-ECRIS-TCN; u

(b) jwieġeb lill-Istat Membru li bagħat it-talba mingħajr dewmien bla bżonn.

3.  Fil-każ li d-data rreġistrata fl-ECRIS-TCN ma tkunx preċiża jew tkun ġiet ipproċessata b'mod illegali, l-Istat Membru tal-kundanna għandu jirrettifika jew iħassar id-data f'konformità mal-Artikolu 9. L-Istat Membru tal-kundanna jew, meta applikabbli, l-Istat Membru li lilu tkun saret it-talba għandu jikkonferma bil-miktub mingħajr dewmien bla bżonn lill-persuna kkonċernata li ttieħdet azzjoni biex tiġi rettifikata jew imħassra d-data li tikkonċernaha. L-Istat Membru tal-kundanna għandu wkoll jgħarraf mingħajr dewmien bla bżonn x'azzjoni tkun ittieħdet lil kwalunkwe Stat Membru ieħor li jkun irċieva informazzjoni dwar kundanni miksuba b'riżultat ta' tiftix fl-ECRIS-TCN.

4.  Jekk l-Istat Membru tal-kundanna ma jaqbilx li d-data rreġistrata fl-ECRIS-TCN mhijiex preċiża jew li ġiet ipproċessata b'mod illegali, dak l-Istat Membru għandu jadotta deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja li fiha jispjega bil-miktub lill-persuna kkonċernata r-raġuni għaliex mhux lest li jirrettifika jew iħassar id-data li tirrigwardaha. Każijiet bħal dawn jistgħu, fejn xieraq, jiġu kkomunikati lill-awtorità superviżorja nazzjonali.

5.  L-Istat Membru li jkun adotta d-deċiżjoni skont il-paragrafu 4 għandu wkoll jipprovdi informazzjoni ta' spjegazzjoni lill-persuna kkonċernata dwar il-passi li dik il-persuna tista' tieħu jekk l-ispjegazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 4 ma tkunx aċċettabbli għaliha. Din għandha tinkludi informazzjoni dwar kif tressaq azzjoni jew ilment quddiem l-awtoritajiet kompetenti jew il-qrati ta' dak l-Istat Membru u kull assistenza, inkluż mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, li tkun disponibbli f'konformità mal-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru.

6.  Kull talba li ssir skont il-paragrafu 1 għandu jkun fiha l-informazzjoni neċessarja biex tiġi identifikata l-persuna kkonċernata. Dik l-informazzjoni għandha tintuża esklużivament biex ikunu jistgħu jiġu eżerċitati d-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandha titħassar immedjatament wara.

7.  Fejn japplika l-paragrafu 2, l-awtorità ċentrali li lilha ġiet indirizzata t-talba, għandha żżomm rekord bil-miktub li tkun saret din it-talba u dwar kif din tkun ġiet indirizzata, u lil liema awtorità ġiet mgħoddija. Fuq talba tal-awtorità superviżorji nazzjonali, l-awtorità ċentrali għandha tagħmel dak ir-rekord disponibbli lil dik l-awtorità superviżorja nazzjonali mingħajr dewmien. L-awtoritajiet ċentrali u l-awtorità superviżorja nazzjonali għandhom iħassru dawk ir-rekords wara tliet snin minn meta jinħolqu.

Artikolu 26

Kooperazzjoni biex jiġu żgurati d-drittijiet dwar il-protezzjoni tad-data

1.  L-awtoritajiet ċentrali għandhom jikkooperaw ma' xulxin sabiex jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet stipulati fl-Artikolu 25.

2.  F'kull Stat Membru, l-awtorità superviżorja nazzjonali għandha, fuq talba, tipprovdi informazzjoni lill-persuna kkonċernata dwar kif tista' teżerċita d-dritt tagħha biex issir rettifika jew titħassar data li tikkonċernaha, f'konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

3.  Għal finijiet ta' dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja nazzjonali tal-Istat Membru li jkun ittrasmetta d-data u l-awtorità superviżorja nazzjonali tal-Istat Membru li lilha tkun saret it-talba għandhom jikkooperaw ma' xulxin.

Artikolu 27

Rimedji

Kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li tressaq ilment u d-dritt għal rimedju legali fl-Istat Membru tal-kundanna li jkun irrifjuta d-dritt ta' aċċess għad-data li tikkonċernaha, jew id-dritt ta' rettifika jew tħassir ta' din id-data, imsemmija fl-Artikolu 25 f'konformità mal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni.

Artikolu 28

Superviżjoni mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali

1.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali maħtura skont ir-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data għandhom iwettqu monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data personali, imsemmija fl-Artikoli 5 u 6, mill-Istat Membru kkonċernat, inkluża t-trasmissjoni tagħha lejn u mill-ECRIS-TCN.

2.  L-awtorità superviżorja nazzjonali għandha tiżgura li jsir awditu tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data fil-bażijiet ta' data nazzjonali tar-rekords kriminali u tal-marki tas-swaba' b'rabta mal-iskambju ta' data bejn dawk is-sistemi u l-ECRIS-TCN f'konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti tal-awditjar tal-inqas kull tliet snin mid-data tal-bidu tal-operat tal-ECRIS-TCN.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tagħhom għandhom biżżejjed riżorsi biex iwettqu l-kompiti mogħtija lilhom skont dan ir-Regolament.

4.  Kull Stat Membru għandu jipprovdi kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tiegħu u għandu, b'mod partikolari, jipprovdilhom informazzjoni dwar l-attivitajiet imwettqa f'konformità mal-Artikoli 12, 13 u 19. Kull Stat Membru għandu jagħti aċċess lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tiegħu għar-rekords tiegħu skont l-Artikolu 25(7) u għar-reġistrazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 31(6) u jippermettilhom aċċess f'kull ħin għall-bini kollu tiegħu relatat mal-ECRIS-TCN.

Artikolu 29

Superviżjoni mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

1.  Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jara li l-attivitajiet ta' pproċessar tad-data personali ta' eu-LISA fir-rigward tal-ECRIS-TCN jitwettqu f'konformità ma' dan ir-Regolament.

2.  Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jiżgura li jsir awditu tal-attivitajiet ta' pproċessar tad-data personali mwettqa minn eu-LISA f'konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti tal-awditjar minn tal-inqas kull tliet snin. Għandu jintbagħat rapport ta' dak l-awditu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lil eu-LISA u lill-awtoritajiet superviżorji. eu-LISA għandha tingħata opportunità li tikkummenta qabel ma jiġi adottat ir-rapport.

3.  eu-LISA għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tagħtih aċċess għad-dokumenti kollha u għar-reġistrazzjonijiet tagħha msemmija fl-Artikolu 31 u tagħtih il-permess għal aċċess f'kull ħin għall-bini kollu tagħha.

Artikolu 30

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Għandha tiġi żgurata superviżjoni koordinata tal-ECRIS-TCN f'konformità mal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 31

Iż-żamma ta' reġistrazzjonijiet

1.  eu-LISA u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw, f'konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, li l-operazzjonijiet kollha ta' pproċessar tad-data fl-ECRIS-TCN jiġu rreġistrati skont il-paragrafu 2 għall-finijiet tal-verifika tal-ammissibbiltà tat-talbiet, il-monitoraġġ tal-integrità tad-data u s-sigurtà u l-legalità tal-ipproċessar tad-data kif ukoll għall-finijiet ta' awtomonitoraġġ.

2.  Ir-reġistrazzjoni għandha tindika:

(a) il-fini tat-talba għal aċċess għad-data tal-ECRIS-TCN;

(b) id-data trasmessa kif imsemmija fl-Artikolu 5;

(c) ir-referenza tal-fajl nazzjonali;

(d) id-data u l-ħin preċiż tal-operazzjoni;

(e) id-data użata biex jitwettaq it-tiftix;

(f) il-marka li tidentifika lill-uffiċjal li jkun għamel it-tiftix.

3.  Ir-reġistrazzjoni tal-konsultazzjonijiet u tad-divulgazzjonijiet għandha tippermetti li tiġi stabbilita ġustifikazzjoni għal tali operazzjonijiet.

4.  Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jintużaw biss għall-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data u sabiex ikunu żgurati l-integrità u s-sigurtà tad-data. Għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 36 jistgħu jintużaw biss reġistrazzjonijiet li ma jkunx fihom data personali. Dawk ir-reġistrazzjonijiet għandhom ikunu protetti permezz ta' miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat u għandhom jitħassru wara perijodu ta' tliet snin, dment li ma jibqgħux meħtieġa aktar għal proċeduri ta' monitoraġġ li jkunu diġà bdew.

5.  Jekk issirilha talba, eu-LISA għandha tqiegħed ir-reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet ta' pproċessar tagħha għad-disponibbiltà tal-awtoritajiet ċentrali mingħajr dewmien bla bżonn.

6.  L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti responsabbli għall-ivverifikar tal-ammissibbiltà tat-talba u għall-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data u għall-integrità u s-sigurtà tad-data għandu jkollhom aċċess għar-reġistrazzjonijiet meta ssir talba mingħandhom bil-fini li jaqdu dmirijiethom. Jekk issirilhom talba, l-awtoritajiet ċentrali għandhom iqiegħdu r-reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet ta' pproċessar tagħhom għad-disponibbiltà tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti mingħajr dewmien bla bżonn.



KAPITOLU VI

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 32

Użu tad-data għar-rappurtar u għall-istatistika

1.  Il-persunal debitament awtorizzat ta' eu-LISA, tal-awtoritajiet kompetenti u tal-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess għad-data pproċessata fl-ECRIS-TCN, unikament għall-finijiet ta' rappurtar u biex jipprovdu statistika, mingħajr ma jippermettu l-identifikazzjoni ta' individwi.

▼M1

2.  Għall-fini tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-eu-LISA għandha taħżen id-data msemmija f'dak il-paragrafu fir-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika msemmija fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2019/818.

▼B

3.  Il-proċeduri stabbiliti minn eu-LISA għall-monitoraġġ tat-tħaddim tal-ECRIS-TCN imsemmija fl-Artikolu 36 kif ukoll l-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS għandhom jinkludu l-possibbiltà li tiġi prodotta statistika regolari għall-finijiet ta' monitoraġġ.

Kull xahar, eu-LISA għandha tippreżenta statistika lill-Kummissjoni rigward ir-reġistrazzjoni, il-ħżin u l-iskambju tal-informazzjoni misluta mir-rekords kriminali permezz tal-ECRIS-TCN u tal-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS. eu-LISA għandha tiżgura li ma tkunx possibbli l-identifikazzjoni ta' individwi abbażi ta' dik l-istatistika. Meta ssirilha talba mill-Kummissjoni, eu-LISA għandha tipprovdilha statistika dwar aspetti speċifiċi relatati mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

4.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-istatistika neċessarja lil eu-LISA sabiex taqdi d-dmirijiet tagħha msemmija f'dan l-Artikolu. Huma għandhom jipprovdu statistika lill-Kummissjoni dwar l-għadd ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi kkundannati, kif ukoll l-għadd ta' kundanni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom.

Artikolu 33

Spejjeż

1.  L-ispejjeż imġarrba b'rabta mal-istabbiliment u mat-tħaddim tas- ►M1  is-sistema ċentrali u s-CIR u ◄ , l-infrastruttura ta' komunikazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 4(1), is-software tal-interfaċċa u l-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

2.  L-ispejjeż tal-konnessjoni tal-Eurojust, l-Europol u l-UPPE mal-ECRIS-TCN għandhom jitħallsu mill-baġits rispettivi tagħhom.

3.  L-ispejjeż l-oħra għandhom jitħallsu mill-Istati Membri, b'mod speċifiku l-ispejjeż imġarrba għall-konnessjoni tar-reġistri nazzjonali eżistenti tar-rekords kriminali, tal-bażijiet ta' data tal-marki tas-swaba' u tal-awtoritajiet ċentrali mal-ECRIS-TCN, kif ukoll l-ispejjeż għall-ospitar tal-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS.

Artikolu 34

Notifiki

1.  Kull Stat Membru għandu jinnotifika lil eu-LISA dwar l-awtorità jew l-awtoritajiet ċentrali tiegħu li għandha jew għandhom aċċess biex idaħħlu, jirrettifikaw, iħassru, jikkonsultaw jew ifittxu data, kif ukoll kwalunkwe bidla f'dan ir-rigward.

2.  eu-LISA għandha tiżgura l-pubblikazzjoni tal-lista tal-awtoritajiet ċentrali notifikati mill-Istati Membri, kemm f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq is-sit web tagħha. Meta eu-LISA tirċievi notifika dwar bidla fl-awtorità ċentrali ta' Stat Membru, hija għandha taġġorna l-lista mingħajr dewmien bla bżonn.

Artikolu 35

Dħul ta' data u bidu tat-tħaddim

1.  Ladarba l-Kummissjoni tkun sodisfatta li l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu ntlaħqu, hija għandha tiddetermina d-data minn meta l-Istati Membri għandhom jibdew idaħħlu d-data msemmija fl-Artikolu 5 fl-ECRIS-TCN:

(a) ikunu ġew adottati l-atti ta' implimentazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 10;

(b) l-Istati Membri jkunu vvalidaw l-arranġamenti tekniċi u ġuridiċi biex jiġbru d-data msemmija fl-Artikolu 5 u jittrasmettuha lill-ECRIS-TCN u jkunu nnotifikawhom lill-Kummissjoni;

(c) eu-LISA tkun wettqet test komprensiv tal-ECRIS-TCN, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, bl-użu ta' data tal-ittestjar anonima.

2.  Meta l-Kummissjoni tkun iddeterminat id-data ta' meta għandha tibda tiddaħħal id-data skont il-paragrafu 1, hija għandha tikkomunika dik id-data lill-Istati Membri. Fi żmien xahrejn wara dik id-data, l-Istati Membri għandhom idaħħlu d-data msemmija fl-Artikolu 5 fl-ECRIS-TCN, b'kont meħud tal-Artikolu 41(2).

3.  Wara tmiem il-perijodu msemmi fil-paragrafu 2, eu-LISA għandha twettaq test finali tal-ECRIS-TCN, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri.

4.  Meta t-test imsemmi fil-paragrafu 3 jkun tlesta b'suċċess u eu-LISA tqis li l-ECRIS-TCN tkun lesta biex tibda taħdem, għandha tinnotifika lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tat-test u għandha tiddeċiedi d-data minn meta l-ECRIS-TCN għandha tibda taħdem.

5.  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar id-data tal-bidu tat-tħaddim tal-ECRIS-TCN, kif imsemmi fil-paragrafu 4, għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

6.  L-Istati Membri għandhom jibdew jużaw l-ECRIS-TCN mid-data determinata mill-Kummissjoni f'konformità mal-paragrafu 4.

7.  Meta tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista' tispeċifika dati differenti għad-dħul fl-ECRIS-TCN ta' data alfanumerika u data tal-marki tas-swaba' kif imsemmi fl-Artikolu 5, kif ukoll għall-bidu tat-tħaddim fir-rigward ta' dawk il-kategoriji differenti ta' data.

Artikolu 36

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.  eu-LISA għandha tiżgura li jkun hemm proċeduri fis-seħħ għall-monitoraġġ tal-iżvilupp tal-ECRIS-TCN fid-dawl tal-objettivi relatati mal-ippjanar u l-ispejjeż u għall-monitoraġġ tat-tħaddim tal-ECRIS-TCN u tal-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS fid-dawl tal-objettivi relatati mar-rendiment tekniku, il-kosteffettività, is-sigurtà u l-kwalità tas-servizz.

2.  Għall-finijiet tal-monitoraġġ tat-tħaddim tal-ECRIS-TCN u l-manutenzjoni teknika tagħha, eu-LISA għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni neċessarja relatata mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data mwettqa fl-ECRIS-TCN u fl-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS.

3.  Sat-12 ta' Diċembru 2019 u kull sitt xhur minn dakinhar 'il quddiem matul il-fażi tat-tfassil u tal-iżvilupp, eu-LISA għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat tal-ħidma tal-iżvilupp tal-ECRIS-TCN u tal-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS.

4.  Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jinkludi ħarsa ġenerali lejn l-ispejjeż u l-progress attwali tal-proġett, valutazzjoni tal-impatt finanzjarju, kif ukoll informazzjoni dwar il-problemi u r-riskji tekniċi li jista' jkollhom impatt fuq l-ispejjeż kumplessivi tal-ECRIS-TCN li għandhom jinġarru mill-baġit ġenerali tal-Unjoni skont l-Artikolu 33.

5.  F'każ ta' dewmien sostanzjali fil-proċess ta' żvilupp, eu-LISA għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kemm jista' jkun malajr bir-raġunijiet għal dan id-dewmien, kif ukoll dwar l-impatt tiegħu f'termini ta' żmien u finanzi.

6.  Ladarba l-iżvilupp tal-ECRIS-TCN u tal-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS ikunu ffinalizzati, eu-LISA għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jispjega kif ikunu nkisbu l-objettivi, b'mod partikolari dawk marbuta mal-ippjanar u mal-ispejjeż, u li jiġġustifika kwalunkwe diverġenza.

7.  Fil-każ ta' aġġornament tekniku tal-ECRIS-TCN li jista' jwassal għal spejjeż sostanzjali, eu-LISA għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

8.  Sentejn wara l-bidu tat-tħaddim tal-ECRIS-TCN u kull sena minn dakinhar 'il quddiem, eu-LISA għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar it-tħaddim tekniku tal-ECRIS-TCN u dwar l-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS, inkluż dwar is-sigurtà tagħhom, abbażi, b'mod partikolari, tal-istatistika dwar it-tħaddim u l-użu tal-ECRIS-TCN u l-iskambju, permezz tal-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS, tal-informazzjoni misluta mir-rekords kriminali.

9.  Erba' snin wara l-bidu tat-tħaddim tal-ECRIS-TCN u kull erba' snin minn dakinhar 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ġenerali tal-ECRIS-TCN u tal-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS. Ir-rapport ta' evalwazzjoni ġenerali stabbilit abbażi ta' dan għandu jinkludi valutazzjoni tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u eżami tar-riżultati li nkisbu b'rabta mal-objettivi li kienu stabbiliti u tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll valutazzjoni ta' jekk ir-raġunament sottostanti għat-tħaddim tal-ECRIS-TCN għadux validu, tal-adegwatezza tal-użu tad-data bijometrika użata għall-finijiet tal-ECRIS-TCN, tas-sigurtà tal-ECRIS-TCN u ta' kwalunkwe implikazzjoni ta' sigurtà għal operazzjonijiet futuri. L-evalwazzjoni għandha tinkludi r-rakkomandazzjonijiet kollha meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

10.  Barra minn hekk, l-ewwel evalwazzjoni ġenerali kif imsemmija fil-paragrafu 9 għandha tinkludi valutazzjoni ta':

(a) kemm, meta titqies id-data statistika rilevanti u informazzjoni ulterjuri mill-Istati Membri, l-inklużjoni fl-ECRIS-TCN ta' informazzjoni dwar l-identità ta' ċittadini tal-Unjoni li għandhom ukoll ċittadinanza ta' pajjiż terz ikkontribwiet għall-kisba tal-objettivi ta' dan ir-Regolament;

(b) il-possibbiltà, li xi Stati Membri jkomplu jużaw software nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-ECRIS, kif imsemmi fl-Artikolu 4;

(c) id-dħul ta' data tal-marki tas-swaba' fl-ECRIS-TCN, b'mod partikolari l-applikazzjoni tal-kriterji minimi kif imsemmi fil-punt (b)(ii) tal-Artikolu 5(1);

(d) l-impatt tal-ECRIS u tal-ECRIS-TCN fuq il-protezzjoni tad-data personali.

Il-valutazzjoni tista' tkun akkumpanjata, jekk meħtieġ, minn proposti leġislattivi. Evalwazzjonijiet ġenerali sussegwenti jistgħu jinkludu valutazzjoni ta' kwalunkwe wieħed minn dawk l-aspetti jew tal-aspetti kollha.

11.  L-Istati Membri, l-Eurojust, l-Europol u l-UPPE għandhom jipprovdu lil eu-LISA u lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għat-tfassil tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 3, 8 u 9 skont l-indikaturi kwantitattivi definiti minn qabel mill-Kummissjoni jew minn eu-LISA jew mit-tnejn. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tippreġudika l-metodi ta' ħidma u lanqas ma għandha tinkludi informazzjoni li tiżvela s-sorsi, il-membri tal-persunal jew l-investigazzjonijiet.

12.  Fejn rilevanti, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jipprovdu lil eu-LISA u lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għat-tfassil tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 9 skont l-indikaturi kwantitattivi definiti minn qabel mill-Kummissjoni jew minn eu-LISA jew mit-tnejn. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tippreġudika l-metodi ta' ħidma u lanqas ma għandha tinkludi informazzjoni li tiżvela s-sorsi, il-membri tal-persunal jew l-investigazzjonijiet.

13.  eu-LISA għandha tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa sabiex tipproduċi l-evalwazzjonijiet ġenerali msemmija fil-paragrafu 9.

Artikolu 37

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mill-11 ta' Ġunju 2019.

3.  Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 6(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 6(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 38

Proċedura ta' kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 39

Grupp Konsultattiv

eu-LISA għandha tistabbilixxi Grupp Konsultattiv sabiex tikseb għarfien espert relatat mal-ECRIS-TCN u mal-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS, b'mod partikolari fil-kuntest tat-tħejjija tal-programm ta' ħidma annwali tagħha u tar-rapport annwali tal-attività tagħha. Matul il-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp, għandu japplika l-Artikolu 11(9).

Artikolu 40

Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1726

Ir-Regolament (UE) 2018/1726 huwa emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.  L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għat-tħejjija, l-iżvilupp jew il-ġestjoni operazzjonali tas-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES), DubliNet, is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), l-ECRIS-TCN u l-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS.”;

(2) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 8a

Kompiti relatati mal-ECRIS-TCN u l-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS

B'rabta mal-ECRIS-TCN u l-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS, l-Aġenzija għandha twettaq:

(a) il-kompiti mogħtija lilha permezz tar-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 );

(b) il-kompiti relatati mat-taħriġ dwar l-użu tekniku tal-ECRIS-TCN u l-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS.

(3) Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.  L-Aġenzija għandha timmonitorja l-iżviluppi fir-riċerka rilevanti għat-tmexxija operattiva tas-SIS II, il-VIS, l-Eurodac, l-EES, l-ETIAS, DubliNet, l-ECRIS-TCN u sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira kif imsemmi fl-Artikolu 1(5).”;

(4) Fl-Artikolu 19, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a) il-punt (ee) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(ee) jadotta r-rapporti dwar l-iżvilupp tal-EES skont l-Artikolu 72(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226, ir-rapporti dwar l-iżvilupp tal-ETIAS skont l-Artikolu 92(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240 u r-rapporti dwar l-iżvilupp tal-ECRIS-TCN u tal-implimentazzjoni ta' referenza tal-ECRIS skont l-Artikolu 36(3) tar-Regolament (UE) 2019/816;”;

(b) il-punt (ff) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(ff) jadotta r-rapporti dwar il-funzjonament tekniku tas-SIS II skont l-Artikolu 50(4) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 66(4) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI rispettivament, tal-VIS skont l-Artikolu 50(3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u l-Artikolu 17(3) tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI, tal-EES skont l-Artikolu 72(4) tar-Regolament (UE) 2017/2226, tal-ETIAS skont l-Artikolu 92(4) tar-Regolament (UE) 2018/1240, u tal-ECRIS-TCN u tal-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS skont l-Artikolu 36(8) tar-Regolament (UE) 2019/816;”;

(c) il-punt (hh) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(hh) jadotta kummenti formali dwar ir-rapporti tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-awditi mwettqa skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, l-Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u l-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013, l-Artikolu 56(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226, l-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) 2018/1240 u l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) 2019/816 u jiżgura segwitu xieraq ta' dawk l-awditi;”;

(d) jiddaħħal il-punt li ġej:

“(lla) jippreżenta lill-Kummissjoni statistika relatata mal-ECRIS-TCN u mal-implimentazzjoni ta' referenza ECRIS skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) 2019/816;”;

(e) Il-punt (mm) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(mm) jiżgura l-pubblikazzjoni annwali tal-lista ta' awtoritajiet kompetenti awtorizzati jfittxu direttament id-data li tinsab fis-SIS II skont l-Artikolu 31(8) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 46(8) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, flimkien mal-lista ta' Uffiċċji tas-sistemi nazzjonali tas-SIS II (Uffiċċji N.SIS II) u Uffiċċji SIRENE skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI rispettivament kif ukoll il-lista ta' awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-lista ta' awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 87(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240 u l-lista ta' awtoritajiet ċentrali skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) 2019/816;”;

(5) Fl-Artikolu 22(4), is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara t-tielet subparagrafu:

“L-Eurojust, l-Europol u l-UPPE jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija bħala osservaturi meta fuq l-aġenda jkun hemm kwistjoni li tikkonċerna l-ECRIS-TCN b'rabta mal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/816.”;

(6) Fl-Artikolu 24(3), il-punt (p) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(p) jistabbilixxi, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal, rekwiżiti ta' kunfidenzjalità sabiex ikun konformi mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, l-Artikolu 26(9) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013, l-Artikolu 37(4) tar-Regolament (UE) 2017/2226, l-Artikolu 74(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240 u l-Artikolu 11(16) tar-Regolament (UE) 2019/816;”;

(7) Fl-Artikolu 27(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(da) il-Grupp Konsultattiv tal-ECRIS-TCN;”.

Artikolu 41

Implimentazzjoni u dispożizzjonijiet transitorji

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' dan ir-Regolament malajr kemm jista' jkun biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-ECRIS-TCN.

▼M1

2.  Għall-kundanni li jkunu ngħataw qabel id-data tal-bidu tad-dħul tad-data f'konformità mal-Artikolu 35(1), l-awtoritajiet ċentrali għandhom joħolqu r-rekords tad-data individwali fis-sistema ċentrali u s-CIR kif ġej:

(a) data alfanumerika li għandha tiddaħħal fis-sistema ċentrali u s-CIR sa tmiem il-perijodu msemmi fl-Artikolu 35(2);

(b) data tal-marki tas-swaba' li għandha tiddaħħal fis-CIR fi żmien sentejn wara l-bidu tat-tħaddim f'konformità mal-Artikolu 35(4).

▼B

Artikolu 42

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.




ANNESS

FORMOLA STANDARD TA' TALBA GĦAL INFORMAZZJONI KIF MSEMMI FL-ARTIKOLU 17(1) TAR-REGOLAMENT (UE) 2019/816 SABIEX TINKISEB INFORMAZZJONI DWAR LIEMA STAT MEMBRU, JEKK IKUN HEMM, GĦANDU INFORMAZZJONI TA' REKORDS KRIMINALI TA' ĊITTADIN TA' PAJJIŻ TERZ

image



( 1 ) Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-20 ta' Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85).

( 2 ) ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

( *1 ) Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta' Stati Membri fil-pussess ta' informazzjoni dwar kundanni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 1).”;