02018R1042 — MT — 06.06.2020 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1042

tat-23 ta' Lulju 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012, fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi relatati mal-introduzzjoni ta' programmi ta' appoġġ, mal-valutazzjoni psikoloġika tal-ekwipaġġ tat-titjira, kif ukoll mal-ittestjar aleatorju u sistematiku għas-sustanzi psikoattivi sabiex tiġi żgurata l-idoneità medika tal-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina u tat-titjira, u fir-rigward tat-tgħammir tal-ajruplani ġodda li jaħdmu b'magna b'turbina b'massa massima ta' tlugħ iċċertifikata ta' 5 700  kg jew inqas approvati biex iġorru minn sitta sa disa' passiġġieri b'sistema ta' twissija u ta' għarfien tat-terren

(ĠU L 188 25.7.2018, p. 3)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/745 tal-4 ta’ Ġunju 2020

  L 176

11

5.6.2020




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1042

tat-23 ta' Lulju 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012, fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi relatati mal-introduzzjoni ta' programmi ta' appoġġ, mal-valutazzjoni psikoloġika tal-ekwipaġġ tat-titjira, kif ukoll mal-ittestjar aleatorju u sistematiku għas-sustanzi psikoattivi sabiex tiġi żgurata l-idoneità medika tal-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina u tat-titjira, u fir-rigward tat-tgħammir tal-ajruplani ġodda li jaħdmu b'magna b'turbina b'massa massima ta' tlugħ iċċertifikata ta' 5 700  kg jew inqas approvati biex iġorru minn sitta sa disa' passiġġieri b'sistema ta' twissija u ta' għarfien tat-terren



Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 965/2012 huwa emendat kif ġej:

(1) 

L-Artikolu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Spezzjonijiet fir-rampa

1.  L-ispezzjonijiet fir-rampa ta' inġenji tal-ajru ta' operaturi li jaqgħu taħt is-sorveljanza tas-sikurezza ta' Stat Membru ieħor jew ta' pajjiż terz għandhom jitwettqu skont is-Subparti msejħa RAMP tal-Anness II.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ittestjar għall-alkoħol tal-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina jitwettaq fir-rigward tal-operaturi li jkunu taħt is-sorveljanza tal-Istati Membri stess kif ukoll fir-rigward tal-operaturi li jkunu taħt is-sorveljanza ta' Stat Membru ieħor jew ta' pajjiż terz. It-tali ttestjar għandu jitwettaq mill-ispetturi fir-rampa fil-qafas tal-programm dwar l-ispezzjoni fir-rampa tas-Subparti RAMP tal-Anness II.

3.  B'deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jiżguraw li l-ittestjar għall-alkoħol tal-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina jitwettaq minn uffiċjali awtorizzati oħra u barra mill-qafas tal-programm dwar l-ispezzjoni fir-rampa tas-Subparti RAMP tal-Anness II, sakemm dan l-ittestjar għall-alkoħol jissodisfa l-istess objettivi u jsegwi l-istess prinċipji bħat-testijiet li jitwettqu fil-kamp ta' applikazzjoni tas-Subparti RAMP tal-Anness II. Ir-riżultati tat-tali testijiet għall-alkoħol għandhom jiġu inklużi fil-bażi tad-dejta ċentralizzata skont il-punt (b) tal-ARO.RAMP.145.

4.  L-Istati Membri jistgħu jwettqu ttestjar addizzjonali għas-sustanzi psikoattivi oħrajn għajr l-alkoħol. F'dak il-każ, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) u lill-Kummissjoni.”;

(2) 

L-Artikolu 9b jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 9b

Analiżi

1.  L-Aġenzija għandha twettaq analiżi kontinwa tal-effikaċja tad-dispożizzjonijiet dwar il-limitazzjonijiet fuq il-ħin tat-titjir u l-ħin tas-servizz u r-rekwiżiti tal-mistrieħ li jinsabu fl-Annessi II u III. L-Aġenzija għandha tipproduċi l-ewwel rapport dwar ir-riżultati ta' din l-analiżi mhux aktar tard mit-18 ta' Frar 2019.

Dik l-analiżi għandha tinvolvi għarfien espert xjentifiku u għandha tkun imsejsa fuq dejta operattiva miġbura, bl-għajnuna tal-Istati Membri, fuq bażi ta' perjodu twil ta' żmien wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

L-analiżi għandha tevalwa l-impatt ta' mill-inqas dan li ġej fuq il-viġilanza tal-ekwipaġġ tal-ajru:

(a) 

xogħol ta' aktar minn 13-il siegħa fl-aktar ħin favorevoli tal-jum;

(b) 

xogħol ta' aktar minn 10 sigħat fl-inqas ħin favorevoli tal-jum;

(c) 

xogħol ta' aktar minn 11-il siegħa fil-każ ta' membri tal-ekwipaġġ fi stat mhux magħruf ta' akklimatizzazzjoni;

(d) 

xogħol li jinkludi livell għoli ta' setturi (aktar minn 6);

(e) 

xogħol fuq sejħa bħal fil-każ ta' standby jew ta' riżerva segwit bi dmirijiet ta' titjira; u

(f) 

skedi ta' ħinijiet irregolari.

2.  L-Aġenzija għandha twettaq analiżi kontinwa tal-effikaċja tad-dispożizzjonijiet dwar il-programmi ta' appoġġ, il-valutazzjoni psikoloġika tal-ekwipaġġ tat-titjira u l-ittestjar sistematiku u aleatorju għas-sustanzi psikoattivi sabiex tiġi żgurata l-idoneità medika tal-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina stipulati fl-Annessi II u IV. L-Aġenzija għandha tipproduċi l-ewwel rapport dwar ir-riżultati ta' din l-analiżi mhux aktar tard mis-14 ta' Awwissu 2022.

Dik l-analiżi għandha tinvolvi l-għarfien espert rilevanti u għandha tkun imsejsa fuq id-dejta miġbura, bl-għajnuna tal-Istati Membri u l-Aġenzija, fuq bażi ta' perjodu twil ta' żmien.”;

(3) 

L-Annessi I, II, IV, VI, VII u VIII huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-14 ta' Awwissu 2020.

▼M1

Madankollu, il-punti 1 u 3 tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-14 ta’ Frar 2021 u l-punti 3(f) u 6(b) tal-Anness għandhom japplikaw mill-14 ta’ Awwissu 2018.

▼B

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

L-Annessi I, II, IV, VI, VII u VIII huma emendati kif ġej:

(1) 

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a) 

jiddaħħal il-punt (78a) li ġej:

“(78a) 

‘-użu ħażin ta' sustanzi’ tfisser l-użu ta' sustanza psikoattiva waħda jew aktar mill-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina u mill-persunal sensittiv mil-lat tas-sikurezza b'mod li:

(a) 

jikkostitwixxi periklu dirett għall-utent jew jipperikola l-ħajjiet, is-saħħa jew il-benessri ta' oħrajn, u/jew

(b) 

jikkawża jew jaggrava problema jew disturb okkupazzjonali, soċjali, mentali jew fiżiku;”;

(b) 

jiddaħħal il-punt (98a) li ġej:

“(98a) 

‘sustanzi psikoattivi’ tfisser alkoħol, opjojdi, kannabinojdi, sedattivi u ipnotiċi, kokaina, psikostimulanti oħrajn, alluċinoġeni u solventi volatili, bl-eċċezzjoni tal-kafeina u t-tabakk;”;

(c) 

jiddaħħal il-punt (105 a) li ġej:

“(105 a) 

‘persunal sensittiv mil-lat tas-sikurezza’ tfisser persuni li jistgħu jipperikolaw is-sikurezza tal-avjazzjoni jekk iwettqu d-dmirijiet u l-funzjonijiet tagħhom b'mod mhux xieraq, li jinkludu l-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-ekwipaġġ tal-kabina, il-persunal tal-manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru u l-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru;”;

(2) 

L-Anness II (il-Parti-ARO) huwa emendat kif ġej:

(a) 

jiddaħħal il-punt ARO.RAMP.106 li ġej:

ARO.RAMP.106    Ittestjar għall-alkoħol

(a) 

L-awtorità kompetenti għandha twettaq ittestjar għall-alkoħol fuq l-ekwipaġġ tat-titjira u tal-kabina.

(b) 

L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b'lista tal-operaturi tal-Unjoni u tal-pajjiżi terzi għall-prijoritizzazzjoni tal-ittestjar għall-alkoħol fil-programm tal-ispezzjoni fir-rampa skont l-ARO.RAMP.105 fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-Aġenzija, filwaqt li jitqiesu r-robustezza u l-effikaċja tal-programmi eżistenti għall-ittestjar għal sustanzi psikoattivi.

(c) 

Meta tagħżel l-operaturi għall-ittestjar għall-alkoħol fl-ekwipaġġ tat-titjira u tal-kabina, l-awtorità kompetenti għandha tuża l-lista stabbilita skont il-punt (b).

(d) 

Kull meta d-dejta dwar it-testijiet għall-alkoħol tiġi inkluża fil-bażi tad-dejta ċentralizzata skont il-punt (b) tal-punt ARO.RAMP.145, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li t-tali dejta teskludi kull dejta personali tal-membru tal-ekwipaġġ ikkonċernat.

(e) 

Fil-każ ta' kawża jew suspett raġonevoli, it-testijiet għall-alkoħol jistgħu jitwettqu fi kwalunkwe mument.

(f) 

Il-metodoloġija tal-ittestjar għall-alkoħol għandha tapplika standards ta' kwalità rikonoxxuti li jiżguraw riżultati tal-ittestjar preċiżi.

(g) 

Kwalunkwe membru tal-ekwipaġġ tat-titjira jew tal-ekwipaġġ tal-kabina li jirrifjuta li jikkoopera matul it-testijiet jew li jkun ġie identifikat li huwa taħt l-influwenza tal-alkoħol wara test pożittiv ma għandux jitħalla jkompli jaħdem.”;

(3) 

L-Anness IV (il-Parti-CAT) huwa emendat kif ġej:

(a) 

fil-punt CAT.GEN.MPA.100, il-punt (c)(1) jinbidel b'dan li ġej:

“(1) meta jkun taħt l-influwenza ta' sustanzi psikoattivi jew meta ma jkunx f'sikktu minħabba korriment, għeja, mediċini, mard jew kawżi simili oħrajn;”;

(b) 

il-punt CAT.GEN.MPA.170 jinbidel b'dan li ġej:

CAT.GEN.MPA.170    Sustanzi psikoattivi

(a) 

L-operatur għandu jieħu l-miżuri raġonevoli kollha biex jiżgura li l-ebda persuna ma tidħol jew tkun f'inġenju tal-ajru waqt li tkun taħt l-influwenza ta' sustanzi psikoattivi sal-punt li aktarx li tkun fil-periklu s-sikurezza tal-inġenju tal-ajru jew tal-okkupanti tiegħu.

(b) 

L-operatur għandu jiżviluppa u jimplimenta politika dwar il-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-użu ħażin ta' sustanzi psikoattivi minn membri tal-ekwipaġġ tat-titjira u tal-kabina u minn persunal ieħor sensittiv mil-lat tas-sikurezza taħt il-kontroll dirett tiegħu, sabiex jiżgura li s-sikurezza tal-inġenju tal-ajru u tal-okkupanti tiegħu ma tiġix ipperikolata.

(c) 

Mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta dwar l-ittestjar ta' individwi, l-operatur għandu jiżviluppa u jimplimenta proċedura oġġettiva, trasparenti u mhux diskriminatorja għall-prevenzjoni u d-detezzjoni ta' każijiet ta' użu ħażin ta' sustanzi psikoattivi mill-ekwipaġġ tat-titjira u tal-kabina tiegħu u minn persunal ieħor sensittiv mil-lat tas-sikurezza.

(d) 

Fil-każ ta' riżultat tat-test pożittiv ikkonfermat, l-operatur għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tiegħu u lill-awtorità responsabbli għall-persunal ikkonċernat, bħal pereżempju assessur mediku tal-awtorità tal-liċenzji.”;

(c) 

il-punt CAT.GEN.MPA.175 jinbidel b'dan li ġej:

CAT.GEN.MPA.175    Perikli għas-sikurezza

(a) 

L-operatur għandu jieħu l-miżuri raġonevoli kollha biex jiżgura li l-ebda persuna ma taġixxi bi traskuraġni, b'mod intenzjonat jew b'negliġenza jew tonqos milli taġixxi b'mod li:

(1) 

tpoġġi fil-periklu inġenju tal-ajru jew lill-persuni ta' ġo fih; jew

(2) 

tikkawża jew tippermetti li inġenju tal-ajru jipperikola kwalunkwe persuna jew proprjetà.

(b) 

L-operatur għandu jiżgura li l-ekwipaġġ tat-titjira tkun saritlu valutazzjoni psikoloġika qabel ma jibda t-titjir tal-linja sabiex:

(1) 

jiġu identifikati attributi psikoloġiċi u l-adegwatezza tal-ekwipaġġ tat-titjira fir-rigward tal-ambjent tax-xogħol; u

(2) 

titnaqqas il-probabbiltà ta' interferenza negattiva mat-tħaddim sikur tal-inġenju tal-ajru.

(c) 

Meta wieħed iqis id-daqs, in-natura u l-kumplessità tal-attività ta' operatur, operatur jista' jissostitwixxi l-valutazzjoni psikoloġika msemmija fil-punt (b) b'valutazzjoni interna tal-attributi psikoloġiċi u tal-adegwatezza tal-ekwipaġġ tat-titjira.”;

(d) 

jiddaħħal il-punt CAT.GEN.MPA.215 li ġej:

CAT.GEN.MPA.215    Programm ta' appoġġ

(a) 

L-operatur għandu jippermetti, jiffaċilita u jiżgura l-aċċess għal programm ta' appoġġ proattiv u nonpunittiv li jgħin u jappoġġa lill-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira biex jirrikonoxxu, jittrattaw u jegħlbu kwalunkwe problema li tista' taffettwa b'mod negattiv l-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw il-privileġġi tal-liċenzja tagħhom b'mod sikur. It-tali aċċess għandu jkun disponibbli għall-ekwipaġġ tat-titjira kollu.

(b) 

Mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-dejta għandha tkun prerekwiżit għal programm ta' appoġġ effikaċi minħabba li tħeġġeġ l-użu ta' programm bħal dan u tiżgura l-integrità tiegħu.”;

(e) 

fil-punt CAT.GEN.NMPA.100, il-punt (b)(1) jinbidel b'dan li ġej:

“(1) meta jkun taħt l-influwenza ta' sustanzi psikoattivi jew meta ma jkunx f'sikktu minħabba korriment, għeja, mediċini, mard jew kawżi simili oħrajn;”;

(f) 

fil-punt CAT.IDE.A.150, jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c) L-ajruplani li jaħdmu b'magna b'turbina li għalihom iċ-ċertifikat ta' ajrunavigabbiltà individwali (certificate of airworthiness, CofA) ikun inħareġ għall-ewwel darba wara l-1 ta' Jannar 2019 u li jkollhom MCTOM ta' 5 700  kg jew inqas u MOPSC ta' bejn sitta u disgħa, għandhom ikunu mgħammra b'TAWS li tissodisfa r-rekwiżiti għat-tagħmir tal-Klassi B, kif speċifikat fi standard aċċettabbli.”;

(4) 

L-Anness VI (il-Parti-NCC) huwa emendat kif ġej:

(a) 

fil-punt NCC.GEN.105, il-punt (e)(2) jinbidel b'dan li ġej:

“(2) meta jkun taħt l-influwenza ta' sustanzi psikoattivi jew għal raġunijiet oħra kif imsemmi fil-punt 7.g tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.”;

(5) 

L-Anness VII (il-Parti-NCO) huwa emendat kif ġej:

(a) 

fil-punt NCO.SPEC.115, il-punt (e)(2) jinbidel b'dan li ġej:

“(2) meta jkun taħt l-influwenza ta' sustanzi psikoattivi jew għal raġunijiet oħra kif imsemmi fil-punt 7.g tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.”;

(6) 

L-Anness VIII (il-Parti-SPO) huwa emendat kif ġej:

(a) 

fil-punt SPO.GEN.105, il-punt (e)(2) jinbidel b'dan li ġej:

“(2) meta jkun taħt l-influwenza ta' sustanzi psikoattivi jew għal raġunijiet oħra kif imsemmi fil-punt 7.g tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.”;

(b) 

il-punt SPO.IDE.A.130 jinbidel b'dan li ġej:

“SPO.IDE.A.130   Sistema ta' twissija u ta' għarfien tat-terren (Terrain awareness warning system — TAWS)

(a) 

L-ajruplani li jaħdmu b'magna b'turbina li jkollhom massa massima ta' tlugħ iċċertifikata (maximum certified take-off mass, MCTOM) ta' aktar minn 5 700  kg jew MOPSC ta' aktar minn disgħa għandhom ikunu mgħammra b'TAWS li tissodisfa r-rekwiżiti għal:

(1) 

tagħmir tal-kategorija A, kif speċifikat fi standard aċċettabbli, fil-każ ta' ajruplani li għalihom ikun inħareġ għall-ewwel darba ċ-ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà individwali (CofA) wara l-1 ta' Jannar 2011; jew

(2) 

tagħmir tal-kategorija B, kif speċifikat fi standard aċċettabbli, fil-każ ta' ajruplani li għalihom ikun inħareġ għall-ewwel darba ċ-ċertifikat tal-ajrunavigabbiltà individwali (CofA) fl-1 ta' Jannar 2011 jew qabel dik id-data.

(b) 

Meta jintużaw f'operazzjonijiet kummerċjali, l-ajruplani li jaħdmu b'magna b'turbina li għalihom iċ-ċertifikat ta' ajrunavigabbiltà individwali (CofA) ikun inħareġ għall-ewwel darba wara l-1 ta' Jannar 2019 u li jkollhom MCTOM ta' 5 700  kg jew inqas u MOPSC ta' bejn sitta u disgħa, għandhom ikunu mgħammra b'TAWS li tissodisfa r-rekwiżiti għat-tagħmir tal-Klassi B, kif speċifikat fi standard aċċettabbli.”.