02019D0615 — MT — 21.09.2021 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/615

tal-15 ta' April 2019

dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet li jwasslu għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni ta' Armi Nukleari (TNP)

(ĠU L 105 16.4.2019, p. 25)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/906 tad-29 ta’ Ġunju 2020

  L 207

36

30.6.2020

 M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/579 tat-8 ta’ April 2021

  L 123

21

9.4.2021

►M3

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1695 tal-21 ta’ Settembru 2021

  L 334

22

22.9.2021




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/615

tal-15 ta' April 2019

dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet li jwasslu għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni ta' Armi Nukleari (TNP)



Artikolu 1

1.  
Bil-għan li tingħata applikazzjoni immedjata u prattika lill-elementi tal-Istrateġija tal-UE kontra l-AQM tal-2003, l-Unjoni għandha tappoġġa attivitajiet li għandhom l-għan li jżommu u jippreservaw l-integrità tat-TNP, permezz ta' enfasi bilanċjata fuq it-tliet pilastri tat-TNP li huma ugwalment importanti u li jsaħħu lil xulxin: id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari.
2.  

Sabiex tikseb l-għan imsemmi fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li ġejjin mit-tmexxija tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020:

(a) 

tliet seminars tematiċi għall-Istati Parti dwar id-diżarm nukleari, in-nonproliferazzjoni nukleari u l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari;

(b) 

massimu ta' erba' laqgħat reġjonali fl-Asja-Paċifiku, l-Afrika, l-Amerka Latina u l-Karibew, u l-Lvant Nofsani; u

(c) 

żewġ avvenimenti sekondarji matul l-erbgħa u sebgħin sessjoni tal-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali u matul il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020.

Deskrizzjoni dettaljata ta' dan il-proġett tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.  
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
2.  
L-implementazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet tad-Diżarm (UNODA).

Artikolu 3

1.  
L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett msemmi fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 1 299 883,68 .
2.  
In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta' referenza finanzjarja stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tar-referenza finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-UNODA. Il-ftehim ta' finanzjament għandu jistipula li l-UNODA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b'mod adatt għad-daqs tagħha.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà li tirrigwarda dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni ta' dak il-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta fuq bażi regolari, tal-inqas darba fis-sena, lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti mħejjija mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.  
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

▼M3

2.  
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-15 ta’ Jannar 2022.

▼B




ANNESS

1.   OBJETTIVI

Il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020 ser tkun mument sinifikanti ħafna għar-reġim ta' nonproliferazzjoni nukleari. L-Unjoni Ewropea tqis it-TNP bħala s-sisien tar-reġim globali ta' nonproliferazzjoni nukleari, il-pedament essenzjali biex jinkiseb id-diżarm nukleari f'konformità mal-Artikolu VI, u element importanti fl-iżvilupp ulterjuri tal-applikazzjoni tal-enerġija nukleari għal finijiet paċifiċi.

Sa mill-2017, il-Presidenti tas-sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju tat-TNP qed jaħdmu biex jibnu kontinwità bejn is-sessjonijiet taċ-ċiklu tar-reviżjoni tal-Kumitat Preparatorju, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' bażi tematika komuni u permezz ta' sensiela ta' konsultazzjonijiet reġjonali fl-Asja-Paċifiku, l-Afrika u l-Amerka Latina. Dawn il-konsultazzjonijiet intlaqgħu tajjeb mill-Istati ta' dawk ir-reġjuni, peress li dawn jipprovdu aċċess għall-Presidenti tal-Kumitat Preparatorju mill-esperti bbażati fil-kapital u opportunità għal djalogu għall-Istati mingħajr ir-riżorsi biex iżommu delegazzjonijiet kbar fi New York, Ġinevra jew Vjenna, u joffru okkażjonijiet importanti għal diskussjoni dwar il-prijoritajiet reġjonali ewlenin. Dawk il-konsultazzjonijiet taw kontribut sinifikanti għad-deliberazzjonijiet fil-kuntest formali tat-TNP.

L-objettiv ta' dan il-proġett jista' jintlaħaq aħjar billi ssir ħidma li tibni fuq u ttejjeb dik tal-Presidenti tas-sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju tal-2017 u l-2018, permezz ta' proċess ta' konsultazzjoni globali li jinvolvi l-Istati Parti għat-TNP, il-President nominat tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020 u l-Presidenti tas-sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju. Dan il-proġett ser jippromwovi tħejjijiet qabel il-konferenza, ser jgħin lit-tmexxija biex tifhem it-tifsiriet sottili tal-pożizzjonijiet tal-Istati Parti u biex tinkiseb il-fiduċja tagħhom, u ser jiffaċilita d-djalogu bejn l-Istati Parti u l-President nominat dwar kif jistgħu jingħelbu l-ostakli għas-suċċess fl-2020.

L-għanijiet ewlenin:

1. 

Biex jinkiseb fehim dwar it-tħassib u l-prijoritajiet għaċ-ċiklu ta' reviżjoni tal-2020 tat-TNP, abbażi tad-deliberazzjonijiet matul is-sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju tal-2017, l-2018 u l-2019, inkluż tħassib u prijoritajiet minn perspettiva reġjonali, u biex jingħata kontribut għall-formulazzjoni effettiva tat-tħassib u l-prijoritajiet fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020.

2. 

Biex titqajjem kuxjenza tal-ostakli, kif ukoll tal-oqsma potenzjali ta' konverġenza abbażi tal-ħafna benefiċċji li jipprovdi t-TNP, inkluż permezz tal-inkorporazzjoni ta' firxa usa' ta' ilħna, bħal esperti tekniċi minn aġenziji regolatorji u fakultajiet xjentifiċi, u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet bħall-membri parlamentari.

3. 

Biex tinbena fiduċja u kunfidenza bejn l-Istati u l-President nominat sabiex jiġu żviluppati r-relazzjonijiet b'saħħithom meħtieġa għal riżultat ta' suċċess tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020.

4. 

Biex jitħeġġu l-flessibilità u l-kompromess mill-Istati meta jiffaċċaw il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020, u biex jitfittxu ideat kemm dwar kif tista' tinkiseb bażi komuni kif ukoll kif jistgħu jingħelbu d-differenzi.

5. 

Biex jiġi żviluppat kontribut għal pjan direzzjonali biex jinkiseb riżultat ta' suċċess tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020, inkluż azzjonijiet u rakkomandazzjonijiet possibbli għall-implimentazzjoni sħiħa tat-TNP.

2.   DESKRIZZJONI TAL-ATTIVITAJIET

Il-proġett tal-Unjoni għall-appoġġ taċ-ċiklu tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020 ser jinvolvi:

(a) 

Seminars tematiċi għall-Istati Parti fit-tliet pilastri tat-TNP: id-diżarm nukleari, in-nonproliferazzjoni nukleari u l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari.

— 
Tliet seminars tematiċi, f'Ġinevra (diżarm), fi New York (nonproliferazzjoni), u fi Vjenna (użi paċifiċi), immirati lejn ir-rappreżentanti tal-gvern, l-esperti, l-akkademiċi, is-soċjetà ċivili u l-industrija.
(b) 

Komunikazzjoni fuq livell reġjonali mit-tmexxija tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020

— 
L-organizzazzjoni ta' massimu ta' erba' laqgħat reġjonali fl-Asja-Paċifiku, l-Afrika, l-Amerka Latina u l-Karibew, u l-Lvant Nofsani.
(c) 

Avvenimenti sekondarji

— 
Żewġ avvenimenti sekondarji li għandhom jiġu organizzati matul l-erbgħa u sebgħin sessjoni tal-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali u matul il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020.

Dawn l-elementi huma ppreżentati f'aktar dettall hawn taħt.

2.1.   Seminars tematiċi

2.1.1.   Għan

L-għan ta' kull seminar tematiku huwa li titqajjem kuxjenza dwar l-isfidi u l-opportunitajiet fit-tliet pilastri tat-TNP. B'mod partikolari, is-seminars ser jippruvaw jenfasizzaw il-ħafna benefiċċji diġà pprovduti mit-TNP u l-ħtieġa li jiġu ppreservati dawk il-benefiċċji. Is-seminars ser jippruvaw ukoll jiġġeneraw elementi għal azzjoni u rakkomandazzjonijiet prattiċi biex jinkiseb kunsens fl-2020.

2.1.2.   Ser isiru tliet seminars fi ħdan il-proġett:

Kif ġie nnutat, kull seminar ser jindirizza wieħed mill-pilastri tat-TNP: id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari. Minbarra l-esplorazzjoni tar-relazzjonijiet bejn it-tliet pilastri, id-diskussjonijiet ser jinkludu iżda mhumiex limitati għal: l-implimentazzjoni tal-impenji li saru f'ċikli ta' reviżjoni preċedenti; ir-riżoluzzjoni tad-differenzi dwar kif tinkiseb u tinżamm dinja mingħajr armi nukleari; it-tisħiħ tar-reġim tan-nonproliferazzjoni; l-aċċess għall-benefiċċji ta' użi paċifiċi tat-teknoloġija nukleari, inkluż bl-iskop tal-faċilitazzjoni tal-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; u t-tisħiħ tal-proċess ta' reviżjoni tat-TNP.

2.1.3.   Format

Il-President nominat ser jinforma lill-Istati Parti dwar l-iżviluppi f'kull pilastru, u jiddeskrivi l-isfidi u l-opportunitajiet. Ser jitlaqqgħu gruppi ta' esperti reġjonali, esperti minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) u l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBTO), u esperti mill-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR), bil-għan li jiġu ġġenerati diskussjonijiet u li jiġu fformulati ideat. Is-seminar dwar l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, li ser isir fi Vjenna, ser jinkludi wkoll il-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti ta' korpi u strutturi nazzjonali li huma involuti fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari.

Is-seminars imbagħad ser ikollhom sessjonijiet ta' mistoqsijiet u tweġibiet interattivi (Q & A) bejn il-President nominat, ir-rappreżentanti tal-Istati Parti u l-esperti.

2.1.4.   Post

It-tliet seminars tematiċi ser jiġu organizzati kif ġej: Ġinevra (diżarm); New York (nonproliferazzjoni) u Vjenna (użi paċifiċi tal-enerġija nukleari).

2.1.5.   Skeda

It-tliet seminars tematiċi ser isiru wara t-tielet sessjoni tal-Kumitat Preparatorju (29 ta' April – 10 ta' Mejju 2019), taħt it-tmexxija u l-koordinazzjoni tal-President nominat tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020. Id-dati ta' dawn il-laqgħat ser jiġu stabbiliti wara t-tielet sessjoni tal-Kumitat Preparatorju, bejn Mejju 2019 u Marzu 2020.

2.1.6.   Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta' implementazzjoni:

Tħejjija sostantiva:

F'konsultazzjoni mal-President nominat, l-UNODA ser jiżviluppa s-sustanza tas-seminars, u l-aġenda u l-għażla ta' kelliema/esperti.

Loġistika u servizzi tal-konferenzi:

L-UNODA ser jimplimenta l-arranġamenti loġistiċi (l-ibbukkjar tal-postijiet, l-organizzazzjoni tal-forniment tal-ikel, it-tagħmir awdjoviżiv, l-arranġamenti għall-ivvjaġġar tal-parteċipanti u l-esperti eċċ) għas-seminars tematiċi.

2.2.   Laqgћat reġjonali

2.2.1.   Għan

L-għan ta' kull laqgħa reġjonali huwa li jissaħħaħ il-fehim tas-sitwazzjoni attwali, jiġu diskussi l-għażliet għal impenn kooperattiv, jiġu ġġenerati soluzzjonijiet u jinbnew relazzjonijiet biex tiġi ffaċilitata konklużjoni b'suċċess għall-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020.

2.2.2.   Temi

Il-laqgћat reġjonali fl-Asja-Paċifiku, l-Afrika u l-Amerka Latina u l-Karibew ser ikopru t-tliet pilastri kollha tat-TNP. Dawn ser jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin li jaffettwaw lit-TNP u l-Istati Parti tiegħu, abbażi tad-deliberazzjonijiet fis-sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju tat-TNP fl-2017, l-2018 u l-2019, u jippreżentaw dawk il-kwistjonijiet mill-perspettiva tal-prijoritajiet u t-tħassib reġjonali rispettiv. Dawk il-kwistjonijiet ser jinkludu, iżda mhumiex ser ikunu limitati għal: l-implimentazzjoni tal-impenji li saru f'ċikli ta' reviżjoni preċedenti; ir-riżoluzzjoni tad-differenzi dwar kif tinkiseb u tinżamm dinja mingħajr armi nukleari; it-tisħiħ tar-reġim tan-nonproliferazzjoni; l-aċċess għall-benefiċċji ta' użi paċifiċi tat-teknoloġija nukleari, inkluż bl-iskop tal-faċilitazzjoni tal-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; u t-tisħiħ tal-proċess ta' reviżjoni tat-TNP.

Il-laqgħa reġjonali fil-Lvant Nofsani ser tindirizza b'mod speċifiku l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tat-TNP tal-1995 dwar il-ħolqien ta' żona fil-Lvant Nofsani ħielsa minn armi nukleari u l-armi l-oħra kollha ta' qerda massiva, inkluż il-mezzi tat-twassil tagħhom. Din il-kwistjoni toħloq sfidi għal riżultat ta' suċċess tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020 li jirrikjedu l-organizzazzjoni ta' laqgħa separata f'dan ir-reġjun.

2.2.3.   Format

Il-laqgћat reġjonali ser jieħdu l-format ta' konsultazzjonijiet interattivi. F'kull laqgħa reġjonali, il-President nominat ser jingħata l-opportunità li jippreżenta s-sitwazzjoni attwali dwar iċ-ċiklu ta' reviżjoni. Il-President imbagħad ser jippreżenta serje ta' mistoqsijiet lill-Istati biex jippromwovi ambjent bi stil interattiv ta' mistoqsijiet u tweġibiet.

Il-laqgħat ser jużaw ukoll gruppi ta' esperti reġjonali u tematiċi, inkluż esperti minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA),kif ukoll l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBTO) u mill-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) biex jiġu ġġenerati diskussjonijiet u ideat.

2.2.4.   Post

Il-laqgħat reġjonali huma mfassla biex jappoġġaw l-interazzjoni mal-gvernijiet minn reġjuni speċifiċi fit-tħejjija għall-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020. Qed jiġu ssuġġeriti dawn l-erba' laqgħat reġjonali li ġejjin:



Pajjiżi minn reġjuni/sottoreġjuni:

Post issuġġerit:

Afrika

Addis Ababa

Amerka Latina/Karibew

Buenos Aires

Asja-Paċifiku

Jakarta

Lvant Nofsani

Amman

2.2.5.   Skeda

L-erba' laqgћat reġjonali ser isiru f'perijodu ta' tnax-il xahar, bejn Marzu 2019 u Marzu 2020. L-iskeda u s-sekwenza eżatti (jiġifieri l-ordni tar-reġjuni koperti) tal-laqgħat reġjonali ser jiġu ddeterminati mill-aġenzija ta' implimentazzjoni, f'konsultazzjoni mal-President nominat tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020 u l-Unjoni, b'kont meħud tal-kalendarju tan-NU dwar id-diżarm. Kull laqgħa reġjonali ser iddum sa jumejn. Il-President nominat tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020 ser jippresiedi l-erba' laqgħat reġjonali.

2.2.6.   Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta' implementazzjoni

Tħejjija sostantiva:

F'konsultazzjoni mal-Presidenti tat-tliet sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju, u taħt it-tmexxija tal- President nominat tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020, l-UNODA ser jiżviluppa s-sustanza tas-seminars, l-aġenda u l-għażla ta' kelliema/esperti.

Appoġġ loġistiku u tal-laqgħat:

L-UNODA, flimkien mal-Istati reġjonali ospitanti, ser jimplimenta l-arranġamenti loġistiċi (l-ibbukkjar tal-postijiet, l-organizzazzjoni tal-forniment tal-ikel, it-tagħmir awdjoviżiv, l-arranġamenti għall-ivvjaġġar tal-parteċipanti u l-esperti eċċ) għal-laqgћat reġjonali.

2.3.   Avvenimenti sekondarji

Ser isiru żewġ avvenimenti sekondarji matul l-erbgħa u sebgħin sessjoni tal-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali (Ottubru 2019) u matul il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020, rispettivament. L-avveniment sekondarju li ser isir f'Ottubru 2019 ser jipprovdi opportunità biex il-Presidenti tat-tliet sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju u l-President nominat jiddiskutu t-tħejjijiet għall-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020. L-avveniment sekondarju li ser isir matul il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020 ser jipprovdi opportunità biex jiġu kondiviżi r-riżultati tas-seminars tematiċi u l-laqgħat reġjonali u l-kontribut tagħhom għat-tħejjijiet tal-Konferenza.

2.3.1.   Responsabbiltajiet tal-aġenzija ta' implementazzjoni

Tħejjija sostantiva:

F'konsultazzjoni mal-Presidenti tat-tliet sessjonijiet tal-Kumitat Preparatorju u mal-President nominat tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2020, l-UNODA ser jiżviluppa n-nota kunċettwali għall-avvenimenti sekondarji u l-aġenda u l-għażla tal-kelliema/esperti.

Appoġġ loġistiku u tal-laqgħat:

L-UNODA ser jimplimenta l-arranġamenti loġistiċi (l-ibbukkjar tal-postijiet, l-organizzazzjoni tal-forniment tal-ikel, it-tagħmir awdjoviżiv, l-arranġamenti għall-ivvjaġġar tal-esperti eċċ) għall-avvenimenti sekondarji.

3.   RAPPURTAR U VALUTAZZJONI

L-UNODA ser jippreżenta rapport finanzjarju u narrattiv finali lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni li ser ikun fih, fost l-oħrajn, it-tagħlimiet meħuda, kif ukoll rapporti qosra wara kull laqgħa li jiffukaw fuq il-messaġġi ewlenin.

4.   DURATA

Id-durata tal-implimentazzjoni tal-proġett hija ta' 18-il xahar.

5.   VIŻIBBILTÀ TAL-UE

L-UNODA għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirreklama l-fatt li dan il-proġett ġie ffinanzjat mill-Unjoni. L-appoġġ tal-Unjoni ser ikun enfasizzat matul il-preżentazzjonijiet u l-laqgħat ta' informazzjoni pubbliċi u privati tal-President nominat. L-appoġġ tal-Unjoni ser jiġi rikonoxxut ukoll fl-istediniet u dokumenti oħra li jiġu kondiviżi mal-parteċipanti tal-avvenimenti diversi. L-UNODA ser jiżgura li l-Unjoni tkun irrappreżentata fl-avvenimenti kollha organizzati taħt din id-deċiżjoni.

6.   AĠENZIJA TA' IMPLIMENTAZZJONI

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA) ser jiġi inkarigat bl-implimentazzjoni ta' dan il-proġett. L-implimentazzjoni ta' dan il-proġett ser tkun skont il-ftehim ta' finanzjament li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-UNODA.