02018R1861 — MT — 11.06.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2018/1861 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta' Novembru 2018

dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006

(ĠU L 312 7.12.2018, p. 14)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2019/817 TAL-PARLAMENT EWROPEW tal-20 ta' Mejju 2019

  L 135

27

22.5.2019




▼B

REGOLAMENT (UE) 2018/1861 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta' Novembru 2018

dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan ġenerali tas-SIS

L-għan tas-SIS għandu jkun li jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni, inkluż iż-żamma tas-sigurtà pubblika u l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà fit-territorji tal-Istati Membri, u li tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE dwar il-moviment tal-persuni fuq it-territorji tagħhom, bl-użu tal-informazzjoni kkomunikata permezz ta' din is-sistema.

Artikolu 2

Suġġett

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri dwar kif jiddaħħlu u jiġu pproċessati allerti fis-SIS dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi u dwar l-iskambju ta' informazzjoni supplimentari u ta' data addizzjonali bil-fini li jiġu rrifjutati d-dħul u s-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri.

2.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-arkitettura teknika tas-SIS, dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), dwar l-ipproċessar tad-data, dwar id-drittijiet tal-persuni kkonċernati u dwar ir-responsabbiltà.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “allert” tfisser sett ta' data mdaħħla fis-SIS li jippermetti li l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw persuna bil-ħsieb li jieħdu azzjoni speċifika;

(2) “informazzjoni supplimentari” tfisser informazzjoni li ma tagħmilx parti mid-data tal-allert maħżuna fis-SIS, li madankollu hi marbuta mal-allerti fis-SIS, li għandha tiġi skambjata permezz tal-Uffiċċji SIRENE:

(a) sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonsultaw jew jinformaw lil xulxin meta jdaħħlu allert;

(b) wara li jkun hemm hit, sabiex tkun tista' tittieħed l-azzjoni adatta;

(c) meta ma tkunx tista' tittieħed l-azzjoni meħtieġa;

(d) meta tkun qed tiġi ttrattata l-kwalità tad-data tas-SIS;

(e) meta jkunu qed jiġu ttrattati l-kompatibbiltà u l-prijorità tal-allerti;

(f) meta jkunu qed jiġu ttrattati d-drittijiet ta' aċċess;

(3) “data addizzjonali” tfisser id-data maħżuna fis-SIS u marbuta mal-allerti fis-SIS li għandha tkun disponibbli immedjatament għall-awtoritajiet kompetenti meta l-persuna li dwarha tkun iddaħħlet data fis-SIS tiġi lokalizzata bħala riżultat ta' tiftix li sar fis-SIS;

(4) “ċittadin ta' pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li mhijiex ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE, bl-eċċezzjoni ta' persuni li huma benefiċjarji ta' drittijiet ta' moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta' ċittadini tal-Unjoni skont ftehimiet bejn l-Unjoni, jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u pajjiżi terzi min-naħa l-oħra;

(5) “data personali” tfisser data personali kif definita fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679;

(6) “ipproċessar ta' data personali” tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta' operazzjonijiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta' data personali, kemm jekk b'mezzi awtomatizzati kif ukoll jekk le, bħalma huma l-ġbir, ir-rekordjar, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħżin, l-adattament jew it-tibdil, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trasmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlit, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

(7) “konkordanza” tfisser meta jseħħu l-passi li ġejjin:

(a) sar tiftix fis-SIS minn utent finali;

(b) dak it-tiftix żvela allert imdaħħal fis-SIS minn Stat Membru ieħor; u

(c) id-data dwar l-allert fis-SIS taqbel mad-data mfittxija;

(8) “hit” tfisser kwalunkwe konkordanza li tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a) tkun ġiet ikkonfermata:

(i) mill-utent finali; jew

(ii) mill-awtorità kompetenti f'konformità ma' proċeduri nazzjonali, fejn il-konkordanza inkwistjoni kienet ibbażata fuq tqabbil ta' data bijometrika;

u

(b) jintalbu azzjonijiet ulterjuri;

(9) “Stat Membru emittenti” tfisser l-Istat Membru li jkun daħħal l-allert fis-SIS;

(10) “Stat Membru tal-għoti” tfisser l-Istat Membru li jkun qed jikkunsidra li jagħti jew jestendi jew li jkun ta jew estenda permess ta' residenza jew viża għal soġġorn fit-tul u li jkun involut fil-proċedura ta' konsultazzjoni ma' Stat Membru ieħor;

(11) “Stat Membru ta' eżekuzzjoni” tfisser l-Istat Membru li jieħu jew li jkun ħa l-azzjonijiet meħtieġa b'segwitu għal hit;

(12) “utent finali” tfisser membru tal-persunal ta' awtorità kompetenti li huwa awtorizzat li jfittex direttament fis-CS-SIS, fl-N.SIS jew f'kopja teknika tagħhom;

(13) “data bijometrika” tfisser data personali li tirriżulta mill-ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi jew fiżjoloġiċi ta' persuna fiżika, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta' dik il-persuna fiżika, jiġifieri ritratti, immaġnijiet tal-wiċċ u data dattiloskopika;

(14) “data dattiloskopika” tfisser data dwar il-marki tas-swaba' u dwar il-marki tal-pala tal-id li minħabba l-karattru uniku tagħhom u l-punti ta' referenza li fihom, jippermettu li jsir tqabbil akkurat u konklużiv dwar l-identità ta' persuna;

(15) “immaġni tal-wiċċ” tfisser immaġnijiet diġitali tal-wiċċ b'riżoluzzjoni u kwalità suffiċjenti tal-immaġni biex jintużaw fi tqabbil bijometriku awtomatizzat;

(16) “ritorn” tfisser ritorn kif definit fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE;

(17) “projbizzjoni fuq id-dħul” tfisser projbizzjoni fuq id-dħul kif definita fil-punt 6 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE;

(18) “reati terroristiċi” tfisser reati skont il-liġi nazzjonali msemmija fl-Artikoli 3 sa 14 tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), jew ekwivalenti għal wieħed minn dawk ir-reati għall-Istati Membri li mhumiex marbutin b'dik id-Direttiva;

(19) “permess ta' residenza” tfisser permess ta' residenza kif definit fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

(20) “viża għal soġġorn fit-tul” tfisser viża għal soġġorn fit-tul kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen;

(21) “theddida għas-saħħa pubblika” tfisser theddida għas-saħħa pubblika kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399;

▼M1

(22) “ESP” tfisser portal Ewropew ta' tfittxija stabbilit mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );

(23) “BMS kondiviż” tfisser servizz kondiviż ta' tqabbil bijometriku stabbilit mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2019/817;

(24) “CIR” tfisser repożitorju komuni ta' informazzjoni dwar l-identità stabbilit mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2019/817;

(25) “MID” tfisser id-detettur ta' identitajiet multipli stabbilit mill-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2019/817.

▼B

Artikolu 4

Arkitettura teknika u modi kif tista' titħaddem is-SIS

1.  Is-SIS għandha tkun magħmula minn:

(a) sistema ċentrali (SIS Ċentrali) magħmula minn:

(i) funzjoni ta' appoġġ tekniku (“CS-SIS”) li jkun fiha bażi ta' data, (il-“bażi ta' data tas-SIS”) u li tinkludi backup tas-CS-SIS,

(ii) interfaċċa nazzjonali uniformi (“NI-SIS”);

▼M1

(b) sistema nazzjonali (N.SIS) f'kull Stat Membru, li tkun magħmula mis-sistemi ta' data nazzjonali li jikkomunikaw mas-SIS Ċentrali, li tinkludi tal-inqas backup wieħed nazzjonali jew kondiviż tal-N.SIS;

(c) infrastruttura ta' komunikazzjoni bejn is-CS-SIS, il-backup tas-CS-SIS u l-NI-SIS (“l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni”) li tipprovdi netwerk virtwali kriptat iddedikat għad-data tas-SIS u għall-iskambju ta' data bejn l-Uffiċċji SIRENE, kif imsemmi fl-Artikolu 7(2); u

(d) infrastruttura ta' komunikazzjoni sigura bejn is-CS-SIS u l-infrastrutturi ċentrali tal-ESP, il-BMS kondiviż, u l-MID.

▼B

L-N.SIS kif imsemmi fil-punt (b) jista' jkun fiha fajl ta' data (“kopja nazzjonali”) li jkun fih kopja sħiħa jew parzjali tal-bażi ta' data tas-SIS. Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jistabbilixxu f'waħda mill-N.SIS tagħhom, kopja kondiviża li tista' tintuża b'mod konġunt minn dawk l-Istati Membri. Tali kopja kondiviża għandha titqies bħala l-kopja nazzjonali ta' kull wieħed minn dawk l-Istati Membri;

Backup kondiviż tal-N.SIS kif imsemmi fil-punt (b) jista' jintuża b'mod konġunt minn żewġ Stati Membri jew aktar. F'każijiet bħal dawn, il-backup kondiviż tal-N.SIS għandu jitqies bħala l-backup tal-N.SIS ta' kull wieħed minn dawk l-Istati Membri. L-N.SIS u l-backup tagħha jistgħu jintużaw simultanjament biex tiġi żgurata disponibbiltà mingħajr interruzzjoni għall-utenti finali.

L-Istati Membri li biħsiebhom jistabbilixxu kopja kondiviża tal-N.SIS jew backup kondiviż tal-N.SIS li ser jintuża b'mod konġunt, għandhom jilħqu qbil bil-miktub rigward ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom. Huma għandhom jinnotifikaw l-arranġament tagħhom lill-Kummissjoni.

L-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tappoġġa u tikkontribwixxi għad-disponibbiltà mingħajr interruzzjoni tas-SIS. Għandha tinkludi mogħdijiet addizzjonali u separati għall-konnessjonijiet bejn is-CS-SIS u l-backup tas-CS-SIS u għandha tinkludi wkoll mogħdijiet addizzjonali u separati għall-konnessjonijiet bejn kull punt ta' aċċess għan-netwerk nazzjonali tas-SIS u s-CS-SIS u l-backup tas-CS-SIS.

2.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu, jaġġornaw, iħassru u jfittxu fid-data tas-SIS permezz tal-N.SIS tagħhom stess. L-Istati Membri li jużaw kopja nazzjonali parzjali jew sħiħa, jew kopja kondiviża parzjali jew sħiħa għandhom jagħmlu lil dik il-kopja disponibbli għall-fini li jsir tiftix awtomatiku fit-territorju ta' kull wieħed minn dawk l-Istati Membri. Il-kopja nazzjonali jew kondiviża parzjali għandu jkun fiha tal-inqas id-data elenkata fil-punt (a) sa (v) tal-Artikolu 20(2) ta' dan ir-Regolament. Mhux ser ikun possibbli li jsir tiftix fil-fajls tad-data tal-N.SIS ta' Stati Membri oħrajn, ħlief fil-każ ta' kopji kondiviżi.

3.  Is-CS-SIS għandha twettaq superviżjoni teknika u funzjonijiet amministrattivi u jkollha backup, li tkun kapaċi tiżgura l-funzjonalitajiet kollha tas-CS-SIS prinċipali f'każ ta' ħsara f'dik is-sistema. Is-CS-SIS u l-backup tas-CS-SIS għandhom ikunu jinstabu fiż-żewġ siti tekniċi tal-eu-LISA.

4.  L-eu-LISA għandha timplimenta soluzzjonijiet tekniċi biex issaħħaħ id-disponibbiltà mingħajr interruzzjoni tas-SIS jew permezz tat-tħaddim simultanju tas-CS-SIS u l-backup tas-CS-SIS, dment li l-backup tas-CS-SIS jibqa' kapaċi jiżgura t-tħaddim tas-SIS f'każ ta' ħsara tas-CS-SIS, jew permezz ta' duplikazzjoni tas-sistema jew tal-komponenti tagħha. Minkejja r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/1726 l-eu-LISA għandha, mhux aktar tard mit-28 ta' Diċembru 2019, tħejji studju dwar l-għażliet għal soluzzjonijiet tekniċi, li jkun jinkludi valutazzjoni indipendenti tal-impatt u analiżi indipendenti tal-ispejjeż u l-benefiċċji.

5.  Fejn meħtieġ f'każijiet eċċezzjonali, l-eu-LISA tista' temporanjament tiżviluppa kopja addizzjonali tal-bażi ta' data tas-SIS.

6.  Is-CS-SIS għandha tipprovdi s-servizzi meħtieġa biex tiddaħħal u tiġi pproċessata d-data tas-SIS, inkluż tiftix fil-bażi ta' data tas-SIS. Għall-Istati Membri li jużaw kopja nazzjonali jew kondiviża, is-CS-SIS għandha:

(a) tipprovdi aġġornamenti online għall-kopji nazzjonali;

(b) tiżgura sinkronizzazzjoni u konsistenza bejn il-kopji nazzjonali u l-bażi ta' data tas-SIS; u

(c) tipprovdi l-operazzjoni għall-inizjalizzazzjoni u l-irkupru tal-kopji nazzjonali.

7.  Is-CS-SIS għandha tipprovdi disponibbiltà mingħajr interruzzjoni.

▼M1

8.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 5, id-data tas-SIS tista' tiġi mfittxija wkoll permezz tal-ESP.

9.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 5, id-data tas-SIS tista' tiġi mibgħuta wkoll permezz tal-infrastruttura ta' komunikazzjoni sigura msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1. Dawn it-trażmissjonijiet għandhom jiġu limitati sal-punt li d-data tkun meħtieġa għall-iskopijiet tar-Regolament (UE) 2019/817.

▼B

Artikolu 5

Spejjeż

1.  L-ispejjeż marbutin mat-tħaddim, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tas-SIS Ċentrali u tal-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dawk l-ispejjeż għandhom jinkludu l-ħidma li ssir fir-rigward tas-CS-SIS, sabiex jiġi żgurat il-forniment tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 4(6).

2.  Mill-pakkett ta' EUR 791 miljun previst skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 ġie allokat finanzjament li jkopri l-ispejjeż marbutin mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

3.  Mill-pakkett imsemmi fil-paragrafu 2, u mingħajr preġudizzju għal aktar finanzjament għal dan il-għan minn sorsi oħrajn tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, l-eu-LISA ġiet allokata l-ammont ta' EUR 31 098 000 . Dan il-finanzjament għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni indiretta u għandu jikkontribwixxi għat-twettiq ta' żviluppi tekniċi meħtieġa skont dan ir-Regolament rigward is-SIS Ċentrali u l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni, kif ukoll għall-attivitajiet ta' taħriġ relatati.

4.  Mill-pakkett imsemmi fil-paragrafu 2, l-Istati Membri li qegħdin jipparteċipaw fir-Regolament (UE) Nru 515/2014 għandhom jirċievu allokazzjoni globali addizzjonali ta' EUR 36 810 000 li għandha titqassam f'ammonti ndaqs permezz ta' somma waħda f'daqqa għall-allokazzjoni bażika tagħhom. Dan il-finanzjament għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni kondiviża u għandu jkun iddedikat kompletament għall-aġġornament rapidament u effettiv tas-sistemi nazzjonali kkonċernati f'konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

5.  L-ispejjeż marbutin mal-istabbiliment, it-tħaddim, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta' kull N.SIS għandhom jitħallsu mill-Istat Membru kkonċernat.



KAPITOLU II

RESPONSABBILTAJIET TAL-ISTATI MEMBRI

Artikolu 6

Sistemi nazzjonali

Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment, it-tħaddim, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-N.SIS tiegħu u għall-konnessjoni tiegħu mal-NI-SIS.

Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli li jiżgura d-disponibbiltà mingħajr interruzzjoni tad-data tas-SIS għall-utenti finali.

Kull Stat Membru għandu jittrasmetti l-allerti tiegħu permezz tal-N.SIS tiegħu.

Artikolu 7

Uffiċċju tal-N.SIS u Uffiċċju SIRENE

1.  Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità (l-Uffiċċju tal-N.SIS), li għandu jkollha r-responsabbiltà ċentrali għall-N.SIS tiegħu.

Dik l-awtorità għandha tkun responsabbli għat-tħaddim bla xkiel u għas-sigurtà tal-N.SIS, għandha tiżgura l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għas-SIS u għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament. Għandha tkun responsabbli biex tiżgura li l-funzjonalitajiet kollha tas-SIS jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti finali b'mod xieraq.

2.  Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità nazzjonali li għandha topera 24 siegħa kuljum sebat ijiem fil-ġimgħa u għandha tiżgura l-iskambju u d-disponibbiltà tal-informazzjoni supplimentari kollha (l-Uffiċċju SIRENE) f'konformità mal-Manwal SIRENE. Kull Uffiċċju SIRENE għandu jservi ta' punt uniku ta' kuntatt għall-Istat Membru tiegħu biex jiskambjaw informazzjoni supplimentari dwar l-allerti u biex jiġi ffaċilitat it-teħid tal-azzjonijiet mitluba meta fis-SIS jiddaħħlu allerti dwar ċerti persuni u dawk il-persuni jiġu lokalizzati b'segwitu għal hit.

F'konformità mal-liġi nazzjonali, kull Uffiċċju SIRENE għandu jkollu aċċess dirett jew indirett faċli għall-informazzjoni nazzjonali rilevanti kollha, inkluż għall-bażijiet ta' data nazzjonali u għall-informazzjoni kollha dwar l-allerti tal-Istat Membru tiegħu stess, u għal pariri mill-esperti, sabiex ikun jista' jirreaġixxi għat-talbiet għal informazzjoni supplimentari b'mod rapidu u fi ħdan l-iskadenzi previsti fl-Artikolu 8.

L-Uffiċċji SIRENE għandhom jikkoordinaw il-verifika tal-kwalità tal-informazzjoni mdaħħla fis-SIS. Għal dawk il-finijiet għandu jkollhom aċċess għad-data pproċessata fis-SIS.

▼M1

2a.  L-Uffiċċji SIRENE għandhom jiżguraw ukoll il-verifika ta' identitajiet differenti skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2019/817. L-Uffiċċji SIRENE, sa fejn ikun meħtieġ biex iwettqu dan il-kompitu, għandu jkollhom aċċess għad-data maħżuna fis-CIR u fl-MID għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 21 u 26 tar-Regolament (UE) 2019/817.

▼B

3.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-eu-LISA b'dettalji dwar l-Uffiċċju N.SIS tagħhom u dwar l-Uffiċċju SIRENE tagħhom. L-eu-LISA għandha tippubblika l-lista tal-Uffiċċji N.SIS u l-Uffiċċji SIRENE flimkien mal-lista msemmija fl-Artikolu 41(8).

Artikolu 8

Skambju ta' informazzjoni supplimentari

1.  L-informazzjoni supplimentari għandha tiġi skambjata f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Manwal SIRENE u bl-użu tal-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni. L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-riżorsi tekniċi u umani meħtieġa biex jiġu żgurati d-disponibbiltà kontinwa u l-iskambju f'waqtu u effettiv tal-informazzjoni supplimentari. F'każ li l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni ma tkunx disponibbli, l-Istati Membri għandhom jużaw mezzi tekniċi oħra protetti adegwatament għall-iskambju ta' informazzjoni supplimentari. Fil-Manwal SIRENE ser ikun hemm lista ta' mezzi tekniċi protetti adegwatament.

2.  L-informazzjoni supplimentari għandha tintuża biss għall-fini li għalih tkun ġiet trasmessa f'konformità mal-Artikolu 49 ħlief jekk jinkiseb kunsens minn qabel għal użu ieħor mill-Istat Membru emittenti.

3.  L-Uffiċċji SIRENE għandhom iwettqu l-kompitu tagħhom b'mod rapidu u effiċjenti, b'mod partikolari billi jwieġbu għal talba għal informazzjoni supplimentari kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard minn 12-il siegħa wara li tasal it-talba.

It-talbiet għal informazzjoni supplimentari tal-ogħla prijorità għandhom jiġu mmarkati bħala “URĠENTI” fil-formoli SIRENE, u r-raġuni għall-urġenza għandha tiġi speċifikata.

4.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli dettaljati għall-kompiti tal-Uffiċċji SIRENE skont dan ir-Regolament u għall-iskambju ta' informazzjoni supplimentari fl-għamla ta' manwal intitolat il-“Manwal SIRENE”. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(2).

Artikolu 9

Konformità teknika u funzjonali

1.  Meta jkun qed jistabbilixxi l-N.SIS tiegħu, kull Stat Membru għandu josserva l-istandards komuni, il-protokolli u l-proċeduri tekniċi stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-N.SIS tiegħu mas-SIS Ċentrali għal trasmissjoni fil-pront u effettiva tad-data.

2.  Jekk Stat Membru juża kopja nazzjonali huwa għandu jiżgura, permezz tas-servizzi pprovduti mis-CS-SIS u permezz ta' aġġornamenti awtomatiċi msemmija fl-Artikolu 4(6) li d-data maħżuna fil-kopja nazzjonali tkun identika u konsistenti ma' dik tal-bażi ta' data tas-SIS, u li tiftix fil-kopja nazzjonali tiegħu jipproduċi riżultat ekwivalenti għal dak ta' tiftix fil-bażi ta' data tas-SIS.

3.  L-utenti finali għandhom jirċievu d-data meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom, b'mod partikolari u fejn ikun meħtieġ, id-data kollha disponibbli li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġett tad-data u tal-azzjoni mitluba li tittieħed.

4.  L-Istati Membri u l-eu-LISA għandhom iwettqu testijiet regolari biex jivverifikaw il-konformità teknika tal-kopji nazzjonali msemmija fil-paragrafu 2. Ir-riżultati ta' dawk it-testijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mill-mekkaniżmu stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 ( 4 ).

5.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi u tiżviluppa l-istandards komuni, il-protokolli u l-proċeduri tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(2).

Artikolu 10

Sigurtà – l-Istati Membri

1.  Kull Stat Membru għandu, fir-rigward tal-N.SIS tiegħu, jadotta l-miżuri meħtieġa, inkluż pjan ta' sigurtà, pjan għall-kontinwità operazzjonali u pjan ta' rkupru minn diżastri sabiex:

(a) jipproteġi d-data fiżikament, inkluż billi jħejji pjanijiet ta' kontinġenza għall-protezzjoni ta' infrastruttura kritika;

(b) jiċħad l-aċċess lil persuni mhux awtorizzati għall-faċilitajiet tal-ipproċessar ta' data li jintużaw għall-ipproċessar ta' data personali (kontroll tal-aċċess għall-faċilitajiet);

(c) jimpedixxi l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzata tal-mezzi tad-data (kontroll tal-mezzi tad-data);

(d) jimpedixxi li tiddaħħal data b'mod mhux awtorizzat kif ukoll l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta' data personali maħżuna (kontroll tal-ħżin);

(e) jimpedixxi l-użu ta' sistemi awtomatizzati ta' pproċessar ta' data minn persuni mhux awtorizzati bl-użu ta' tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-utent);

(f) jimpedixxi l-ipproċessar mhux awtorizzat tad-data fis-SIS u kwalunkwe modifika jew tħassir mhux awtorizzat ta' data pproċessata fis-SIS (kontroll tad-dħul ta' data);

(g) jiżgura li l-persuni awtorizzati biex jużaw sistema awtomatizzata ta' pproċessar ta' data jkollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom, u esklużivament permezz ta' identifikaturi individwali u uniċi tal-utent u modalitajiet ta' aċċess kunfidenzjali (kontroll tal-aċċess għad-data);

(h) jiżgura li l-awtoritajiet kollha bi dritt ta' aċċess għas-SIS jew għall-faċilitajiet ta' pproċessar ta' data joħolqu profili li jiddeskrivu l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-persuni li huma awtorizzati jaċċessaw, idaħħlu, jaġġornaw, iħassru u jfittxu fid-data u jagħmlu dawk il-profili disponibbli għall-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-Artikolu 55(1) mingħajr dewmien fuq talba min-naħa tagħhom (profili tal-persunal);

(i) jiżgura li jkun possibbli li jiġi verifikat u stabbilit lil liema korpi tista' tintbagħat id-data personali bl-użu ta' tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-komunikazzjoni);

(j) jiżgura li jkun sussegwentement possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data personali tkun iddaħħlet fis-sistemi awtomatizzati ta' pproċessar ta' data, meta, minn min u għal liema fini (kontroll tad-dħul);

(k) jimpedixxi l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta' data personali waqt it-trasmissjoni ta' data personali jew waqt it-trasport ta' mezzi tad-data b'mod partikolari b'tekniki kriptografiċi adatti (kontroll tat-trasport);

(l) iwettaq monitoraġġ tal-effettività tal-miżuri ta' sigurtà msemmija f'dan il-paragrafu u jieħu l-miżuri organizzattivi meħtieġa relatati mal-monitoraġġ intern biex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament (awtoawditjar);

(m) jiżgura li, f'każ ta' interruzzjoni, is-sistemi installati jkunu jistgħu jerġgħu jibdew joperaw b'mod normali (irkupru); u

(n) jiżgura li s-SIS taqdi l-funzjonijiet tagħha b'mod korrett, li l-ħsarat jiġu rrapportati (affidabbiltà) u li d-data personali maħżuna fis-SIS ma tistax tiġi korrotta permezz ta' ħsara fis-sistema (integrità).

2.  L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tas-sigurtà b'rabta mal-ipproċessar u l-iskambju ta' informazzjoni supplimentari, inkluż billi il-bini tal-Uffiċċji SIRENE isiru siguri.

3.  L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fir-rigward tas-sigurtà b'rabta mal-ipproċessar ta' data tas-SIS mill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 34.

4.  Il-miżuri deskritti fil-paragrafi 1, 2 u 3 jistgħu jkunu parti minn approċċ u pjan ta' sigurtà ġeneriċi fil-livell nazzjonali li jinkludu sistemi multipli tal-IT. F'każijiet bħal dawn, ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu u l-applikabbiltà tagħhom għas-SIS għandhom ikunu identifikabbli b'mod ċar u għandhom ikunu żgurati permezz ta' dak il-pjan.

Artikolu 11

Kunfidenzjalità – l-Istati Membri

1.  Kull Stat Membru għandu japplika r-regoli tiegħu dwar is-segretezza professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħra ta' kunfidenzjalità b'rabta mal-persuni u l-korpi kollha li huma meħtieġa jaħdmu bid-data tas-SIS u l-informazzjoni supplimentari, f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu. Dak l-obbligu għandu japplika wkoll meta dawn il-persuni ma jibqgħux fil-kariga jew fl-impjieg jew wara t-tmiem tal-attivitajiet ta' dawk il-korpi.

2.  F'każ li Stat Membru jikkoopera ma' kuntratturi esterni fi kwalunkwe kompitu relatat mas-SIS, huwa għandu jwettaq monitoraġġ mill-qrib tal-attivitajiet tal-kuntrattur sabiex jiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dwar is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data.

3.  Il-ġestjoni operazzjonali tal-N.SIS jew ta' kwalunkwe kopja teknika ma għandhiex tiġi fdata lil kumpanniji privati jew lil organizzazzjonijiet privati.

Artikolu 12

Żamma ta' reġistri fuq livell nazzjonali

▼M1

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull aċċess għal u kull skambju ta' data personali mas-CS-SIS jiġu illoggjati fl-N.SIS tagħhom biex jiġi verifikat jekk it-tfittxija kinitx skont il-liġi, għall-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data, għall-awtomonitoraġġ u sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tal-N.SIS, kif ukoll l-integrità u s-sigurtà tad-data. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-proċessi awtomatiċi imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 4(6).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull aċċess għal data personali permezz tal-ESP ikun illoggjat ukoll sabiex jiġi verifikat jekk it-tfittxija kinitx skont il-liġi, għall-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data, għall-awtomonitoraġġ, u l-integrità u s-sigurtà tad-data.

▼B

2.  Ir-reġistri għandhom juru, b'mod partikolari, l-istorja tal-allert, id-data u l-ħin tal-attività tal-ipproċessar tad-data, id-data li ntużat biex isir it-tiftix, referenza għad-data pproċessata u l-identifikaturi individwali u uniċi tal-utent kemm tal-awtorità kompetenti kif ukoll tal-persuna responsabbli mill-ipproċessar tad-data.

3.  Permezz ta' deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jekk it-tiftix isir permezz ta' data dattiloskopika jew permezz ta' immaġni tal-wiċċ f'konformità mal-Artikolu 33, ir-reġistri għandhom juru t-tip ta' data li ntużat biex isir it-tiftix, minflok id-data reali.

4.  Ir-reġistri għandhom jintużaw biss għall-fini msemmi fil-paragrafu 1 u għandhom jitħassru tliet snin wara li jkunu nħolqu. Ir-reġistri li jinkludu l-istorja tal-allerti għandhom jitħassru tliet snin wara li jitħassru l-allerti.

5.  Ir-reġistri jistgħu jinżammu għal perijodi itwal minn dawk imsemmija fil-paragrafu 4 jekk ikunu meħtieġa għal proċeduri ta' monitoraġġ li jkunu diġà bdew.

6.  L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali nkarigati li jivverifikaw jekk it-tiftix ikunux skont il-liġi, li jwettqu monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data, li jwettqu awtomonitoraġġ u jiżguraw li l-N.SIS taħdem kif xieraq, u jiżguraw l-integrità u s-sigurtà tad-data, għandu jkollhom aċċess għar-reġistri, fil-limiti tal-kompetenza tagħhom u fuq talba min-naħa tagħhom, bil-fini li jwettqu l-kompiti tagħhom.

Artikolu 13

Awtomonitoraġġ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull awtorità intitolata li jkollha aċċess għad-data tas-SIS tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma' dan ir-Regolament u għandha tikkoopera, fejn meħtieġ, mal-awtorità superviżorja nazzjonali.

Artikolu 14

Taħriġ tal-persunal

1.  Qabel ma jingħataw awtorizzazzjoni biex jipproċessaw id-data maħżuna fis-SIS u perjodikament wara li jkun ingħata l-aċċess għad-data tas-SIS, il-membri tal-persunal tal-awtoritajiet li jkollhom dritt ta' aċċess għas-SIS għandhom jirċievu taħriġ xieraq dwar is-sigurtà tad-data, dwar id-drittijiet fundamentali inkluż dwar il-protezzjoni tad-data, u dwar ir-regoli u l-proċeduri għall-ipproċessar tad-data stabbiliti fil-Manwal SIRENE. Il-membri tal-persunal għandhom jiġu informati bi kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti dwar reati kriminali u pieni, inkluż dawk previsti fl-Artikolu 59.

2.  L-Istati Membri għandu jkollhom programm ta' taħriġ nazzjonali tas-SIS li għandu jinkludi taħriġ għall-utenti finali kif ukoll għall-persunal tal-Uffiċċji SIRENE.

Dak il-programm ta' taħriġ jista' jkun parti minn programm ta' taħriġ ġenerali fuq livell nazzjonali li jkopru taħriġ f'oqsma rilevanti oħrajn.

3.  Fil-livell tal-Unjoni għandhom jiġu organizzati korsijiet ta' taħriġ komuni tal-inqas darba fis-sena biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji SIRENE.



KAPITOLU III

RESPONSABBILTAJIET TAL-eu-LISA

Artikolu 15

Ġestjoni operazzjonali

1.  L-eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni operazzjonali tas-SIS Ċentrali. L-eu-LISA għandha, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tiżgura li għas-SIS Ċentrali tintuża dejjem l-aħjar teknoloġija disponibbli, soġġett għal analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji.

2.  L-eu-LISA għandha tkun responsabbli wkoll għall-kompiti li ġejjin relatati mal-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni:

(a) superviżjoni;

(b) sigurtà;

(c) il-koordinazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-fornitur;

(d) kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit;

(e) akkwist u tiġdid; u

(f) kwistjonijiet kuntrattwali.

3.  L-eu-LISA għandha tkun responsabbli wkoll għall-kompiti li ġejjin relatati mal-Uffiċċji SIRENE u mal-komunikazzjoni bejn l-Uffiċċji SIRENE:

(a) il-koordinazzjoni, il-ġestjoni u s-sostenn tal-attivitajiet ta' ttestjar;

(b) il-ġestjoni u l-aġġornament tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-iskambju ta' informazzjoni supplimentari bejn l-Uffiċċji SIRENE u l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni; u

(c) il-ġestjoni tal-impatt ta' tibdil tekniku fejn dan jaffettwa kemm is-SIS kif ukoll l-iskambju ta' informazzjoni supplimentari bejn l-Uffiċċji SIRENE.

4.  L-eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp u l-ġestjoni ta' mekkaniżmu u proċeduri għat-twettiq ta' verifiki tal-kwalità fuq id-data fis-CS-SIS. Hija għandha tipprovdi rapporti regolari lill-Istati Membri f'dan ir-rigward.

L-eu-LISA għandha tipprovdi rapport regolari lill-Kummissjoni li jkopri l-kwistjonijiet li jinqalgħu u lill-Istati Membri kkonċernati.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kwistjonijiet relatati mal-kwalità tad-data li jkunu ġew osservati.

5.  L-eu-LISA għandha twettaq ukoll kompiti relatati mal-għoti ta' taħriġ dwar l-użu tekniku tas-SIS u dwar miżuri biex tittejjeb il-kwalità tad-data tas-SIS.

6.  Il-ġestjoni operazzjonali tas-SIS Ċentrali għandha tikkonsisti mill-kompiti kollha meħtieġa biex is-SIS Ċentrali tibqa' tiffunzjona 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa f'konformità ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari x-xogħol ta' manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi meħtieġa għat-tħaddim bla xkiel tas-sistema. Dawk il-kompiti għandhom jinkludu wkoll il-koordinazzjoni, il-ġestjoni u s-sostenn ta' attivitajiet ta' ttestjar għas-SIS Ċentrali u l-N.SIS, li jiżguraw li s-SIS Ċentrali u l-N.SIS jitħaddmu skont ir-rekwiżiti għall-konformità teknika u funzjonali stabbiliti fl-Artikolu 9.

7.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi għall-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(2).

Artikolu 16

Sigurtà – l-eu-LISA

1.  L-eu-LISA għandha tadotta l-miżuri meħtieġa, inkluż pjan ta' sigurtà, pjan għall-kontinwità operazzjonali u pjan ta' rkupru minn diżastri għas-SIS Ċentrali u għall-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni sabiex:

(a) tipproteġi d-data fiżikament, inkluż billi tħejji pjanijiet ta' kontinġenza għall-protezzjoni ta' infrastruttura kritika;

(b) tiċħad l-aċċess lil persuni mhux awtorizzati għall-faċilitajiet tal-ipproċessar ta' data li jintużaw għall-ipproċessar ta' data personali (kontroll tal-aċċess għall-faċilitajiet);

(c) timpedixxi l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzata tal-mezzi tad-data (kontroll tal-mezzi tad-data);

(d) timpedixxi li tiddaħħal data b'mod mhux awtorizzat kif ukoll l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta' data personali maħżuna (kontroll tal-ħżin);

(e) timpedixxi l-użu ta' sistemi awtomatizzati ta' pproċessar ta' data minn persuni mhux awtorizzati bl-użu ta' tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-utent);

(f) timpedixxi l-ipproċessar mhux awtorizzat tad-data fis-SIS u kwalunkwe modifika jew tħassir mhux awtorizzat tad-data pproċessata fis-SIS (kontroll tad-dħul ta' data);

(g) tiżgura li l-persuni awtorizzati biex jużaw sistema awtomatizzata ta' pproċessar ta' data jkollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom, esklużivament permezz ta' identifikaturi individwali u uniċi tal-utent u modalitajiet ta' aċċess kunfidenzjali (kontroll tal-aċċess għad-data);

(h) toħloq profili li jiddeskrivu l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet ta' persuni li huma awtorizzati jaċċessaw id-data jew il-faċilitajiet ta' pproċessar tad-data u tqiegħed dawk il-profili għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, mingħajr dewmien fuq talba min-naħa tiegħu (profili tal-persunal);

(i) tiżgura li jkun possibbli li jiġi verifikat u stabbilit lil liema korpi tista' tintbagħat id-data personali bl-użu ta' tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-komunikazzjoni);

(j) tiżgura li jkun sussegwentement possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data personali ddaħħlet f'sistemi awtomatizzati ta' pproċessar tad-data, meta u minn min (kontroll tad-dħul);

(k) timpedixxi l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta' data personali waqt it-trasmissjoni ta' data personali jew waqt it-trasport ta' mezzi tad-data, b'mod partikolari b'tekniki kriptografiċi adatti (kontroll tat-trasport);

(l) tikkontrolla l-effettività tal-miżuri ta' sigurtà msemmija f'dan il-paragrafu u tieħu l-miżuri organizzattivi meħtieġa relatati mal-monitoraġġ intern sabiex tiżgura konformità ma' dan ir-Regolament (awtoawditjar);

(m) tiżgura li, f'każ ta' operazzjonijiet interrotti is-sistemi installati jkunu jistgħu jerġgħu jibdew joperaw b'mod normali (irkupru);

(n) tiżgura li s-SIS taqdi l-funzjonijiet tagħha b'mod korrett, li l-ħsarat jiġu rrapportati (affidabbiltà) u li d-data personali maħżuna fis-SIS ma tistax tiġi korrotta permezz ta' ħsara fis-sistema (integrità); u

(o) tiżgura s-sigurtà tas-siti tekniċi tagħha.

2.  L-eu-LISA għandha tieħu miżuri ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tas-sigurtà f'dak li għandu x'jaqsam mal-ipproċessar u l-iskambju ta' informazzjoni supplimentari permezz tal-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni.

Artikolu 17

Kunfidenzjalità – l-eu-LISA

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-eu-Lisa għandha tapplika regoli adatti dwar is-segretezza professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħra ta' kunfidenzjalità ta' standard komparabbli għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament għall-membri tal-persunal kollha tagħha li jkunu meħtieġa jaħdmu bid-data tas-SIS. Dak l-obbligu għandu japplika wkoll meta dawn il-persuni ma jibqgħux fil-kariga jew fl-impjieg tagħhom jew wara t-tmiem tal-attivitajiet tagħhom.

2.  L-eu-LISA għandha tieħu miżuri ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-kunfidenzjalità f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari permezz tal-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni.

3.  F'każ li l-eu-LISA tikkoopera ma' kuntratturi esterni fi kwalunkwe kompitu relatat mas-SIS, din għandha twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-attivitajiet tal-kuntrattur sabiex tiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dwar is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data.

4.  Il-ġestjoni operazzjonali tas-CS-SIS ma għandhiex tiġi fdata lil kumpanniji privati jew lil organizzazzjonijiet privati.

Artikolu 18

Żamma ta' reġistri fuq livell ċentrali

1.  L-eu-LISA għandha tiżgura li kull aċċess għal u l-iskambji kollha ta' data personali fis-CS-SIS jiġu rreġistrati għall-finijiet iddikjarati fl-Artikolu 12(1).

2.  Ir-reġistri għandhom juru, b'mod partikolari, l-istorja tal-allert, id-data u l-ħin tal-attività tal-ipproċessar tad-data, id-data użata biex isir it-tiftix, referenza għad-datapproċessata u l-identifikaturi individwali u uniċi tal-utent tal-awtorità kompetenti li tipproċessa d-data.

3.  Permezz ta' deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jekk it-tiftix isir permezz ta' data dattiloskopika jew permezz ta' immaġni tal-wiċċ f'konformità mal-Artikolu 33, ir-reġistri għandhom juru t-tip ta' data li ntużat biex isir it-tiftix, minflok id-data reali.

4.  Ir-reġistri għandhom jintużaw biss għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jitħassru tliet snin wara li jkunu nħolqu. Ir-reġistri li jinkludu l-istorja tal-allerti għandhom jitħassru tliet snin wara li jitħassru l-allerti.

5.  Ir-reġistri jistgħu jinżammu għal perijodi itwal minn dawk imsemmija fil-paragrafu 4 jekk ikunu meħtieġa għal proċeduri ta' monitoraġġ li jkunu diġà bdew.

6.  Għall-finijiet ta' awtomonitoraġġ u biex jiġi żgurat it-tħaddim korrett tas-CS-SIS, l-integrità u s-sigurtà tad-data, l-eu-LISA għandu jkollha aċċess għar-reġistri, skont il-limiti tal-kompetenza tagħha.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu aċċess għal dawk ir-reġistri fuq talba, skont il-limiti tal-kompetenza tiegħu u bil-għan li jkun jista' jwettaq il-kompiti tiegħu.



KAPITOLU IV

INFORMAZZJONI GĦALL-PUBBLIKU

Artikolu 19

Kampanji ta' informazzjoni dwar is-SIS

Fil-bidu tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji u mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, għandha twettaq kampanja biex tinforma lill-pubbliku dwar l-objettivi tas-SIS, id-data maħżuna fis-SIS, l-awtoritajiet li għandhom aċċess għas-SIS u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Il-Kummissjoni għandha tirrepeti dawn il-kampanji regolarment, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Il-Kummissjoni għandha tiġġestixxi sit web disponibbli għall-pubbliku fejn tipprovdi l-informazzjoni kollha rilevanti dwar is-SIS. L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji tagħhom, għandhom ifasslu u jimplimentaw il-linji politiċi meħtieġa biex jinformaw liċ-ċittadini u r-residenti tagħhom b'mod ġenerali dwar is-SIS.



KAPITOLU V

ALLERTI GĦAL RIFJUT TA' DĦUL U TA' SOĠĠORN DWAR ĊITTADINI TA' PAJJIŻI TERZI

Artikolu 20

Kategoriji ta' data

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(1) jew għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jipprevedu l-ħżin ta' data addizzjonali, is-SIS għandu jkun fiha biss dawk il-kategoriji ta' data li jingħataw minn kull Stat Membru, kif meħtieġ għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 24 u 25.

2.  Kwalunkwe allert fis-SIS li jinkludi informazzjoni dwar il-persuni għandu jkun fih biss id-data li ġejja:

(a) kunjomijiet;

(b) ismijiet;

(c) ismijiet u kunjomijiet mat-twelid;

(d) ismijiet u kunjomijiet u psewdonimi użati preċedentement;

(e) kwalunkwe karatteristika fiżika speċifika u oġġettiva li x'aktarx ma tinbidilx;

(f) post tat-twelid;

(g) data tat-twelid;

(h) ġeneru;

(i) kull nazzjonalità;

(j) jekk il-persuna kkonċernata:

(i) hijiex armata;

(ii) hijiex vjolenti;

(iii) evadietx il-ġurisdizzjoni tal-qorti jew ħarbitx;

(iv) hijiex f'riskju ta' suwiċidju;

(v) hijiex ta' theddida għas-saħħa pubblika; jew

(vi) hijiex involuta f'attività imsemmija fl-Artikoli 3 sa 14 tad-Direttiva (UE) 2017/541;

(k) ir-raġuni għall-allert;

(l) l-awtorità li ħolqot l-allert;

(m) referenza għad-deċiżjoni li wasslet għall-allert;

(n) l-azzjoni li għandha tittieħed f'każ ta' hit;

(o) konnessjonijiet ma' allerti oħra skont l-Artikolu 48;

(p) jekk il-persuna kkonċernata hijiex membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni jew ta' persuna oħra li tibbenefika mid-drittijiet ta' moviment liberu kif imsemmi fl-Artikolu 26;

(q) jekk id-deċiżjoni għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn hijiex ibbażata fuq:

(i) kundanna preċedenti kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 24(2);

(ii) theddida serja għas-sigurtà kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 24(2);

(iii) evitar tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar id-dħul u s-soġġorn kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 24(2);

(iv) projbizzjoni fuq id-dħul kif msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 24(1); jew

(v) miżura restrittiva kif imsemmi fl-Artikolu 25;

(r) it-tip ta' reat;

(s) il-kategorija tad-dokumenti ta' identifikazzjoni tal-persuna;

(t) il-pajjiż li jkun ħareġ id-dokumenti ta' identifikazzjoni tal-persuna;

(u) in-numru/i tad-dokumenti ta' identifikazzjoni tal-persuna;

(v) id-data tal-ħruġ tad-dokumenti ta' identifikazzjoni tal-persuna;

(w) ritratti u immaġnijiet tal-wiċċ;

(x) data dattiloskopika;

(y) kopja tad-dokumenti ta' identifikazzjoni, bil-kulur fejn possibbli.

3.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi u tiżviluppa r-regoli tekniċi meħtieġa biex tiddaħħal, tiġi aġġornata u titħassar u jsir tiftix fid-data msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u l-istandards komuni msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(2).

4.  Ir-regoli tekniċi għandhom ikunu simili għal tiftix fis-CS-SIS, f'kopji nazzjonali jew kondiviżi u f'kopji tekniċi magħmula skont l-Artikolu 41(2). Dawn għandhom ikunu bbażati fuq standards komuni.

Artikolu 21

Proporzjonalità

1.  Qabel ma jdaħħlu allert u meta jestendu l-perijodu ta' validità ta' allert, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk il-każ huwiex adegwat, rilevanti u importanti biżżejjed biex tiġi ġġustifikata allert fis-SIS.

2.  Fejn id-deċiżjoni ta' rifjut ta' dħul u ta' soġġorn imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 24(1) tkun relatata ma' reat terroristiku, il-każ għandu jitqies adegwat, rilevanti u importanti biżżejjed biex jiġġustifika allert fis-SIS. F'każijiet eċċezzjonali, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jdaħħlux allert meta dan x'aktarx li jostakola l-inkjesti, l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri uffiċjali jew legali.

Artikolu 22

Rekwiżit biex jiddaħħal allert

1.  Is-sett minimu ta' data meħtieġa sabiex jiddaħħal allert fis-SIS għandu jkun id-data msemmija fil-punti (a), (g), (k), (m), (n) u (q) tal-Artikolu 20(2). Id-data l-oħra msemmija f'dak il-paragrafu għandha wkoll tiddaħħal fis-SIS jekk tkun disponibbli.

2.  Id-data msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 20(2) ta' dan ir-Regolament għandha tiddaħħal biss meta tkun strettament neċessarja għall-identifikazzjoni taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat. Meta din id-data tiddaħħal, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 23

Kompatibbiltà tal-allerti

1.  Qabel ma jdaħħal allert, l-Istat Membru għandu jivverifika jekk ikunx diġà nħareġ allert dwar il-persuna kkonċernata fis-SIS. Għal dak il-fini, għandha titwettaq ukoll verifika b'data dattiloskopika jekk tali data tkun disponibbli.

2.  Fis-SIS għandu jiddaħħal allert wieħed biss għal kull persuna minn kull Stat Membru. Fejn meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu allerti ġodda dwar l-istess persuna minn Stati Membri oħra, f'konformità mal-paragrafu 3.

3.  Fejn ikun diġà nħareġ allert dwar il-persuna fis-SIS, l-Istat Membru li jixtieq idaħħal allert ġdid għandu jivverifika li ma hemm l-ebda inkompatibbiltà bejn l-allerti. Jekk ma jkunx hemm inkompatibbiltà, l-Istat Membru jista' jdaħħal l-allert il-ġdid. Jekk l-allerti jkunu inkompatibbli, l-Uffiċċji SIRENE tal-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin billi jiskambjaw informazzjoni supplimentari sabiex jintlaħaq ftehim. Ir-regoli dwar il-kompatibbiltà tal-allerti għandhom jiġu stabbiliti fil-Manwal SIRENE. Tista' ssir deroga mir-regoli tal-kompatibbiltà b'segwitu għal konsultazzjoni bejn l-Istati Membri jekk l-interessi nazzjonali essenzjali jkunu f'riskju.

4.  F'każ ta' hits minn allerti multipli dwar l-istess persuna, l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu josserva r-regoli dwar l-ordni ta' prijorità għall-allerti stipulati fil-Manwal SIRENE.

Jekk persuna tkun is-suġġett ta' allerti multipli mdaħħla minn Stati Membri differenti, l-allerti għal arrest imdaħħla skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2018/1862 għandhom jiġu eżegwiti bħala prijorità, soġġetti għall-Artikolu 25 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 24

Kondizzjonijiet għad-dħul ta' allerti għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu allert għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn meta tiġi ssodisfata waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-Istat Membru jkun ikkonkluda, abbażi ta' valutazzjoni individwali li tinkludi valutazzjoni taċ-ċirkostanzi personali taċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat u l-konsegwenzi li dan jiġi rifjutat id-dħul u s-soġġorn, li l-preżenza ta' dak iċ-ċittadin ta' pajjiż terz fit-territorju tiegħu tkun ta' theddida għall-politika pubblika, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali, u l-Istat Membru ikun konsegwentement adotta deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu biex jiġi rrifjutat id-dħul u s-soġġorn u jkun ħareġ allert nazzjonali għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn; jew

(b) l-Istat Membru jkun ħareġ projbizzjoni fuq id-dħul f'konformità ma' proċeduri li jirrispettaw id-Direttiva 2008/115/KE fir-rigward ta' ċittadin ta' pajjiż terz.

2.  Is-sitwazzjonijiet koperti mill-punt (a) tal-paragrafu 1 jirriżultaw meta:

(a) ċittadin ta' pajjiż terz ikun instab ħati fi Stat Membru b'reat li jġorr piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà ta' mill-inqas sena;

(b) ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li ċittadin ta' pajjiż terz wettaq reat kriminali serju, inkluż reat terroristiku, jew ikun hemm indikazzjonijiet ċari tal-intenzjoni tiegħu li jwettaq tali reat fit-territorju ta' Stat Membru; jew

(c) ċittadin ta' pajjiż terz ikun evita jew ipprova jevita l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar id-dħul u s-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri.

3.  L-Istat Membru emittenti għandu jiżgura li l-allert isir effettiv fis-SIS hekk kif iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri jew mill-aktar fis possibbli fejn l-Istat Membru emittenti jkun irċieva indikazzjonijiet ċari li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun telaq mit-territorju tal-Istati Membri, sabiex jiġi impedit id-dħul mill-ġdid ta' dak iċ-ċittadin ta' pajjiż terz.

4.  Persuni li dwarhom tkun ittieħdet deċiżjoni ta' rifjut ta' dħul u ta' soġġorn kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollhom id-dritt għal appell. Tali appelli għandhom isiru f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, li għandhom jipprevedu li jkun jista' jintalab rimedju effettiv quddiem qorti.

Artikolu 25

Kondizzjonijiet għad-dħul ta' allerti dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu soġġetti għal miżuri restrittivi

1.  L-allerti dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi, li jkunu s-suġġett ta' miżura restrittiva maħsuba biex timpedixxi d-dħul fit-territorju tal-Istati Membri jew it-transitu minnu, meħuda f'konformità mal-atti legali adottati mill-Kunsill, inkluż miżuri li jimplimentaw projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar maħruġa mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, għandhom, sakemm ikunu ssodisfati r-rekwiżiti dwar il-kwalità tad-data, jiddaħħlu fis-SIS għall-fini ta' rifjut ta' dħul u ta' soġġorn.

2.  L-allerti għandhom jiddaħħlu, jinżammu aġġornati u jitħassru mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miżura. Jekk dak l-Istat Membru ma jkollux aċċess għas-SIS jew għall-allerti mdaħħla f'konformità ma' dan ir-Regolament, ir-responsabbiltà għandha tittieħed mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza sussegwenti u li jkollu aċċess għas-SIS, inkluż għal allerti mdaħħla f'konformità ma' dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri neċessarji għad-dħul, l-aġġornament u t-tħassir ta' tali allerti.

Artikolu 26

Kondizzjonijiet biex jiddaħħlu allerti dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma benefiċjarji tad-dritt ta' moviment liberu fl-Unjoni

1.  Allert dwar ċittadin ta' pajjiż terz li huwa benefiċjarju tad-dritt ta' moviment liberu fl-Unjoni f'konformità mad-Direttiva 2004/38/KE bi ftehim bejn l-Unjoni jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u pajjiż terz min-naħa l-oħra, għandu jikkonforma mar-regoli adottati bl-implimentazzjoni ta' dik id-Direttiva jew ta' dak il-ftehim.

2.  Fejn ikun hemm hit dwar allert imdaħħal f'konformità mal-Artikolu 24 dwar ċittadin ta' pajjiż terz li jkun benefiċjarju tad-dritt ta' moviment liberu fl-Unjoni, l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jikkonsulta immedjatament lill-Istat Membru emittenti, permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari, sabiex jiddeċiedi mingħajr dewmien dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.

Artikolu 27

Konsultazzjoni qabel ma jingħata jew jiġi estiż permess ta' residenza jew viża għal soġġorn fit-tul

Meta Stat Membru jikkunsidra li jagħti jew jestendi permess ta' residenza jew viża għal soġġorn fit-tul lil ċittadin ta' pajjiż terz li jkun diġà nħareġ allert dwaru għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn minn Stat Membru ieħor, l-Istati Membri involuti għandhom jikkonsultaw lil xulxin, permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari, f'konformità mar-regoli li ġejjin:

(a) l-Istat Membru tal-għoti għandu jikkonsulta lill-Istat Membru emittenti qabel ma jagħti jew jestendi l-permess ta' residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul;

(b) l-Istat Membru emittenti għandu jwieġeb it-talba għal konsultazzjoni fi żmien 10 ijiem kalendarji;

(c) in-nuqqas ta' tweġiba sal-iskadenza msemmija fil-punt (b) għandu jfisser li l-Istat Membru emittenti ma joġġezzjonax għall-għoti jew l-estensjoni tal-permess ta' residenza jew tal-viża għal soġġorn fit-tul;

(d) meta jieħu d-deċiżjoni rilevanti, l-Istat Membru tal-għoti għandu jikkunsidra r-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-Istat Membru emittenti u għandu jikkunsidra, f'konformità mal-liġi nazzjonali, kwalunkwe theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika li tista' tinħoloq mill-preżenza taċ-ċittadin ta' pajjiż terz inkwistjoni fit-territorju tal-Istati Membri;

(e) l-Istat Membru tal-għoti għandu jinnotifika lill-Istat Membru emittenti dwar id-deċiżjoni tiegħu; u

(f) fejn l-Istat Membru tal-għoti jinnotifika lill-Istat Membru emittenti li huwa biħsiebu jagħti jew jestendi l-permess ta' residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul jew li huwa jkun iddeċieda li jagħmel dan, l-Istat Membru emittenti għandu jħassar l-allert għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn.

Id-deċiżjoni finali jekk jagħtix permess ta' residenza jew viża għal soġġorn fit-tul lil ċittadin ta' pajjiż terz, għandha tittieħed mill-Istat Membru tal-għoti.

Artikolu 28

Konsultazzjoni qabel ma jiddaħħal allert għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn

Fejn Stat Membru jkun ħa d-deċiżjoni ta' ritorn imsemmija fl-Artikolu 24(1) u jikkunsidra li jdaħħal allert għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn dwar ċittadin ta' pajjiż terz li jkun id-detentur ta' permess ta' residenza validu jew viża valida għal soġġorn fit-tul mogħtija minn Stat Membru ieħor, l-Istati Membri involuti għandhom jikkonsultaw lil xulxin, permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari, f'konformità mar-regoli li ġejjin:

(a) l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 24(1) għandu jinforma lill-Istat Membru tal-għoti dwar id-deċiżjoni;

(b) l-informazzjoni skambjata skont il-punt (a) ta' dan l-Artikolu għandha tinkludi biżżejjed dettall dwar ir-raġunijiet għad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 24(1);

(c) abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 24(1), l-Istat Membru tal-għoti għandu jikkunsidra jekk hemmx raġunijiet għall-irtirar tal-permess ta' residenza jew tal-viża għal soġġorn fit-tul;

(d) meta jieħu d-deċiżjoni rilevanti, l-Istat Membru tal-għoti għandu jikkunsidra r-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 24(1) u għandu jikkunsidra, f'konformità mal-liġi nazzjonali, kwalunkwe theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika li tista' tinħoloq mill-preżenza taċ-ċittadin ta' pajjiż terz inkwistjoni fit-territorju tal-Istati Membri;

(e) fi żmien 14-il jum kalendarju wara li jirċievi t-talba għal konsultazzjoni, l-Istat Membru tal-għoti għandu jinnotifika lill-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 24(1) dwar id-deċiżjoni tiegħu jew, fejn ma kienx possibbli li l-Istat Membru tal-għoti jieħu deċiżjoni f'dak il-perijodu, għandu jagħmel talba motivata biex b'mod eċċezzjonali jiġi estiż il-perijodu ta' żmien għat-tweġiba tiegħu għal mhux aktar minn 12-il jum kalendarju ieħor;

(f) fejn l-Istat Membru tal-għoti jinnotifika lill-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 24(1) li huwa ser iżomm il-permess ta' residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul, l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni ma għandux idaħħal l-allert għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn.

Artikolu 29

Konsultazzjoni a posteriori wara li jiddaħħal allert għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn

Fejn jirriżulta li Stat Membru jkun daħħal allert għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn dwar ċittadin ta' pajjiż terz li huwa d-detentur ta' permess ta' residenza validu jew ta' viża valida għal soġġorn fit-tul mogħtija minn Stat Membru ieħor, l-Istati Membri involuti għandhom jikkonsultaw lil xulxin, permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari, f'konformità mar-regoli li ġejjin:

(a) l-Istat Membru emittenti għandu jinforma lill-Istat Membru tal-għoti dwar l-allert għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn;

(b) l-informazzjoni skambjata msemmija fil-punt (a) għandha tinkludi biżżejjed dettall dwar ir-raġunijiet għall-allert għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn;

(c) abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru emittenti, l-Istat Membru tal-għoti għandu jikkunsidra jekk hemmx raġunijiet għall-irtirar tal-permess ta' residenza jew tal-viża għal soġġorn fit-tul;

(d) meta jieħu d-deċiżjoni tiegħu, l-Istat Membru tal-għoti għandu jikkunsidra r-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-Istat Membru emittenti u għandu jikkunsidra, f'konformità mal-liġi nazzjonali, kwalunkwe theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika li tista' tinħoloq mill-preżenza taċ-ċittadin ta' pajjiż terz inkwistjoni fit-territorju tal-Istati Membri;

(e) fi żmien 14-il jum kalendarju minn meta jirċievi t-talba għal konsultazzjoni, l-Istat Membru tal-għoti għandu jinnotifika lill-Istat Membru emittenti dwar id-deċiżjoni tiegħu jew, fejn ma kienx possibbli għall-Istat Membru tal-għoti li jieħu deċiżjoni f'dak il-perijodu, għandu jagħmel talba motivata biex jiġi estiż b'mod eċċezzjonali l-perijodu ta' żmien għat-tweġiba tiegħu għal mhux aktar minn 12-il jum kalendarju ieħor;

(f) fejn l-Istat Membru tal-għoti jinnotifika lill-Istat Membru emittenti li huwa ser iżomm il-permess ta' residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul, l-Istat Membru emittenti għandu jħassar immedjatament l-allert għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn.

Artikolu 30

Konsultazzjoni f'każ ta' hit dwar ċittadin ta' pajjiż terz li jkollu permess ta' residenza validu jew viża valida għal soġġorn fit-tul

Fejn Stat Membru jiltaqa' ma' hit dwar allert għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn imdaħħal minn Stat Membru dwar ċittadin ta' pajjiż terz li huwa d-detentur ta' permess ta' residenza validu jew ta' viża valida għal soġġorn fit-tul mogħtija minn Stat Membru ieħor, l-Istati Membri involuti għandhom jikkonsultaw lil xulxin permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari f'konformità mar-regoli li ġejjin:

(a) l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jinforma lill-Istat Membru emittenti dwar is-sitwazzjoni;

(b) l-Istat Membru emittenti għandu jagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29;

(c) l-Istat Membru emittenti għandu jinnotifika lill-Istat Membru ta' eżekuzzjoni dwar l-eżitu wara l-konsultazzjoni.

Id-deċiżjoni dwar id-dħul taċ-ċittadin ta' pajjiż terz għandha tittieħed mill-Istat Membru ta' eżekuzzjoni f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/399.

Artikolu 31

Statistika dwar l-iskambju ta' informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu statistika lill-eu-LISA fuq bażi annwali dwar l-iskambji ta' informazzjoni mwettqa f'konformità mal-Artikoli 27 sa 30 u dwar il-każijiet fejn l-iskadenzi previsti f'dawk l-Artikoli ma jkunux ġew ir-rispettati.



KAPITOLU VI

TIFTIX B'DATA BIJOMETRIKA

Artikolu 32

Regoli speċifiċi biex jiddaħħlu ritratti, immaġnijiet tal-wiċċ u data dattiloskopika

1.  Huma biss ir-ritratti, l-immaġnijiet tal-wiċċ u d-data dattiloskopika msemmija fil-punti (w) u (x) tal-Artikolu 20(2) li jissodisfaw l-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li għandhom jiddaħħlu fis-SIS. Qabel ma tiddaħħal din id-data, għandha ssir verifika tal-kwalità sabiex jiġi żgurat li jkunu ntlaħqu l-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

2.  Id-data dattiloskopika mdaħħla fis-SIS tista' tikkonsisti minn wieħed sa għaxar marki tas-swaba' ċatti u minn wieħed sa għaxar marki tas-swaba' rroljati. Tista' tinkludi wkoll sa żewġ marki tal-pala tal-id.

3.  Għall-ħżin tad-data bijometrika msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu stabbiliti, f'konformità mal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, standards minimi tal-kwalità tad-data u speċifikazzjonijiet tekniċi. Dawk l-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jistabbilixxu l-livell tal-kwalità meħtieġ għall-użu tad-data biex l-identità ta' persuna tiġi vverifikata f'konformità mal-Artikolu 33(1) u għall-użu tad-data biex persuna tiġi identifikata f'konformità mal-Artikolu 33(2) sa (4).

4.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-paragrafi 1 u 3 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(2).

Artikolu 33

Regoli speċifiċi għall-verifika jew it-tiftix permezz ta' ritratti, immaġnijiet tal-wiċċ u data dattiloskopika

1.  Meta r-ritratti, l-immaġnijiet tal-wiċċ u d-data dattiloskopika jkunu disponibbli f'allert fis-SIS, tali ritratti, immaġnijiet tal-wiċċ u data dattiloskopika għandhom jintużaw biex tiġi kkonfermata l-identità ta' persuna li tkun ġiet lokalizzata bħala riżultat ta' tiftix alfanumeriku magħmul fis-SIS.

2.  Jista' jsir tiftix fid-data dattiloskopika fil-każijiet kollha biex persuna tiġi identifikata. Però jista' jsir tiftix fid-data dattiloskopika biex persuna tiġi identifikata fejn l-identità ta' persuna ma tkunx tista' tiġi aċċertata b'mezzi oħra. Għal dak il-fini, is-SIS Ċentrali għandha tinkludi Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba' (AFIS).

3.  Jista' wkoll isir tiftix fid-data dattiloskopika fis-SIS fir-rigward ta' allerti mdaħħla f'konformità mal-Artikoli 24 u 25 permezz ta' settijiet kompluti jew mhux kompluti ta' marki tas-swaba' jew ta' marki tal-pala tal-id misjuba fil-post ta' reati kriminali serji jew reati terroristiċi li jkunu qed jiġu investigati, fejn ikun jista' jiġi stabbilit bi grad għoli ta' probabbiltà li dawk is-settijiet ta' marki jappartjenu lil awtur ta' reat, u dment li t-tiftix jitwettaq b'mod simultanju fil-bażijiet ta' data tal-Istati Membri rilevanti fejn ikunu maħżuna l-marki tas-swaba'.

4.  Hekk kif isir teknikament possibbli, u filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' affidabbiltà ta' identifikazzjoni, jistgħu jintużaw ritratti u immaġnijiet tal-wiċċ għall-identifikazzjoni ta' persuna fil-kuntest ta' punti ta' qsim regolari tal-fruntieri.

Qabel ma din il-funzjonalità tiġi implimentata fis-SIS, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar id-disponibbiltà, l-istat ta' tħejjija u l-affidabbiltà tat-teknoloġija meħtieġa., Il-Parlament Ewropew għandu jiġi kkonsultat dwar ir-rapport.

Wara li din il-funzjonalità tibda tintuża fil-punti ta' qsim regolari tal-fruntieri, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 61 biex tissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tad-determinazzjoni ta' ċirkostanzi oħra li fihom jistgħu jintużaw ritratti u immaġnijiet tal-wiċċ biex il-persuni jiġu identifikati.



KAPITOLU VII

DRITT TA' AĊĊESS U RIEŻAMI U TĦASSIR TAL-ALLERTI

Artikolu 34

Awtoritajiet kompetenti nazzjonali li għandhom id-dritt jaċċessaw id-data fis-SIS

1.  L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali responsabbli għall-identifikazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għandu jkollhom aċċess għad-data mdaħħla fis-SIS u d-dritt li jfittxu f'din id-data direttament jew f'kopja tal-bażi tad-data tas-SIS għall-finijiet ta':

(a) kontroll fuq il-fruntieri, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/399;

(b) verifiki doganali u mill-pulizija mwettqa fl-Istat Membru kkonċernat, u l-koordinazzjoni ta' tali verifiki mill-awtoritajiet maħtura;

(c) il-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, fl-Istat Membru kkonċernat, dment li tkun tapplika d-Direttiva (UE) 2016/680;

(d) eżaminar tal-kondizzjonijiet u teħid ta' deċiżjonijiet relatati mad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż dwar permessi ta' residenza u viżi għal soġġorn fit-tul, u mar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, kif ukoll it-twettiq ta' verifiki dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu deħlin jew li jkunu qed joqgħodu b'mod illegali fit-territorju tal-Istati Membri;

(e) verifiki ta' sigurtà dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali, dment li l-awtoritajiet li jwettqu v-verifiki ma humiex “awtoritajiet determinanti” kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), u jekk ikun il-każ, biex jiġi pprovdut parir f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 ( 6 );

(f) eżaminar tal-applikazzjonijiet għal viża u teħid ta' deċiżjonijiet relatati ma' dawk l-applikazzjonijiet inkluż dwar l-annullament, ir-revoka jew l-estensjoni ta' viżi, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 );

▼M1

(g) il-verifika ta' identitajiet differenti u l-ġlieda kontra l-frodi tal-identità skont il-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2019/817.

▼B

2.  Id-dritt ta' aċċess għad-data fis-SIS u d-dritt li jsir tiftix dirett f'din id-data jistgħu jiġu eżerċitati wkoll minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali responsabbli għan-naturalizzazzjoni, kif previst fil-liġi nazzjonali, bil-fini li tiġi eżaminata applikazzjoni għan-naturalizzazzjoni.

3.  Għall-finijiet tal-Artikoli 24 u 25 id-dritt ta' aċċess għad-data fis-SIS u d-dritt li jsir tiftix dirett f'din id-data jistgħu jiġu eżerċitati wkoll minn awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, inkluż dawk responsabbli biex jagħtu bidu għal prosekuzzjonijiet pubbliċi fi proċedimenti kriminali u għal inkjesti ġudizzjarji qabel persuna tiġi akkużata, fil-qadi ta' dmirijiethom, kif previst fil-liġi nazzjonali, u mill-awtoritajiet ta' koordinazzjoni tagħhom.

4.  Id-dritt ta' aċċess għal data li tikkonċerna dokumenti relatati ma' persuni mdaħħla f'konformità mal-Artikolu 38(2)(k) u (l) tar-Regolament (UE) 2018/1862 u d-dritt ta' tiftix f'tali data jistgħu wkoll jiġu eżerċitati mill-awtoritajiet imsemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

5.  L-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan l-Artikolu għandhom ikunu inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 41(8).

Artikolu 35

Aċċess għad-data fis-SIS mill-Europol

1.  L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/794 għandu jkollha, fejn dan ikun meħtieġ biex taqdi l-mandat tagħha, id-dritt ta' aċċess għal u tiftix fid-data fis-SIS. Il-Europol tista' wkoll tiskambja u ulterjorment titlob informazzjoni supplimentari f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Manwal SIRENE.

2.  Fejn tiftix mill-Europol jiżvela l-eżistenza ta' allert fis-SIS, il-Europol għandha tinforma immedjatament lill-Istat Membru emittenti permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari permezz tal-infrastruttura ta' komunikazzjoni u f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Manwal SIRENE. Sakemm il-Europol tkun tista' tuża l-funzjonalitajiet previsti għall-iskambju ta' informazzjoni addizzjonali, din għandha tinforma lill-Istat Membru emittenti permezz tal-mezzi definiti fir-Regolament (UE) 2016/794.

3.  Il-Europol tista' tipproċessa l-informazzjoni supplimentari li tkun ingħatat mill-Istati Membri għall-finijiet ta' tqabbil mal-bażijiet ta' data u mal-proġetti ta' analiżi operazzjonali tagħha, bil-għan li tidentifika konnessjonijiet jew rabtiet rilevanti oħra u għall-analiżijiet strateġiċi, tematiċi jew operazzjonali msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2016/794. Kwalunkwe pproċessar ta' informazzjoni supplimentari mill-Europol għall-fini ta' dan l-Artikolu għandu jsir f'konformità ma' dak ir-Regolament.

4.  L-użu ta' informazzjoni mill-Europol miksuba minn tiftix fis-SIS jew mill-ipproċessar ta' informazzjoni supplimentari għandu jkun soġġett għall-kunsens tal-Istat Membru emittenti. Jekk l-Istat Membru jippermetti l-użu ta' tali informazzjoni, it-trattament tagħha mill-Europol għandu jkun irregolat mir-Regolament (UE) 2016/794. Il-Europol għandha tikkomunika biss tali informazzjoni lil pajjiżi terzi u korpi terzi bil-kunsens tal-Istat Membru emittenti u b'konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

5.  Il-Europol:

(a) mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 6, ma għandhiex tikkonnettja partijiet mis-SIS, jew tittrasferixxi d-data li tkun tinsab fiha u li jkollha aċċess għaliha, ma' xi sistema għall-ġbir u għall-ipproċessar tad-data mħaddma mill-Europol jew fil-Europol, lanqas ma għandha tniżżel jew tikkopja xi parti mis-SIS;

(b) minkejja l-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) 2016/794, għandha tħassar l-informazzjoni supplimentari li jkun fiha data personali mhux aktar tard minn sena wara li l-allert relatat ikun tħassar. Permezz ta' deroga, fejn il-Europol ikollha informazzjoni fil-bażijiet ta' data tagħha jew fil-proġetti ta' analiżi operazzjonali tagħha dwar każ li miegħu tkun relatata l-informazzjoni supplimentari, sabiex twettaq il-kompiti tagħha, il-Europol tista' b'mod eċċezzjonali tkompli taħżen l-informazzjoni supplimentari fejn ikun meħtieġ. Il-Europol għandha tinforma lill-Istat Membru emittenti u dak ta' eżekuzzjoni li ser tkompli taħżen din l-informazzjoni supplimentari u tippreżenta ġustifikazzjoni għal dan;

(c) għandha tillimita l-aċċess għad-data fis-SIS, inkluż għall-informazzjoni supplimentari, għall-persunal tal-Europol li jkun speċifikament awtorizzat u li jkun jeħtieġ aċċess għal tali data biex iwettaq il-kompiti tiegħu;

(d) għandha tadotta u tapplika miżuri biex jiġu żgurati s-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-awtomonitoraġġ f'konformità mal-Artikoli 10, 11 u 13;

(e) għandha tiżgura li l-persunal tagħha li huwa awtorizzat jipproċessa data tas-SIS, jirċievi taħriġ u informazzjoni adatti f'konformità mal-Artikolu 14(1); u

(f) mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/794, għandha tippermetti li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jwettaq monitoraġġ u jirrieżamina l-attivitajiet tal-Europol fit-twettiq tad-dritt tiegħu ta' aċċess għal u tiftix fid-data fis-SIS u fl-iskambju u l-ipproċessar ta' informazzjoni supplimentari.

6.  Il-Europol għandha tikkopja d-data mis-SIS biss għal finijiet tekniċi, fejn tali kkupjar ikun meħtieġ biex il-persunal debitament awtorizzat tal-Europol ikun jista' jwettaq tiftix dirett. Dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal tali kopji. Il-kopja teknika għandha tintuża biss għall-fini ta' ħżin ta' data tas-SIS waqt li jsir tiftix f'dik id-data. Ladarba t-tiftix f'dik id-data jkun sar, din għandha titħassar. Dawn l-użi ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala tniżżil jew ikkupjar illegali ta' data tas-SIS. Il-Europol ma għandhiex tikkopja data ta' allerti jew data addizzjonali maħruġa mill-Istati Membri jew mis-CS-SIS f'sistemi oħra tal-Europol.

7.  Għall-fini ta' verifika tal-legalità tal-ipproċessar tad-data, ta' awtomonitoraġġ u biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-integrità xierqa tad-data, il-Europol għandha żżomm reġistri ta' kull aċċess u tiftix fis-SIS f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12. Tali reġistri u dokumentazzjoni ma għandhomx jitqiesu bħala tniżżil jew ikkupjar illegali ta' parti mis-SIS.

8.  L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Europol permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari dwar kwalunkwe hit dwar allerti relatati ma' reati terroristiċi. B'mod eċċezzjonali l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jinformawx lill-Europol jekk dan jikkomprometti investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin, is-sikurezza ta' individwu jew imorru kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru emittenti.

9.  Il-paragrafu 8 għandu japplika mid-data li minnha l-Europol tkun tista' tirċievi informazzjoni supplimentari f'konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 36

Aċċess għad-data tas-SIS mit-timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta, it-timijiet ta' persunal involuti f'kompiti relatati mar-ritorn, u membri tat-timijiet ta' appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni

1.  F'konformità mal-Artikolu 40(8) tar-Regolament (UE) 2016/1624, il-membri tat-timijiet imsemmija fil-punti (8) u (9) tal-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament għandhom, fi ħdan il-mandat tagħhom u dment li jkunu awtorizzati jwettqu verifiki f'konformità mal-Artikolu 34(1) ta' dan ir-Regolament u jkunu ħadu t-taħriġ meħtieġ f'konformità mal-Artikolu 14(1) ta' dan ir-Regolament, ikollhom id-dritt ta' aċċess għal u tiftix fid-data fis-SIS sa fejn ikun neċessarju biex iwettqu l-kompitu tagħhom u kif meħtieġ mill-pjan operazzjonali għal operazzjoni speċifika. L-aċċess għad-data fis-SIS ma għandux jiġi estiż lil xi membri oħra tat-tim.

2.  Il-membri tat-timijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jeżerċitaw id-dritt ta' aċċess għal u tiftix fid-data fis-SIS f'konformità mal-paragrafu 1 permezz ta' interfaċċa teknika. L-interfaċċa teknika għandha tiġi stabbilita u ġestita mill-Aġenzija Ewropea tal-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u għandha tippermetti konnessjoni diretta mas-SIS Ċentrali.

3.  Meta tiftix minn membru tat-timijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jiżvela l-eżistenza ta' allert fis-SIS, l-Istat Membru emittenti għandu jiġi informat b'dan. F'konformità mal-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2016/1624, il-membri tat-timijiet għandhom jaġixxu biss b'rispons għal allert fis-SIS skont struzzjonijiet minn u, bħala regola ġenerali, fil-preżenza ta' gwardji tal-fruntiera jew ta' persunal involut f'kompiti relatati mar-ritorn tal-Istat Membru ospitanti li fih ikunu qegħdin joperaw. L-Istat Membru ospitanti jista' jawtorizza lill-membri tat-timijiet biex jaġixxu f'ismu.

4.  Għall-fini li tiġi vverifikata l-legalità tal-ipproċessar tad-data, tal-awtomonitoraġġ u biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-integrità xierqa tad-data, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha żżomm reġistri ta' kull aċċess u tiftix fis-SIS f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12.

5.  L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tadotta u tapplika miżuri biex tiżgura s-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-awtomonitoraġġ f'konformità mal-Artikoli 10, 11 u 13 u għandha tiżgura li t-timijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, japplikaw dawk il-miżuri.

6.  Xejn f'dan l-Artikolu ma għandu jiġi interpretat b'mod li jaffettwa d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1624 li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data jew ir-responsabbiltà tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għal kwalunkwe pproċessar mhux awtorizzat jew skorrett ta' data.

7.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-ebda parti tas-SIS ma għandha tkun konnessa ma' xi sistema għall-ġbir u l-ipproċessar ta' data li titħaddem mit-timijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jew mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, u l-ebda data li tinsab fis-SIS u li dawk it-timijiet għandhom aċċess għaliha ma għandha tiġi trasferita għal tali sistema. L-ebda parti mis-SIS ma għandha titniżżel jew tiġi kkupjata. Ir-reġistrazzjoni tal-aċċess u t-tiftix ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala tniżżil jew ikkupjar illegali ta' data tas-SIS.

8.  L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tippermetti li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jwettaq monitoraġġ u jirrieżamina l-attivitajiet tat-timijiet imsemmija f'dan l-Artikolu fit-twettiq tad-dritt tagħhom ta' aċċess għal u tiftix fid-data fis-SIS. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ulterjuri tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 37

Evalwazzjoni tal-użu tas-SIS mill-Europol u mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

1.  Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tat-tħaddim u l-użu tas-SIS mill-Europol u mit-timijiet imsemmija fl-Artikolu 36(1) tal-inqas kull ħames snin.

2.  Il-Europol u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom jiżguraw li jsir segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-evalwazzjoni.

3.  Għandu jintbagħat rapport dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni u s-segwitu tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 38

Ambitu tal-aċċess

L-utenti finali, inkluż il-Europol u l-membri tat-timijiet imsemmija fil-punti (8) u (9) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/1624, għandu jkollhom aċċess biss għad-data li jkunu jeħtieġu għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

Artikolu 39

Perijodu ta' rieżami għall-allerti

1.  L-allerti għandhom jinżammu biss għaż-żmien meħtieġ biex jinkisbu l-finijiet li għalihom ikunu ddaħħlu.

2.  Stat Membru emittenti għandu, fi żmien tliet snin minn meta jdaħħal l-allert fis-SIS, jirrieżamina l-ħtieġa taż-żamma tiegħu. Madankollu, jekk id-deċiżjoni nazzjonali li fuqha jkun ibbażat l-allert tipprevedi perijodu ta' validità itwal minn tliet snin, l-allert għandu jiġi rieżaminat fi żmien ħames snin.

3.  Kull Stat Membru għandu, fejn xieraq, jistabbilixxi perijodi iqsar tar-rieżami f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu.

4.  Fi ħdan il-perijodu tar-rieżami, l-Istat Membru emittenti jista', b'segwitu għal valutazzjoni individwali komprensiva li għandha tiġi rreġistrata, jiddeċiedi li jżomm l-allert għal aktar żmien mill-perijodu ta' reviżjoni, fejn jirriżulta li dan ikun meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet li għalihom ikun iddaħħal l-allert. F'dan il-każ, il-paragrafu 2 għandu japplika wkoll għall-estensjoni. Kwalunkwe estensjoni bħal din għandha tiġi kkomunikata lis-CS-SIS.

5.  L-allerti għandhom jitħassru awtomatikament wara l-perijodu tar-rieżami msemmi fil-paragrafu 2 ikun skada ħlief meta l-Istat Membru emittenti jkun informa lis-CS-SIS dwar estensjoni skont il-paragrafu 4. Is-CS-SIS għandha awtomatikament tinforma lill-Istati Membri emittenti dwar it-tħassir skedat ta' data erba' xhur minn qabel.

6.  L-Istati Membri għandhom iżommu statistika dwar l-għadd ta' allerti li l-perijodu ta' żamma tagħhom ikun ġie estiż f'konformità mal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu u, fuq talba, jgħadduha lill-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-Artikolu 55.

7.  Hekk kif isir evidenti għal Uffiċċju SIRENE, li allert jkun laħaq il-fini tiegħu u li għalhekk għandu jitħassar, dan għandu jinnotifika immedjatament lill-awtorità li tkun ħolqot l-allert. L-awtorità għandu jkollha 15-il jum kalendarju minn meta taslilha dik in-notifika biex twieġeb li l-allert ikun tħassar jew għandu jitħassar jew inkella għandha tiddikjara r-raġunijiet għaż-żamma tal-allert. Jekk ma tasal l-ebda tweġiba sa tmiem il-perijodu ta' 15-il jum, l-Uffiċċju SIRENE għandu jiżgura li l-allert jitħassar. Fejn ikun permess mil-liġi nazzjonali, l-allert għandu jitħassar mill-Uffiċċju SIRENE. L-Uffiċċji SIRENE għandhom jirrapportaw kwalunkwe kwistjoni rikorrenti li jkollhom meta jaġixxu skont dan il-paragrafu lill-awtorità superviżorja tagħhom.

Artikolu 40

Tħassir tal-allerti

1.  L-allerti għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn skont l-Artikolu 24 għandhom jitħassru:

(a) meta l-awtorità kompetenti tkun irtirat jew annullat id-deċiżjoni li abbażi tagħha jkun iddaħħal l-allert; jew

(b) fejn applikabbli, b'segwitu għall-proċedura ta' konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 27 u l-Artikolu 29.

2.  L-allerti dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta' miżura restrittiva maħsuba biex jiġi impedit d-dħul fit-territorju tal-Istati Membri jew it-transitu minnu, għandhom jitħassru meta l-miżura restrittiva tkun intemmet, ġiet sospiża jew annullata.

3.  L-allerti dwar persuna li tkun kisbet ċittadinanza ta' Stat Membru jew ta' kwalunkwe Stat li ċ-ċittadini tiegħu jibbenefikaw mid-dritt ta' moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni għandhom jitħassru hekk kif l-Istat Membru emittenti jsir jaf, jew jiġi informat skont l-Artikolu 44, li l-persuna inkwistjoni tkun kisbet din iċ-ċittadinanza.

4.  L-allerti għandhom jitħassru mal-iskadenza tal-allert f'konformità mal-Artikolu 39.



KAPITOLU VIII

REGOLI ĠENERALI DWAR L-IPPROĊESSAR TAD-DATA

Artikolu 41

Ipproċessar tad-data tas-SIS

1.  L-Istati Membri għandhom jipproċessaw biss id-data msemmija fl-Artikolu 20 għall-finijiet ta' rifjut ta' dħul u ta' soġġorn fit-territorji tagħhom.

2.  Id-data għandha tiġi kkupjata biss għal finijiet tekniċi, fejn tali kkupjar ikun meħtieġ sabiex l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 34 iwettqu tiftix dirett. Dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal dawk il-kopji. Stat Membru ma għandux jikkopja data ta' allert jew data addizzjonali mdaħħla minn Stat Membru ieħor mill-N.SIS tiegħu jew mis-CS-SIS f'fajls oħra ta' data nazzjonali.

3.  Kopji tekniċi msemmija fil-paragrafu 2 li jirriżultaw f'bażijiet ta' data offline jistgħu jinżammu biss għal perijodu ta' mhux aktar minn 48 siegħa.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, ma għandhomx ikunu permessi kopji tekniċi li jirriżultaw f'bażijiet ta' data offline mill-awtoritajiet li joħorġu l-viżi, bl-eċċezzjoni tal-kopji li jsiru biex jintużaw biss f'każ ta' emerġenza jekk in-netwerk ikun ilu indisponibbli għal aktar minn 24 siegħa.

L-Istati Membri għandhom iżommu inventarju aġġornat ta' dawk il-kopji, iqiegħdu dak l-inventarju għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet superviżorji tagħhom, u jiżguraw li dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-Artikolu 10, jiġi applikat fir-rigward ta' dawk il-kopji.

4.  L-aċċess għal data fis-SIS mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 34 għandu jkun awtorizzat biss fil-limiti tal-kompetenza tagħhom u biss għall-persunal debitament awtorizzat.

5.  Kull ipproċessar ta' data tas-SIS mill-Istati Membri għal finijiet li mhumiex dawk li għalihom tkun iddaħħlet fis-SIS għandu jkun marbut ma' każ speċifiku u ġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi impedita theddida serja u imminenti għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika, abbażi ta' raġunijiet serji ta' sigurtà nazzjonali jew għall-finijiet tal-prevenzjoni ta' reat kriminali serju. Għal dan il-fini għandha tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istat Membru emittenti.

6.  Id-data li tikkonċerna dokumenti relatati ma' persuni mdaħħla fis-SIS skont il-punti (k) u (l) tal-Artikolu 38(2) tar-Regolament (UE) 2018/1862 tista' tintuża mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 34(1) f'konformità mal-liġijiet ta' kull Stat Membru.

7.  Kull użu ta' data tas-SIS li ma jikkonformax mal-paragrafi 1 sa 6 ta' dan l-Artikolu għandu jitqies bħala użu mhux xieraq skont il-liġi ta' kull Stat Membru u għandu jkun soġġett għal pieni f'konformità mal-Artikolu 59.

8.  Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-eu-LISA lista tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu li huma awtorizzati li jfittxu fid-data fis-SIS direttament skont dan ir-Regolament, kif ukoll informazzjoni dwar kwalunkwe bidla li ssir fil-lista. Il-lista għandha tispeċifika, għal kull awtorità, liema data tista' tfittex u għal liema finijiet. L-eu-LISA għandha tiżgura li l-lista tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kull sena. L-eu-LISA għandha żżomm lista aġġornata kontinwament fuq is-sit web tagħha li jkun fiha il-bidliet mibgħuta mill-Istati Membri fil-perijodu bejn il-pubblikazzjonijiet annwali.

9.  Dment li l-liġi tal-Unjoni ma tistabbilixxix dispożizzjonijiet speċifiċi, il-liġi ta' kull Stat Membru għandha tapplika għad-data fl-N.SIS tiegħu.

Artikolu 42

Data tas-SIS u fajls nazzjonali

1.  L-Artikolu 41(2) għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' Stat Membru li jżomm fil-fajls nazzjonali tiegħu data tas-SIS li fir-rigward tagħha tkun ittieħdet azzjoni fit-territorju tiegħu. Tali data għandha tinżamm fil-fajls nazzjonali għal perijodu ta' mhux aktar minn tliet snin, ħlief jekk xi dispożizzjonijiet speċifiċi fil-liġi nazzjonali jipprevedu perijodu ta' żamma itwal.

2.  L-Artikolu 41(2) għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' Stat Membru li jżomm fil-fajls nazzjonali tiegħu data li tinsab f'allert partikolari mdaħħal fis-SIS minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 43

Informazzjoni fil-każ ta' nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' allert

Jekk l-azzjoni mitluba ma tkunx tista' titwettaq, l-Istat Membru li ntalab jieħu azzjoni għandu jinforma immedjatament lill-Istat Membru emittenti permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari.

Artikolu 44

Kwalità tad-data fis-SIS

1.  Stat Membru emittenti għandu jkun responsabbli biex jiżgura li d-data hija eżatta, aġġornata, u li tiddaħħal u tinħażen fis-SIS b'mod legali.

2.  Fejn Stat Membru emittenti jkollu data addizzjonali jew modifikata rilevanti kif elenkat fl-Artikolu 20(2), huwa għandu jikkompleta jew jimmodifika l-allert ikkonċernat mingħajr dewmien.

3.  L-Istat Membru emittenti biss għandu jkun awtorizzat li jimmodifika, iżid, jikkoreġi, jaġġorna jew iħassar id-data li jkun daħħal huwa stess fis-SIS.

4.  Fejn Stat Membru ieħor għajr dak li jkun ħareġ l-allert ikollu data addizzjonali jew modifikata rilevanti kif elenkat fl-Artikolu 20(2), huwa għandu jibgħat dik id-data mingħajr dewmien, permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari, lill-Istat Membru emittenti biex dan tal-aħħar ikun jista' jikkompleta jew jimmodifika l-allert. Id-data għandha tintbagħat biss jekk l-identità taċ-ċittadin ta' pajjiż terz tkun ġiet aċċertata.

5.  Fejn Stat Membru ieħor li mhuwiex l-Istat Membru emittenti jkollu evidenza li tissuġġerixxi li xi data tkun fattwalment skorretta jew tkun ġiet maħżuna b'mod illegali, huwa għandu, permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari, jinforma lill-Istat Membru emittenti kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard minn jumejn ta' ħidma minn meta tinġibidlu l-attenzjoni dwar din l-evidenza. L-Istat Membru emittenti għandu jivverifika l-informazzjoni u, jekk meħtieġ, jikkoreġi jew iħassar id-data inkwistjoni mingħajr dewmien.

6.  F'każ li fi żmien xahrejn minn meta l-evidenza tkun ġiet żvelata għall-ewwel darba, l-Istati Membri ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, l-Istat Membru li ma jkunx daħħal l-allert għandu jirriferi l-kwistjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data biex tittieħed deċiżjoni, permezz ta' kooperazzjoni f'konformità mal-Artikolu 57.

7.  L-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni supplimentari f'każijiet fejn persuna tilmenta li mhijiex is-suġġett intiż ta' allert. F'każ li l-eżitu tal-verifika juri li s-suġġett intiż ta' allert ma huwiex il-persuna li qed tilmenta, din tal-aħħar għandha tiġi mgħarrfa bil-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 47 u bid-dritt tagħha li titlob rimedju skont l-Artikolu 54(1).

Artikolu 45

Inċidenti ta' sigurtà

1.  Kwalunkwe avveniment li għandu impatt jew li jista' jkollu impatt fuq is-sigurtà tas-SIS jew li jista' jagħmel ħsara jew jikkawża t-telf ta' data tas-SIS jew ta' informazzjoni supplimentari, għandu jitqies bħala inċident ta' sigurtà, speċjalment fejn seta' kien hemm aċċess illegali għad-data jew fejn id-disponibbiltà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data tkun ġiet jew setgħet ġiet kompromessa.

2.  L-inċidenti ta' sigurtà għandhom jiġu ttrattati b'mod li jiġi żgurat rispons rapidu, effettiv u xieraq.

3.  Mingħajr preġudizzju għan-notifika u l-komunikazzjoni tal-ksur ta' data personali skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew tal-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2016/680, l-Istati Membri, il-Europol u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA, lill-awtorità superviżorja kompetenti u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data mingħajr dewmien dwar l-inċidenti ta' sigurtà. L-eu-LISA għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data mingħajr dewmien dwar kwalunkwe inċident ta' sigurtà li jkun jikkonċerna lis-SIS Ċentrali.

4.  L-Istati Membri kollha għandhom jingħataw mingħajr dewmien informazzjoni rigward inċident ta' sigurtà li għandu impatt jew li jista' jkollu impatt fuq it-tħaddim tas-SIS fi Stat Membru jew fl-eu-LISA, fuq id-disponibbiltà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data mdaħħla jew mibgħuta minn Stati Membri oħra jew fuq l-informazzjoni supplimentari skambjata, u din għandha tiġi rrapportata f'konformità mal-pjan għall-ġestjoni ta' inċidenti pprovdut mill-eu-LISA.

5.  L-Istati Membri u l-eu-LISA għandhom jikkollaboraw f'każ ta' inċident ta' sigurtà.

6.  Il-Kummissjoni għandha tirrapporta l-inċidenti serji immedjatament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dawk ir-rapporti għandhom jiġu kklassifikati bħala EU RESTRICTED/RESTREINT UE f'konformità mar-regoli ta' sigurtà applikabbli.

7.  F'każ li inċident ta' sigurtà jiġi kkawżat minn użu mhux xieraq tad-data, l-Istati Membri, il-Europol, u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom jiżguraw li jiġu imposti pieni f'konformità mal-Artikolu 59.

Artikolu 46

Distinzjoni bejn persuni b'karatteristiċi simili

1.  Fejn, meta jiddaħħal allert ġdid, isir evidenti li diġà hemm allert fis-SIS dwar persuna bl-istess deskrizzjoni tal-identità, l-Uffiċċju SIRENE għandu jikkuntattja lill-Istat Membru emittenti permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari fi żmien 12-il siegħa biex jikkontroverifika jekk is-soġġetti taż-żewġ allerti humiex l-istess persuna.

2.  Meta l-kontroverifika tiżvela li s-suġġett tal-allert il-ġdid u l-persuna soġġetta għall-allert diġà mdaħħal fis-SIS huma tabilħaqq l-istess persuna, l-uffiċċju SIRENE għandu japplika l-proċedura għad-dħul ta' allerti multipli msemmija fl-Artikolu 23.

3.  Fejn l-eżitu tal-kontroverifika jkun li fil-fatt jeżistu żewġ persuni differenti, l-Uffiċċju SIRENE għandu japprova t-talba biex jiddaħħal it-tieni allert billi jżid id-data neċessarja sabiex tiġi evitata kwalunkwe identifikazzjoni żbaljata.

Artikolu 47

Data addizzjonali sabiex jiġu ttrattati l-identitajiet użurpati

1.  Fejn tista' tinħoloq konfużjoni bejn il-persuna intiża li tkun is-suġġett ta' allert u l-persuna li l-identità tagħha tkun ġiet użurpata, l-Istat Membru emittenti għandu, soġġett għall-kunsens espliċitu tal-persuna li l-identità tagħha tkun ġiet użurpata, iżid data relatata ma' din tal-aħħar mal-allert sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi ta' identifikazzjoni żbaljata. Kull persuna li l-identità tagħha tkun ġiet użurpata għandu jkollha d-dritt li tirtira l-kunsens tagħha rigward l-ipproċessar tad-data personali miżjuda.

2.  Id-data relatata ma' persuna li l-identità tagħha tkun ġiet użurpata għandha tintuża biss għall-finijiet li ġejjin:

(a) biex l-awtorità kompetenti tkun tista' tiddistingwi bejn il-persuna li l-identità tagħha tkun ġiet użurpata u l-persuna intiża li tkun is-suġġett tal-allert; u

(b) biex il-persuna li l-identità tagħha tkun ġiet użurpata tkun tista' tagħti prova tal-identità tagħha u tistabbilixxi li l-identità tagħha tkun ġiet użurpata.

3.  Għall-fini ta' dan l-Artikolu, u soġġett għall-kunsens espliċitu tal-persuna li l-identità tagħha tkun ġiet użurpata, għal kull kategorija, hija biss id-data personali li ġejja tal-persuna li l-identità tagħha tkun ġiet użurpata, li tista' tiddaħħal u tkompli tiġi pproċessata fis-SIS:

(a) kunjomijiet;

(b) ismijiet;

(c) ismijiet u kunjomijiet mat-twelid;

(d) ismijiet u kunjomijiet użati preċedentement u kwalunkwe psewdonimi possibbilment imdaħħla separatament;

(e) kwalunkwe karatteristika oġġettiva u fiżika speċifika li x'aktarx ma tinbidilx;

(f) post tat-twelid;

(g) data tat-twelid;

(h) ġeneru;

(i) ritratti u immaġnijiet tal-wiċċ;

(j) marki tas-swaba', marki tal-pala tal-id jew it-tnejn;

(k) kull nazzjonalità;

(l) il-kategorija tad-dokumenti ta' identifikazzjoni tal-persuna;

(m) il-pajjiż li jkun ħareġ id-dokumenti ta' identifikazzjoni tal-persuna;

(n) in-numru/i tad-dokumenti ta' identifikazzjoni tal-persuna;

(o) id-data tal-ħruġ tad-dokumenti ta' identifikazzjoni tal-persuna;

(p) l-indirizz tal-persuna;

(q) isem missier il-persuna;

(r) isem omm il-persuna.

4.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi u tiżviluppa r-regoli tekniċi meħtieġa dwar kif tiddaħħal u tkompli tiġi pproċessata d-data msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(2).

5.  Id-data msemmija fil-paragrafu 3 għandha titħassar fl-istess ħin li fih jitħassar l-allert korrispondenti jew aktar kmieni jekk dan jintalab mill-persuna.

6.  Huma biss l-awtoritajiet li għandhom dritt ta' aċċess għall-allert korrispondenti li jista' jkollhom aċċess għad-data msemmija fil-paragrafu 3. Huma jistgħu jagħmlu dan bl-uniku skop li tiġi evitata l-identifikazzjoni żbaljata.

Artikolu 48

Konnessjonijiet bejn l-allerti

1.  Stat Membru jista' joħloq konnessjoni bejn l-allerti li jdaħħal fis-SIS. L-effett ta' tali konnessjoni għandu jkun li tiġi stabbilita rabta bejn żewġ allerti jew aktar.

2.  Il-ħolqien ta' konnessjoni ma għandux jippreġudika l-azzjoni speċifika li għandha tittieħed abbażi ta' kull allert konness jew il-perijodu ta' rieżami ta' kull wieħed mill-allerti konnessi.

3.  Il-ħolqien ta' konnessjoni ma għandux jippreġudika d-drittijiet ta' aċċess previsti f'dan ir-Regolament. L-awtoritajiet li ma għandhomx dritt ta' aċċess għal ċerti kategoriji ta' allerti ma għandhomx ikunu jistgħu jaraw il-konnessjoni ma' allert li ma għandhomx aċċess għalih.

4.  Stat Membru għandu joħloq konnessjoni bejn l-allerti fejn ikun hemm ħtieġa operazzjonali.

5.  F'każ li Stat Membru jqis li l-ħolqien ta' konnessjoni minn Stat Membru ieħor bejn l-allerti ma jkunx kompatibbli mal-liġi nazzjonali tiegħu jew l-obbligi internazzjonali tiegħu, huwa jista' jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li ma jista' jkun hemm l-ebda aċċess għall-konnessjoni mit-territorju nazzjonali tiegħu jew mill-awtoritajiet tiegħu li jkunu jinsabu barra mit-territorju tiegħu.

6.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi u tiżviluppa regoli tekniċi għall-ħolqien ta' konnessjonijiet bejn allerti. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(2).

Artikolu 49

Fini u perijodu ta' żamma ta' informazzjoni supplimentari

1.  L-Istati Membri għandhom iżommu referenza għad-deċiżjonijiet li jwasslu għal allert fl-Uffiċċju SIRENE b'appoġġ għall-iskambju ta' informazzjoni supplimentari.

2.  Id-data personali miżmuma f'fajls mill-Uffiċċju SIRENE bħala riżultat ta' informazzjoni skambjata għandha tinżamm biss għaż-żmien li jkun meħtieġ biex jintlaħqu l-finijiet li għalihom ingħatat. Fi kwalunkwe każ din għandha titħassar mhux aktar tard minn sena wara li l-allert relatat ikun tħassar mis-SIS.

3.  Il-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' Stat Membru li jżomm f'fajls nazzjonali data relatata ma' allert partikolari li dak l-Istat Membru jkun daħħal jew ma' allert li b'rabta miegħu tkun ittieħdet azzjoni fit-territorju tiegħu. Il-perijodu li għalih tali data tista' tinżamm f'dawk il-fajls għandu jkun irregolat mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 50

Trasferiment ta' data personali lil partijiet terzi

Id-data pproċessata fis-SIS u l-informazzjoni supplimentari relatata skambjata skont dan ir-Regolament ma għandhomx jiġu ttrasferiti jew jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' pajjiżi terzi jew ta' organizzazzjonijiet internazzjonali.



KAPITOLU IX

PROTEZZJONI TAD-DATA

Artikolu 51

Leġislazzjoni applikabbli

1.  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 għandu japplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-eu-LISA u mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta skont dan ir-Regolament. Ir-Regolament (UE) 2016/794 għandu japplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-Europol skont dan ir-Regolament.

2.  Ir-Regolament (UE) 2016/679 għandu japplika għall-ipproċessar ta' data personali skont dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 34 ta' dan ir-Regolament bl-eċċezzjoni ta' pproċessar għall-finijiet tal-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tiegħu, fejn tapplika d-Direttiva (UE) 2016/680.

Artikolu 52

Dritt għall-informazzjoni

1.  Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li dwarhom ikun inħareġ allert fis-SIS għandhom jiġu informati b'dan f'konformità mal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew mal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva (UE) 2016/680. Din l-informazzjoni għandha tingħata bil-miktub, flimkien ma' kopja ta' jew referenza għad-deċiżjoni nazzjonali li tagħti lok għall-allert, kif imsemmi fl-Artikolu 24(1) ta' dan ir-Regolament.

2.  Din l-informazzjoni ma għandhiex tingħata f'każijiet fejn il-liġi nazzjonali tippermetti restrizzjoni tad-dritt għall-informazzjoni, b'mod partikolari sabiex jiġu ssalvagwardjati s-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali.

Artikolu 53

Dritt ta' aċċess, ta' rettifika ta' data mhux akkurata u ta' tħassir ta' data maħżuna mhux skont il-liġi

1.  Is-suġġetti tad-data għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 15, 16 u 17 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 14 u fl-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2016/680.

2.  Stat Membru għajr l-Istat Membru emittenti jista' jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni dwar kwalunkwe data personali tas-suġġett tad-data li qed tiġi pproċessata, biss jekk ikun l-ewwel ta lill-Istat Membru emittenti l-opportunità li jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu. Il-komunikazzjoni bejn dawk l-Istati Membri għandha ssir permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari.

3.  Stat Membru għandu jieħu deċiżjoni li ma jipprovdix informazzjoni lis-suġġett tad-data, kollha kemm hi jew parzjalment, f'konformità mal-liġi nazzjonali, dment li, u sakemm tali restrizzjoni parzjali jew sħiħa tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f'soċjetà demokratika b'kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet fundamentali u għall-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data kkonċernat, sabiex:

(a) jiġi evitat kwalunkwe ostaklu għal inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b) jiġi evitat li jiġu kompromessi l-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali;

(c) tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

(d) tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali; jew

(e) jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni oħrajn.

Fil-każijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru għandu jinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub, mingħajr dewmien żejjed, dwar kwalunkwe rifjut jew restrizzjoni ta' aċċess u r-raġunijiet għar-rifjut jew għar-restrizzjoni. Tali informazzjoni tista' titħalla barra meta l-għoti tagħha jostakola kwalunkwe waħda mir-raġunijiet stipulati fil-punti (a) sa (e) tal-ewwel subparagrafu. L-Istat Membru għandu jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja jew li jitlob rimedju ġudizzjarju.

L-Istat Membru għandu jiddokumenta r-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni li ma jagħtix informazzjoni lis-suġġett tad-data. Dik l-informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet superviżorji.

F'każijiet bħal dawn, is-suġġett tad-data għandu wkoll ikun jista' jeżerċita d-drittijiet tiegħu permezz tal-awtoritajiet superviżorji kompetenti.

4.  B'segwitu għal applikazzjoni għal aċċess, rettifika jew tħassir, l-Istat Membru għandu jinforma lis-suġġett tad-data malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ fi ħdan l-iskadenzi msemmija fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 dwar is-segwitu li ngħata għall-eżerċizzju tad-drittijiet skont dan l-Artikolu, irrispettivament minn jekk is-suġġett tad-data huwiex qiegħed f'pajjiż terz jew le.

Artikolu 54

Rimedji

1.  Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar rimedji tar-Regolament (UE) 2016/679 u tad-Direttiva (UE) 2016/680, jista' jsir rikors minn kwalunkwe persuna quddiem kwalunkwe awtorità kompetenti, inkluż qorti, skont il-liġi ta' kwalunkwe Stat Membru għall-aċċess, ir-rettifika it-tħassir, il-kisba ta' informazzjoni jew biex jinkiseb kumpens fir-rigward ta' allert relatat magħha.

2.  L-Istati Membri jimpenjaw ruħhom reċiprokament li jinfurzaw id-deċiżjonijiet finali meħuda mill-qrati jew mill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58.

3.  L-Istati Membri għandhom kull sena jibagħtu rapport lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar:

(a) l-għadd ta' talbiet għall-aċċess ippreżentati lill-kontrollur tad-data u l-għadd ta' każijiet fejn ikun ingħata aċċess għad-data;

(b) l-għadd ta' talbiet għall-aċċess ippreżentati lill-awtorità superviżorja u l-għadd ta' każijiet fejn ikun ingħata aċċess għad-data;

(c) l-għadd ta' talbiet għar-rettifika ta' data mhux akkurata u għat-tħassir ta' data maħżuna mhux skont il-liġi, lill-kontrollur tad-data u l-għadd ta' każijiet fejn id-data tkun ġiet rettifikata jew tħassret;

(d) l-għadd ta' talbiet għar-rettifika ta' data mhux akkurata u għat-tħassir ta' data maħżuna b'mod illegali ippreżentati lill-awtorità superviżorja;

(e) l-għadd ta' proċedimenti tal-qorti mibdija;

(f) l-għadd ta' każijiet fejn il-qorti tkun qatgħet il-kawża favur ir-rikorrent;

(g) kwalunkwe osservazzjoni dwar każijiet ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet finali mill-qrati jew mill-awtoritajiet ta' Stati Membri oħra dwar allerti mdaħħla mill-Istat Membru emittenti.

Il-Kummissjoni għandha tħejji mudell għar-rappurtar imsemmi f'dan il-paragrafu.

4.  Ir-rapporti mill-Istati Membri għandhom jiġu inklużi fir-rapport konġunt imsemmi fl-Artikolu 57(4).

Artikolu 55

Superviżjoni tal-N.SIS

1.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet superviżorji indipendenti maħtura f'kull Stat Membru u mogħtija s-setgħat imsemmija fil-Kapitolu VI tar-Regolament (UE) 2016/679 jew fil-Kapitolu VI tad-Direttiva (UE) 2016/680 iwettqu monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data personali fis-SIS fit-territorju tagħhom, it-trasmissjoni ta' din id-data mit-territorju tagħhom u l-iskambju u l-ipproċessar ulterjuri ta' informazzjoni supplimentari fit-territorju tagħhom.

2.  L-awtoritajiet superviżorji għandhom jiżguraw li tal-inqas kull erba' snin isir awditu tal-operazzjonijiet ta' pproċessar tad-data fl-N.SIS tagħhom f'konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar. L-awditjar għandu jew isir mill-awtoritajiet superviżorji, jew inkella l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkummissjonaw direttament li l-awditjar isir minn awditur indipendenti tal-protezzjoni tad-data. L-awtoritajiet superviżorji għandhom f'kull ħin iżommu kontroll fuq u jerfgħu r-responsabbiltajiet tal-awditur indipendenti.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji tagħhom ikollhom biżżejjed riżorsi biex iwettqu l-kompiti fdati lilhom skont dan ir-Regolament u jkollhom aċċess għal pariri minn persuni li jkollhom biżżejjed għarfien dwar data bijometrika.

Artikolu 56

Superviżjoni tal-eu-LISA

1.  Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-ipproċessar ta' data personali mill-eu-LISA u biex jiżgura li dan jitwettaq f'konformità ma' dan ir-Regolament. Il-kompiti u s-setgħat imsemmija fl-Artikoli 57 u 58 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandhom japplikaw kif adatt.

2.  Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jwettaq awditu tal-ipproċessar ta' data personali mill-eu-LISA f'konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar tal-inqas kull erba' snin. Għandu jintbagħat rapport dwar dan l-awditu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-eu-LISA, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet superviżorji. L-eu-LISA għandha tingħata opportunità li tikkummenta qabel ma jiġi adottat ir-rapport.

Artikolu 57

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

1.  L-awtoritajiet superviżorji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, filwaqt li kull wieħed minnhom jaġixxi fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jikkooperaw b'mod attiv fil-qafas tar-responsabbiltajiet tagħhom u għandhom jiżguraw superviżjoni koordinata tas-SIS.

2.  L-awtoritajiet superviżorji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom, filwaqt li kull wieħed minnhom jaġixxi fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tiegħu, jiskambjaw informazzjoni rilevanti, jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-awditi u tal-ispezzjonijiet, jeżaminaw id-diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u ta' atti legali oħra applikabbli tal-Unjoni, jistudjaw il-problemi li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta' superviżjoni indipendenti jew mill-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, ifasslu proposti armonizzati għal soluzzjonijiet konġunti għal kull problema u jippromwovu l-għarfien dwar id-drittijiet marbutin mal-protezzjoni tad-data, skont kif ikun meħtieġ.

3.  Għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-awtoritajiet superviżorji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jiltaqgħu tal-inqas darbtejn fis-sena bħala parti mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-ispejjeż u l-organizzazzjoni ta' dawn il-laqgħat għandhom jiġġarrbu mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Fl-ewwel laqgħa għandhom jiġu adottati regoli ta' proċedura. Metodi ta' ħidma oħrajn għandhom jiġu żviluppati b'mod konġunt, skont il-bżonn.

4.  Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jibgħat kull sena rapport konġunt tal-attivitajiet rigward is-superviżjoni koordinata lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.



KAPITOLU X

RESPONSABBILTÀ U PIENI

Artikolu 58

Responsabbiltà

1.  Mingħajr preġudizzju għad-dritt għal kumpens u għal kwalunkwe responsabbiltà skont ir-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva (UE) 2016/680 u r-Regolament (UE) 2018/1725:

(a) kwalunkwe persuna jew Stat Membru li jkun ġarrab dannu materjali jew mhux materjali minn Stat Membru b'riżultat ta' operazzjoni illegali ta' pproċessar ta' data personali bl-użu tal-N.SIS jew kwalunkwe att ieħor li ma jkunx kompatibbli ma' dan ir-Regolament, għandu jkun intitolat li jirċievi kumpens minn dak l-Istat Membru; u

(b) kwalunkwe persuna jew Stat Membru li jkun ġarrab dannu materjali jew mhux materjali b'riżultat ta' kwalunkwe att mill-eu-LISA li ma jkunx kompatibbli ma' dan ir-Regolament, għandu jkun intitolat li jirċievi kumpens mill-eu-LISA.

L-Istat Membru jew l-eu-LISA għandha tkun eżentata mir-responsabbiltà tagħha taħt l-ewwel subparagrafu, kompletament jew parzjalment, jekk turi li ma kinitx responsabbli għall-avveniment li kkawża d-dannu.

2.  Jekk kwalunkwe nuqqas min-naħa ta' Stat Membru milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament jikkawża dannu lis-SIS, dak l-Istat Membru għandu jinżamm responsabbli għal tali dannu, ħlief jekk u sa fejn l-eu-LISA jew Stat Membru ieħor li qed jieħu sehem fis-SIS ikun naqas milli jieħu miżuri raġonevoli biex jipprevjeni li d-dannu jseħħ jew biex jimminimizza l-impatt tiegħu.

3.  It-talbiet għal kumpens kontra Stat Membru għad-dannu msemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu rregolati mil-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru. It-talbiet għal kumpens kontra l-eu-LISA għad-dannu msemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati.

Artikolu 59

Pieni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe użu mhux xieraq ta' data tas-SIS, jew kwalunkwe pproċessar ta' tali data jew kwalunkwe skambju ta' informazzjoni supplimentari li jmur kontra dan ir-Regolament ikun punibbli f'konformità mal-liġi nazzjonali.

Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.



KAPITOLU XI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 60

Monitoraġġ u statistika

1.  L-eu-LISA għandha tiżgura li jiġu stabbiliti proċeduri għall-monitoraġġ tal-funzjonament tas-SIS fir-rigward tal-objettivi, f'termini ta' riżultati, kosteffettività, sigurtà u kwalità tas-servizz.

2.  Għall-finijiet ta' manutenzjoni teknika, rappurtar, rappurtar dwar il-kwalità tad-data u statistika, l-eu-LISA għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa relatata mal-operazzjonijiet ta' pproċessar imwettqa fis-SIS Ċentrali.

3.  L-eu-LISA għandha tipproduċi kuljum, kull xahar u kull sena, statistika li turi l-għadd ta' reġistri għal kull kategorija ta' allerti, kemm għal kull Stat Membru kif ukoll flimkien. L-eu-LISA għandha tipprovdi wkoll rapporti annwali dwar l-għadd ta' hits għal kull kategorija ta' allerti, l-għadd ta' drabi li sar tiftix fis-SIS u l-għadd ta' drabi li s-SIS ġiet aċċessata għall-fini tad-dħul, l-aġġornament jew it-tħassir ta' allert, kemm għal kull Stat Membru kif ukoll flimkien. Tali statistika għandha tinkludi statistika dwar l-iskambji ta' informazzjoni skont l-Artikolu 27 sal-Artikolu 31. L-istatistika prodotta ma għandux ikun fiha data personali. Ir-rapport statistiku annwali għandu jiġi ppubblikat.

4.  L-Istati Membri, il-Europol u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom jipprovdu lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għall-abbozzar tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 3, 5, 7 u 8.

5.  L-eu-LISA għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-Europol, lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u lill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data b'kull rapport ta' statistika li tipproduċi.

Sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni, inkluż għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013, il-Kummissjoni tista' titlob li l-eu-LISA tipprovdi rapporti statistiċi speċifiċi addizzjonali, jew fuq bażi regolari jew ad hoc, dwar il-prestazzjoni tas-SIS, l-użu tas-SIS u dwar l-iskambju ta' informazzjoni supplimentari.

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tista' titlob li l-eu-LISA tipprovdi rapporti ta' statistika speċifiċi addizzjonali għall-fini li twettaq analiżijiet tar-riskju u valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà kif imsemmi fl-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) 2016/1624, jew fuq bażi regolari jew ad hoc.

▼M1

6.  Għall-fini tal-Artikolu 15(4) u l-paragrafi 3, 4 u 5 ta' dan l-Artikolu, l-eu-LISA għandha taħżen id-data msemmija fl-Artikolu 15(4) u fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu li ma għandux jippermetti l-identifikazzjoni ta' individwi fir-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika msemmija fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2019/817.

L-eu-LISA għandha tippermetti lill-Kummissjoni u lill-korpi msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu biex jiksbu rapporti u statistika personalizzati. Fuq talba, l-eu-LISA għandha tagħti aċċess għar-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2019/817 lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-Europol u lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

▼B

7.  Sentejn wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(5) u kull sentejn wara dan, l-eu-LISA għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-funzjonament tekniku tas-SIS Ċentrali u tal-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni, inkluż dwar is-sigurtà tagħhom, dwar is-sistema awtomatizzata għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' (AFIS) u dwar l-iskambju bilaterali u multilaterali ta' informazzjoni supplimentari bejn l-Istati Membri. Dan ir-rapport għandu jkun fih ukoll, ladarba t-teknoloġija tibda tintuża, evalwazzjoni tal-użu ta' immaġnijiet tal-wiċċ għall-identifikazzjoni ta' persuni.

8.  Tliet snin wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(5) u kull erba' snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ġenerali tas-SIS Ċentrali u tal-iskambju bilaterali u multilaterali ta' informazzjoni supplimentari bejn l-Istati Membri. Dik l-evalwazzjoni ġenerali għandha tinkludi eżami tar-riżultati miksuba fir-rigward tal-objettivi, u valutazzjoni tal-validità kontinwa tal-ġustifikazzjoni sottostanti, tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tas-SIS Ċentrali, is-sigurtà tas-SIS Ċentrali u kwalunkwe implikazzjoni għal operazzjonijiet futuri. Ir-rapport ta' evalwazzjoni għandu jinkludi wkoll valutazzjoni tal-AFIS u tal-kampanji ta' informazzjoni dwar is-SIS imwettqa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 19.

Ir-rapport ta' evalwazzjoni għandu jkun fih ukoll statistika dwar l-għadd ta' allerti mdaħħla skont il-punt (a) tal-Artikolu 24(1) u statistika dwar l-għadd ta' allerti mdaħħla skont il-punt (b) ta' dak il-paragrafu. Fir-rigward tal-allerti li jaqgħu taħt il-punt (a) tal-Artikolu 24(1), ir-rapport għandu jagħti fid-dettall l-għadd ta' allerti li ddaħħlu wara s-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 24(2). Ir-rapport ta' evalwazzjoni għandu jkun fih ukoll valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 24 mill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta' evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

9.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli dettaljati dwar it-tħaddim tar-repożitorju ċentrali msemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu u regoli dwar il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data applikabbli għal dak ir-repożitorju. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 62(2).

Artikolu 61

Eżerċizzju tad-delega

1.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati kif imsemmi fl-Artikolu 33(4) għal perijodu ta' żmien indeterminat mis-27 ta' Diċembru 2018.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 33(4) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 33(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas l-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jkun estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 62

Proċedura ta' kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 63

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1987/2006

Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 6

Sistemi Nazzjonali

1.  Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment, it-tħaddim, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-N.SIS II tiegħu u għall-konnessjoni tiegħu mal-NI-SIS.

2.  Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli li jiżgura d-disponibbiltà mingħajr interruzzjoni tad-data tas-SIS II għall-utenti finali.”;

(2) l-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Kunfidenzjalità – l-Istati Membri

1.  Kull Stat Membru għandu japplika r-regoli tiegħu ta' segretezza professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħrajn ta' kunfidenzjalità lill-persuni u l-korpi kollha meħtieġa jaħdmu bid-data tas-SIS II u bl-informazzjoni supplimentari, skont il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu. Dak l-obbligu għandu jgħodd ukoll wara li dawk il-persuni jħallu l-kariga jew l-impjieg tagħhom jew wara t-tmiem tal-attivitajiet ta' dawk il-korpi.

2.  Meta Stat Membru jikkoopera ma' kuntratturi esterni fi kwalunkwe kompitu relatat mas-SIS II, huwa għandu jwettaq monitoraġġ mill-qrib tal-attivitajiet tal-kuntrattur biex jiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dwar is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data.

3.  It-tmexxija operattiva tal-N.SIS II jew ta' kwalunkwe kopja teknika ma għandhiex tiġi fdata lil kumpanniji privati jew lil organizzazzjonijiet privati.”;

(3) L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a) jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.  L-Awtorità tat-Tmexxija għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ta' mekkaniżmu u proċeduri għat-twettiq ta' verifiki tal-kwalità fuq id-data fis-CS-SIS. Hija għandha tipprovdi rapporti regolari lill-Istati Membri rigward dan.

L-Awtorità tat-Tmexxija għandha tipprovdi rapport regolari lill-Kummissjoni li jkopri l-kwistjonijiet li jinqalgħu u l-Istati Membri kkonċernati.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kwistjonijiet relatati mal-kwalità tad-data li jkunu ġew osservati.”;

(b) il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.  It-tmexxija operattiva tas-SIS II Ċentrali għandha tikkonsisti mill-kompiti kollha meħtieġa biex is-SIS II Ċentrali tibqa' taħdem 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa f'konformità ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari x-xogħol ta' manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi meħtieġa għat-tħaddim bla xkiel tas-sistema. Dawk il-kompiti għandhom jinkludu wkoll il-koordinazzjoni, it-tmexxija u s-sostenn ta' attivitajiet ta' ttestjar għas-SIS II Ċentrali u l-N.SIS II, li jiżguraw li s-SIS II Ċentrali u l-N.SIS II jaħdmu f'konformità mar-rekwiżiti għall-konformità teknika stabbiliti fl-Artikolu 9.”;

(4) fl-Artikolu 17, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.  Fejn l-Awtorità tat-Tmexxija tikkoopera ma' kuntratturi esterni fi kwalunkwe kompitu relatat mas-SIS II, din għandha twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-attivitajiet tal-kuntrattur sabiex tiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari dwar is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data.

4.  It-tmexxija operattiva tas-CS-SIS ma għandhiex tiġi fdata lil kumpanniji privati jew lil organizzazzjonijiet privati.”;

(5) fl-Artikolu 20(2), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ka) it-tip ta' reat;”;

(6) fl-Artikolu 21, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Meta d-deċiżjoni ta' rifjut ta' dħul u ta' soġġorn imsemmija fl-Artikolu 24(2) tkun relatata ma' reat terroristiku, il-każ għandu jitqies adegwat, rilevanti u importanti biżżejjed biex jiġġustifika l-allert fis-SIS II. F'każijiet eċċezzjonali, għal raġunijiet ta' sigurtà pubblika jew nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jdaħħlux allert meta dan x'aktarx li jostakola l-inkjesti, l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri uffiċjali jew legali.”;

(7) L-Artikolu 22 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 22

Regoli speċifiċi għad-dħul ta', għall-verifika jew għat-tiftix b'ritratti u marki tas-swaba'

1.  Ir-ritratti u l-marki tas-swaba' għandhom jiddaħħlu biss wara verifika speċjali tal-kwalità biex jiġi żgurat jekk jilħqux standards minimi ta' kwalità tad-data. L-ispeċifikazzjoni tal-verifika speċjali tal-kwalità għandha tiġi stabbilita f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 51(2).

2.  Meta r-ritratti u d-data tal-marki tas-swaba' jkunu disponibbli f'allert fis-SIS II, tali ritratti u data tal-marki tas-swaba' għandhom jintużaw biex tiġi kkonfermata l-identità ta' persuna li tkun ġiet lokalizzata bħala riżultat ta' tiftix alfanumeriku magħmul fis-SIS II.

3.  Jista' jsir tiftix fid-data tal-marki tas-swaba' fil-każijiet kollha biex persuna tiġi identifikata. Madankollu, jista' jsir tiftix fid-data tal-marki tas-swaba' biex persuna tiġi identifikata fejn l-identità ta' persuna ma tkunx tista' tiġi aċċertata b'mezzi oħra.. Għal dak il-fini, is-SIS II Ċentrali għandha tinkludi Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba' (AFIS).

4.  Jista' wkoll isir tiftix fid-data tal-marki tas-swaba' fis-SIS II fir-rigward ta' allerti mdaħħlin f'konformità mal-Artikoli 24 u 26 bl-użu ta' settijiet kompluti jew mhux kompluti ta' marki tas-swaba' jew ta' marki tal-pala tal-id misjuba fil-post ta' reati kriminali serji jew reati terroristiċi li jkunu qed jiġu investigati, fejn ikun jista' jiġi stabbilit bi grad għoli ta' probabbiltà li dawk is-settijiet ta' marki jappartjenu lil awtur ta' reat u dment li t-tiftix jitwettaq b'mod simultanju fil-bażijiet ta' data nazzjonali rilevanti tal-Istati Membri fejn ikunu maħżuna l-marki tas-swaba'.”;

(8) L-Artikolu 26 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 26

Kondizzjonijiet għad-dħul ta' allerti dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu soġġetti għal miżuri restrittivi

1.  Allerti dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi, li jkunu s-suġġett ta' miżura restrittiva maħsuba biex timpedixxi d-dħul fit-territorju tal-Istati Membri jew it-transitu minnu, meħuda f'konformità mal-atti legali adottati mill-Kunsill, inkluż miżuri li jimplimentaw projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar maħruġa mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, għandhom, jiddaħħlu fis-SIS II għall-fini ta' rifjut ta' dħul u ta' soġġorn, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti dwar il-kwalità tad-data.

2.  L-allerti għandhom jiddaħħlu, jinżammu aġġornati u jitħassru mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miżura. Jekk dak l-Istat Membru ma jkollux aċċess għas-SIS II jew għall-allerti mdaħħla f'konformità ma' dan ir-Regolament, ir-responsabbiltà għandha tittieħed mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza sussegwenti u li jkollu aċċess għas-SIS II, inkluż għal allerti imdaħħla f'konformità ma' dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri neċessarji għad-dħul, l-aġġornament u t-tħassir ta' tali allerti.”;

(9) jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 27a

Aċċess għad-data fis-SIS II mill-Europol

1.  L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 ) għandu jkollha, fejn dan ikun meħtieġ biex taqdi l-mandat tagħha, id-dritt ta' aċċess għal u tiftix fid-data fis-SIS II. Il-Europol tista' wkoll tiskambja u ulterjorment titlob informazzjoni supplimentari f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Manwal SIRENE.

2.  Fejn tiftix mill-Europol jiżvela l-eżistenza ta' allert fis-SIS II, il-Europol għandha tinforma immedjatament lill-Istat Membru emittenti permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari permezz tal-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni u f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Manwal SIRENE. Sakemm il-Europol tkun tista' tuża l-funzjonalitajiet previsti għall-iskambju ta' informazzjoni addizzjonali, din għandha tinforma lill-Istat Membru emittenti permezz tal-mezzi definiti fir-Regolament (UE) 2016/794.

3.  Il-Europol tista' tipproċessa l-informazzjoni supplimentari li tkun ingħatat mill-Istati Membri għall-finijiet ta' tqabbil mal-bażijiet ta' data u mal-proġetti ta' analiżi operazzjonali tagħha, bil-għan li tidentifika konnessjonijiet jew rabtiet rilevanti oħra u għal analiżijiet strateġiċi, tematiċi jew operazzjonali msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2016/794. Kwalunkwe pproċessar ta' informazzjoni supplimentari mill-Europol għall-fini ta' dan l-Artikolu għandu jsir f'konformità ma' dak ir-Regolament.

4.  L-użu mill-Europol ta' informazzjoni miksuba minn tiftix fis-SIS II jew mill-ipproċessar ta' informazzjoni supplimentari għandu jkun soġġett għall-kunsens tal-Istat Membru emittenti. Jekk l-Istat Membru jippermetti l-użu ta' tali informazzjoni, it-trattament tagħha mill-Europol għandu jkun irregolat mir-Regolament (UE) 2016/794. Il-Europol għandha tikkomunika biss tali informazzjoni lil pajjiżi terzi u korpi terzi bil-kunsens tal-Istat Membru emittenti u b'konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

5.  Il-Europol:

(a) mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 6, ma għandhiex tikkonnettja partijiet mis-SIS II, jew tittrasferixxi d-data li tkun tinsab fiha u li jkollha aċċess għaliha, ma' xi sistema għall-ġbir u għall-ipproċessar tad-data mħaddma mill-Europol jew fil-Europol, lanqas ma għandha tniżżel jew tikkopja xi parti mis-SIS II;

(b) minkejja l-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) 2016/794, għandha tħassar l-informazzjoni supplimentari li jkun fiha data personali mhux aktar tard minn sena wara li l-allert relatat ikun tħassar. Permezz ta' deroga, fejn il-Europol ikollha informazzjoni fil-bażijiet ta' data tagħha jew fil-proġetti ta' analiżi operazzjonali tagħha dwar każ li miegħu tkun relatata l-informazzjoni supplimentari, sabiex twettaq il-kompiti tagħha, il-Europol tista' b'mod eċċezzjonali tkompli taħżen l-informazzjoni supplimentari fejn ikun meħtieġ. Il-Europol għandha tinforma lill-Istat Membru emittenti u dak ta' eżekuzzjoni li ser tkompli taħżen din l-informazzjoni supplimentari u tippreżenta ġustifikazzjoni għaliha;

(c) għandha tillimita l-aċċess għad-data fis-SIS II, inkluż għall-informazzjoni supplimentari, għall-persunal tal-Europol li jkun speċifikament awtorizzat u li jkun jeħtieġ aċċess għal tali data biex iwettaq il-kompiti tiegħu;

(d) għandha tadotta u tapplika miżuri biex jiġu żgurati s-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-awtomonitoraġġ f'konformità mal-Artikoli 10, 11 u 13;

(e) għandha tiżgura li l-persunal tagħha li huwa awtorizzat jipproċessa data tas-SIS II jirċievi taħriġ u informazzjoni adatti f'konformità mal-Artikolu 14; u

(f) mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/794, għandha tippermetti li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jwettaq monitoraġġ u jirrieżamina l-attivitajiet tal-Europol fit-twettiq tad-dritt tiegħu ta' aċċess għal u tiftix fid-data fis-SIS II u fl-iskambju u l-ipproċessar ta' informazzjoni supplimentari.

6.  Il-Europol għandha tikkopja d-data mis-SIS II biss għal finijiet tekniċi, fejn tali kkupjar ikun meħtieġ biex il-persunal debitament awtorizzat tal-Europol ikun jista' jwettaq tiftix dirett. Dan ir-Regolament għandu japplika għal tali kopji. Il-kopja teknika għandha tintuża biss għall-fini ta' ħżin ta' data tas-SIS II waqt li jsir tiftix f'dik id-data. Ladarba t-tiftix f'dik id-data jkun sar, din għandha titħassar. Dawn l-użi ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala tniżżil jew ikkupjar illegali ta' data tas-SIS II. Il-Europol ma għandhiex tikkopja data ta' allerti jew data addizzjonali maħruġa mill-Istati Membri jew mis-CS-SIS II f'sistemi oħra tal-Europol.

7.  Għall-fini ta' verifika tal-legalità tal-ipproċessar tad-data, ta' awtomonitoraġġ u biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-integrità xierqa tad-data, il-Europol għandha żżomm reġistri ta' kull aċċess u tiftix fis-SIS II f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12. Tali reġistri u dokumentazzjoni ma għandhomx jitqiesu bħala tniżżil jew ikkupjar illegali ta' parti mis-SIS II.

8.  L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Europol permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari dwar kwalunkwe hit dwar allerti relatati ma' reati terroristiċi. B'mod eċċezzjonali l-Istati Membri jistgħu ma jinformawx lill-Europol jekk dan jikkomprometti l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin, is-sikurezza ta' individwu jew imorru kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru emittenti.

9.  Il-paragrafu 8 għandu japplika mid-data li fiha l-Europol tkun tista' tirċievi informazzjoni supplimentari f'konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 27b

Aċċess għad-data fis-SIS II mit-timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta, it-timijiet ta' persunal involuti f'kompiti relatati mar-ritorn, u membri tat-timijiet ta' appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni

1.  F'konformità mal-Artikolu 40(8) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *2 ), il-membri tat-timijiet imsemmija fil-punti (8) u (9) tal-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament għandhom, fi ħdan il-mandat tagħhom u dment li jkunu awtorizzati jwettqu verifiki f'konformità mal-Artikolu 27(1) ta' dan ir-Regolament u jkunu ħadu t-taħriġ meħtieġ f'konformità mal-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament, ikollhom id-dritt ta' aċċess għal u tiftix fid-data fis-SIS II sa fejn ikun neċessarju biex iwettqu l-kompitu tagħhom u kif meħtieġ mill-pjan operazzjonali għal operazzjoni speċifika. L-aċċess għad-data fis-SIS II ma għandux jiġi estiż għal xi membri oħra tat-tim.

2.  Il-membri tat-timijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jeżerċitaw id-dritt ta' aċċess għal u tiftix fid-data fis-SIS II f'konformità mal-paragrafu 1 permezz ta' interfaċċa teknika. L-interfaċċa teknika għandha tiġi stabbilita u ġestita mill-Aġenzija Ewropea tal-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u għandha tippermetti konnessjoni diretta mas-SIS II Ċentrali.

3.  Meta tiftix minn membru tat-timijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jiżvela l-eżistenza ta' allert fis-SIS II, l-Istat Membru emittenti għandu jiġi informat b'dan. F'konformità mal-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2016/1624, il-membri tat-timijiet għandhom jaġixxu biss b'rispons għal allert fis-SIS II skont struzzjonijiet minn u, bħala regola ġenerali, fil-preżenza ta' gwardji tal-fruntiera jew persunal involut f'kompiti relatati mar-ritorn tal-Istat Membru ospitanti li fih ikunu qegħdin joperaw. L-Istat Membru ospitanti jista' jawtorizza lill-membri tat-timijiet biex jaġixxu f'ismu.

4.  Għall-fini li tiġi vverifikata l-legalità tal-ipproċessar tad-data, tal-awtomonitoraġġ u biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-integrità xierqa tad-data, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha żżomm reġistri ta' kull aċċess u tiftix fis-SIS II f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12.

5.  L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tadotta u tapplika miżuri biex jiġu żgurati s-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-awtomonitoraġġ f'konformità mal-Artikoli 10, 11 u 13 u għandha tiżgura li t-timijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu japplikaw dawk il-miżuri.

6.  Dan l-Artikolu ma għandu bl-ebda mod jiġi interpretat li jaffettwa d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1624 li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data jew ir-responsabbiltà tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għal kwalunkwe pproċessar mhux awtorizzat jew skorrett ta' data minnha.

7.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-ebda parti tas-SIS II ma għandha tkun konnessa ma' xi sistema għall-ġbir u l-ipproċessar ta' data li titħaddem mit-timijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jew mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, u l-ebda data fis-SIS II u li dawk it-timijiet għandhom aċċess għaliha, ma għandha tiġi trasferita għal tali sistema. L-ebda parti mis-SIS II ma għandha titniżżel jew tiġi kkupjata. Ir-reġistrazzjoni tal-aċċess u t-tiftix ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala tniżżil jew ikkupjar illegali ta' data tas-SIS II.

8.  L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tippermetti lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data li jwettaq monitoraġġ u jirrieżamina l-attivitajiet tat-timijiet imsemmija f'dan l-Artikolu fit-twettiq tad-dritt tagħhom ta' aċċess għal u tiftix fid-data fis-SIS II. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ulterjuri tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *3 ).

Artikolu 64

Emendi għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen

L-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen huwa mħassar.

Artikolu 65

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 għandu jitħassar mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(5).

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 66

Dħul fis-seħħ, bidu tat-tħaddim u applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.  Mhux aktar tard mit-28 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi d-data li fiha s-SIS għandha tibda titħaddem skont dan ir-Regolament, wara li jiġi vverifikat li ġew issodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) ikunu ġew adottati l-atti ta' implimentazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(b) l-Istati Membri jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni li jkunu għamlu l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa biex jipproċessaw id-data tas-SIS u biex jiskambjaw informazzjoni supplimentari skont dan ir-Regolament; u

(c) l-eu-LISA tkun innotifikat lill-Kummissjoni li tlestew b'suċċess l-attivitajiet kollha ta' ttestjar fir-rigward tas-CS-SIS u tal-interazzjoni bejn is-CS-SIS u l-N.SIS.

3.  Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-proċess tal-issodisfar progressiv tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżitu tal-verifika msemmija f'dak il-paragrafu.

4.  Sat-28 ta' Diċembru 2019 u kull sena minn dakinhar 'il quddiem sa meta tittieħed id-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat attwali tat-tħejjijiet għall-implimentazzjoni sħiħa ta' dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni dettaljata dwar l-ispejjeż imġarrba u informazzjoni dwar kwalunkwe riskju li jista' jkollu impatt fuq l-ispejjeż totali.

5.  Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data ddeterminata f'konformità mal-paragrafu 2.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu:

(a) l-Artikolu 4(4), l-Artikolu 5, l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 9(1) u (5), l-Artikolu 15(7), l-Artikolu 19, l-Artikolu 20(3) u (4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(4), l-Artikolu 47(4), l-Artikolu 48(6), l-Artikolu 60(6) u (9), l-Artikolu 61, l-Artikolu 62, il-punti (1) sa (6) u l-punt (8) tal-Artikolu 63, u l-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament;

(b) il-punt (9) tal-Artikolu 63 għandu japplika mit-28 ta' Diċembru 2019;

(c) il-punt (7) tal-Artikolu 63 għandu japplika mit-28 ta' Diċembru 2020.

6.  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha f'konformità mat-Trattati.




ANNESS

TABELLA TA' KORRELAZZJONI



Regolament (KE) Nru 1987/2006

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikoli 32 u 33

Artikolu 23

Artikolu 22

Artikolu 23

Artikolu 24

Artikolu 24

Artikolu 25

Artikolu 26

Artikolu 26

Artikolu 25

Artikolu 27

Artikolu 28

Artikolu 29

Artikolu 30

Artikolu 31

Artikolu 27

Artikolu 34

Artikolu 27a

Artikolu 35

Artikolu 27b

Artikolu 36

Artikolu 37

Artikolu 28

Artikolu 38

Artikolu 29

Artikolu 39

Artikolu 30

Artikolu 40

Artikolu 31

Artikolu 41

Artikolu 32

Artikolu 42

Artikolu 33

Artikolu 43

Artikolu 34

Artikolu 44

Artikolu 45

Artikolu 35

Artikolu 46

Artikolu 36

Artikolu 47

Artikolu 37

Artikolu 48

Artikolu 38

Artikolu 49

Artikolu 39

Artikolu 50

Artikolu 40

Artikolu 51

Artikolu 41

Artikolu 53

Artikolu 42

Artikolu 52

Artikolu 43

Artikolu 54

Artikolu 44

Artikolu 55

Artikolu 45

Artikolu 56

Artikolu 46

Artikolu 57

Artikolu 47

Artikolu 48

Artikolu 58

Artikolu 49

Artikolu 59

Artikolu 50

Artikolu 60

Artikolu 61

Artikolu 51

Artikolu 62

Artikolu 52

Artikolu 63

Artikolu 64

Artikolu 53

Artikolu 65

Artikolu 54

Artikolu 55

Artikolu 66



( 1 ) Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

( 2 ) Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1);

( 3 ) Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE fil-qasam ta' fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27).

( 4 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta' Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).

( 5 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).

( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 tad-19 ta' Frar 2004 dwar il-ħolqien ta' netwerk bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (ĠU L 64, 2.3.2004, p. 1).

( 7 ) Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

( *1 ) Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

( *2 ) Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

( *3 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018. dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”.