02019R0472 — MT — 14.08.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2019/472 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008

(ĠU L 083 25.3.2019, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2019/1241 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019

  L 198

105

25.7.2019




▼B

REGOLAMENT (UE) 2019/472 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008



KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali (“il-pjan”) għall-istokkijiet tal-ħut demersali elenkati hawn taħt, fosthom stokkijiet tal-baħar fond, fl-Ilmijiet tal-Punent, u fejn dawk l-istokkijiet ikunu mifruxin 'il barra mill-Ilmijiet tal-Punent, fl-Ilmijiet tal-madwar tagħhom, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet:

(1) iċ-ċinturin iswed (Aphanopus carbo) fis-subżoni 1, 2, 4, 6–8, 10 u 14 u fit-taqsimiet 3a, 5a, 5b, 9a, u 12b tal-ICES;

(2) il-grenadier imnieħru tond (Coryphaenoides rupestris) fis-subżoni 6 u 7 u fit-taqsima 5b tal-ICES;

(3) l-ispnotta tat-tbajja' (Dicentrarchus labrax) fit-taqsimiet 4b, 4c, 7a, 7d–h, 8a u 8b tal-ICES;

(4) l-ispnotta tat-tbajja' (Dicentrarchus labrax) fit-taqsimiet 6a, 7b u 7j tal-ICES;

(5) l-ispnotta tat-tbajja' (Dicentrarchus labrax) fit-taqsimiet 8c u 9a tal-ICES;

(6) il-bakkaljaw (Gadus morhua) fit-taqsima 7a tal-ICES;

(7) il-bakkaljaw (Gadus morhua) fit-taqsimiet 7e–k tal-ICES;

(8) il-megrim (Lepidorhombus spp.) fit-taqsimiet 4a u 6a tal-ICES;

(9) il-megrim (Lepidorhombus spp.) fit-taqsima 6b tal-ICES;

(10) il-megrim (Lepidorhombus spp.) fit-taqsimiet 7b–k, 8a, 8b, u 8d tal-ICES;

(11) il-megrim (Lepidorhombus spp.) fit-taqsimiet 8c u 9a tal-ICES;

(12) il-petriċa kbira (Lophiidae) fit-taqsimiet 7b–k, 8a, 8b, u 8d tal-ICES;

(13) il-petriċa kbira (Lophiidae) fit-taqsimiet 8c u 9a tal-ICES;

(14) il-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus) fit-taqsima 6b tal-ICES;

(15) il-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus) fit-taqsima 7a tal-ICES;

(16) il-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus) fit-taqsimiet 7b–k tal-ICES;

(17) il-merlangu (Merlangius merlangus) fit-taqsimiet 7b, 7c u 7e–k tal-ICES;

(18) il-merlangu (Merlangius merlangus) fis-subżona 8 u fit-taqsima 9a tal-ICES;

(19) il-merluzz (Merluccius merluccius) fis-subżoni 4, 6 u 7, u fit-taqsimiet 3a, 8a, 8b u 8d tal-ICES;

(20) il-merluzz (Merluccius merluccius) fit-taqsimiet 8c u 9a tal-ICES;

(21) il-linarda (Molva dypterygia) fis-subżoni 6 u 7 fit-taqsima 5b tal-ICES;

(22) l-iskampu (Nephrops norvegicus) skont l-unitajiet funzjonali fis-subżona 6 u fit-taqsima 5b tal-ICES:

 fil-Minch tat-Tramuntana (FU 11);

 fil-Minch tan-Nofsinhar (FU 12);

 fil-Firth of Clyde (FU 13);

 fit-taqsima 6a, 'il barra mill-unitajiet funzjonali (fil-Punent tal-Iskozja);

(23) l-iskampu (Nephrops norvegicus) skont l-unitajiet funzjonali fis-subżona 7 tal-ICES:

 fil-Lvant tal-Baħar Irlandiż (FU 14);

 fil-Punent tal-Baħar Irlandiż (FU 15);

 fis-Sikka ta' Porcupine (FU 16);

 fl-Aran grounds (FU 17);

 fil-Baħar Irlandiż (FU 19);

 fil-Baħar Ċeltiku (FU 20-21);

 fil-Kanal ta' Bristol (FU 22);

 'il barra mill-unitajiet funzjonali (In-Nofsinhar tal-Baħar Ċeltiku, fil-Lbiċ tal-Irlanda);

(24) l-iskampu (Nephrops norvegicus) skont l-unitajiet funzjonali fit-taqsimiet 8a, 8b, 8d u 8e tal-ICES:

 fit-Tramuntana u fiċ-Ċentru tal-Bajja ta' Biskajja (FU 23-24);

(25) l-iskampu (Nephrops norvegicus) skont l-unitajiet funzjonali fis-subżoni 9 u 10 tal-ICES, u ż-żona 34.1.1 tas-CECAF:

 fl-ilmijiet Iberiċi tal-Atlantiku tal-Lvant, fil-Galizja tal-Punent u fit-Tramuntana tal-Portugall (FU 26-27);

 fl-ilmijiet Iberiċi tal-Atlantiku tal-Lvant u tal-Lbiċ u n-Nofsinhar tal-Portugall (FU 28-29);

 fl-ilmijiet Iberiċi tal-Atlantiku tal-Lvant u fil-Golf ta' Cádiz (FU 30);

(26) il-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) fis-subżona 9 tal-ICES;

(27) il-barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) fit-taqsima 7d tal-ICES;

(28) il-barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa) fit-taqsima 7e tal-ICES;

(29) il-pollakkju (Pollachius pollachius) fis-subżoni 6 u 7 tal-ICES;

(30) il-lingwata komuni (Solea solea) fis-subżoni 5, 12 u 14 u fit-taqsima 6b tal-ICES;

(31) il-lingwata komuni (Solea solea) fit-taqsima 7d tal-ICES;

(32) il-lingwata komuni (Solea solea) fit-taqsima 7e tal-ICES;

(33) il-lingwata komuni (Solea solea) fit-taqsimiet 7f u 7 g tal-ICES;

(34) il-lingwata komuni (Solea solea) fit-taqsimiet 7h, 7j u 7k tal-ICES;

(35) il-lingwata komuni (Solea solea) fit-taqsimiet 8a u 8b tal-ICES;

(36) il-lingwata komuni (Solea solea) fit-taqsimiet 8c u 9a tal-ICES.

Meta l-parir xjentifiku, b'mod partikolari dak tal-ICES jew ta' korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, juri bidla fid-distribuzzjoni ġeografika tal-istokkijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-Kummissjoni tista' tadotta l-atti delegati skont l-Artikolu 18 li jemendaw dan ir-Regolament billi jaġġustaw iż-żoni speċifikati fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu fuq biex dawn jiġu jirriflettu l-bidla. Dawn l-aġġustamenti ma għandhomx ikabbru ż-żoni tal-istokkijiet 'il barra mill-Ilmijiet tal-Unjoni tas-subżoni 4 sa 10 tal-ICES, u miż-żoni 34.1.1, 34.1.2, u 34.2.0 tas-CECAF.

2.  Meta, abbażi tal-parir xjentifiku, il-Kummissjoni tkun tal-fehma li l-lista tal-istokkijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 jeħtieġ li tiġi emendata, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposta biex dik il-lista tiġi emendata.

3.  Fir-rigward tal-ilmijiet tal-madwar koperti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, japplikaw biss l-Artikoli 4 u 7 u l-miżuri b'rabta mal-opportunitajiet tas-sajd skont l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament.

4.  Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-qabdiet inċidentali li jinqabdu fl-Ilmijiet tal-Punent waqt is-sajd tal-istokkijiet elenkati fil-paragrafu 1. Iżda fejn il-meded tal-FMSY u s-salvagwardji marbutin mal-bijomassa għal dawk l-istokkijiet ikunu stabbiliti f'atti legali oħrajn tal-Unjoni li jistabbilixxu l-pjanijiet pluriennali, japplikaw dawk il-meded u s-salvagwardji.

5.  Dan ir-Regolament jispeċifika wkoll id-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art fil-partijiet tal-Unjoni tal-Ilmijiet tal-Punent fir-rigward tal-istokkijiet kollha ta' dawk l-ispeċijiet li japplika għalihom l-obbligu ta' ħatt l-art skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

6.  Dan ir-Regolament jipprevedi miżuri tekniċi, kif stabbilit fl-Artikolu 9, li japplikaw fl-Ilmijiet tal-Punent għal kwalunkwe stokk.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin flimkien ma' dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 ( 1 ) u fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 ( 2 ):

(1) “L-Ilmijiet tal-Punent” tfisser l-Ilmijiet tal-Majjistral (is-subżoni 5 tal-ICES (bl-esklużjoni tad-diviżjoni 5a u biss l-ilmijiet tal-Unjoni tad-diviżjoni 5b), 6 u 7 tal-ICES u l-Ilmijiet tal-Lbiċ (is-subżoni tal-ICES 8, 9, u 10 (l-ilmijiet madwar l-Azores), u ż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2.0 tas-CECAF (l-ilmijiet madwar il-Madeira u l-Gżejjer tal-Kanarja));

(2) “il-medda tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri li jingħataw fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal- ICES, jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li fiha l-livelli kollha tal-mortalità mis-sajd jagħtu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY) fuq żmien twil ibbażat fuq mudell tas-sajd partikolari u taħt kundizzjonijiet ambjentali medji attwali, mingħajr ma taffettwa b'xi mod sinifikanti l-proċess tar-riproduzzjoni tal-istokk ikkonċernat. Hija dderivata b'tali mod li r-rendiment fit-tul ma jitnaqqasx b'aktar minn 5 % meta mqabbel mal-MSY. Din għandha limitu massimu biex il-probabbiltà li l-istokk jinżel għal inqas mill-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk (Blim) ma tkunx ta' iktar minn 5 %;

(3) “MSY Flower” tfisser l-iżgħar valur fil-medda ta' FMSY;

(4) “MSY Fupper” tfisser l-ogħla valur fil-medda tal-FMSY;

(5) “Il-punt ta' valur tal-FMSY” huwa l-valur tal-mortalità mis-sajd stmat li bbażat fuq mudell tas-sajd partikolari u taħt kundizzjonijiet ambjentali medji attwali jagħti r-rendiment massimu fuq terminu ta' żmien twil;

(6) “l-aktar medda baxxa tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri li fiha l-valuri minn MSY Flower sal-punt ta' valur tal-FMSY;

(7) “l-ogħla medda tal-FMSY” tfisser medda ta' valuri li fiha l-valuri mill-punt ta' valur tal-FMSY sal-MSY Fupper;

(8) “Blim” tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk li jingħata fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal-ICES, jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li taħtu tista' titnaqqas il-kapaċità riproduttiva;

(9) “MSY Btrigger” tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk, jew, fil-każ tal-iskampu, il-punt ta' referenza tal-abbundanza li jingħata fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal-ICES, jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li taħtu għandha tittieħed azzjoni ta' ġestjoni speċifika u xierqa biex jiġi żgurat li r-rati tal-isfruttament flimkien mal-varjazzjonijiet naturali jirripristinaw l-istokkijiet 'il fuq mil-livelli li jkunu kapaċi jipproduċu l-MSY fuq terminu ta' żmien twil.



KAPITOLU II

GĦANIJIET

Artikolu 3

Għanijiet

1.  Il-pjan għandu jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari billi jintuża approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jimmira li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirripristina l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet li jinstadu u jżommhom 'il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY.

2.  Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-iskartar tal-ħut billi kemm jista' jkun jevita u jnaqqas il-qabdiet inċidentali, u jgħin fl-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 rigward l-ispeċijiet li huma soġġetti għal-limiti tal-qbid u li japplika għalihom dan ir-Regolament.

3.  Il-pjan għandu jimplimenta metodu ta' ġestjoni tas-sajd li jkun ibbażat fuq l-ekosistema biex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Dan ikun koerenti mal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-objettiv li jinkiseb stat ambjentali tajjeb sal-2020, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE.

4.  B'mod partikolari, il-pjan għandu jkollu l-għan li:

(a) jiżgura li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet deskritti fid-deskrittur 3 li jinsab fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE;

(b) jikkontribwixxi biex jiġu ssodisfati deskritturi rilevanti oħra li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE bi proporzjon mal-parti li għandu s-sajd fis-sodisfazzjon tagħhom; kif ukoll

(c) jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2009/147/KE u l-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva 92/43/KEE, b'mod partikolari biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-ħabitats vulnerabbli u l-ispeċijiet protetti.

5.  Il-miżuri taħt il-pjan jittieħdu bi qbil mal-aħjar parir xjentifiku disponibbli. Fejn ma hemmx biżżejjed dejta, għandu jkun hemm livell komparabbli ta' konservazzjoni għall-istokkijiet rilevanti.



KAPITOLU III

MIRI

Artikolu 4

Miri

1.  Il-mortalità mis-sajd fil-mira bi qbil mal-meded tal-FMSY iddefiniti fl-Artikolu 2 għandha tinkiseb kemm jista' jkun malajr, u fuq bażi progressivament inkrementali sal-2020 rigward l-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(1), u minn dik is-sena 'l quddiem għandha tinżamm fil-meded tal-FMSY bi qbil ma' dan l-Artikolu.

2.  Il-meded tal-FMSY ibbażati fuq il-pjan għandhom jintalbu b'mod partikolari mingħand l-ICES jew mingħand korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali.

3.  Bi qbil mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta l-Kunsill jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari, għandu jistabbilixxi dawk l-opportunitajiet fil-medda l-iktar baxxa tal-FMSY disponibbli f'dak iż-żmien għal dak l-istokk.

4.  Minkejja l-paragrafi 1 u 3, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari jistgħu jiġu ffissati f'livelli li huma aktar baxxi mill-meded tal-FMSY.

5.  Minkejja dak li jinsab fil-paragrafi 3 u 4, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk jistgħu jiġu ffissati skont l-ogħla medda tal-FMSY disponibbli f'dak iż-żmien għal dak l-istokk, dejjem jekk l-istokk imsemmi fl-Artikolu 1(1) ikun ikbar mill MSY Btrigger:

(a) jekk, abbażi tal-parir jew tal-evidenza xjentifiċi jkun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-każ tas-sajd imħallat;

(b) jekk, abbażi tal-parir xjentifiku jew tal-evidenza xjentifika, ikun meħtieġ biex tiġi evitata ħsara serja lil stokk ikkawżata mid-dinamika tal-istokkijiet fost speċi waħda jew bejn speċijiet differenti; jew

(c) biex ikun hemm limitazzjoni fil-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd għal mhux inqas minn 20 % minn sena għal sena konsekuttivi.

6.  Fejn il-meded ta' FMSY ma jistgħux jiġu determinati għal stokk elenkat fl-Artikolu 1(1) minħabba nuqqas ta' informazzjoni xjentifika adegwata, dak l-istokk għandu jiġi ġestit skont l-Artikolu 5 sa meta meded ta' FMSY ikunu disponibbli skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

7.  Fi kwalunkwe każ, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati b'mod li jiżgura probabbiltà ta' inqas minn 5 % li l-bijomassa riproduttiva ta' stokk jinżel inqas mill-Blim.

Artikolu 5

Ġestjoni tal-qabdiet aċċessorji

1.  Għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta' ġestjoni tal-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) inklużi, fejn xieraq, l-opportunitajiet tas-sajd, filwaqt li jitqies l-aħjar parir xjentifiku disponibbli u għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.  L-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) għandhom jiġu ġestiti skont l-approċċ ta' prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd kif iddefinit fil-punt 8 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 meta ma tkunx disponibbli informazzjoni xjentifika adegwata u skont l-Artikolu 3(5) ta' dan ir-Regolament.

3.  Bi qbil mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-ġestjoni tas-sajd imħallat għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) ta' dan ir-Regolament għandha tqis id-diffikultà biex jinstadu l-istokkijiet kollha fil-livell MSY fl-istess ħin, speċjalment f'sitwazzjonijiet meta dan iwassal għall-għeluq qabel il-waqt tas-sajd.

Artikolu 6

Limitazzjoni tal-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd għal stokk

Kunsill Konsultattiv rilevanti jista' jirrakkomanda lill-Kummissjoni approċċ ta' ġestjoni li jfittex li jillimita l-varjazzjonijiet li jseħħu minn sena għal sena fl-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari elenkat fl-Artikolu 1(1).

Il-Kunsill jista' jqis kwalunkwe tali rakkomandazzjoni meta jkun qed jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd sakemm dawn l-opportunitajiet tas-sajd jikkonformaw mal-Artikoli 4 u 8.



KAPITOLU IV

SALVAGWARDJI

Artikolu 7

Punti ta' referenza għall-konservazzjoni

Il-punti ta' referenza għall-konservazzjoni għas-salvagwardja tal-kapaċità riproduttiva kollha tal-istokkijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) li ġejjin għandhom, abbażi tal-pjan, jintalbu b'mod partikolari mingħand l-ICES, jew mingħand korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali:

(a) L-MSY Btrigger għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1);

(b) Il-Blim għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1).

Artikolu 8

Salvagwardji

1.  Meta l-parir xjentifiku jindika li għal sena partikolari l-bijomassa riproduttiva tal-istokk, u fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza, ta' xi wħud mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tkun inqas mil-livell tal-MSY Btrigger, għandhom jiġu adottati l-miżuri ta' rimedju kollha biex jiżguraw ir-ripristinament malajr tal-istokk jew tal-unità funzjonali kkonċernata għal-livelli ogħla minn dawk li huma kapaċi jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, minkejja l-Artikolu 4(3), l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati f'livelli li jkunu konsistenti ma' mortalità mis-sajd li tkun tnaqqset aktar mill-ogħla medda tal-FMSY, meta jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa.

2.  Meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa riproduttiva tal-istokk u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza ta' xi wħud mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tkun inqas mil-livell Blim, għandhom jittieħdu aktar miżuri ta' rimedju biex jiżguraw ir-ripristinament malajr tal-istokk jew tal-unità funzjonali kkonċernata għal-livelli ogħla minn dawk li huma kapaċi jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, dawk il-miżuri ta' rimedju jistgħu jinkludu, minkejja l-Artikolu 4(3), is-sospensjoni tas-sajd fil-mira għall-istokk jew għall-unità funzjonali kkonċernati u t-tnaqqis xieraq tal-opportunitajiet tas-sajd.

3.  Il-miżuri ta' rimedju msemmija f'dan l-Artikolu jistgħu jinkludu:

(a) miżuri ta' emerġenza skont l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b) miżuri skont l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament.

4.  L-għażla tal-miżuri msemmijin f'dan l-Artikolu għandha ssir skont in-natura, is-serjetà, it-tul fiż-żmien u kemm tirrepeti ruħha s-sitwazzjoni li fiha l-bijomassa riproduttiva tal-istokk u, fil-każ tal-istokkijiet tal-iskampu, l-abbundanza jkunu inqas mil-livelli msemmijin fl-Artikolu 7.



KAPITOLU V

MIŻURI TEKNIĊI

Artikolu 9

Miżuri tekniċi

▼M1

1.  Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 biex tissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-miżuri tekniċi li ġejjin, sa fejn ma jkunux koperti mir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ):

▼B

(a) l-ispeċifikazzjonijiet tal-karatteristiċi tal-irkapti tas-sajd u tar-regoli għall-użu tagħhom biex tiġi żgurata jew tittejjeb is-selettività, jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali jew jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

(b) l-ispeċifikazzjonijiet ta' modifiki jew apparat addizzjonali mal-irkapti tas-sajd biex tiġi żgurata jew titjieb is-selettività, jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali jew jiġi jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt negattiv fuq l-ekosistema;

(c) il-limitazzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti rkapti tas-sajd u fuq l-attivitajiet tas-sajd f'ċerti żoni jew perjodi biex jipproteġu l-ħut li jbid, il-ħut li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jew il-ħut ta' speċijiet li ma jkunux fil-mira, jew biex jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt negattiv fuq l-ekosistema; kif ukoll

(d) l-iffissar ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni għal kull stokk li għalih japplika dan ir-Regolament, biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħut żgħir tal-organiżmi tal-baħar.

▼M1

2.  Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2019/1241.

▼B



KAPITOLU VI

OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

Artikolu 10

Opportunitajiet tas-sajd

1.  Huma u jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kompożizzjoni probabbli tal-qbid tal-bastimenti tas-sajd li jieħdu sehem fis-sajd imħallat.

2.  Wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jiskambjaw l-opportunitajiet tas-sajd kollha allokati lilhom, jew parti minnhom, skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

3.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, it-TAC għall-istokkijiet tal-iskampu fl-Ilmijiet tal-Punent tista' tiġi stabbilita għaż-żoni ta' ġestjoni li jikkorrispondu għal kull waħda miż-żoni definiti taħt il-punti 22 sa 25 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1). F'każijiet bħal dawn, it-TAC għal żona ta' ġestjoni tista' tkun is-somma tal-limiti tal-qbid ta' dawk l-unitajiet funzjonali u tal-limiti tal-qbid tar-rettangoli statistiċi 'l barra mill-unitajiet funzjonali.

Artikolu 11

Sajd rikreattiv

1.  Meta l-parir xjentifiku jindika li s-sajd rikreattiv qed ikollu impatt sinifikanti fuq il-mortalità mis-sajd ta' xi stokk imsemmi fl-Artikolu 1(1), il-Kunsill jista' jistabbilixxi limiti mhux diskriminatorju għas-sajjieda rikreattivi.

2.  Meta jkun qed jiffissa limiti msemmija fil-paragrafu 1, il-Kunsill jibbaża ruħu fuq kriterji trasparenti u oġġettivi, inklużi dawk ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika. Il-kriterji użati jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, l-impatt fuq l-ambjent tas-sajd rikreattiv, l-importanza soċjali ta' dik l-attività u l-kontribut tagħha għall-ekonomija tat-territorji kostali.

3.  Fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa u proporzjonati għall-monitoraġġ u l-ġbir tad-dejta għal stima affidabbli tal-livelli effettivi tal-qabdiet mis-sajd rikreattiv.

Artikolu 12

Limitazzjoni tal-isforz għal-lingwata fil-Fliegu tal-Punent

1.  It-TACs għal-lingwata fil-Fliegu tal-Punent (diviżjoni 7e tal-ICES) taħt il-pjan għandhom ikunu kkumplementati b'limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd.

2.  Meta jkun qed jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd, il-Kunsill għandu jiddeċiedi ta' kull sena dwar in-numru massimu ta' ġranet fuq il-baħar għall-bastimenti preżenti fil-Fliegu tal-Punent u li jużaw xbieki tat-tkarkir bit-travu b'malji li fihom daqs ta' 80 mm jew aktar u għall-bastimenti fil-Fliegu tal-Punent li jużaw xbieki statiċi b'malji li fihom daqs ta' 220 mm jew anqas.

3.  In-numru massimu tal-ġranet fuq il-baħar imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jiġi aġġustat bl-istess proporzjon bħall-aġġustament fir-rata tal-mortalità mis-sajd li tikkorrispondi għall-varjazzjoni fit-TACS.



KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAL-OBBLIGU TA' ĦATT L-ART

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet relatati mal-obbligu ta' ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Ilmijiet tal-Punent

1.  Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament u skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet fl-Ilmijiet tal-Punent li għalihom japplika l-obbligu ta' ħatt l-art skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 biex tissupplimenta lil dan ir-Regolament billi tispeċifika d-dettalji ta' dak l-obbligu kif previst fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

2.  L-obbligu ta' ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika għas-sajd rikreattiv, inkluż f'każijiet fejn il-Kunsill jistabbilixxi limiti skont l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament.



KAPITOLU VIII

AĊĊESS GĦALL-ILMIJIET U R-RIŻORSI

Artikolu 14

Awtorizzazzjonijiet tas-sajd u l-limiti massimi tal-kapaċità

1.  Għal kull waħda miż-żoni tal-ICES imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu joħroġ l-awtorizzazzjonijiet għas-sajd skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u li jistadu f'dik iż-żona. F'dawn l-awtorizzazzjonijiet għas-sajd, l-Istati Membri jistgħu wkoll jillimitaw il-kapaċità totali ta' dawn il-bastimenti li jużaw irkaptu speċifiku.

2.  Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament u skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi tistabbilixxi limiti fuq il-kapaċità totali tal-flotot tal-Istati Membri kkonċernati ħalli tiffaċilita l-ilħuq tal-għanijiet spjegati fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

3.  Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm lista ta' bastimenti li jkollhom l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmijin fil-paragrafu 1 u jagħmilha disponibbli fuq is-sit web uffiċjali tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri oħra.



KAPITOLU IX

ĠESTJONI TA' STOKKIJIET TA' INTERESS KOMUNI

Artikolu 15

Prinċipji u objettivi tal-ġestjoni ta' stokkijiet ta' interess komuni għall-Unjoni u pajjiżi terzi

1.  Fejn l-istokkijiet ta' interess komuni jiġu sfruttati wkoll minn pajjiżi terzi, l-Unjoni għandha tikkomunika ma' dawk il-pajjiżi terzi bil-ħsieb li tiżgura li dawk l-istokkijiet jiġu ġestiti b'mod sostenibbli li jkun konsistenti mal-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu, u mal-objettivi ta' dan ir-Regolament. Meta ma jintlaħaqx ftehim formali l-Unjoni għandha tagħmel kull sforz biex tikseb arranġamenti komuni għas-sajd ta' dawn l-istokkijiet bil-għan li jinkiseb stat ta' ġestjoni sostenibbli, u b'hekk ikun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-Unjoni.

2.  Fil-kuntest tal-ġestjoni ta' stokkijiet kondiviża ma' pajjiżi terzi, l-Unjoni tista' tiskambja l-opportunitajiet tas-sajd ma' pajjiżi terzi skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.



KAPITOLU X

REĠJONALIZZAZZJONI

Artikolu 16

Kooperazzjoni reġjonali

1.  L-Artikolu 18(1) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 9 u 13 u fl-Artikolu 14(2) ta' dan ir-Regolament.

2.  Għall-fini tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett fl-ilmijiet tal-Majjistral jistgħu jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti għall-Ilmijiet tal-Majjistral u l-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett fl-Ilmijiet tal-Lbiċ jistgħu jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti għall-Ilmijiet tal-Lbiċ. Dawk l-Istati Membri jistgħu wkoll flimkien jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti għal dawk l-ilmijiet kollha f'daqqa. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ewwel darba mhux aktar tard mis-27 ta' Marzu 2020 u mbagħad 12-il xahar wara kull sottomissjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan skont l-Artikolu 17 ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri kkonċernati jistgħu wkoll jissottomettu tali rakkomandazzjonijiet meta jkun meħtieġ, b'mod partikolari fil-każ ta' xi bidla fis-sitwazzjoni ta' kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, jew biex jindirizzaw b'mod determinat sitwazzjonijiet ta' emerġenza identifikati mill-parir xjentifiku l-aktar riċenti. Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti fir-rigward tal-miżuri li jikkonċernaw sena kalendarja partikolari għandhom jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju tas-sena preċedenti.

3.  Is-setgħat mogħtija skont l-Artikoli 9 u 13 u l-Artikolu 14(2) ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Unjoni, fosthom skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.



KAPITOLU XI

EVALWAZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 17

Evalwazzjoni tal-pjan

Sas-27 ta' Marzu 2024, u wara dan, kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati u l-impatt tal-pjan fuq l-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament u dwar is-sajd li jisfrutta lil dawk l-istokkijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-ilħuq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 18

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta'adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 1(1), fl-Artikoli 9 u 13 u fl-Artikolu 14(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mis-26 ta' Marzu 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.  Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 1(1), fl-Artikoli 9 u 13 u fl-Artikolu 14(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.  Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikaha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill simultanjament.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 1(1), l-Artikoli 9 u 13 u l-Artikolu 14(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel tmiem dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.



KAPITOLU XII

APPOĠĠ MILL-FOND EWROPEW GĦALL-AFFARIJIET MARITTIMI U S-SAJD

Artikolu 19

Appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

Il-miżuri ta' waqfien temporanju adottati biex jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan għandhom jitqiesu bħala waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd għall-finijiet tal-punti (a) u (c) tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.



KAPITOLU XIII

EMENDI TAR-REGOLAMENTI (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973

Artikolu 20

Emendi tar-Regolament (UE) 2016/1139

Ir-Regolament (UE) 2016/1139 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2187/2005 japplikaw. Barra minn hekk japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) ‘stokkijiet pelaġiċi’ tfisser l-istokkijiet elenkati fil-punti (c) sa (h) tal-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament u kull kombinazzjoni tagħhom;

(2) ‘il-medda tal-FMSY’ tfisser medda ta' valuri li jingħataw fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal- ICES jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li fiha l-livelli kollha tal-mortalità mis-sajd jagħtu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY) fuq żmien twil ibbażat fuq mudell tas-sajd partikolari u f'kundizzjonijiet ambjentali medji attwali, mingħajr ma taffettwa b'xi mod sinifikanti l-proċess tar-riproduzzjoni tal-istokk ikkonċernat. Hija dderivata b'tali mod li r-rendiment fit-tul ma jitnaqqasx b'aktar minn 5 % meta mqabbel mal-MSY. Din għandha limitu massimu biex il-probabbiltà li l-istokk jinżel għal inqas mill-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk (Blim) ma tkunx ta' iktar minn 5 %;

(3) ‘MSY Flower’ tfisser l-iżgħar valur fil-medda tal-FMSY;

(4) ‘MSY Fupper’ tfisser l-ogħla valur fil-medda tal-FMSY;

(5) ‘il-punt ta' valur tal-FMSY’ huwa l-valur tal-mortalità mis-sajd stmat li bbażat fuq mudell tas-sajd partikolari u taħt il-kundizzjonijiet ambjentali medji attwali jagħti r-rendiment massimu fuq terminu ta' żmien twil;

(6) ‘l-aktar medda baxxa tal-FMSY’ tfisser medda ta' valuri li fiha l-valuri minn MSY Flower sal-punt ta' valur tal-FMSY;

(7) ‘l-ogħla medda tal-FMSY’ tfisser medda ta' valuri li fiha l-valuri mill-punt ta' valur tal-FMSY sal-MSY Fupper;

(8) ‘Blim’ tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk li jingħata fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal-ICES jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li taħtu tista' titnaqqas il-kapaċità riproduttiva;

(9) ‘MSY Btrigger’ tfisser il-punt ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk li jingħata fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b'mod partikolari dak tal-ICES jew korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali, li taħtu għandha tittieħed azzjoni ta' ġestjoni speċifika u xierqa biex jiġi żgurat li r-rati tal-isfruttament flimkien mal-varjazzjonijiet naturali jirripristinaw l-istokkijiet 'il fuq mil-livelli li jkunu kapaċi jipproduċu l-MSY fuq terminu ta' żmien twil;

(10) ‘L-Istati Membri kkonċernati’ tfisser l-Istati Membri li għandhom interess ta' ġestjoni dirett, jiġifieri d-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja.”;

(2) L-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Miri

1.  Il-mortalità mis-sajd fil-mira bi qbil mal-meded tal-FMSY iddefiniti fl-Artikolu 2 għandha tinkiseb kemm jista' jkun malajr, u fuq bażi progressivament inkrementali sal-2020 rigward l-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(1), u minn dik is-sena 'l quddiem għandha tinżamm fil-meded tal-FMSY bi qbil ma' dan l-Artikolu.

2.  Il-meded tal-FMSY ibbażati fuq il-pjan għandhom jintalbu b'mod partikolari mingħand l-ICES jew mingħand korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali.

3.  Bi qbil mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta l-Kunsill jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk partikolari, għandu jistabbilixxi dawk l-opportunitajiet fil-medda l-iktar baxxa tal-FMSY disponibbli f'dak iż-żmien għal dak l-istokk.

4.  Minkejja dak li jinsab fil-paragrafi 1 u 3, l-opportunitajiet tas-sajd jistgħu jiġu ffissati f'livelli li huma aktar baxxi mill-meded tal-FMSY.

5.  Minkejja dak li jinsab fil-paragrafi 3 u 4, l-opportunitajiet tas-sajd għal stokk jistgħu jiġu ffissati skont l-ogħla medda tal-FMSY disponibbli f'dak iż-żmien għal dak l-istokk, dejjem jekk l-istokk imsemmi fl-Artikolu 1(1) ikun ikbar mill MSY Btrigger:

(a) jekk, abbażi tal-parir jew tal-evidenza xjentifiċi jkun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-każ tas-sajd imħallat;

(b) jekk, abbażi tal-parir xjentifiku jew tal-evidenza xjentifika, ikun meħtieġ biex tiġi evitata ħsara serja lil stokk ikkawżata mid-dinamika tal-istokkijiet fost speċi waħda jew bejn speċijiet differenti; jew

(c) biex ikun hemm limitazzjoni fil-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd għal mhux inqas minn 20 % minn sena għal sena konsekuttivi.

6.  Fi kwalunkwe każ, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati b'mod li jiżgura probabbiltà ta' inqas minn 5 % li l-bijomassa riproduttiva ta' stokk jinżel inqas mill-Blim.”;

(3) Fil-Kapitolu III, l-Artikolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 4:

“Artikolu 4a

Punti ta' referenza għall-konservazzjoni

Il-punti ta' referenza għall-konservazzjoni li ġejjin għas-salvagwardja tal-kapaċità riproduttiva kollha tal-istokkijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) għandhom, abbażi tal-pjan, jintalbu mingħand l-ICES jew mingħand korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew f'dak internazzjonali:

(a) L-MSY Btrigger għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1);

(b) Il-Blim għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1).”;

(4) L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Salvagwardji

1.  Meta l-parir xjentifiku jindika li għal sena partikolari l-bijomassa riproduttiva ta' xi wħud mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tkun inqas mil-livell tal-MSY Btrigger, għandhom jiġu adottati l-miżuri ta' rimedju kollha biex jiżguraw ir-ripristinament malajr tal-istokk ikkonċernat għal livelli ogħla minn dawk li huma kapaċi jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, minkejja l-Artikolu 4(3), l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati f'livelli li jkunu konsistenti ma' mortalità mis-sajd li tkun tnaqqset għal inqas mill-ogħla medda tal-FMSY, meta jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa.

2.  Meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa riproduttiva tal-istokk ta' xi wħud mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tkun inqas mil-livell Blim, għandhom jittieħdu aktar miżuri ta' rimedju biex jiżguraw ir-ripristinament malajr tal-istokk ikkonċernat għal livelli ogħla minn dawk li huma kapaċi jipproduċu l-MSY. B'mod partikolari, dawk il-miżuri ta' rimedju jistgħu jinkludu, minkejja l-Artikolu 4(3), is-sospensjoni tas-sajd fil-mira għall-istokk ikkonċernat u t-tnaqqis xieraq tal-opportunitajiet tas-sajd.

3.  Il-miżuri ta' rimedju msemmija f'dan l-Artikolu jistgħu jinkludu:

(a) miżuri ta' emerġenza skont l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b) miżuri skont l-Artikoli 7 u 8 ta' dan ir-Regolament.

4.  L-għażla tal-miżuri msemmijin f'dan l-Artikolu għandha ssir skont in-natura, is-serjetà, it-tul fiż-żmien u kemm tirrepeti ruħha s-sitwazzjoni li fiha l-bijomassa riproduttiva tal-istokk tkun inqas mil-livelli msemmijin fl-Artikolu 4a.”;

(5) Fl-Artikolu 7, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.  L-obbligu ta' ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika għas-sajd rikreattiv, inkluż f'każijiet fejn il-Kunsill jistabbilixxi limiti għas-sajjieda rikreattivi.”;

(6) Jitħassru l-Annessi I u II.

Artikolu 21

Emendi tar-Regolament (UE) 2018/973

Ir-Regolament (UE) 2018/973 huwa emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 9, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.  B'deroga mill-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 850/98, id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tal-iskampu (Nephrops norvegicus) fid-diviżjoni 3a tal-ICES huwa stabbilit għal 105 mm.

Dan il-paragrafu għandu japplika sad-data li fiha l-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 850/98 ma jibqax japplika.”;

2. L-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Dispożizzjonijiet relatati mal-obbligu ta' ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar tat-Tramuntana

1.  Għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet fil-Baħar tat-Tramuntana li għalihom japplika l-obbligu ta' ħatt l-art, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 sabiex tissupplimenta lil dan ir-Regolament billi tispeċifika d-dettalji ta' dak l-obbligu kif previst fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

2.  L-obbligu ta' ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika għas-sajd rikreattiv, inkluż f'każijiet fejn il-Kunsill jistabbilixxi limiti fuq is-sajd rikreattiv skont l-Artikolu 10(4) ta' dan ir-Regolament.”.



KAPITOLU XIV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Tħassir

1.  Jitħassru r-Regolamenti li ġejjin:

(a) ir-Regolament (KE) Nru 811/2004;

(b) ir-Regolament (KE) Nru 2166/2005;

(c) ir-Regolament (KE) Nru 388/2006;

(d) ir-Regolament (KE) Nru 509/2007;

(e) ir-Regolament (KE) Nru 1300/2008.

2.  Ir-referenzi li jsiru għal dawn ir-Regolamenti mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom l-intenzjoni li jirrevokaw l-għoti tas-setgħat għall-adozzjoni ta' miżuri tekniċi permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament meta jadottaw regolament ġdid dwar miżuri tekniċi li jinkludi għoti ta' setgħa li jkopri l-istess miżuri.



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).

( *1 ) Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).