02019R0452 — MT — 23.12.2021 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2019/452 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni

(ĠU L 079I 21.3.2019, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1298 tat-13 ta’ Lulju 2020

  L 304

1

18.9.2020

►M2

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2126 tad-29 ta’ Settembru 2021

  L 432

1

3.12.2021




▼B

REGOLAMENT (UE) 2019/452 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  
Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar mill-Istati Membri ta' investimenti diretti barranin fl-Unjoni għar-raġunijiet ta' sigurtà jew ordni pubbliku u għal mekkaniżmu għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, fir-rigward ta' investimenti diretti barranin li x'aktarx jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku. Huwa jinkludi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li toħroġ opinjonijiet dwar tali investimenti.
2.  
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li kull Stat Membru għandu responsabbiltà esklużiva għas- sigurtà nazzjonali tiegħu, kif previst fl-Artikolu 4(2) TUE, u għad-dritt ta' kull Stat Membru li jipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu f'konformità mal-Artikolu 346 TFUE.
3.  
Xejn f'dan ir-Regolament ma għandu jillimita d-dritt ta' kull Stat Membru li jiddeċiedi jekk jiskrinjax investiment dirett barrani partikolari jew le fil-qafas ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“investiment dirett barrani” tfisser investiment ta' kull tip minn investitur barrani li jkollu l-għan li jistabbilixxi jew li jżomm rabtiet dejjiema u diretti bejn l-investitur barrani u l-imprenditur jew l-impriża li lilhom ikun qed isir disponibbli l-kapital sabiex iwettqu attività ekonomika fi Stat Membru, inklużi investimenti li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fil-ġestjoni jew fil-kontroll ta' kumpannija li teżerċita attività ekonomika;

(2) 

“investitur barrani” tfisser persuna fiżika ta' pajjiż terz jew impriża ta' pajjiż terz, li jkollha l-ħsieb li tagħmel jew li tkun għamlet investiment dirett barrani;

(3) 

“skrinjar” tfisser proċedura li tippermetti l-valutazzjoni, l-investigazzjoni, l-awtorizzazzjoni, l-ikkundizzjonar, il-projbizzjoni jew ix-xoljiment ta' investimenti diretti barranin;

(4) 

“mekkaniżmu ta' skrinjar” tfisser strument ta' applikazzjoni ġenerali, bħal liġi jew regolament, u rekwiżiti amministrattivi li jakkumpanjawh, regoli ta' implimentazzjoni jew linji gwida, li jistabbilixxi t-termini, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-valutazzjoni, l-investigazzjoni, l-awtorizzazzjoni, l-ikkundizzjonar, il-projbizzjoni jew ix-xoljiment ta' investimenti diretti barranin għal raġunijiet ta' sigurtà jew ordni pubbliku;

(5) 

“investiment dirett barrani li jkun qed jiġi skrinjat” tfisser investiment dirett barrani li jkun għaddej minn valutazzjoni jew investigazzjoni formali skont mekkaniżmu ta' skrinjar;

(6) 

“deċiżjoni ta' skrinjar” tfisser miżura adottata fl-applikazzjoni ta' mekkaniżmu ta' skrinjar;

(7) 

“impriża ta' pajjiż terz” tfisser impriża kostitwita jew organizzata b'mod ieħor taħt il-liġijiet ta' pajjiż terz.

Artikolu 3

Mekkaniżmi ta' skrinjar ta' Stati Membri

1.  
F'konformità ma' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jżommu, jemendaw jew jadottaw mekkaniżmi biex jiskrinjaw investimenti diretti barranin fit-territorju tagħhom għal raġunijiet ta' sigurtà jew ordni pubbliku.
2.  
Ir-regoli u l-proċeduri relatati ma' mekkaniżmi ta' skrinjar, inklużi skedi ta' żmien rilevanti, għandhom ikunu trasparenti u ma jiddiskriminawx bejn pajjiżi terzi. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-iskrinjar, ir-raġunijiet għall-iskrinjar u r-regoli proċedurali dettaljati applikabbli.
3.  
L-Istati Membri għandhom japplikaw l-iskedi ta' żmien taħt il-mekkaniżmi ta' skrinjar tagħhom. Il-mekkaniżmi ta' skrinjar għandhom jippermettu li l-Istati Membri jieħdu kont tal-kummenti ta' Stati Membri oħra msemmija fl-Artikoli 6 u 7 u l-opinjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8.
4.  
Informazzjoni kunfidenzjali, inkluża informazzjoni sensittiva kummerċjalment, magħmulha disponibbli għall-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar, għandha tkun protetta.
5.  
L-investituri u l-impriżi barranin ikkonċernati għandu jkollhom l-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta' skrinjar mill-awtoritajiet nazzjonali.
6.  
L-Istati Membri li għandhom stabbilit mekkaniżmu ta' skrinjar għandhom iżommu, jemendaw jew jadottaw il-miżuri neċessarji biex jidentifikaw u jipprevjenu l-evażjoni mill-mekkaniżmi ta' skrinjar u d-deċiżjonijiet ta' skrinjar.
7.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-mekkaniżmi eżistenti ta' skrinjar tagħhom sal-10 ta' Mejju 2019. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe mekkaniżmu ġdid ta' skrinjar adottat jew kull emenda għal mekkaniżmu ta' skrinjar eżistenti fi żmien 30 jum mid-dħul fis-seħħ tal-mekkaniżmu ġdid ta' skrinjar adottat jew ta' kull emenda għal mekkaniżmu ta' skrinjar eżistenti.
8.  
Mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi n-notifiki msemmija fil-paragrafu 7, il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli lista tal-mekkaniżmi ta' skrinjar tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha żżomm dik il-lista aġġornata.

Artikolu 4

Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni

1.  

Fid-determinazzjoni jekk l-investiment dirett barrani aktarx li jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jqisu l-effetti potenzjali tiegħu fuq, fost affarijiet oħra:

(a) 

infrastruttura essenzjali, kemm fiżika kif ukoll virtwali, inklużi faċilitajiet tal-enerġija, it-trasport, l-ilma, is-saħħa, komunikazzjonijiet, midja, proċessar jew ħażna ta' data, ajruspazjali, difiża, infrastruttura elettorali jew finanzjarja, u faċilitajiet sensittivi, kif ukoll artijiet u proprjetà immobbli, kruċjali għall-użu ta' tali infrastruttura;

(b) 

teknoloġiji essenzjali u oġġetti b'użu doppju kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 ( 1 ), inklużi intelliġenza artifiċjali, robotika, semikondutturi, ċibersigurtà, ajruspazjali, difiża, ħażna tal-enerġija, teknoloġiji kwantum u nukleari kif ukoll nanoteknoloġiji u bijoteknoloġiji;

(c) 

provvista ta' inputs essenzjali, inklużi l-enerġija jew materja prima, kif ukoll is-sigurtà tal-ikel;

(d) 

aċċess għal informazzjoni sensittiva, inkluża data personali, jew il-kapaċità ta' kontroll fuq tali informazzjoni; jew

(e) 

il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja.

2.  

Fid-determinazzjoni jekk investiment dirett barrani aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu wkoll iqisu, b'mod partikolari:

(a) 

jekk l-investitur barrani huwiex ikkontrollat direttament jew indirettament mill-gvern, inklużi korpi statali jew forzi armati ta' pajjiż terz, inkluż permezz ta' struttura ta' sjieda jew finanzjament sinifikanti;

(b) 

jekk l-investitur barrani jkunx diġà involut f'attivitajiet li jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku fi Stat Membru; jew

(c) 

jekk hemmx riskju serju li investitur barrani jinvolvi ruħu f'attivitajiet illegali jew kriminali.

Artikolu 5

Rapportar annwali

1.  
Sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport annwali li jkopri s-sena kalendarja preċedenti u li jinkludi informazzjoni aggregata dwar l-investimenti diretti barranin li seħħew fit-territorju tagħhom, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għalihom, kif ukoll informazzjoni aggregata dwar it-talbiet riċevuti minn Stati Membri oħra skont l-Artikoli 6(6) u 7(5).
2.  
Għal kull perijodu ta' rappurtar, l-Istati Membri li jżommu mekkaniżmi ta' skrinjar għandhom, flimkien mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jipprovdu informazzjoni aggregata dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta' skrinjar tagħhom.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jsir pubbliku.
4.  
Il-Parlament Ewropew jista' jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa tal-kumitat tiegħu responsabbli biex jippreżenta u jispjega kwistjonijiet sistemiċi relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament.

Artikolu 6

Mekkaniżmu ta' kooperazzjoni relattivament għal investimenti diretti barranin li jkunu qed jiġu skrinjati

1.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'kull investiment dirett barrani fit-territorju tagħhom li jkun qed jiġi skrinjat billi jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2) ta' dan ir-Regolament kemm jista' jkun malajr. In-notifika tista' tinkludi lista ta' Stati Membri li s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tagħhom huma meqjusa li x'aktarx jiġu affettwati. Bħala parti min-notifika, u fejn applikabbli, l-Istat Membru li jiskrinja għandu jaġixxi biex jindika jekk iqisx li l-investiment dirett barrani li qed jiġi skrinjat x'aktarx li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.
2.  
Fejn Stat Membru jikkunsidra li investiment dirett barrani li jkun qed jiġi skrinjat fi Stat Membru ieħor x'aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tiegħu, jew ikollu informazzjoni rilevanti għal tali skrinjar, huwa jista' jipprovdi kummenti lill-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar. L-Istat Membru li jipprovdi kummenti għandu jibgħat dawk il-kummenti lill-Kummissjoni simultanjament.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li ġew ippreżentati kummenti.

3.  
Fejn il-Kummissjoni tqis li investiment dirett barrani li jkun qed jiġi skrinjat x'aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku f'aktar minn Stat Membru wieħed, jew ikollha informazzjoni rilevanti fir-rigward ta' dak l-investiment dirett barrani, hija tista' toħroġ opinjoni indirizzata lill-Istat Membru li jkun qed iwettaq l-iskrinjar. Il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjoni irrispettivament minn jekk Stati Membri oħra jkunux ipprovdew kummenti. Il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjoni sussegwentement għal kummenti minn Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni għandha toħroġ tali opinjoni fejn ikun ġustifikat, wara li mill-inqas terz tal-Istati Membri jqisu li investiment dirett barrani x'aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li nħarġet opinjoni.

4.  
Stat Membru li debitament iqis li investiment dirett barrani fit-territorju tiegħu x'aktarx li jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tiegħu jista' jitlob lill-Kummissjoni toħroġ opinjoni jew lill-Istati Membri l-oħra jipprovdu kummenti.
5.  
Il-kummenti msemmija fil-paragrafu 2 u l-opinjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu debitament ġustifikati.
6.  
Mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju mid-data tar-riċezzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni għandhom jinnotifikaw lill-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar bl-intenzjoni tagħhom li jipprovdu kummenti skont il-paragrafu 2 jew opinjoni skont il-paragrafu 3. In-notifika tista' tinkludi talba għal informazzjoni addizzjonali mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Kwalunkwe talba għal informazzjoni addizzjonali għandha tkun debitament iġġustifikata, limitata għall-informazzjoni meħtieġa biex jiġu pprovduti kummenti skont il-paragrafu 2 jew biex tinħareġ opinjoni skont il-paragrafu 3, proporzjonata għall-għan tat-talba u mhux ta' piż żejjed għall-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar. It-talbiet għal informazzjoni u t-tweġibiet ipprovduti mill-Istati Membri għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni simultanjament.

7.  
Il-kummenti msemmija fil-paragrafu 2 jew l-opinjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu indirizzati lill-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar u għandhom jintbagħtu f'perijodu ta' żmien raġonevoli, u f'kull każ mhux iktar tard minn 35 jum kalendarju mid-data tar-riċezzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, jekk intalbet informazzjoni addizzjonali skont il-paragrafu 6, tali kummenti jew opinjonijiet għandhom jinħarġu mhux aktar tard minn 20 jum kalendarju mid-data tar-riċezzjoni tal-informazzjoni addizzjonali jew in-notifika skont l-Artikolu 9(5).

Minkejja l-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjoni sussegwentement għal kummenti minn Stati Membri oħra fejn possibbli fi żmien l-iskadenzi msemmija f'dan il-paragrafu, u f'kull każ mhux aktar tard minn ħamest ijiem kalendarji wara t-tmiem ta' dawk l-iskadenzi.

8.  
F'każ eċċezzjonali fejn l-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar iqis li s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tiegħu jirrikjedu azzjoni immedjata, huwa għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ deċiżjoni ta' skrinjar qabel l-iskedi ta' żmien imsemmija fil-paragrafu 7 u debitament jiġġustifika l-ħtieġa ta' azzjoni immedjata. L-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni għandhom jaġixxu biex jipprovdu kummenti jew biex joħorġu opinjoni mingħajr dewmien.
9.  
L-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar għandu jagħti konsiderazzjoni xierqa lill-kummenti tal-Istati Membri l-oħra msemmija fil-paragrafu 2 u lill-opinjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 3. Id-deċiżjoni ta' skrinjar finali għandha tittieħed mill-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar.
10.  
Il-kooperazzjoni skont dan l-Artikolu għandha ssir permezz tal-punti ta' kuntatt stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 11.

Artikolu 7

Mekkaniżmu ta' kooperazzjoni relattivament għal investimenti diretti barranin li mhumiex qed jiġu skrinjati

1.  
Fejn Stat Membru jqis li investiment dirett barrani ppjanat jew lest, fi Stat Membru ieħor, li mhuwiex qed jiġi skrinjat f'dak l-Istat Membru, x'aktarx li jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tiegħu, jew ikollu informazzjoni rilevanti fir-rigward ta' dak l-investiment dirett barrani, huwa jista' jipprovdi kummenti lil dak l-Istat Membru l-ieħor. L-Istat Membru li jipprovdi kummenti għandu jibgħat dawk il-kummenti lill-Kummissjoni simultanjament.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li ġew ipprovduti kummenti.

2.  
Fejn il-Kummissjoni tqis li investiment dirett barrani, li ġie ppjanat jew tlesta fi Stat Membru, li mhuwiex qed jiġi skrinjat f'dak l-Istat Membru, x'aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku f'aktar minn Stat Membru wieħed, jew ikollha informazzjoni rilevanti relattivament għal dak l-investiment dirett barrani, hija tista' toħroġ opinjoni indirizzata lill-Istat Membru li fih ikun ippjanat jew tlesta l-investiment dirett barrani. Il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjoni irrispettivament minn jekk Stati Membri oħra jkunux ipprovdew kummenti. Il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjoni sussegwentement għal kummenti minn Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni għandha toħroġ tali opinjoni fejn ikun ġustifikat, wara li mill-inqas terz tal-Istati Membri jqisu li investiment dirett barrani x'aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li nħarġet opinjoni.

3.  
Stat Membru li debitament iqis li investiment dirett barrani fit-territorju tiegħu x'aktarx li jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tiegħu jista' jitlob lill-Kummissjoni toħroġ opinjoni jew lill-Istati Membri l-oħra jipprovdu kummenti.
4.  
Il-kummenti msemmija fil-paragrafu 1 u l-opinjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu debitament iġġustifikati.
5.  
Fejn xi Stat Membru jew il-Kummissjoni jikkunsidraw li investiment dirett barrani li mhuwiex qed jiġi skrinjat x'aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku kif imsemmi fil-paragrafu 1 jew 2, huma jistgħu jitolbu, mill-Istat Membru fejn l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9.

Kwalunkwe talba għal informazzjoni għandha tkun debitament iġġustifikata, limitata għall-informazzjoni meħtieġa biex jiġu pprovduti kummenti skont il-paragrafu 1, jew biex tinħareġ opinjoni skont il-paragrafu 2, proporzjonata għall-għan tat-talba u mhux ta' piż żejjed għall-Istat Membru fejn l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta.

It-talbiet għal informazzjoni u t-tweġibiet ipprovduti mill-Istati Membri għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni simultanjament.

6.  
Il-kummenti skont il-paragrafu 1 jew l-opinjonijiet skont il-paragrafu 2 għandhom jiġu indirizzati lill-Istat Membru fejn l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta u għandhom jintbagħtulu fi żmien raġonevoli, u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard minn 35 jum kalendarju mid-data tar-riċezzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 jew tan-notifika skont l-Artikolu 9(5). F'każijiet fejn l-opinjoni tal-Kummissjoni tiġi wara kummenti minn Stati Membri oħra, il-Kummissjoni għandu jkollha 15-il jum kalendarju addizzjonali għall-ħruġ ta' dik l-opinjoni.
7.  
Stat Membru fejn ikun ippjanat jew tlesta investiment dirett barrani għandu jqis debitament il-kummenti tal-Istati Membri l-oħra u l-opinjoni tal-Kummissjoni.
8.  
L-Istati Membri jistgħu jipprovdu kummenti skont il-paragrafu 1 u l-Kummissjoni tista' tipprovdi opinjoni skont il-paragrafu 2 mhux aktar tard minn 15-il xahar wara li jkun tlesta l-investiment dirett barrani.
9.  
Il-kooperazzjoni skont dan l-Artikolu għandha ssir permezz tal-punti ta' kuntatt stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 11.
10.  
Dan l-Artikolu m'għandux japplika għal investimenti diretti barranin li tlestew qabel l-10 ta' April 2019.

Artikolu 8

Investimenti diretti barranin li x'aktarx jaffettwaw proġetti jew programmi ta' interess għall-Unjoni

1.  
Fejn l-Kummissjoni tqis li investiment dirett barrani x'aktarx jaffettwa proġetti jew programmi ta' interess għall-Unjoni għal raġunijiet ta' sigurtà jew ordni pubbliku, il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjoni indirizzata lill-Istat Membru fejn l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta.
2.  

Il-proċeduri stipulati fl-Artikoli 6 u 7 għandhom japplikaw mutatis mutandis, soġġetti għall-modifiki li ġejjin:

(a) 

bħala parti min-notifika msemmija fl-Artikolu 6(1) jew il-kummenti msemmija fl-Artikoli 6(2) u 7(1), Stat Membru jista' jindika jekk huwa jqisx li investiment dirett barrani x'aktarx jaffettwa proġetti jew programmi ta' interess għall-Unjoni;

(b) 

l-opinjoni tal-Kummissjoni għandha tintbagħat lill-Istati Membri l-oħra;

(c) 

l-Istat Membru fejn ikun ippjanat jew tlesta l-investiment dirett barrani għandu jqis bl-akbar reqqa l-opinjoni tal-Kummissjoni u jipprovdi spjegazzjoni lill-Kummissjoni jekk l-opinjoni tagħha ma tiġix segwita.

3.  
Għall-fini ta' dan l-Artikolu, il-proġetti jew programmi ta' interess għall-Unjoni għandhom jinkludu dawk il-proġetti u programmi li jinvolvu ammont sostanzjali jew sehem sinifikanti ta' finanzjament mill-Unjoni, jew li huma koperti mid-dritt tal-Unjoni dwar infrastruttura essenzjali, teknoloġiji essenzjali jew inputs essenzjali li huma essenzjali għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku. Il-lista tal-proġetti jew programmi ta' interess għall-Unjoni hija stabbilita fl-Anness.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 16 biex temenda l-lista ta' proġetti u programmi ta' interess għall-Unjoni.

Artikolu 9

Rekwiżiti ta' informazzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni notifikata skont l-Artikolu 6(1) jew mitluba mill-Kummissjoni u minn Stati Membri oħra skont l-Artikoli 6(6) u 7(5) issir disponibbli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri li talbuha mingħajr dewmien żejjed.
2.  

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a) 

l-istruttura ta' sjieda tal-investitur barrani u tal-impriża li fiha l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta, inkluża informazzjoni dwar l-investitur aħħari u l-parteċipazzjoni fil-kapital;

(b) 

il-valur approssimattiv tal-investiment dirett barrani;

(c) 

il-prodotti, servizzi u operazzjonijiet tan-negozju tal-investitur barrani u tal-impriża li fiha l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta;

(d) 

l-Istati Membri fejn l-investitur barrani u l-impriża li fiha l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta jwettqu operazzjonijiet rilevanti tan-negozju;

(e) 

il-finanzjament tal-investiment u s-sors tiegħu, abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli għall-Istat Membru;

(f) 

id-data meta l-investiment dirett barrani jkun ippjanat li jitlesta jew ikun tlesta.

3.  
L-Istati Membri għandhom jaġixxu biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni addizzjonali għal dik imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jekk disponibbli, lill-Istati Membri rikjedenti u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.
4.  
L-Istat Membru fejn l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta jista' jitlob lill-investitur barrani jew lill-impriża li fiha l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta biex jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2. L-investitur barrani jew l-impriża kkonċernata għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba mingħajr dewmien żejjed.
5.  
Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati mingħajr dewmien, jekk, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jkunx jista' jikseb, minkejja l-aħjar sforzi tiegħu, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Fin-notifika, dak l-Istat Membru għandu debitament jiġġustifika r-raġunijiet għalfejn ma ġietx provduta tali informazzjoni u jispjega l-aħjar sforzi li saru biex tinkiseb l-informazzjoni mitluba, inkluża talba skont il-paragrafu 4.

Jekk ma tkun ġiet ipprovduta ebda informazzjoni, kwalunkwe kumment maħruġ minn Stat Membru ieħor jew kwalunkwe opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni jistgħu jkunu bbażati fuq l-informazzjoni disponibbli lilhom.

Artikolu 10

Kunfidenzjalità tal-informazzjoni trasmessa

1.  
L-informazzjoni riċevuta b'riżultat tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-iskop li għalih tkun ġiet mitluba.
2.  
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali miksuba fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali rispettiva.
3.  
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kklassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan ir-Regolament ma tiġix degradata jew deklassifikata mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-oriġinatur.

Artikolu 11

Punti ta' kuntatt

1.  
Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu punt ta' kuntatt għall- implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. L- Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinvolvu dawk il-punti ta' kuntatt rigward il-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi sistema sikura u kriptata biex tagħti appoġġ lill-kooperazzjoni diretta u skambju ta' informazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt.

Artikolu 12

Grupp ta' esperti dwar l-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea

Il-grupp ta' esperti dwar l-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea li jipprovdi pariri u għarfien espert lill-Kummissjoni għandu jkompli jiddiskuti kwistjonijiet relatati mal-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin, jikkondividi l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda, u jiskambja fehmiet dwar ix-xejriet u l-kwistjonijiet ta' tħassib komuni relatati mal-investimenti diretti barranin. Il-Kummissjoni għandha wkoll tikkunsidra titlob il-parir ta' dak il-grupp dwar kwistjonijiet sistemiċi relatati mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Id-diskussjonijiet f'dak il-grupp għandhom jinżammu kunfidenzjali.

Artikolu 13

Kooperazzjoni internazzjonali

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jikkooperaw mal-awtoritajiet responsabbli ta' pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet relatati mal-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin għal raġunijiet ta' sigurtà u ordni pubbliku.

Artikolu 14

Ipproċessar ta' data personali

1.  
Kwalunkwe pproċessar ta' data personali skont dan ir-Regolament għandu jsir f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725 u biss sa fejn ikun meħtieġ għall-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin minn Stati Membri u biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-kooperazzjoni prevista f'dan ir-Regolament.
2.  
Id-data personali relatata mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tinżamm biss għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom tkun inġabret.

Artikolu 15

Evalwazzjoni

1.  
Sat-12 ta' Ottubru 2023 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-funzjonament u l-effikaċja ta' dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-Istati Membri għandhom ikunu involuti f'dan l-eżerċizzju u jekk meħtieġ jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni addizzjonali għat-tħejjija ta' dak ir-rapport.
2.  
Fejn ir-rapport jirrakkomanda emendi għal dan ir-Regolament, huwa jista' jkun akkumpanjat bi proposta leġislattiva xierqa.

Artikolu 16

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(4) hija mogħija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mill-10 ta' April 2019.
3.  
Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 8(4) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 8(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-11 ta' Ottubru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M2




ANNESS

Lista ta’ proġetti jew programmi ta’ interess għall-Unjoni msemmija fl-Artikolu 8(3)

1.    Programmi Ewropej GNSS (Galileo & EGNOS) ( 2 )

Ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1).

2.    Copernicus ( 3 )

Ir-Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 44).

3.    Azzjoni preparatorja għat-tħejjija tal-programm il-ġdid tal-UE GOVSATCOM

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u b’mod partikolari l-Artikolu 58(2)(b) tiegħu (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

4.    Programm Spazjali

Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69).

5.    Orizzont 2020 jinkludi programmi ta’ riċerka u żvilupp skont l-Artikolu 185 tat-TFUE, u impriżi konġunti jew kwalunkwe struttura oħra stabbiliti skont l-Artikolu 187 tat-TFUE

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104) inklużi azzjonijiet relatati ma’ Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali bħall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, is-semikondutturi u ċ-ċibersigurtà.

6.    Orizzont Ewropa, inklużi programmi ta’ riċerka u żvilupp skont l-Artikolu 185 TFUE, u impriżi konġunti jew kwalunkwe struttura oħra stabbilita skont l-Artikolu 187 TFUE

Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

7.    Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom 2021–2025

Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2021/765 tal-10 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-perjodu 2021–2025 li jikkumplimenta Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jħassar ir-Regolament (Euratom) 2018/1563 (ĠU L 167I, 12.5.2021, p. 81).

8.    Networks Trans-Ewropej għat-Trasport (TEN-T)

Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

9.    Networks Trans-Ewropej għall-Enerġija (TEN-E)

Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).

10.    Networks Trans-Ewropej għat-Telekomunikazzjoni ( 4 )

Ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar linji gwida għal networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 14).

11.    Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

Ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 (ĠU L 249, 14.7.2021, p. 38).

12.    Programm Ewropa Diġitali

Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).

13.    Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża

Ir-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni (ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30).

14.    Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u b’mod partikolari l-Artikolu 58(2)(b) tiegħu (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

15.    Fond Ewropew għad-Difiża

Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149).

16.    Il-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/340 tas-6 ta’ Marzu 2018 li tistabbilixxi l-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 65, 8.3.2018, p. 24).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1797 tad-19 ta’ Novembru 2018 li temenda u taġġorna d-Deċiżjoni (PESK) 2018/340 li tistabbilixxi l-lista tal-proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 294, 21.11.2018, p. 18).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1909 tat-12 ta’ Novembru 2019 li temenda u taġġorna d-Deċiżjoni (PESK) 2018/340 li tistabbilixxi l-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 293, 14.11.2019, p. 113).

17.    Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2007/198/Euratom tas-27 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferilha vantaġġi (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58).

18.    Programm l-UE għas-Saħħa

Ir-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-“Programm l-UE għas-Saħħa”) għall-perjodu 2021–2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 1).



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).

( 2 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 se jinżamm f’dan l-Anness fid-dawl tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament (UE) 2021/696.

( 3 ) Ir-Regolament (UE) Nru 377/2014 se jinżamm f’dan l-Anness fid-dawl tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament (UE) 2021/696.

( 4 ) Ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 se jinżamm f’dan l-Anness fid-dawl tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2021/1153 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014.