02019D0023 — MT — 26.09.2021 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI (UE) 2019/1376 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta' Lulju 2019

dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (BĊE/2019/23)

(ĠU L 224 28.8.2019, p. 1)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI (UE) 2021/1440 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tat-3 ta’ Awwissu 2021

  L 314

14

6.9.2021




▼B

DEĊIŻJONI (UE) 2019/1376 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta' Lulju 2019

dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (BĊE/2019/23)



Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“deċiżjoni ta' passaportar” tfisser deċiżjoni tal-BĊE dwar l-istabbiliment ta' fergħa minn entità sinifikanti taħt superviżjoni fi Stat Membru parteċipanti jew fi Stat Membru ieħor ibbażata fuq liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 35(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, flimkien mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikoli 11 u 17 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, deċiżjoni ta' passaportar tinkludi ukoll deċiżjoni tal-BĊE, skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 34(1)(d) tad-Direttiva 2013/36/UE, li tagħti l-kunsens għad-dikjarazzjoni ta' intrapriża jew intrapriżi prinċipali li tiggarantixxi in solidum u individwalment l-impenji li tkun ħadet l-istituzzjoni finanzjarja sussidjarja tagħhom li għandha l-intenzjoni li twettaq dawk l-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE fi Stat Membru parteċipanti jew fi Stat Membru ieħor, billi jew tistabbilixxi fergħa jew tipprovdi servizzi;

(2) 

“fergħa” tfisser fergħa kif iddefinita fil-punt (17) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(3) 

“parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti” tfisser deċiżjoni tal-BĊE dwar l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f'entità taħt superviżjoni (l-entità fil-mira) skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36/UE flimkien mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(4) 

“istituzzjoni ta' kreditu” tfisser istituzzjoni ta' kreditu kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(5) 

“deċiżjoni ta' rtirar” tfisser deċiżjoni tal-BĊE dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta' kreditu bbażata fuq liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36/UE flimkien mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(6) 

“deċiżjoni ta' delega” u “deċiżjoni ddelegata” għandhom l-istess tifsira bħal fil-punt (2) u l-punt (4) tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), rispettivament;

(7) 

“kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol” tfisser il-kapijiet ta' unitajiet tax-xogħol tal-BĊE li lilhom tiġi ddelegata s-setgħa biex jadottaw deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar;

(8) 

“proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni” tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u speċifikata aktar fl-Artikolu 13 g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2;

(9) 

“deċiżjoni negattiva” tfisser deċiżjoni li ma tingħatax jew ma tingħatax kompletament l-awtorizzazzjoni kif mitlub mill-applikant, inklużi deċiżjonijiet negattivi skont l-Artikolu 34(1)(d) u l-Artikolu 35(3) tad-Direttiva 2013/36/UE. Deċiżjoni b'dispożizzjonijiet anċillari bħal kundizzjonijiet jew obbligi għandha titqies bħala deċiżjoni negattiva sakemm tali dispożizzjonijiet anċillari: (a) jiżguraw li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi rilevanti msemmija fl-Artikoli 4(2) u 5(2) u l-Artikolu 6(3) u (4) u li ġew miftiehma bil-miktub; jew (b) sempliċiment tiddikjara mill-ġdid waħda jew aktar mir-rekwiżiti eżistenti li l-applikant irid jikkonforma magħhom bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4(2) u 5(2) u l-Artikolu 6(3) u (4) jew jeħtieġu informazzjoni dwar it-twettiq ta' wieħed jew aktar minn dawk ir-rekwiżiti.

(10) 

“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(11) 

“entità taħt superviżjoni” tfisser entità taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (20) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(12) 

“grupp” tfisser grupp ta' impriżi li jikkonsisti f'impriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha, jew impriżi marbuta ma' xulxin b'relazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), inkluż kull subgrupp tagħha;

(13) 

“awtorità nazzjonali kompetenti” tfisser awtorità nazzjonali kompetenti kif iddefinita fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(14) 

“gwida tal-BĊE” tfisser dokument, adottat mill-Kunsill Governattiv fuq proposta mill-Bord Superviżorju, li tkun ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE u li tagħti gwida dwar il-mod kif il-BĊE jifhem ir-rekwiżiti legali;

▼M1

(15) 

“sensittività” tfisser karatteristika jew fattur li jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, inkluż iżda mhux limitat għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: (a) l-entità rilevanti taħt superviżjoni tkun preċedentement, jew hija attwalment, soġġetta għal miżuri superviżorji severi bħal miżuri ta’ intervent bikri; (b) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat se jistabbilixxi preċedent ġdid li jista’ jorbot lill-BĊE fil-futur; (c) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat jista’ jiġbed l-attenzjoni negattiva tal-midja jew tal-pubbliku; jew (d) awtorità nazzjonali kompetenti li tkun daħlet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE tikkomunika n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-abbozz ta’ deċiżjoni propost lill-BĊE.

▼B

Artikolu 2

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  
Din id-Deċizjoni tispeċifika l-kriterji għad-delegazzjoni tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet lill-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar.
2.  
Id-delegazzjoni tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni superviżorja li għandha titwettaq għall-finijiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar.

Artikolu 3

Delegazzjoni ta' deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar

1.  
Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), il-Kunsill Governattiv b'dan jiddelega lill-kapijiet ta' unitajiet ta' xogħol tal-BĊE, nominati mill-Bord Eżekuttiv skont l-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni, il-poter li jadottaw deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar.
2.  
Id-deċiżjonijiet ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar għandhom jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk jiġu ssodisfati l-kriterji rilevanti għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati, kif stabbilit fl-Artikoli 4, 5 u 6.

▼M1

3.  
Id-deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u irtirar m'għandhomx jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-kumplessità tal-valutazzjoni jew is-sensittività tal-kwistjoni teħtieġ li jiġu adottati skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.
4.  

Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal:

(a) 

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ deċiżjonijiet superviżorji;

(b) 

l-approvazzjoni tal-BĊE ta’ valutazzjonijiet pożittivi fejn ma tkunx meħtieġa deċiżjoni superviżorja;

(c) 

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ struzzjonijiet indirizzati, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li magħhom il-BĊE stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib.

▼B

5.  
Id-deċiżjonijiet negattivi ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u rtirar m'għandhomx jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata.
6.  
Fejn id-deċiżjoni ta' passaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti jew irtirar ma jistgħux jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata, għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni.

▼M1

7.  
Il-kapijiet ta’ unitajiet ta’ ħidma għandhom jippreżentaw deċiżjoni ta’ ippassaportar, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti jew ta’ rtirar li tissodisfa l-kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 6 lill-Bord Superviżorju u lill-Kunsill Governattiv għall-adozzjoni skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni jekk il-valutazzjoni superviżorja ta’ dik id-deċiżjoni jkollha impatt dirett fuq il-valutazzjoni superviżorja ta’ deċiżjoni oħra li għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.

▼B

Artikolu 4

Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti

1.  

Deċiżjonijiet ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti għandhom jittieħdu permezz ta' deċiżjoni ddelegata meta xi wieħed mill-kriterji li ġejjin jiġi sodisfatt:

(a) 

l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti hija riżultat taż-żjieda jew tneħħija ta' livell intermedjarju fl-istruttura tal-grupp tal-akkwirent;

▼M1

(b) 

l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti hija r-riżultat ta’ bidla fis-sjieda tal-entità fil-mira minn entità azzjonarja waħda għal entità azzjonarja oħra fl-istess struttura tal-grupp;

▼B

(c) 

l-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti hija r-riżultat ta' żjieda f'parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti eżistenti, sakemm ma jkunx hemm bidliet materjali mill-aħħar valutazzjoni li jaffettwaw mill-inqas wieħed mill-kriterji ta' valutazzjoni jew l-akkwirent jakkwista kontroll tal-entità fil-mira;

▼M1

(d) 

l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti titwettaq minn entità ġuridika li tappartjeni għal grupp ta’ impriżi li diġà għandhom b’mod kumulattiv parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti fl-entità fil-mira, u l-ebda livell limitu rilevanti previst fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36/UE kif traspost fil-liġi nazzjonali ma jinqabeż fil-livell konsolidat tal-grupp.

▼B

2.  
Il-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti għandha ssir skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36/UE kif traspost fil-liġi nazzjonali, waqt li jitqiesu wkoll gwidi applikabbli tal-BĊE jew atti simili li jistgħu jinħarġu mill-BĊE, kif ukoll Linji Gwida tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ( 3 ).

Artikolu 5

Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati ta' rtirar

1.  

Deċiżjonijiet ta' rtirar jistgħu jittieħdu permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-kriterji kollha li ġejjin jiġu sodisfatti:

▼M1

(a) 

id-deċiżjoni hija magħmula fuq talba ta’ entità taħt superviżjoni jew minħabba fużjoni li tirriżulta bl-entità taħt superviżjoni ma tibqax teżisti;

▼B

(b) 

ma jibqgħux depożiti mill-pubbliku mal-entità taħt superviżjoni wara li l-irtirar ikun sar effettiv;

(c) 

l-irtirar ikun marbut ma' riorganizzazzjoni fi ħdan grupp.

2.  
Il-valutazzjoni tal-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għandha ssir skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36/UE kif traspost fil-liġi nazzjonali, waqt li jitqiesu wkoll gwidi applikabbli tal-BĊE jew atti simili li jistgħu jinħarġu mill-BĊE.

Artikolu 6

Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati ta' passaportar

1.  
Deċiżjonijiet ta' passaportar skont l-Artikolu 11 u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) dwar l-istabbiliment ta' fergħa minn entità taħt superviżjoni sinifikanti tista' tittieħed permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk l-assi totali tal-fergħa kif stmati fil-programm tal-operat ma jkunux jaqbżu l-10 % tal-assi totali tal-entità sinifikanti taħt superviżjoni.
2.  
Deċiżjonijiet ta' passaportar skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 34(1)(d) tad-Direttiva 2013/36/UE li jagħtu kunsens għad-dikjarazzjoni ta' intrapriża jew intrapriżi prinċipali biex jiġu ggarantiti in solidum l-impenji li tkun tat l-istituzzjoni finanzjarja sussidjarja tagħhom jistgħu jittieħdu permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-passiv ipprojjettat tal-intrapriża prinċipali taħt il-garanzija, skont il-pjan tan-negozju għall-attivitajiet imwettqa taħt id-deċiżjoni ta' passaportar, ma jkunx jaqbeż l-10 % tal-assi totali tal-intrapriża prinċipali fuq livell individwali.
3.  
Il-valutazzjoni tat-talbiet għal deċiżjonijiet ta' passaportar skont l-Artikolu 11 u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) għandha sseħħ skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 35(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, filwaqt li jitqiesu wkoll kwalunkwe gwida applikabbli tal-BĊE jew atti simili li jistgħu jinħarġu mill-BĊE.
4.  
Il-valutazzjoni ta' talbiet għal deċiżjonijiet ta' passaportar skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 34(1)(d) tad-Direttiva 2013/36/UE għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 34, 35 u 39 tad-Direttiva 2013/36/UE, filwaqt li jitqiesu wkoll kwalunkwe gwida applikabbli tal-BĊE jew atti simili li jistgħu jinħarġu mill-BĊE.

Artikolu 7

Dispożizzjoni tranżitorja

Din id-Deċizjoni m'għandhiex tapplika f'każijiet fejn abbozz ta' proposta għal parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti jew deċiżjoni ta' rtirar ikun ġie sottomess mill-awtorità nazzjonali kompetenti lill-BĊE, jew meta n-notifika dwar l-intenzjoni tal-entità sinifikanti taħt superviżjoni li tistabbilixxi fergħa jew li tiggarantixxi l-impenji mogħtija mill-istituzzjoni finanzjarja sussidjarja tagħhom tkun ġiet sottomessa mill-awtorità nazzjonali kompetenti lill-BĊE qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċizjoni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.



( 1 ) Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

( 2 ) Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

( 3 ) Awtorità Bankarja Ewropea, Awtorità Ewropea dwar l-Assigurazzjoni u Pensjonijiet tax-Xogħol, u Awtorità Ewropea dwar it-Titoli u s-Swieq, Joint Guidelines on the prudential assessment of acquisitions and increases of qualifying holdings in the financial sector, (Linji Gwida konġunti dwar il-valutazzjoni prudenzjali ta' akkwiżizzjonijiet u żidiet f'parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti fis-settur finanzjarju, JC/GL/2016/01.